Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-452/22)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: L. Malferrari, E. Manhaeve, U. Małecka, pełnomocnicy)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tiddikjara li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-implimentazjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi 1 , u, fi kwalunkwe każ, billi ma informatx lill-Kummissjoni dwar dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva;

tordna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni somma b’rata fissa ta’ EUR 13 180.50 kuljum, b’ammont minimu fiss ta’ EUR 3 270 000;

fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kkonstatat fil-punt 1 jippersisti sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 59 290.50 għal kull ġurnata mill-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sal-mument meta tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva; kif ukoll

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi qafas regolatorju għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet. It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kien il-21 ta’ Diċembru 2020.

Il-Kummissjoni bagħtet intimazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja fit-3 ta’ Frar 2021. Fit-23 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja. Minkejja dan, il-miżuri ta’ traspożizzjoni għadhom ma ġewx adottati mir-Repubblika tal-Polonja u, fi kwalunkwe każ, għadhom ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni.

____________

1 ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164, u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36.