Language of document : ECLI:EU:C:2024:232

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

14 ta’ Marzu 2024 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Direttiva (UE) 2018/1972 – Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità – Kriterji sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-sanzjoni”

Fil-Kawża C‑452/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE u l-Artikolu 260(3) TFUE, imressaq fit‑8 ta’ Lulju 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn U. Małecka, L. Malferrari u E. Manhaeve, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-implimentazjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36), jew, fi kwalunkwe każ, billi ma informatx lill-Kummissjoni dwar dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa bbażata fuq somma ta’ EUR 13 180.5 kuljum bis-somma f’daqqa minima li tammonta għal EUR 3 270 000.

–        fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kkonstatat fl-ewwel inċiż jippersisti sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 59 290.50 għal kull jum minn din id-data sa dik tal-osservanza, minn dan l-Istat Membru, tal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2018/1972, u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

 Ilkuntest ġuridiku

2        Il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2018/1972 jiddikjaraw:

“(2).      Il-funzjonament tal-ħames Direttivi li huma parti mill-qafas regolatorju eżistenti għal netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, [...], huma soġġetti għar-reviżjoni perjodika tal-Kummissjoni, bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi determinata l-ħtieġa ta’ tibdil fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u fis-suq.

(3).      Fil-komunikazzjoni tagħha tas‑6 ta’ Mejju 2015 li tistabblixxi Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni ddikjarat li r-reviżjoni tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet tkun tiffoka fuq miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu inċentivi għall-investiment f’netwerks tal-broadband b’veloċità għolja, li jġibu approċċ aktar konsistenti mas-suq intern għall-politika u l-ġestjoni tal-ispektrum tar-radju, iwasslu kondizzjonijiet għal suq intern veru, billi tiġi indirizzata l-frammentazzjoni regolatorja, jiġu żgurati protezzjoni effettiva tal-konsumaturi, livell ekwu għall-partijiet kollha tas-suq u l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli, kif ukoll jipprovdu qafas regolatorju istituzzjonali aktar effettiv. ”

3        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u għanijiet”, jipprevedi li:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tan-netwerks tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi assoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali. Din tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn applikabbli, ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Unjoni [Ewropea].

2.      L-għanijiet ta’ din id-Direttiva huma li:

(a)      timplimenta suq intern għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jwassal għall-introduzzjoni u l-adozzjoni ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna, kompetizzjoni sostenibbli, interoperabbiltà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, aċċessibbiltà, sigurtà tan-netwerks u tas-servizzi u benefiċċji għall-utenti finali; u

(b)      tiżgura l-forniment fl-Unjoni kollha ta’ servizzi affordabbli, ta’ kwalità tajba u disponibbli pubblikament permezz ta’ kompetizzjoni u għażla effettivi, li tittratta ċ-ċirkostanzi fejn il-ħtiġijiet tal-utenti finali, fosthom dawk b’diżabbiltà sabiex ikunu jistgħu jiksbu aċċess għas-servizzi fuq bażi ugwali bħall-oħrajn, ma jiġux sodisfatti biżżejjed mis-suq, u tistabbilixxi d-drittijiet meħtieġa tal-utenti finali.

[...] ”

4        L-Artikolu 124 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal‑21 ta’ Diċembru 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill‑21 ta’ Diċembru 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom jinkludu dikjarazzjoni li referenzi f’liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif dik id-dikjarazzjoni tiġi fformulata. ”.

 Ilproċedura prekontenzjuża u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

5        Peress li r-Repubblika tal-Polonja ma bagħtet lill-Kummissjoni ebda informazzjoni dwar l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Pollakk, skont l-Artikolu 124 tagħha, il-Kummissjoni, fit‑3 ta’ Frar 2021, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru.

6        Fis‑6 ta’ April 2021, l-awtoritajiet Pollakki rrispondew għal din l-ittra billi indikaw, b’mod partikolari, li d-Direttiva 2018/1972 kellha tiġi trasposta permezz ta’ żewġ liġijiet li kellhom jiġu ppubblikati u kkomunikati sa mhux iktar tard mill-bidu tax-xahar ta’ Awwissu 2021.

7        Fl-assenza ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, il-Kummissjoni, fit‑23 ta’ Settembru 2021, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja fejn talbitha tikkonforma ruħha ma’ din id-direttiva qabel it‑23 ta’ Novembru 2021.

8        Fis‑17 ta’ Novembru 2021, l-awtoritajiet Pollakki rrispondew għall-opinjoni motivata billi pprovdew lill-Kummissjoni preċiżazzjonijiet dwar l-istat tal-ħidma leġiżlattiva dwar din it-traspożizzjoni. B’mod partikolari, huma indikaw li l-pubblikazzjoni tal-liġijiet ta’ traspożizzjoni kienet prevista għax-xahar ta’ Marzu 2022.

9        Peress li kkunsidrat li r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2018/1972, il-Kummissjoni, fis‑6 ta’ April 2022, iddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rikors.

10      Fis‑27 ta’ April 2022, l-awtoritajiet Pollakki informaw lill-Kummissjoni li l-Kunsill tal-Ministri kien bagħat abbozz ta’ liġi intiż sabiex jittrasponi d-Direttiva 2018/1972 lill-Kummissjoni Legali taċ-Ċentru Governattiv tal-leġiżlazzjoni.

11      Fit‑8 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.

12      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu, sussidjarjament, tastjeni milli timponi s-somma f’daqqa u l-pagamenti ta’ penalità mitluba mill-Kummissjoni, iktar sussidjarjament, li tnaqqas sostanzjalment l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa u ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità kif ukoll li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Fid‑19 ta’ Diċembru 2022, il-proċedura bil-miktub f’din il-kawża ngħalqet.

 Fuq irrikors

 Fuq innuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt lArtikolu 258 TFUE

 Largumenti talpartijiet

14      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni tad-direttivi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, fit-termini previsti minn dawn id-direttivi, u jikkomunikaw immedjatament dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

15      Il-Kummissjoni tippreċiża li, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

16      Issa, f’dan il-każ, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, jew fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika tal-Polonja kienet għadha ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tittrasponi d-Direttiva 2018/1972 fid-dritt nazzjonali tagħha u, fi kwalunkwe każ, ma kkomunikathomx lill-Kummissjoni.

17      Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax realment in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija akkużata bih, billi sempliċement tinvoka ċirkustanzi ta’ natura prattika u interna sabiex tiġġustifikah. Issa, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu previst minnha ma jistax jiġi ġġustifikat minn tali ċirkustanzi.

18      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dan l-Istat Membru jsostni li, fid-dawl tan-natura orizzontali tad-Direttiva 2018/1972 u tal-libertà rrikonoxxuta lill-Istati Membri li jagħżlu l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha, huwa ddeċieda li japplika soluzzjoni analoga għal dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri li jadotta att ġuridiku ġdid li jirregola b’mod globali s-suq tat-telekomunikazzjonijiet, jiġifieri l-ustawa Prawo Komunikacji Elektronicznej (il-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), flimkien mal-ustawa – Przepisy wprowadzające ustawę – Prawo komunikacji elektronicznej (l-Att li Jirregola l-Infurzar tal-Att dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi).

19      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, qabel kollox, l-adozzjoni tal-abbozzi ta’ dawn iż-żewġ liġijiet, minħabba l-portata wiesgħa tagħhom, kellha tkun ippreċeduta mill-produzzjoni ta’ ċertu numru ta’ analiżi fir-rigward tal-mertu u mill-aspett leġiżlattiv kif ukoll minn konsultazzjoni wiesgħa kemm tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll tal-konsumaturi u tal-professjonisti.

20      Sussegwentement, in-natura kumplessa u impreċiża tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972 tat lok għal ċertu numru ta’ dubji dwar l-interpretazzjoni tagħhom li wasslu għal diverġenzi fl-opinjonijiet bejn l-atturi involuti fix-xogħol leġiżlattiv. B’mod partikolari, dawn id-dubji kienu jirrigwardaw il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva kif ukoll dik relatata mal-kategorija ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li minnhom kellhom jaqgħu ċerti servizzi RCS (Rich Communication Services). F’dan l-aħħar rigward, il-Kummissjoni stess ma weġbitx b’mod utli għal talba tar-Repubblika tal-Polonja.

21      Fl-aħħar nett, il-ħidma leġiżlattiva ddewmet minħabba l-pandemija tal-COVID-19, li rrendiet iktar diffiċli l-organizzazzjoni tal-laqgħat ta’ konsultazzjoni u ta’ laqgħat u wasslet għal diversi assenzi ta’ persuni involuti f’din il-ħidma. Barra minn hekk, din il-pandemija imponiet trattament parallel ta’ diversi kwistjonijiet importanti, li jaqgħu b’mod partikolari taħt is-saħħa pubblika, is-sigurtà tal-Istat kif ukoll is-sigurtà u l-ordni pubbliku.

22      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tirribatti li ebda waħda miċ-ċirkustanzi invokati mir-Repubblika tal-Polonja ma tista’ tiġġustifika li, fid-data tal-preżentata ta’ din ir-replika, dan l-Istat Membru ma ssodisfax l-obbligi tiegħu fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat kif tirriżulta meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet numru ta’ drabi li, jekk direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkunu jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew li jkunu jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att speċifiku ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, it-terminu għal risposta għall-opinjoni motivata skada fit‑23 ta’ Novembru 2021. Konsegwentement, għandha tiġi evalwata l-eżistenza jew le tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’din id-data. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, fl-imsemmija data, ir-Repubblika tal-Polonja ma kinitx adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

27      Sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tqajjem diversi argumenti bbażati, l-ewwel, fuq l-għażla tagħha li tadotta atti leġiżlattivi ġodda li jirregolaw b’mod globali s-suq tat-telekomunikazzjonijiet, li l-proċess ta’ adozzjoni tagħhom kien partikolarment kumpless, it-tieni, fuq in-natura impreċiża tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972 u, it-tielet, fuq il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID‑19.

28      Issa, tali argumenti ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni.

29      Fil-fatt, l-ewwel nett, l-allegata natura kumplessa tal-proċess leġiżlattiv intern ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 ma tistax tkun rilevanti, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament intern ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni u lanqas, għaldaqstant, it-traspożizzjoni tardiva jew inkompleta tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (MiFID II), C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      It-tieni nett, l-allegata natura impreċiża u kumplessa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972 ma hijiex ta’ natura li teskludi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, huwa kien jaf il-livell ta’ kumplessità u ta’ preċiżjoni tagħha u, fi kwalunkwe każ, kien biss dan il-leġiżlatur li kellu jestendi dan it-terminu u mhux l-Istati Membri li għandhom jidderogaw minnu u lanqas ma kien il-kompitu tal-Kummissjoni li tittollera tali derogi. Issa, ir-Repubblika tal-Polonja ma tallegax li ħadet l-inizjattivi neċessarji sabiex tipprova tikseb tali estensjoni.

31      It-tielet nett, fir-rigward tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, li ddikjarat ruħha fil-bidu tas-sena 2020, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li kien il-leġiżlatur tal-Unjoni li kellu jestendi t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 li kieku qies li l-effetti ta’ din il-pandemija, li affettwat it-territorju kollu tal-Unjoni, kienu tali li kienu jipprekludu lill-Istati Membri milli jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom skont din id-direttiva.

32      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2018/1972 u, konsegwentement, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva.

 Fuq innuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont lArtikolu 260(3) TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

33      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza, minn naħa, li d-Direttiva 2018/1972 ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ twettiq mir-Repubblika tal-Polonja tal-obbligi previsti fl-Artikolu 124 ta’ din id-direttiva, minħabba li dan l-Istat Membru ma kkomunikax lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar, jikkostitwixxi manifestament assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE.

34      Il-Kummissjoni tfakkar li, fil-punti 12 u 13 tal-Komunikazzjoni – tagħha 2011/C 12/01, intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE” (ĠU 2011, C 12, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2011”), hija ppreċiżat li s-sanzjonijiet li hija ser tipproponi skont l-Artikolu 260(3) TFUE għandhom jiġu kkalkolati skont l-istess metodu bħal dak użat għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont dan l-Artikolu 260(2), kif espost fil-punti 14 sa 18 tal-Komunikazzjoni SEG (2005) 1658, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu [260 TFUE]” (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2005”).

35      Konsegwentement, id-determinazzjoni tas-sanzjoni għandha tkun ibbażata, fl-ewwel lok, fuq il-gravità tal-ksur, fit-tieni lok, fuq it-tul tiegħu u, fit-tielet lok, fuq in-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-penali fiha nfisha sabiex jiġu evitati r-reċidivi.

36      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-gravità tal-ksur, konformement mal-punt 16 tal-Komunikazzjoni tal‑2005 u mal-Komunikazzjoni tal‑2011, il-Kummissjoni tiffissa l-koeffiċjent ta’ gravità billi tieħu inkunsiderazzjoni żewġ parametri, jiġifieri, minn naħa, l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li huma s-suġġett tal-ksur u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tagħhom għall-interessi ġenerali u partikolari inkwistjoni.

37      Għalhekk, minn naħa, il-Kummissjoni tirrileva li d-Direttiva 2018/1972 hija l-att leġiżlattiv prinċipali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Qabel xejn, il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (iktar ’il quddiem il-“KEKE”) jimmodernizza l-qafas regolatorju tal-Unjoni dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi billi jsaħħaħ l-għażliet u d-drittijiet tal-konsumaturi, billi jiggarantixxi standards ogħla ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, jippromwovi l-investiment f’networks b’kapaċità għolja ħafna u jippromwovi l-aċċess bla fili għall-konnettività b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni kollha. It-tieni nett, il-KEKE jistabbilixxi regoli għall-organizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-istruttura istituzzjonali u l-governanza tagħha. Id-dispożizzjonijiet tiegħu jsaħħu r-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali billi jistabbilixxu sett minimu ta’ kompetenzi għal dawn l-awtoritajiet kif ukoll billi jsaħħu l-indipendenza tagħhom, billi jistabbilixxu kriterji għall-ħatriet, u l-obbligi fil-qasam tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, il-KEKE tiżgura wkoll ġestjoni effiċjenti u effettiva tal-ispektrum tar-radju (iktar ’il quddiem l-“ispektrum”). Dawn id-dispożizzjonijiet isaħħu l-konsistenza tal-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tal-aspetti essenzjali tal-awtorizzazzjonijiet relatati mal-ispektrum. L-imsemmija dispożizzjonijiet kienu jippromwovu l-kompetizzjoni bejn l-infrastrutturi u l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni kollha. Fl-aħħar nett, il-KEKE jirregola diversi aspetti tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-obbligi ta’ servizz universali, ir-riżorsi ta’ numerazzjoni u d-drittijiet tal-utenti finali. It-tisħiħ ta’ dawn ir-regoli għandu l-għan li jżid is-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawn is-servizzi bi prezz affordabbli.

38      Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fil-Polonja, l-ewwel nett, jippreġudika l-prattiki regolatorji fl-Unjoni kollha f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispektrum u r-regoli ta’ aċċess għas-suq. Konsegwentement, l-impriżi la jibbenefikaw minn proċeduri iktar koerenti u prevedibbli għall-għoti jew għat-tiġdid tad-drittijiet ta’ użu tal-ispektrum eżistenti u lanqas mill-prevedibbiltà tar-regolamentazzjoni li tirriżulta mit-tul minimu ta’ 20 sena tal-liċenzji għall-użu tal-ispektrum. Tali nuqqasijiet għandhom influwenza diretta fuq id-disponibbiltà u l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna fi ħdan l-Unjoni. It-tieni nett, il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn sensiela ta’ vantaġġi tanġibbli mogħtija lilhom minn din id-direttiva, bħal soluzzjonijiet relatati mal-aċċess għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet affordabbli, ir-rekwiżit li jipprovdulhom informazzjoni ċara dwar il-kuntratti, l-obbligu li japplikaw tariffi trasparenti, is-simplifikazzjoni tal-bidla tal-fornituri ta’ networks sabiex jiġu promossi prezzijiet bl-imnut iktar affordabbli u l-obbligu, għall-operaturi, li joffru lill-utenti finali b’diżabbiltà aċċess ekwivalenti għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

39      Peress li ma identifikatx fatturi aggravanti jew attenwanti, il-Kummissjoni tipproponi koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 f’din il-kawża.

40      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ssostni li dan jikkorrispondi għall-perijodu mid-data ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit mid-Direttiva 2018/1972, jiġifieri t‑22 ta’ Diċembru 2020, sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li jiġi ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s‑6 ta’ April 2022. Minn dan isegwi li t-terminu rilevanti huwa ta’ ħmistax-il xahar. Bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ 0.10 fix-xahar previst fil-punt 17 tal-Komunikazzjoni tal‑2005, moqri flimkien mal-Komunikazzjoni tal‑2011, il-koeffiċjent tad-dewmien huwa għalhekk ta’ 1.5.

41      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni applikat il-fattur “n” previst fil-Komunikazzjoni tagħha 2019/C 70/01, intitolata “Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummisssjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” (ĠU 2019, C 70, p. 1). Dan il-fattur jieħu inkunsiderazzjoni żewġ elementi, jiġifieri l-prodott domestiku gross (PDG) u l-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, irrappreżentat min-numru ta’ siġġijiet attribwiti lil dan l-Istat Membru lill-Parlament Ewropew.

42      Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat–Ferronickel) (C‑51/20, EU:C:2022:36), diġà kkontestat ir-rilevanza kemm ta’ dan it-tieni element kif ukoll tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 previsti minn din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni madankollu ddeċidiet li tapplika f’dan il-każ il-kriterji previsti minnha, fl-istennija tal-adozzjoni ta’ komunikazzjoni ġdida li tieħu inkunsiderazzjoni din il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43      Għalhekk, konformement mal-Komunikazzjoni 2022/C 74/02, intitolata “L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagament ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur”, (ĠU 2022, C 74, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2022”), il-fattur “n” għar-Repubblika tal-Polonja huwa ta’ 1.45.

44      Skont il-Komunikazzjoni 2017/C18/02 tagħha, intitolata “Id-Dritt tal-[Unjoni]: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar” (ĠU 2017, C 18, p. 10)”, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Repubblika tal-Polonja, minn naħa, pagamenti ta’ penalità għall-perijodu mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sa dik tal-eżekuzzjoni sħiħa tagħha u, min-naħa l-oħra, somma f’daqqa għall-perijodu bejn id-data ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-Direttiva 2018/1972 u dik li fiha dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu b’mod sħiħ mal-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva jew dak ta’ din id-deċiżjoni.

45      Fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-punt 18 tal-Komunikazzjoni tal‑2005, l-ammont tagħhom għandu jkollu l-effett li s-sanzjoni tkun kemm proporzjonata kif ukoll dissważiva. Għal dawn il-finijiet, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum jiġi kkalkolat billi l-ammont bażiku b’rata fissa uniformi jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent ta’ gravità u b’koeffiċjent ta’ tul, imbagħad bil-fattur “n” applikabbli għall-Istat Membru kkonċernat. Issa, l-ammont bażiku uniformi għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità huwa, skont il-Komunikazzjoni tal‑2022, ta’ EUR 2 726 kuljum. Kif ġie rrilevat fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, il-koeffiċjenti ta’ gravità u ta’ tul proposti mill-Kummissjoni huma rispettivament ta’ 10 u ta’ 1.5. Il-fattur “n” għar-Repubblika tal-Polonja huwa ta’ 1.45. Għalhekk, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum propost mill-Kummissjoni huwa ta’ EUR 59 290.5, mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża.

46      Fir-rigward tas-somma f’daqqa, mill-punt 20 tal-Komunikazzjoni tal‑2005 jirriżulta li din għandu jkollha tal-inqas bażi minima fissa, li tirrifletti l-prinċipju li kull każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni persistenti tad-dritt tal-Unjoni jirrappreżenta fih innifsu, indipendentement minn kull ċirkustanza aggravanti, ksur tal-prinċipju ta’ legalità f’komunità ta’ dritt li teħtieġ sanzjoni reali. Skont il-Komunikazzjoni tal‑2022, is-somma f’daqqa minima għar-Repubblika tal-Polonja hija ta’ EUR 3 270 000.

47      Skont il-metodu stabbilit mill-Komunikazzjonijiet tal‑2005 u tal‑2011, jekk ir-riżultat tal-kalkolu tas-somma f’daqqa kien jaqbeż din is-somma f’daqqa minima, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina s-somma f’daqqa permezz tal-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ kuljum bin-numru ta’ ġranet li matulhom il-ksur ikkonċernat ippersista bejn id-data ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni u dik li fiha jintemm dan il-ksur jew, fin-nuqqas ta’ dan, dik tal-għoti tas-sentenza mogħtija skont l-Artikolu 260(3) TFUE. Għalhekk, l-ammont ta’ kuljum tas-somma f’daqqa għandu jiġi kkalkolat billi tiġi mmultiplikata l-ammont bażiku uniformi applikabbli applikabbli għall-kalkolu tal-ammont ta’ kuljum tas-somma f’daqqa bil-koeffiċjent ta’ gravità u bil-fattur “n”. Issa, dan l-ammont bażiku uniformi huwa, skont il-Komunikazzjoni tal‑2022, ta’ EUR 909. F’dan il-każ, peress li l-koeffiċjent ta’ gravità u l-fattur “n” huwa ta’ 10 u ta’ 1.45 rispettivament, minn dan jirriżulta li l-ammont ta’ kuljum tas-somma f’daqqa huwa ta’ EUR 13 180.5. L-ammont ta’ din is-somma jikkorrispondi għall-multiplikazzjoni ta’ dan l-ammont ta’ kuljum bin-numru ta’ jiem li għaddew bejn id-data ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilita mid-Direttiva 2018/1972, jiġifieri t‑22 ta’ Diċembru 2020, u dik li fiha r-Repubblika tal-Polonja ser tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt din id-direttiva jew dik tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, fejn l-imsemmija somma ma tistax tkun inqas mis-somma f’daqqa minima ta’ EUR 3 270 000, stabbilita bil-Komunikazzjoni tal‑2022 dwar dan l-Istat Membru.

48      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-ammonti tas-somma f’daqqa u tal-pagamenti ta’ penalità proposti mill-Kummissjoni huma eċċessivi u sproporzjonati meta mqabbla mal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

49      Fir-rigward, minn naħa, tal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità, ir-Repubblika tal-Polonja tikkritika lill-Kummissjoni li ma wettqitx analiżi ddettaljata, kif teżiġi l-Komunikazzjoni tal‑2005 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni llimitat ruħha għal formulazzjonijiet ġenerali li ma jippermettux li tiġi ddeterminata l-importanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni miksura u lanqas l-effett tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fuq l-interess ġenerali u l-interessi partikolari.

50      Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-livell ta’ importanza reali tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Fil-fatt, id-Direttiva 2018/1972 tirriproduċi fil-parti l-kbira d-dispożizzjonijiet tad-direttivi fis-seħħ preċedentement, li kienu ġew trasposti b’mod sħiħ fl-ordinament ġuridiku Pollakk, mingħajr ma tintroduċi emendi ta’ natura sistematika. Fil-fatt, uħud minn dawn l-emendi għandhom biss valur editorjali jew importanza minuri.

51      Fir-rigward tal-emendi kkunsidrati bħala essenzjali mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-dritt Pollakk diġà jinkludi dispożizzjonijiet li, essenzjalment, huma simili għal dawk previsti mid-Direttiva 2018/1972 u jiggarantixxu t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnha. Dawn id-dispożizzjonijiet daħlu fis-seħħ fil‑21 ta’ Diċembru 2020, jiġifieri fid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

52      Anki jekk, minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, dawn ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-koeffiċjent ta’ gravità ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-effetti tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni fi żmien xieraq tad-Direttiva 2018/1972 fuq l-interess ġenerali u l-interessi partikolari.

53      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett dissważiv, u b’mod partikolari tal-applikazzjoni tal-fattur “n”, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat–Ferronickel) (C‑51/20, EU:C:2022:36), ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż istituzzjonali tal-Istat Membru konvenut fl-Unjoni, u li huwa biżżejjed li wieħed jibbaża ruħu fuq il-PDG tiegħu. F’dan il-każ, il-fattur “n” għandu jitnaqqas għal 1.03.

54      Bħala konklużjoni, ir-Repubblika tal-Polonja titlob tnaqqis tal-koeffiċjent ta’ gravità u tal-fattur “n” u, konsegwentement, tnaqqis tal-ammont tas-sanzjonijiet mitluba mill-Kummissjoni.

55      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra, fl-ewwel lok, li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja huwa inkoerenti, peress li din tafferma, minn naħa, li t-test iddettaljat tad-Direttiva 2018/1972 kien jeżiġi diversi analiżi tal-mertu u tal-konsultazzjonijiet pubbliċi, inkluż fost il-konsumaturi u l-impriżi, u dan wassal għal dewmien fit-traspożizzjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva tirriproduċi fil-parti l-kbira d-dispożizzjonijiet ta’ direttivi preċedenti, sal-punt li n-nuqqas inkwistjoni ma jistax ikollu effett konkret u sostanzjali fuq is-suq jew fuq is-sitwazzjoni tal-utenti finali.

56      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirrileva li, fid-data tal-preżentata ta’ din ir-replika, id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija mir-Repubblika tal-Polonja, li huma konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2018/1972, ma kinux ġew innotifikati lilha bħala miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant ma huwiex possibbli għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità.

57      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma kellhiex il-possibbiltà li teżamina jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali kinux effettivament jiżguraw traspożizzjoni kompleta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972.

58      It-tieni nett, fi kwalunkwe każ, din id-direttiva tipprevedi l-obbligu li t-test ta’ tali dispożizzjonijiet nazzjonali jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni f’forma xierqa, b’tali mod li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddetermina d-data u l-portata ta’ tali komunikazzjoni. Il-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Polonja twassal sabiex jiġi affermat li l-komunikazzjoni formali lill-Kummissjoni tista’ tiġi ssostitwita b’riferiment, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-miżuri intiżi sabiex jittrasponu d-direttiva inkwistjoni, fatt li jikkostitwixxi komunikazzjoni de facto u huwa f’kontradizzjoni diretta mal-formulazzjoni tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst minn din id-direttiva u jċaħħad lil dan l-obbligu mis-sustanza tiegħu, għad-detriment tal-effett utli tad-dritt tal-Unjoni. Dan japplika wkoll meta t-traspożizzjoni ta’ direttiva tista’ tiġi żgurata minn regoli nazzjonali diġà fis-seħħ. Fil-fatt, f’tali każ, l-Istati Membri ma jkunux eżentati mill-obbligu li jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ dawn ir-regoli.

59      It-tielet nett, l-Istati Membri huma, għalhekk, obbligati jipprovdu informazzjoni ċara u preċiża lill-Kummissjoni li tindika b’mod inekwivoku l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li permezz tagħhom huma jikkunsidraw li ssodisfaw id-diversi rekwiżiti li direttiva kkonċernata timponi fuqhom. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tivverifika jekk l-Istat Membru kkonċernat ittrasponiex realment u kompletament din id-direttiva.

60      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja huma ta’ natura ġenerali u li ma huwiex possibbli li jiġi dedott li d-dispożizzjonijiet legali ċċitati jittrasponu effettivament u kompletament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972 fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

61      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fattur “n”, il-Kummissjoni żżomm il-pożizzjoni tagħha.

62      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tippreċiża li, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-koeffiċjent ta’ gravità, hija ma tikkontestax li l-obbligu li jiġu adottati miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u l-obbligu li jiġu kkomunikati dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu jitqies li huwa ta’ gravità ċerta. Barra minn hekk, hija ma tqisx li l-komunikazzjoni formali lill-Kummissjoni tista’ tiġi ssostitwita b’komunikazzjoni de facto.

63      Madankollu, minn naħa, dan ma jfissirx li, meta l-Kummissjoni tevalwa, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjonijiet, l-effetti tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni fi żmien xieraq tad-Direttiva 2018/1972 fuq is-suq intern u l-konsumaturi, hija tista’ tinjora kompletament il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli biss minħabba li din ma ġietx innotifikata lilha. Jekk jiġi aċċettat il-kuntrarju jkun jimplika li, fil-kuntest tal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità, huma l-effetti potenzjali tal-aġir tal-Istati Membri li jiġu evalwati u mhux l-effetti reali ta’ dan l-aġir. Issa, skont il-punt 16 tal-Komunikazzjoni tal‑2005, fost il-parametri li jinfluwenzaw il-koeffiċjent ta’ gravità ta’ ksur, l-importanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li kienu s-suġġett ta’ dan il-ksur u l-effetti ta’ dan tal-aħħar fuq interessi ta’ natura ġenerali jew partikolari jissemmew separatament. Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, fil-kuntest tal-ewwel wieħed minn dawn il-parametri, il-portata tal-att tal-Unjoni kkonċernat hija evalwata teoretikament, u dan jinkludi b’mod partikolari l-effetti potenzjali tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, l-effetti tal-ksur allegat fuq interessi ta’ natura ġenerali jew partikolari għandhom jiġu analizzati fil-kuntest speċifiku, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972, iżda wkoll iċ-ċirkustanzi fattwali, li fosthom hemm ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, anki jekk dawn ma jkunux ġew ikkomunikati. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jirreferi għall-punt 53 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑241/11, EU:C:2013:423).

64      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, fil‑25 ta’ Novembru 2022, hija nnotifikat serje ta’ atti lill-Kummissjoni u li ż-żewġ abbozzi ta’ liġi ta’ traspożizzjoni ntbagħtu lis-Sejm (il-Kamra Inferjuri tal-Parlament, il-Polonja) fid‑9 ta’ Diċembru 2022, li, skont il-punt 16.3 tal-Komunikazzjoni tal‑2005, għandu jitqies bħala fattur attenwanti, għaliex dan jixhed il-progress tal-ħidma leġiżlattiva.

65      Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru jsostni li l-argument tiegħu ma huwiex inkoerenti. Fil-fatt, il-fatt li d-Direttiva 2018/1972 tirriproduċi fil-parti l-kbira direttivi mħassra ma jeskludix l-eżistenza ta’ ambigwità tad-dispożizzjonijiet il-ġodda li hija tintroduċi. Il-kwistjonijiet imqajma mir-risposta kienu jirrigwardaw preċiżament dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda.

66      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fattur “n”, ir-Repubblika tal-Polonja tfakkar li s-sentenza l-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat–Ferronickel) (C‑51/20, EU:C:2022:36), ingħatat fl‑20 ta’ Jannar 2022 u li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka analiżijiet mhux ikkompletati sabiex tiġġustifika li dan ma jiġix eżegwit. Din is-sentenza għandha importanza kunsiderevoli għall-proċeduri pendenti relatati mal-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ direttivi u man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fihom il-Kummissjoni, minn naħa, tikkritika lill-Istati Membri li ma osservawx l-obbligi tagħhom fil-ħin u, min-naħa l-oħra, iddewwem hija stess l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67      Peress li, kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Polonja ma kien ikkomunika lill-Kummissjoni ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

68      Il-Kummissjoni titlob li jiġu applikati pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa.

69      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn iż-żewġ miżuri tiddependi mill-kapaċità ta’ kull waħda minnhom li tissodisfa l-għan li għandu jintlaħaq skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Filwaqt li l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità tkun tidher partikolarment xierqa sabiex Stat Membru jiġi mħeġġeġ itemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, x’aktarx jibqa’ jippersisti, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa tiddependi pjuttost fuq l-evalwazjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista għal perijodu twil (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq it-talba għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità

70      Fir-rigward, tal-opportunità li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità fil-każ ineżami, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ tali pagamenti ta’ penalità bħala prinċipju hija ġġustifikata biss sakemm n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li dawn il-pagamenti ta’ penalità jkunu intiżi li jissanzjonaw jippersisti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali –Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punti 55 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71      Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ineżami, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tistax tiġi prevista, għandu, kif ikkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, ippersistix sad-data ta’ għeluq il-proċedura, li seħħ fid‑19 ta’ Diċembru 2022.

72      F’dan ir-rigward, mid-dokumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’din id-data r-Repubblika tal-Polonja la kienet adottat u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat il-miżuri neċessarji sabiex jiżgura t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Pollakk.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx dawn il-miżuri fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas, għaldaqstant, ma kkomunikathom lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja kompliet bin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha.

74      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kundanna tar-Repubblika tal-Polonja għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità, mitluba mill-Kummissjoni, hija xierqa sabiex jiġi żgurat li dan l-Istat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u josserva l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2018/1972. Min-naħa l-oħra, peress li ma jistax jiġi eskluż li, fid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva tkun kompletament mitmuma, dawn il-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu imposti biss sa fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza jippersisti f’din id-data.

75      Għandu jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn, minn naħa, ikunu xierqa għaċ-ċirkustanzi u proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, ma jaqbżux, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, l-ammont indikat mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva tagħhom, għall-finijiet ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq l-interessi pubbliċi u privati kif ukoll l-urġenza li teżisti sabiex l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa ta’ gravità ċerta (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, jiġifieri fit‑23 ta’ Novembru 2022, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi ta’ traspożizzjoni tagħha skont id-Direttiva 2018/1972, b’tali mod li l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni ma kinitx żgurata. Il-gravità ta’ dan in-nuqqas hija msaħħa mill-fatt li, f’din d-data, ir-Repubblika tal-Polonja ma kienet għadha kkomunikat l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

79      Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-Direttiva 2018/1972 hija l-att leġiżlattiv prinċipali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

80      B’mod partikolari, qabel kollox, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2018/1972, din “tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tan-netwerks tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi assoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali. Din tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn applikabbli, ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Unjoni”.

81      Sussegwentement, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, din hija intiża, minn naħa, li timplimenta suq intern ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jwassal għall-installazzjoni u l-penetrazzjoni ta’ networks ta’ kapaċità għolja ħafna, il-ħolqien ta’ kompetizzjoni sostenibbli, l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-aċċessibbiltà, is-sigurtà tan-networks u tas-servizzi, filwaqt li tagħti benefiċċji lill-utenti finali; u, min-naħa l-oħra, biex jiġi żgurat il-forniment fl-Unjoni kollha ta’ servizzi aċċessibbli għall-pubbliku ta’ kwalità tajba u affordabbli permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u għażla, jiġu ttrattati l-każijiet fejn il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jiġux issodisfati kif xieraq mis-suq, inklużi l-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità sabiex ikunu jistgħu jaċċedu għas-servizzi fuq bażi ugwali ma’ utenti oħra u jiddefinixxu d-drittijiet li jeħtieġ li jingħataw lill-utenti finali.

82      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 3 tal-imsemmija direttiva, din temenda l-qafas regolatorju fis-seħħ qabel l-adozzjoni tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji u tas-suq.

83      Ċertament, kif tirrileva r-Repubblika tal-Polonja, il-qasam inkwistjoni huwa diġà rregolat minn atti oħra tad-dritt tal-Unjoni, li din id-direttiva temenda jew tissostitwixxi.

84      Madankollu, l-imsemmija direttiva ma tillimitax ruħha li tikkodifika dawn l-atti. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika tal-Polonja, il-KEKE ssaħħaħ b’mod partikolari l-għażliet u d-drittijiet tal-konsumaturi, billi tiggarantixxi standards ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni ogħla, kif ukoll ir-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, billi tistabbilixxi sett minimu ta’ kompetenzi għal dawn l-awtoritajiet u billi ssaħħaħ l-indipendenza tagħhom, billi tistabbilixxi kriterji għall-ħatriet, u l-obbligi fil-qasam tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, il-KEKE tirregola aspetti differenti tal-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-obbligi ta’ servizz universali, ir-riżorsi tan-numerazzjoni u d-drittijiet tal-utenti finali. It-tisħiħ tar-regoli tal-organizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika stabbiliti mill-KEKE għandu l-għan li jżid is-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawn is-servizzi bi prezz affordabbli.

85      Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 mir-Repubblika tal-Polonja, l-ewwel nett, jippreġudika l-prattiki regolatorji fl-Unjoni kollha f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispektrum u r-regoli ta’ aċċess għas-suq. Għalhekk, l-impriżi la għandhom proċeduri aktar konsistenti u prevedibbli għall-għoti jew it-tiġdid tad-drittijiet eżistenti għall-użu tal-ispektrum u lanqas mill-prevedibbiltà regolatorja li tirriżulta mit-tul minimu ta’ 20 snin tal-liċenzji għall-użu tal-ispektrum. Tali nuqqasijiet għandhom influwenza diretta fuq id-disponibbiltà u l-introduzzjoni ta’ netwerks b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni. It-tieni nett, il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn sensiela ta’ vantaġġi tanġibbli mogħtija lilhom minn din id-direttiva, bħal soluzzjonijiet relatati mal-aċċess għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet affordabbli, ir-rekwiżit li jipprovdulhom informazzjoni ċara dwar il-kuntratti, l-obbligu li japplikaw tariffi trasparenti, is-simplifikazzjoni tal-bidla tal-fornituri tan-netwerks sabiex jiġu promossi prezzijiet bl-imnut iktar affordabbli u l-obbligu tal-operaturi li joffru lill-utenti finali b’diżabbiltà aċċess ekwivalenti għas-servizzi ta’ komunikazzjoni.

86      F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, it-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li dan għandu, bħala prinċipju, jiġi evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u li din l-evalwazzjoni tal-fatti għandha titqies li seħħet fid-data ta’ għeluq il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punti 66 u 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      Fir-rigward, minn naħa, tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li għandu jiġi impost skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 79, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 90).

88      F’dan il-każ, ma huwiex validament ikkontestat li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fit‑23 ta’ Novembru 2021, ir-Repubblika tal-Polonja ma kinitx adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 u lanqas, għaldaqstant, ma kienet ikkomunikathom lill-Kummissjoni.

89      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 72 u 73 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza kien għadu ma ntemmx fid-data tal-għeluq tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri d‑19 ta’ Diċembru 2022.

90      Issa, tul tal-ksur ta’ kważi tlettax-il xahar huwa kunsiderevoli fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 124 tad-Direttiva 2018/1972, l-Istati Membri kienu obbligati jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill‑21 ta’ Diċembru 2020.

91      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li dan it-tul ta’ żmien seta’ jirriżulta parzjalment minn ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li dawn iċ-ċirkustanzi, imprevedibbli u indipendenti mir-rieda tagħha, dewmu l-proċess leġiżlattiv neċessarju għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 u, konsegwentement, tawlu l-perijodu li matulu baqa’ jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika tal-Polonja.

92      F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG ta’ dan l-Istat Membru, kif ikun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 85, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 97).

93      Il-Kummissjoni tipproponi li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-PDG tar-Repubblika tal-Polonja , il-piż istituzzjonali tagħha fl-Unjoni kif espress bin-numru ta’ siġġijiet li dan l-Istat Membru għandu fi ħdan il-Parlament. Il-Kummissjoni tqis ukoll li għandu jintuża koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 sabiex tiġi ggarantita n-natura proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet li hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq dak l-Istat Membru.

94      Madankollu, kif ġustament issostni r-Repubblika tal-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ippreċiżat b’mod ċar ħafna, minn naħa, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma jidhirx indispensabbli sabiex tiġi ggarantita dissważjoni suffiċjenti u jwassal lil dan l-Istat Membru jbiddel l-aġir attwali jew futur tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma wrietx il-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom hija ffissat il-valur tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat–Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punti 115 u 117).

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprovdi li din ma tistax, għal dak li jikkonċerna l-pagamenti ta’ penalità li hija timponi, teċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, fil-każ fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza jippersisti fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, b’effett minn din id-data u sakemm dan l-Istat Membru jkun temm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, pagament ta’ penalità ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 50 000.

–       Fuq it-talba għall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa

96      Fir-rigward tal-opportunità li tiġi imposta somma f’daqqa f’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari sabiex tipprevjeni r-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-fatt li r-Repubblika tal-Polonja kkooperat mas-servizzi tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża kollha u li hija żammet lil dawn tal-aħħar informati bir-raġunijiet li ostakolawha milli tiżgura t-traspożizzjoni fid-dritt Pollakk tad-Direttiva 2018/1972, il-punti ta’ liġi u l-punti ta’ fatt kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, jiġifieri l-assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għal din it-traspożizzjoni tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u anki fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jew dik tal-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Minn dan isegwi li huwa xieraq li tiġi imposta somma f’daqqa fuq ir-Repubblika tal-Polonja.

99      Għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma f’daqqa, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam hekk kif iddefinita mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa li Stat Membru jista’ jiġi kkundannat iħallas bis-saħħa tal-Artikolu 260(3) TFUE, b’tali mod li dan jiġi, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat għall-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm, b’mod partikolari, elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan in-nuqqas ikun ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Kif tfakkar fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, it-tul tal-ksur għandu, bħala prinċipju, jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u li din l-evalwazzjoni tal-fatti għandha titqies li seħħet fid-data ta’ għeluq tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Għal dak li jirrigwarda minn naħa, il-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’differenza mill-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 79, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 90).

102    Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li, id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni prevista fl-Artikolu 124 tad-Direttiva 2018/1972, jiġifieri l‑21 ta’ Diċembru 2021, ir-Repubblika tal-Polonja ma kinitx adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, ma kinitx ikkomunikathom lill-Kummissjoni.

103    F’dan il-każ, ma huwiex validament ikkontestat li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fit‑23 ta’ Novembru 2022, ir-Repubblika tal-Polonja ma kinitx adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 u lanqas, għaldaqstant, ma kienet ikkomunikathom lill-Kummissjoni.

104    Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, fid-data tal-għeluq tal-proċedura, jiġifieri d‑19 ta’ Diċembru 2022, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza kien għadu ma ntemmx, b’tali mod li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dam 728 jum.

105    Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tul ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu seta’ jirriżulta parzjalment miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali mfakkra fil-punt 91 ta’ din is-sentenza.

106    Minn dan isegwi li, fid-dawl ukoll tal-kunsiderazzjonijiet relatati kemm mal-gravità tal-ksur, li jinsabu fil-punti 77 sa 85 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika tal-Polonja, li jinsabu fil-punti 92 sa 94 ta’ din is-sentenza, kif ukoll fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li din ma tistax, fir-rigward tas-somma f’daqqa li tagħha hija timponi l-ħlas, teċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 124 tad-Direttiva 2018/1972 u li jaffettwa l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 4 miljun

107    Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tammonta għal EUR 4 miljun.

 Fuq lispejjeż

108    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma adottatx, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-implimentazjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi , u, għaldaqstant, billi ma informatx lill-Kummissjoni dwar dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt skont l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva.

2)      Billi, sal-jum tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma kinitx adottat il-miżuri neċessarji sabiex tittrasponi fid-dritt intern tagħha d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/680 u lanqas, għaldaqstant, ma kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea dawn il-miżuri, ir-Repubblika tal-Polonja ppersistiet fin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha.

3)      Fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 1 ikun għadu jippersisti fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, b’effett minn dik id-data u sa meta dan l-Istat Membru jkun temm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 50 000.

4)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa li tammonta għal EUR 4 miljun.

5)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.