Language of document : ECLI:EU:T:2005:108

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

17 ta' Marzu 2005(*)

"Aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet – Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001"

Fil-kawża T-187/03,

Isabella Scippacercola, residenti fi Brussell (Il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn K. Adamantopoulos u D. Papakrivopoulos, avukati, u wara minn K. Adamantopoulos u B. Keane, solicitor, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn  L. Flynn u P. Aalto, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta' Marzu 2003, li tiċħad l-applikazzjoni mressqa mir-rikorrenti sabiex tikseb aċċess għal dokument dwar il-proġett ta' l-ajruport internazzjonali ġdid ta' Ateni fi Spata (Il-Ġreċja),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn  J. Azizi, President, M. Jaeger u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: M. I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-mitkub u wara s-seduta tad-9 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 255 KE jipprovdi li:

"1. Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, soġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2. Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta' l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

[...]"

2        Id-Dikjarazzjoni Nru 35 annessa ma' l-Att Finali tat-Trattat ta' Amsterdam (aktar 'il quddiem "Dikjarazzjoni Nru 35") :

"Il-Konferenza taqbel li l-prinċipji u l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu [255](1) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jippermetti [lil] Stat Membru li jitlob lil[l]-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkomunika[w]x ma' partijiet terzi dokument li joriġina minn dak l-Istat mingħajr il-qbil preċedenti tiegħu."

3        Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku [għad]-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p.43) jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' dawn l-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 255 KE [Artikolu 1 (a) tar-Regolament Nru 1049/2001]. Dan ir-regolament daħal fis-seħħ fit-3 ta' Diċembru 2001.

4        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jiddisponi li:

"1.      Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali resident[i] jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess [għad]-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, bla ħsara lill-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]


3. Dan ir-Regolament għand[u] jgħodd [għal] kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]"

5        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jistabbilixxi d-definizzjonijiet, jiddisponi li:

"Għall-għan ta' dan ir-Regolament:

(a) "dokument" tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż[iv]) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta' r[e]sponsabbiltà ta’ l-istituzzjoni;

(b) "parti terza" tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji o[ħ]rajn, istituzzjonijiet o[ħ]ra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi."

6        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiddefinixxi l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess imsemmi aktar 'il fuq, jistabbilixxi dan li ġej:

"1. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess [għal] dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

(a) l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

–        is-sigurtà pubblika,

–        kwistjonijiet militari u ta’ difiża,

–        relazzjonijiet internazzjonali,

–        il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru;

(b) il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta' data personali.

2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess [għal] dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ [s]pezzjonijiet, inves[ti]gazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx [h]emm interess pubbliku akbar [li jiġġustifika l]-iżvelar tiegħu.

[…]

4. Fir-rigward ta’ dokumenti ta' partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika[x] eċċezzjoni [prevista] fil-paragraf[i] 1 jew 2, [sakemm ma jkunx] ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5. Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx gie miftiehem hekk minn qabel.

6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

[…]"

7        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001 intitolat "Dokumenti fl-Istati Membri" jistabbilixxi li:

"Meta Stat Membru jirċievi talba għal dokument fil-pussess tiegħu, li l-origini tieg[ħ]u gejja minn istituzzjoni, jekk [mhux] ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat, l-Istat Membru għandu jikkonsulta ma’ l-istituzzjoni involuta sabiex jieħu deċiżjoni li ma jipperikolax il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-Istat Membru jista’ minflok jirreferi t-talba lill-istituzzjoni."

8        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar it-trattament ta' dokumenti sensittivi, jiddisponi :

"1. Dokumenti sensittivi huma dokumenti li ġejjin mill-istituzzjonijiet jew mill-aġenziji mwaqqfa minnhom, mill-Istati Membri, pajjiżi terzi [jew] Organizzazzjonijiet Internazzjonali, klassifikati bħala "TRÉS SECRET/TOP SECRET", "SECRET" jew "CONFIDENTIEL" skond ir-regoli ta’ l-istituzzjoni rilevanti, li jħarsu l-interessi essenz[j]ali ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti mill-Artikolu 4(1)(a), partikolarment is-sigurtà pubblika, kwistjonijiet militari u tad-difiża.

2. Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti sensittivi taħt il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 għandhom jiġu proċessat[i] biss minn persuni li għandhom dritt jsiru jafu dwar dawk id-dokumenti. Dawn il-persuni għandhom ukoll, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(2), jagħmlu stima dwar liema referenzi [għal] dokumenti sensittivi jistgħu jsiru fir-reġistru pubbliku.

3. Dokumenti sensittivi għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru jew żvelati biss bil-kunsens ta’ minn għand min ġejjin.

[…]"

9        L-Artikolu 5 (imsejjaħ "Konsultazzjonijiet") tar-regoli dettaljati li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE, KEFA, Euratom, tal-5 ta' Diċembru 2001, li temenda r-regoli tal-proċedura tagħha (ĠU L 345, p. 94), jiddisponi li:

"1. Fejn il-Kummissjoni tirċievi applikazzjoni għal aċċess għal dokument fil-pussess tagħha iżda li joriġina minn parti terza, id-Direttorat Ġenerali jew dipartiment li jkollu fil-pussess tiegħu d-dokument għandu jivverifika jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet li għalihom jipprovdi l-Artikolu 4 tar-Regolament […] Nru 1049/2001. Jekk id-dokument mitlub huwa [kklassifikat] taħt ir-[regoli] ta’ sigurtà tal-Kummissjoni, l-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli għandu japplika.

2. Jekk, wara dak l-eżami, id-Direttorat Ġenerali jew dipartiment li jkollu fil-pussess tiegħu id-dokument iqis li l-aċċess għalih għandu jiġi rifjutat taħt xi waħda mill-eċċezzjonijiet li għalihom jipprovdi l-Artikolu 4 tar-Regolament […] Nru 1049/2001, it-tweġiba negattiva għandha tintbagħat lill-applikant mingħajr konsultazzjoni ma’ l-awtur parti terza.

3. Id-Direttorat Ġenerali jew dipartiment li jkollu fil-pussess tiegħu id-dokument għandu jikkonċedi l-applikazzjoni mingħajr ma jikkonsulta l-awtur parti terza fejn:

(a) id-dokumenti mitlub ikun diġà ġie [ż]velat jew mill-awtur tiegħu jew taħt ir-Regolament jew disposizzjonijiet;

(b) l-i[ż]vela[r] jew [ż]velar parzjali, tal-kontenut tiegħu ma jkunx ovvjament sejjer jaffettwa xi wieħed mill-interessi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament […] Nru 1049/2001.

4. Fil-każi[ijiet] l-oħra kollha, l-awtur parti terza għandu jkun ikkonsultat. B’mod partikolari, jekk l-applikazzjoni għall-aċċess tikkonċerna dokument li joriġina minn Stat Membru, id-Direttorat Ġenerali jew dipartiment li jkollu fil-pussess tiegħu id-dokument għandu jikkonsulta ma’ l-awtorità ta’ l-oriġini fejn:

(a) id-dokument kien intbagħat lill-Kummissjoni qabel id-data li fiha kien japplika r-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

(b) l-Istat Membru kien talab lill-Kummissjoni biex ma ti[ż]velax id-dokument mingħajr il-qbil tiegħu minn qabel, skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

5. L-awtur parti terza konsultat għandu jkollu limitu ta’ żmien biex iwieġeb li m’għandux ikun iqsar minn ħamest ijiem tax-xogħol iżda huwa għandu jippermetti lill-Kummissjoni li timxi mal-limiti ta’ żmien tagħha għat-tweġiba. Fin-nuqqas ta’ tweġiba fil-perjodu ta’ żmien preskritt, jew jekk il-parti terza ma tkunx tista’ tinstab jew tiġi identifikata, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi skond ir-regoli dwar eċċezzjonijiet fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, waqt li tagħt[i] kont ta’ l-interessi leġittimi tal-parti terza fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni għad-disposizzjoni tagħha.

6. Jekk il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tagħti aċċess għal dokument kontra l-opinjoni espliċita ta’ l-awtur, hija għandha tinforma lill-awtur bl-intenzjoni tagħha li ti[ż]vela d-dokument wara perjodu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol u għandha tiġbed l-attenzjoni tiegħu għar-rimedji disponibbli għalih biex jopponi l-i[ż]velar.

[…]"

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      B'ittra tad-29 ta' Jannar 2003, Is-Sinjura Scippacercola talbet lill-Kummissjoni li jkollha aċċess, fost dokumenti oħra, għal ananliżi ta' spejjeż/benefiċċji fir-rigward tal-proġett ta' l-ajruport internazzjonali ġdid ta' Ateni fi Spata. Dan il-proġett kien iffinanzjat ukoll mill-Fond ta' Koeżjoni.

11      B'ittra tal-21 ta' Frar 2003, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) "Politika Reġjonali" ċaħad li jagħti lir-rikorrenti aċċess għall-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji filwaqt li indika dan li ġej:

"Fir-rigward tat-talba tiegħek li tirċievi kopja ta' l-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji, peress li dawn huma dokument li nħareġ qabel d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament […] Nru 1049/2001, l-awtoritajiet nazzjonali ġew ikkonsultati, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni […] 2001/937 […]. B'faks ta' l-10 ta' Frar 2002, l-awtoritajiet nazzjonali għarrfu lid-DĠ ["Politika Reġjonali"] illi m'għandux jiġi permess l-aċċess għal dan id-dokument.

Ir-raġuni għal dan ir-rifjut tirrigwarda l-protezzjoni tad-drittijiet intellettwali. Dan huwa studju magħmul minn konsulenti privati għan-nom ta' bank. Dan ta' l-aħħar kien għen lill-Istat Grieg fit-tħejjija tal-fajl tal-proġett, taħt klawsola ta' kunfidenzjalità.

F'dan il-kuntest, id-DĠ ["Politika Reġjonali"] tqis illi, skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament […] Nru 1049/2001, l-istudju in kwistjoni ma jistax jiġi żvelat […]"

12      Bl-istess ittra, il-konvenuta bagħtet lir-rikorrenti l-parti ta' l-applikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Fond ta' Koeżjoni li, taħt it-titolu "Deskrizzjoni tal-Konklużjonijiet Prinċipali", kien fiha deskrizzjoni ta' l-aspetti prinċipali ta' l-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji.

13      B'ittri ta' l-24 ta' Frar u tat-28 ta' Marzu 2003, ir-rikorrenti rrepetiet it-talba tagħha.

14      B'ittra tad-19 ta' Marzu 2003, innotifikata lir-rikorrenti fil-31 ta' Marzu 2003, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ikkonferma ċ-ċaħda ta' aċċess għad-dokument mitlub (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Din l-ittra taqra kif ġej:

"Nirringrazzjak ta' l-ittra tiegħek ta' l-24 ta' Frar 2003, irreġistrata fis-26 ta' Frar, li biha inti tlabt li tiġi eżaminata mill-ġdid it-talba tiegħek ta' aċċess għat-test komplet ta' l-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji dwar il-bini ta' l-ajruport internazzjonali ġdid ta' Ateni.

Din l-anliżi saret minn bank għan-nom ta' l-awtoritajiet nazzjonali Griegi (Ministeru ta' l-Ekonomija Nazzjonali).

Skond l-Artikolu 5(4)(a) tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tħaddim tar-Regolament Nru 1049/2001, adottati permess tad-Deċiżjoni […] 2001/937, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonsulataw lill-awtoritajiet Griegi dwar l-aċċessibbiltà [ta'] dan id-dokument mibgħut lill-Kummissjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament (3 ta' Diċembru 2001). B'risposta, l-awtoritajiet Griegi indikaw illi ma kinux taw il-kunsens tagħhom għall-iżvelar ta' dan id-dokument mill-Kummissjoni.

B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(5), tar-Regolament Nru 1049/2001, għalhekk mhiniex f'pożizzjoni li nagħtik aċċess għal dan id-dokument u konsegwentement ikolli nikkonferma ċ-ċaħda tad-[DĠ] ‘Politika Reġjonali’ għat-talba tiegħek.

[…]"

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      B'rikors ippreżentat fit-28 ta' Mejju 2003, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

16      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

17      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta li nżammet fid-9 ta' Settembru 2004.

18      Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż tal-kawża.

19      Il-konvenuta talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Id-dritt

20      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat erba' motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta' dritt u żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti safejn il-Kummissjoni ikkunsidrat bi żball li d-dokument mitlub joriġina minn Stat Membru. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta' dritt safejn il-Kummissjoni ma evalwatx ir-raġunijiet mogħtija mill-Istat Grieg sabiex issostni l-opinjoni negattiva tiegħu dwar l-iżvelar tad-dokument mitlub. It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq żball ta' dritt safejn il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk għandhiex tingħata aċċess parzjali għall-informazzjoni mogħtija fid-dokument mitlub.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ikkunsidrat bi żball li d-dokument mitlub joriġina minn Stat Membru

 L-argumenti tal-partijiet

21      Ir-rikorrenti ssostni illi d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta' dritt u żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti safejn il-konvenuta kkunsidrat li d-dokument joriġina minn Stat Membru. Hija ssostni li l-konvenuta interpretat u applikat l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u ta' l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 2001/937 b'mod żbaljat. Il-konvenuta kisret ukoll l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-prinċipju ta' aċċess wiesa' kemm jista' jkun għad-dokumenti tal-Kummissjoni, stabbilit f'din id-dispożizzjoni u fil-ġurisprudenza.

22      Ir-rikorrenti ssostni illi huwa żball li l-konvenuta tikkunsidra li d-dokument mitlub joriġina mill-awtoritajiet Griegi. Hija tqis illi d-dokument mitlub joriġina minn parti terza u li huma d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 li għandhom jiġu applikati.

23      Ir-rikorrenti tosserva li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tar-Regolament jikkonfermaw l-interpretazzjoni li l-kelma "joriġina" tikkonċerna dokument li kellu jkun magħmul għal jew minn Stat Membru.

24      Hija tikkunsidra li d-dokument mitlub għandu jkun deskritt bħala "dokument ta' parti terza" skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt mill-ittra tal-konvenuta tal-21 ta' Frar 2003 jirriżulta li l-awtur tad-dokument mitlub huwa jew il-konsulenti privati jew il-bank, li suppost kellhom ilestu l-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji fl-elaborazzjoni tal-fajl tal-proġett

25      Alternattivament, peress illi l-preżentazzjoni ta' l-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji hija eżiġenza għall-għoti ta' l-għajnuna finanzjarja, il-kumpannija ta' l-ajruport tista' tiġi kkunsidrata bħala l-"proprjetarja" tad-dokument mitlub. Fil-fatt il-kumpannija ta' l-ajruport kienet l-entità ta' implimentazzjoni tal-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-ajruport ta' Spata u l-unika benefiċjarja ta' l-għajnuna mill-Fondi ta' Koeżjoni. Fi kwalunkwe każ, huwa żgur li d-dokument mitlub ma nħariġx minn Stat Membru.

26      Ir-rikorrenti tqis illi l-espressjoni "joriġina" għandha tkun is-suġġett ta' interpretazzjoni restrittiva. Din l-interpretazzjoni għandha taqbel mal-ġurisprudenza Komunitarja li tistabbilixxi li kull eċċezzjoni għar-regoli ta' aċċess għad-dokumenti għandha tkun interpretata u applikata strettament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Jannar 2000, L-Olanda u Van der Wal vs Il-Kummissjoni, C-174/98 P u C-189/98  P, Ġabra p. I-1, punt 27, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 1997, WWF UK vs Il-Kummissjoni, T-105/95, Ġabra p. II‑313, punt 56).

27      Hija tfakkar illi r-Regolament Nru 1049/2001 jirreferi għal aċċess wiesa' kemm jista' jkun għad-dokumenti [Artikolu 1(a)] u għandu l-għan li jagħti l-aktar effett possibbli lid-dritt ta' aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti (preambolu). Ikun kontra dan l-għan li l-espressjoni "joriġina" tingħata interpretazzjoni tant estensiva li tippermetti lil Stat Membru, li jillimita lilu nnifsu li "jibagħat" dokument lill-Kummissjoni, igawdi mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

28      Ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-konvenuta li tgħid li l-identità ta' l-awtur hija irrilevanti. Għall-kuntrarju, l-identità tiegħu hija essenzjali fil-proċess ta' għoti ta' l-aċċess għad-dokumenti. Kieku ma kienx hekk, kull parti terza kienet tkun tista' tabbuża mill-eżiġenzi tar-Regolament Nru 1049/2001 billi titlob sempliċement lil Stat Membru sabiex jibgħat id-dokument lill-Kummissjoni.

29      Ir-rikorrenti tiċħad id-dikjarazzjoni tal-konvenuta li tistabbilixxi li mill-mument li fih dokument huwa mibgħut lil istituzzjoni Komunitarja, huwa l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 li għandu jiġi applikat. Ir-rikorrenti ssostni li, ġeneralment mhuwiex diffiċli li jiġi identifikat l-awtur ta' kull dokument. Fi kwalunkwe każ, il-konvenjenza ta' l-amministrazzjoni m'għandhiex tingħata prijorità fuq id-dritt taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea għal aċċess wiesa' kemm jista' jkun għad-dokumenti, sakemm dan ma jġibx miegħu piżijiet eċċessivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala, C-353/99 P, Ġabra p. I-9565, punti 29 u 30, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Lulju 1999, Hautala vs Il-Kunsill, T-14/98, Ġabra p. II-2489, punti 85 sa 88). F'din il-kawża, m'hemm ebda dubju dwar l-identità ta' l-awtur tad-dokument. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tapplika l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 minflok l-Artikolu 4(5) ta' l-istess regolament.

30      Il-konvenuta tikkontesta dawn l-argumenti u ssostni li d-dokument in kwistjoni joriġinaw mir-Repubblika Ellenika fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

31      Għandu jiġi enfasizzat, l-ewwelnett, illi d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, jikkonċerna, skond il-paragrafu 3 ta' l-istess artikolu, id-dokumenti kollha miżmuma mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li kienu ġew stabbiliti jew irċevuti minnhom. B'hekk, l-istituzzjonijiet jistgħu, skond il-każ, jibgħatu dokumenti maħruġa minn parti terza, u dawn ta' l-aħħar jinkludu, b'mod partikolari, l-Istati Membri, skond id-definizzjoni tal-kunċett ta' parti terza li tinsab fl-Artikolu 3(b) ta' l-istess regolament.

32      Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar illi qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni kien irregolat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom, tat-8 ta' Frar 1994, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p.58). L-Artikolu 1 ta' din id-deċiżjoni adotta formalment il-kodiċi ta' kondotta approvat mill-Kunsill fis-6 ta' Diċembru 1993 dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 1993, L 340, p.41), anness magħha. L-imsemmi kodiċi ta' kondotta jipprovdi, fit-tielet paragrafu tat-taqsima msejħa "Proċessar ta' applikazzjonijiet inizjali", illi "meta dokument miżmum minn istituzzjoni [għandu] bħala awtur persuna fiżika jew morali, Stat Membru, istituzzjoni oħra jew organu Komunitarju jew kwalunkwe organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali, l-applikazzjoni [għandha] tintbagħat lill-awtur tad-dokument". Għalhekk, b'applikazzjoni ta' din ir-regola, imsejħa "regola ta' l-awtur", istituzzjoni ma tistax toħroġ dokumenti li joriġinaw minn karegorija wiesgħa ta' partijiet terzi, b'mod partikolari minn Stat Membru, u l-applikant għall-aċċess tad-dokumenti għandu, jekk ikun il-każ, jibgħat l-applikazzjoni tiegħu direttament lill-parti terza in kwistjoni. [traduzzjoni mhux ufficiali]

33      Ir-regola ta' l-awtur mhijiex msemmija fir-Regolament Nru 1049/2001, li tistabbilixxi li, bħala prinċipju, id-dokumenti kollha ta' l-istituzzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

34      Madankollu, mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li, fost il-partijiet terzi, l-Istati Membri huma suġġett għal trattament partikolari. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri id-dritt li jitolbu lil istituzzjoni li ma joħorġux dokumenti li joriġinaw minnhom mingħajr il-kunsens tagħhom minn qabel. Għandu jiġi mfakkar illi l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jittrasponi d-dikjarazzjoni Nru 35, li tistabbilixxi li l-Konferenza tal-Partijiet Kontraenti Għolja tat-Trattat qablet fuq il-prinċipji u kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 255 KE li jippermettu lill-Istat Membru li jitlob lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkomunikawx lil partijiet terzi dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel. Dan id-dritt rikonoxxut lill-Istati Membri permezz ta' l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa spjegat mill-fatt illi dan ir-regolament m'għandux l-għan li jemenda l-liġijiet nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti (ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 1049/2001 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Settembru 2003, Messina vs Il-Kummissjoni, T-76/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 40 u 41).

35      F'din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat illi d-dokument in kwistjoni wasal għand il-konvenuta fil-kuntest ta' applikazzjoni għal finanzjament mill-Fondi ta' Koeżjoni. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat illi, skond l-Artikolu 10 (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni (ĠU L 130, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1264/1999, tal-21 ta' Ġunju 1999 (ĠU L 161, p.62), l-applikazzjonijiet ta' għajnuna għal proġetti taħt dawn il-Fondi huma ppreżentati mill-Istat Membru benefiċjarju. Skond il-paragrafu 4 ta' l-istess artikolu, l-applikazzjonijiet ta' għajnuna għandhom jinkludu, b'mod partikolari l-analiżi ta' l-ispejjeż u l-vantaġġi.

36      Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-Fondi ta' Koeżjoni, minn naħa, l-applikazzjonijiet ta' għajnuna huma ppreżentati mill-Istat Membru benefiċjarju biss, u, min-naħa l-oħra, rapport ta' analiżi ta' spejjeż/benefiċċji neċessarjament jifforma parti mill-informazzjoni li din l-applikazzjoni għandu jkollha.

37      F'din il-kawża, l-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji ġiet imwettqa minn bank għan-nom ta' l-awtoritajiet nazzjonali Ġriegi. Dan id-dokument jifforma parti mill-informazzjoni li applikazzjoni ta' għajnuna ppreżentata skond il-Fondi ta' Koeżjoni għandu jkollha.

38      Għalhekk, mingħajr m'hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar jekk id-dokumenti sempliċement mibgħuta (u mhux miktuba) mill-Istati Membri humiex koperti mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat illi d-dokument in kwistjoni, magħmul minn bank għan-nom ta' l-awtorijiet nazzjonali Griegi, ġie stabbilit għan-nom ta' Stat Membru.

39      F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż illi l-konvenuta ma kkommettietx żball meta kkunsidrat li d-dokument kien joriġina minn Stat Membru.

40      Barra dan, l-argument tar-rikorrenti li kull parti terza tista' tevita li tosserva l-obbligi imposti fuqha mir-Regolament Nru 1049/2001 meta titlob lil Stat Membru sabiex jibgħat dokument lill-konvenuta huwa irrilevanti għall-finijiet ta' din il-kawża. Fil-fatt, diġà ġie rrilevat li d-dokument in kwistjoni wasal għand il-konvenuta fil-kuntest ta' applikazzjoni ta' għajnuna mill-Fondi ta' Koeżjoni. Fil-kuntest tal-Fondi ta' Koeżjoni, l-Istat Membru benefiċjarju huwa l-uniku interlokutur tal-Kummissjoni. L-applikazzjonijiet ta' għajnuna għal proġetti huma ppreżentati biss mill-Istat Membru benefiċjarju u, għalhekk, id-dokument irċevut mill-konvenuta ma kienx waslilha kieku l-awtoritajiet Griegi ma kinux ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom ta' għajnuna finanzjarja mill-Fondi ta' Koeżjoni.

41      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma evalwatx ir-raġunijiet mogħtija mill-Istat Membru għall-opinjoni negattiva tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti jsostni illi l-konvenuta kisret l-ittra u l-ispirtu ta' l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u ta' l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 2001/937, safejn hija ma evalwatx ir-raġunijiet mogħtija mill-Istat Grieg għall-opinjoni negattiva tiegħu dwar id-dokument mitlub. B'dan il-mod, il-konvenuta kienet tat lill-Istat Membru poter ta' veto de facto dwar l-iżvelar tad-dokument miżmum minnha.

43      Skond ir-rikorrenti, mill-użu tal-verbi "tikkonsulta" u "jitlob" fl-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u fl-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 2001/937 jirriżulta li l-Kummissjoni mhijiex marbuta bl-opinjoni mogħtija mill-Istat Membru. Li tinterpreta l-artikoli, imsemmija aktar 'il fuq, fis-sens illi jagħtu dritt ta' veto lill-Istati Membri f'dak li jikkonċerna l-iżvelar ta' dokument li joriġina minnhom ikun b'kontradizzjoni mas-sinifikat evidenti tat-terminu "jitlob".

44      Hija ssostni illi d-deċiżjonijiet relatati ma' l-iżvelar ta' dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet ma jistgħux jittieħdu ħlief minn dawn ta' l-aħħar u li ċ-ċaħda ta' żvelar għandha tkun iġġustifikata mill-istituzzjoni abbażi ta' l-Artikolu 4 (1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

45      Ir-rikorrenti tosserva illi, fiż-żewġ ittri li ġew indirizzati lilha, il-konvenuta tirreferi għall-opinjoni negattiva ta' l-awtoritajiet Griegi u, b'mod qasir ħafna, għar-raġunijiet mogħtija minn dawn l-awtoritajiet sabiex isostnu l-opinjoni negattiva tagħhom. Xejn ma jindika li l-konvenuta għamlet analiżi ta' dawn ir-raġunijiet. Id-deċiżjoni kkontestata jerġa' fiha inqas informazzjoni dwar ir-raġunijiet mogħtija mill-awtorijiaet Griegi u dwar l-evalwazzjoni ta' dawn ir-raġunijiet mill-Kummissjoni. Is-Segretarju Ġenerali jirreferi sempliċement għall-opinjoni negattiva maħruġa mill-awtoritajiet Griegi.

46      Ir-rikorrenti issostni li l-konvenuta kellha tevalwa r-raġunijiet mressqa mill-awtoritajiet Griegi u kellha ssemmi l-elementi ta' l-evalwazzjoni tagħha fl-ittri li bagħtitilha. Il-konvenuta aġixxiet bħal li kieku kienet marbuta bl-opinjoni ta' l-Istat Grieg.

47      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jispjega li l-Kummissjoni tiċħad l-aċċess f'ċerti kundizzjonijiet. Meta waħda mill-kundizzjonijiet tkun sodisfatta, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-aċċess. Min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 4(5) ta' dan ir-regolament, m'hemmx stabbilit li l-Kummissjoni għandha tiċħad l-aċċess, iżda li l-Istat Membru jista' jitlob tali rifjut. X'jiġri minn din it-talba huwa f'idejn d-diskrezzjoni tal-Kummissjoni.

48      Ir-rikorrenti tispjega li hija tiddubita kemm fl-Istati Membri li għandhom sistema tagħhom ta' aċċess għal dokumenti, talba tal-Kummissjoni intiża sabiex tiċħad l-aċċess hija kkunsidrata bħala vinkolanti. Hija tafferma li l-konvenuta tirrikonoxxi li dan mhux il-każ meta hija tafferma li x-xewqat tagħha għandhon jittieħdu in kunsiderazzjoni "safejn hu possibbli". Dan ifisser illi l-opinjoni tagħha mogħtija fil-kuntest ta' tali konsultazzjoni mhijiex la deċiżiva u lanqas obbligatorja meta jrid jiġi stabbilit jekk l-aċċess għad-dokumenti tagħha għandux jingħata jew le fuq il-livell nazzjonali.

49      Skond ir-rikorrenti, kieku Stat Membru kellu jikkunsidra lilu nnifsu marbut mill-pożizzjoni tal-konvenuta, din kienet tkun restrizzjoni manifesta tad-drittijiet taċ-ċittadini fl-Istat Membru u l-konvenuta kien ikollha dritt reali ta' veto, forsi anke mingħajr ma jkun jaf is-sistema nazzjonali in kwistjoni. Hija ssostni illi, f'kull każ, l-Istat Membru għandu marġni ta' diskrezzjoni dwar il-modi kif l-aċċess jista' jingħata sabiex jirrikonċilja l-eżiġenzi tas-sistema nazzjonali tagħha u dik tas-sistema ġuridika ta' l-awtur. B'analoġija, għalkemm l-Istat Membru jista' jitlob li l-aċċess jiġi miċħud, il-konvenuta tiddisponi minn marġni ta' diskrezzjoni sabiex, flimkien ma' l-Istat Membru, tiddetermina kif tirrispondi għall-preokkupazzjonijiet tiegħu waqt li tipprovdi aċċess wiesa' kemm jista' jkun għad-dokumenti.

50      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jindika li l-kunsens ta' l-awtorità ta' oriġini huwa meħtieġ għall-iżvelar ta' dokumenti sensittivi. Hija ssostni li, kieku l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni, fl-Artikolu 4(5) ta' l-imsemmi regolament, li jagħti dritt ta' veto lill-Istati Membri, huwa kien jadotta kliem li joqrob aktar għal din id-dispożizzjoni.

51      Il-konvenuta tikkontesta dawn l-argumenti u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

52      Id-domanda magħmula fil-kuntest ta' dan il-motiv hija li jiġi magħruf jekk, billi jipprovdi li Stat Membru jista' jitlob lil istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument maħruġ minnu mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħti dritt ta' veto lil dak l-Istat jew iħalli marġni ta' diksrezzjoni lill-istituzzjoni.

53      Għandu jiġi mfakkar illi r-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li, bħala prinċipju, id-dokumenti kollha ta' l-istituzzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku (premessa 11).

54      Fil-każ ta' dokumenti ta' parti terza, l-Artikolu 4(4) tar-regolament jobbliga lill-istituzzjonijiet li jikkonsultaw lill-parti terza kkonċernata, sabiex jiġi stabbilit jekk eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) jew (2) ta' l-istess regolament hijiex applikabbli, sakemm ma jkunx ċar li d-dokument għandu jew m'għandux jiġi żvelat. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet mhumiex obbligati jikkonsultaw il-parti terza kkonċernata jekk jidher kjarament li d-dokument għandu jkun żvelat jew li m'għandux ikun żvelat. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, l-istituzzjonijiet għandhom jikkonsulaw lill-parti terza in kwistjoni. Għalhekk, il-konsulatazzjoni ta' parti terza tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, kundizzjoni minn qabel għad-determinazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' eċċezzjonijiet għall-aċċess previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-każ ta' dokumenti ta' parti terza.

55      Barra minn dan, l-obbligu impost fuq il-konvenuta li tikkonsulta parti terza skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jaffettwax il-poter tagħha li tiddeċiedi jekk waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) ta' l-imsemmi regolament hijiex applikabbli.

56      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-Istati Membri huma suġġetti għal trattament partikolari. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istat Membru d-dritt li jitlob lil istituzzjoni li ma tiżvelax id-dokumenti maħruġin minnu mingħajr ftehim minn qabel. Għandu jiġi mfakkar, kif jirriżulta mill-punt 34 aktar 'il fuq, li din id-dispożizzjoni tittrasponi d-Dikjarazzjoni Nru 35.

57      L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 iqiegħed lill-Istati Membri f'sitwazzjoni differenti minn dik ta' partijiet terzi oħrajn, billi jistabbilixxi f'dan ir-rigward lex specialis. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istat Membru għandu dritt li jitlob, jew fil-mument tal-preżentata tad-dokument, jew aktar tard, lil istituzzjoni li ma tiżvelax dokument maħruġ minnu mingħajr ftehim minn qabel. Fil-każ illi l-Istat Membru ikun għamel din it-talba, l-istituzzjoni hija marbuta li titlob il-kunsens minn qabel ta' l-Istat Membru qabel ma tiżvela d-dokument. Dan l-obbligu impost fuq l-istituzzjoni li titlob il-kunsens minn qabel ta' l-Istat Membru, stabbilit b'mod ċar minn din id-dispożizzjoni, ikun mingħajr sinifikat jekk l-istituzzjoni tkun tista' tiddeċiedi li tiżvela dan id-dokument minkejja talba espliċita fis-sens kuntrarju mill-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt kieku l-istituzzjoni kellha dritt li tiżvela d-dokument minkejja t-talba ta' l-Istat Membru li ma jiġix ipprovdut aċċess għall-imsemmi dokument, il-pożizzjoni ta' l-Istat Membru ma tkunx differenti minn dik ta' partijiet terzi ordinarji. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din it-talba ta' l-Istat Membru tobbliga lill-istituzzjoni li ma tiżvelax d-dokument in kwistjoni. Jekk, bħalma hu l-każ preżenti, l-Istat Membru ma jkunx ippreżenta din it-talba meta ippreżenta d-dokument lill-istituzzjoni, din madankollu għandha dritt li titlob il-kunsens ta' l-Istat Membru qabel ma tiżvela d-dokument lil partijiet terzi. F'każ bħal dan, l-istituzzjoni hija wkoll obbligata li tħares t-talba eventwali magħmula mill-Istat Membru li ma jiġux żvelati d-dokumenti.

58      F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Istat Membru mhuwiex obbligat li jimmotiva t-talba tiegħu taħt l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li mhuwiex kompetenza ta' l-istituzzjoni li teżamina, meta din it-talba tkun ġiet ippreżentata lilha, jekk in-nuqqas ta' żvelar tad-dokument in kwistjoni huwiex iġġustifikat fir-rigward, b'mod partikolari, ta' l-interess pubbliku.

59      Sabiex tiġi assigurata applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 konformi mad-Dikjarazzjoni Nru 35 u jiġi ffaċilitat l-aċċess għad-dokument in kwistjoni li billi l-Istat Membru li joħroġ id-dokument jitħalla, jekk ikun il-każ, jagħti l-kunsens tiegħu għal dan l-iżvelar, hija l-istituzzjoni li għandha tikkonsulta lil dan l-Istat Membru. Jekk dan l-Istat Membru, wara li jkun ġie kkonsultat, ma jagħmilx talba skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija l-istituzzjoni wkoll li għandha tevalwa, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(4) ta' l-imsemmi regolament, jekk id-dokument għandux ikun żvelat jew le.

60      Għandu jiġi kkonstatat illi, meta Stat Membru jippreżenta talba skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ta' dan l-Istat Membru, li jiddefinixxu d-dritt ta' l-aċċess għad-dokumenti kif ukoll il-kuntest ġuridiku ta' appell eventwali, huma applikabbli. Għalhekk, huma l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali li għandhom jevalwaw, fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali tagħhom, jekk l-aċċess għad-dokumenti li joħorġu minn Stat Membru għandux jingħata u jiddeċiedu jekk, u safejn, il-partijiet ikkonċernati jkollhom dritt għal appell.

61      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti ppreżentat fis-seduta, li fih hija ssostni li, jekk il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħti dritt ta' veto lill-Istati Membri, huwa kien juża kliem li joqrob għal dak ta' l-Artikolu 9(3) ta' l-imsemmi regolament, għandu jiġi kkonstatat illi din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi regoli speċifiċi sabiex tiġi assigurata protezzjoni effikaċi ta' dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali li joriġinaw b'mod partikolari minn istituzzjonijiet, minn Stati Membri, minn pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, b'mod partikolari s-sigurtà pubblika, id-difiża u l-kwistjonijiet militari. Dan l-artikolu jippreċiża, b'mod partikolari, il-persuni li huma awtorizzati jittrattaw dawn id-dokumenti u jipprovdi li d-dokumenti sensittivi għandhom jiġu inklużi f'reġistru jew mogħtija biss bil-kunsens ta' l-awtorità ta' oriġini. Fid-dawl tal-kwalità speċifika ta' dawn ir-regoli, għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu m'għandux x'jaqsam ma' l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u għalhekk ma jistax jiġi invokat sabiex jiġi interpretat dan ta' l-aħħar. Fil-fatt, il-klassifika "TRÈS SECRET/TOP SECRET ", "SECRET" jew "CONFIDENTIEL" mill-Istat Membru jfisser li hemm impossibbiltà, bħala prinċipju, li d-dokument jiġi żvelat. Għad-dokumenti l-oħrajn li joriġinaw minn Stat Membru, din l-impossibbiltà tista' tiġi kkonstatata biss fuq it-talba espressa ta' dan l-Istat Membru.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż illi, skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, meta Stat Membru jitlob lil istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument maħruġ minnu mingħajr kunsens tiegħu minn qabel, l-istituzzjoni hija marbuta b'din it-talba. Għalhekk, it-tieni motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta ma evalwatx r-raġunijiet mogħtija mill-Istat Grieg in sostenn ta' l-opinjoni negattiva tiegħu dwar il-komunikazzjoni tad-dokument mitlub, mhuwiex fondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

63      Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta għamlet żball ta' dritt meta kisret l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni kkontestata, kuntrarjament għall-kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE. Hija tqis illi n-nuqqas ta' evalwazzjoni mill-konvenuta tar-raġunijiet mogħtija mill-Istat Grieg jikkostitwixxi nuqqas ta' motivazzjoni.

64      Ir-rikorrenti ssostni illi, f'din il-kawża, il-konvenuta sempliċement informatha bir-raġunijiet mogħtija mill-Istat Grieg in sostenn ta' l-opinjoni negattiva tiegħu. Imkien fiż-żewġ ittri mibgħuta mill-konvenuta lir-rikorenti, u b'mod partikolari fid-deċiżjoni kkontestata, ma tingħata spjegazzjoni tar-raġunijiet taċ-ċaħda tal-konvenuta li tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub. Billi għamlet dan, il-konvenuta ma ppermettietx lir-rikorrenti tidentifika r-raġunijiet għaċ-ċaħda tagħha li tiżvela d-dokument mitlub u ma ppermettietx lill-qorti Komunitarja teżerċita il-poter tagħha ta' stħarriġ ġudizzjarju.

65      Il-konvenuta ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija kompluta, peress illi hija spjegat ir-raġuni għaċ-ċaħda ta' l-aċċess għad-dokument, jiġifieri li l-awtoritajiet nazzjonali kienu talbuha sabiex ma tiżvelahomx.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

66      Għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita l-obbligu ta' motivazzjoni ta' deċiżjoni individwali għandu l-għan li jagħti indikazzjoni suffiċjenti lill-persuna kkonċernata sabiex tkun jaf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata tajjeb jew jekk hijiex, ivvizzjata bi żball li jista' eventwalment jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha u li jippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il-portata ta' dan l-obbligu tiddependi min-natura ta' l-att in kwistjoni u mill-kuntest li fih dan ġie adottat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' April 1996, Industrias Pesqueras Campos et vs Il-Kummissjoni, T-551/93, T-231/94 sa T-234/94, Ġabra p. II-247, punt 140; tat-3 ta' Frar 2000, CCRE vs Il-Kummissjoni, T-46/98 u T-151/98, Ġabra p. II-167, punt 46, u ta' l-14 ta' Mejju 2002, Associação Comercial de Aveiro vs Il-Kummisssjoni, T-80/00, Ġabra p. II‑2465, punt 35).

67      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tindika b'mod ċar illi l-konvenuta kienet ikkonsultat lill-awtoritajiet Griegi li kienu talbuha sabiex ma tiżvelax id-dokument u li, għalhekk, skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 kien impossibbli għaliha li tiżvela dan id-dokument.

68      Minn dan isegwi li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet kompluta, peress illi din spjegat ir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta' l-aċċess għad-dokument jiġifieri illi l-awtoritajiet nazzjonali kienu talbuha li ma tiżvelahx.

69      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie deċiż preċedentement, l-istituzzjoni hija marbuta bit-talba ta' l-Istat Membru skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. F'dawn il-kundizzjonijiet, ma kienx hemm bżonn li l-konvenuta tevalwa r-raġunijiet mressqa mill-Istat Grieg.

70      Fl-aħħar nett, anke jekk, fl-interess tat-trasparenza, il-konvenuta kkomunikat lir-rikorrenti l-motivi invokati mill-Istat Membru għandu jiġi kkonstatat illi mhuwiex obbligu tal-konvenuta li tispjega lir-rikorrenti r-raġunijiet li għalihom l-Istat Membru in kwistjoni għamel talba skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li d-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Istati Membri sabiex jimmotivaw talba bħal din.

71      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li t-tielet motiv mhuwiex fondat.

 Fuq ir-raba' motiv ibbażat, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk kellux jingħata aċċess parzjali għall-informazzjoni li hemm fid-dokument mitlub

 L-argumenti tal-partijiet

72      Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta għamlet żball ta' dritt li jikkonsisti minn ksur ta' l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 peress li ma eżaminatx jekk għandux jingħata aċċess parzjali għall-informazzjoni li hemm fid-dokument mitlub u li mhijiex koperta mill-eċċezzjonijiet.

73      Hija tosserva li l-konvenuta kkomunikatilha l-parti tat-talba ta' għajnuna finanzjarja mill-Fondi ta' Koeżjoni li kien fiha deskrizzjoni ta' l-aspetti prinċipali ta' l-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji u mhux it-test sħiħ ta' l-istudju, kif kienet talbet. Din il-komunikazzjoni ma kinitx tissodisfa l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li din id-deskrizzjoni ma kinitx tikkostitwixxi parti mid-dokument mitlub, fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.

74      Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja t-talba ta' l-Istat Membru sabiex ikun hemm ċaħda ta' l-aċċess, peress li l-konvenuta hija marbuta li tagħti aċċess wiesa' kemm jista' jkun għad-dokumenti, hija kellha teżamina jekk jistax jingħata aċċess parzjali. Peress li l-konvenuta ma kinitx ippruvat tistabbilixxi jekk setax jingħata aċċess parzjali, hija għamlet żball ta' dritt (sentenzi Il-Kunsill vs Hautala, punt 29 supra, punti 29 u 30, u Hautala vs Il-Kunsill, punt 29 supra, punti 85 sa 88).

75      Il-konvenuta tikkontesta dawn l-argumenti u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76      Skond l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk parti biss mid-dokument mitlub hija kkonċernata minn eċċezzjoni waħda jew mid-diversi eċċezzjonijiet msemmija aktar 'il fuq, il-partijiet l-oħrajn tad-dokument għandhom ikunu żvelati.

77      Huwa minn li, fid-deċiżjoni kkontestata, ma jissemma' xejn dwar il-fatt li l-konvenuta kienet ikkunsidrat il-possibbiltà li tagħti aċċċess parzjali għad-dokument mitlub. Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif ġiet informata r-rikorrenti, l-Istat Membru kien oġġezzjona kompletament għall-iżvelar tad-dokument sħiħ. Għalhekk, peress li l-konvenuta kienet marbuta b'din it-talba, l-aċċess parzjali għal dan id-dokument ma kienx possibbli. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-raġunijiet għaċ-ċaħda ta' l-aċċess parzjali għall-imsemmi dokument jinsabu impliċitament iżda neċessarjament fit-talba ta' l-Istat Membru.

78      Minn dan isegwi li l-motiv għandu jiġi miċħud.

79      Fid-dawl ta' kollu li ngħad preċedentement, ir-rikors għandu jiġi kompletament miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

80      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li tilef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-konvenuta.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Azizi

Jaeger

Czúcz

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta' Marzu 2005.


H. Jung

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.