Language of document : ECLI:EU:T:2009:193

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

11 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil ċerti impriżi tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’rata preferenzjali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Rikors għal annullament – Interess individwali – Ammissibbiltà – Artikolu 87(3)(ċ) KE – Artikolu 86(2) KE)”

Fil-Kawża T‑189/03,

ASM Brescia SpA, stabbilita f’Brescia (l-Italja), irrappreżentata minn F. Capelli, F. Vitale u M. Valcada, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003, L 77, p. 21),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, D. Šváby, S. Papasavvas, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, ASM Brescia SpA, hija kumpannija b’responsabbiltà limitata b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku, stabbilita fl-1998 wara li ġiet ittrasformata l-impriża speċjali bl-istess isem stabbilita fl-1908. B’99 % tal-azzjonijiet miżmuma mill-komun ta’ Brescia (l-Italja), ir-rikorrenti hija attiva fis-setturi tal-produzzjoni, tat-tqassim u tal-bejgħ tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-enerġija termika. Hija topera wkoll fis-setturi tal-ġbir, tat-trattament u tat-tqassim tal-ilma tax-xorb kif ukoll f’dak tat-trattament tal-ilma mormi. Barra minn hekk, hija attiva fis-settur tat-trattament tal-iskart, billi tiżgura b’mod partikolari, il-ġbir u t-tneħħija tal-iskart. Fl-aħħar nett, hija tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku urban u tamministra l-infrastrutturi u l-mezzi relatati miegħu. Hija teżerċita dawn l-attivitajiet fil-komun ta’ Brescia u, jekk ikun il-każ, f’komuni li jmissu miegħu.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2        Il-legge n° 142 ordinamento delle autonomie locali (Liġi Nru 142 li torganizza l-awtoritajiet lokali, tat-8 ta’ Ġunju 1990, GURI Nru 135, tat-12 ta’ Ġunju 1990, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 142/90”) introduċiet fl-Italja riforma tal-istrumenti legali ta’ organizzazzjoni għad-dispożizzjoni tal-komuni għall-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari fis-setturi tat-tqassim tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku u tat-trasport. L-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi, kif emendat, ipprovda l-possibbiltà għall-komuni li joħolqu kumpanniji f’diversi forom ġuridiċi sabiex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi. Fosthom dawn hemm kumpanniji kummerċjali jew kumpanniji b’responsabbiltà limitata b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90”).

3        F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 9 bis tal-legge n° 488 di conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 1° luglio 1986, n° 318, recante provvedimenti urgenti per la finanza locale (Liġi Nru 488 li tikkonverti f’liġi, b’ċerti emendi, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 318 tal-1 ta’ Lulju 1986, li jintroduċi miżuri urġenti favur il-finanzi lokali, tad-9 ta’ Awwissu 1986, GURI Nru 190, tat-18 ta’ Awwissu 1986), ingħata self b’rata speċjali ta’ interessi mill-Cassa Depositi e Prestiti (iktar ’il quddiem iċ-“CDDPP”) bejn l-1994 u l-1998 lil ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li kienu jipprovdu servizzi pubbliċi (iktar ’il quddiem is-“self taċ-CDDPP”).

4        Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, tal-Artikolu 3(69) u (70) tal-legge Nru 549 (su) misure di razionalizzazione della finanza pubblica (Liġi Nru 549 dwar miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi, tat-28 ta’ Diċembru 1995, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1995, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 549/95”) u tad-decreto-legge n° 331 (su) armonizzazione delle disposizioni in materia di imposte sugli oli minerali, sull’alcole, sulle bevande alcoliche, sui tabacchi lavorati e in materia di IVA con quelle recate da direttive CEE e modificazioni conseguenti a detta armonizzazione, nonché disposizioni concernenti la disciplina dei centri autorizzati di assistenza fiscale, le procedure dei rimborsi di imposta, l’esclusione dall’ILOR dei redditi di impresa fino all’ammontare corrispondente al contributo diretto lavorativo, l’istituzione per il 1993 di un’imposta erariale straordinaria su taluni beni ed altre disposizioni tributarie (Digriet Leġiżlattiv Nru 331 fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjoniiet dwar taxxi f’diversi oqsma, tat-30 ta’ Awwissu 1993, GURI Nru 203, tat-30 ta’ Awwissu 1993, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93”), iddaħħlu l-miżuri li ġejjin favur l-impriżi tal-Liġi Nru 142/90:

–        l-eżenzjoni mit-taxxi kollha fuq it-trasferimenti tal-attiv li jsiru mat-trasformazzjoni ta’ impriżi speċjali u impriżi muniċipali f’kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti”);

–        l-eżenzjoni totali mit-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri t-taxxa fuq il-profitti tal-persuni ġuridiċi u t-taxxa lokali fuq id-dħul, matul tliet snin, u sa mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 1999 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin”).

  Il-proċeduri amministrattivi

5        Wara li sar ilment fir-rigward tal-imsemmija miżuri, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Mejju, tas-16 ta’ Ġunju u tal-21 ta’ Novembru 1997, informazzjoni f’dan ir-rigward mingħand l-awtoritajiet Taljani.

6        B’ittra tas-17 ta’ Diċembru 1997, l-awtoritajiet Taljani pprovdew parti mill-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk, saret laqgħa fid-19 ta’ Jannar 1998, fuq talba tal-awtoritajiet Taljani.

7        B’ittra tas-17 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1999, C 220, p. 14).

8        Wara li rċeviet osservazzjonijiet minn terzi interessati u mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni talbet, diversi drabi, informazzjoni addizzjonali mingħand dawn tal-aħħar. Saru wkoll laqgħat bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Taljani kif ukoll it-terzi interessati li intervjenew.

9        Ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, bħal ACEA SpA, AEM SpA u Azienda Mediterranea Gas e Acqua SpA (AMGA), li ppreżentaw ukoll rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża (Kawżi T‑297/02, T‑301/02 u T‑300/02 rispettivament), sostnew, b’mod partikolari, li t-tliet tipi ta’ miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

10      L-awtoritajiet Taljani u l-Confederazione Nazionale dei Servizi (Confservizi), konfederazzjoni li tiġbor fiha b’mod partikolari kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u impriżi speċjali tal-komuni fl-Italja, adottaw, essenzjalment, din il-pożizzjoni.

11      Min-naħa l-oħra, il-Bundesverband der deutschen Industrie eV (BDI), assoċjazzjoni Ġermaniża tal-industija u tal-fornituri ta’ servizzi marbutin magħha, ikkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni setgħu jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mhux biss fl-Italja iżda wkoll fil-Ġermanja.

12      Bl-istess mod, Gas-it, assoċjazzjoni Taljana ta’ operaturi privati fis-settur tat-tqassim tal-gass, iddikjarat li l-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

13      Fil-5 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/193/KE dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (ĠU 2003, L 77, p. 21, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

14      Il-Kummissjoni tenfasizza qabel kollox li l-eżami tagħha jirrigwarda biss l-iskemi ta’ għajnuna ta’ portata ġenerali stabbiliti mill-miżuri inkwistjoni u mhux l-għajnuna individwali mogħtija lil diversi impriżi, minkejja li l-eżami tagħha fid-deċiżjoni kkontestata huwa ġenerali u astratt. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara li r-Repubblika Taljana “ma tatx vantaġġi fiskali fuq bażi individwali u ma nnotifikat[ha] […] b’ebda każ individwali ta’ għajnuna meta bagħtitilha l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tagħha”. Il-Kummissjoni tindika li hija tqis, konsegwentement, li għandha twettaq eżami ġenerali u astratt tal-iskemi inkwistjoni kemm mill-aspett tal-klassifikazzjoni tagħhom kif ukoll mill-aspett tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Skont il-Kummissjoni, is-self taċ-CDDPP u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin (iktar ’il quddiem, meqjusin flimkien, il-“miżuri inkwistjoni”) huma għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-għoti, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, ta’ tali vantaġġi lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandu bħala effett li jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fil-konfront tal-impriżi l-oħra kollha li jixtiequ jipprovdu l-istess servizzi (premessi 48 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-miżuri inkwistjoni huma inkompatibbli mas-suq komuni peress li la jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) u (3) KE u lanqas il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE u, barra minn hekk, jiksru l-Artikolu 43 KE (premessi 94 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li dawn it-taxxi huma dovuti meta tiġi kkostitwita entità ekonomika ġdida jew meta jsir trasferiment tal-attiv bejn diversi entitajiet ekonomiċi. Mill-aspett sostantiv, l-impriżi muniċipali, minn naħa, u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxi favurihom hija ġġustifikata min-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema (premessi 76 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tistipula kif ġej:

“Artikolu 1

L-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti […] ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Artikolu 2

L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin […] u l-vantaġġi li jirriżultaw mis-self [taċ-CDDPP …] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Din l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

L-Italja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlob lill-benefiċjarji jagħtu lura l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 2 li ngħatatilhom b’mod illegali.

L-irkupru tal-għajnuna għandu jsir mingħajr dewmien, skont il-proċeduri nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni effettiva u immedjata tad-deċiżjoni [kkontestata].

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data meta l-għajuna illegali ngħatat lill-benefiċjarji sad-data tal-ħlas lura effettiv tagħha. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ riferiment użata sabiex jiġi kkalkolat is-sussidju ekwivalenti tal-għajnuna reġjonali.

[…]”

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

20      Fid-9 ta’ Ottubru 2003, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

21      Fit-8 ta’ Awwissu 2002, ir-Repubblika Taljana wkoll ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C‑290/02). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan ir-rikors u dawk fil-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02 u T‑309/02 kellhom l-istess suġġett, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u li kienu konnessi, peress li l-motivi ppreżentati f’kull waħda minn dawn il-kawżi kienu simili ħafna. Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Ġunju 2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet il-proċeduri fil-Kawża C‑290/02 skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tagħha, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li taqta’ l-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02 u T‑309/02.

22      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirrinvija l-Kawża C‑290/02 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li saret kompetenti sabiex tiddeċiedi r-rikorsi ppreżentat minn Stati Membri kontra l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-26 ta’ April 2004, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 5, p. 85). Din il-kawża ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bir-referenza T‑222/04.

23      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Awwissu 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tirrinvija d-deċiżjoni tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għas-sentenza finali.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet, bil-miktub, domandi lill-partijiet, u dawn irrispondewhom fit-terminu stabbilit.

25      B’digriet tal-President tat-Tmien Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Marzu 2008, il-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02, T‑309/02, T‑189/03 u T‑222/04 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

26      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet fis-16 ta’ April 2008.

27      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin inkompatibbli mas-suq komuni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

29      Il-Kummissjoni tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti. Fil-fatt, din tal-aħħar mhijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

30      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala att ta’ portata ġenerali inkwantu tikkonċerna skema ta’ għajnuna u b’hekk numru indeterminat u indeterminabbli ta’ impriżi definiti skont kriterju ġenerali, bħall-fatt li huma parti minn kategorija ta’ impriżi. Fil-fehma tagħha, ma għandhomx jitqajmu dubji dwar il-portata ġenerali, u b’hekk in-natura leġiżlattiva, ta’ att minħabba l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom japplika f’mument partikolari, kemm-il darba jkun stabbilit li huwa japplika għalihom minħabba sitwazzjoni legali jew fattwali oġġettiva definita mill-att, relatata mal-għan tiegħu.

31      Skont il-Kummissjoni, sabiex individwu jkun ikkonċernat individwalment minn att ta’ portata ġenerali, dan l-att għandu jippreġudika d-drittijiet speċifiċi tiegħu jew l-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu għandha tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ta’ dan l-att fuq is-sitwazzjoni tal-imsemmi individwu. Il-Kummissjoni tikkunsidra madankollu li dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kellha konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kollha li bbenefikaw mill-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la kienet obbligata u lanqas setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tagħha fuq is-sitwazzjoni ta’ impriża preċiża. La d-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà u lanqas l-ordni ta’ rkupru li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata ma jirreferu għas-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji individwali.

32      Skont il-Kummissjoni, l-analiżi tagħha hija kkonfermata mill-ġurisprudenza eżistenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li tistipula li l-fatt li wieħed ikun benefiċjarju ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri li l-imsemmi benefiċjarju huwa kkonċernat individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

33      Kawżi iktar reċenti ma jqajmux dubji dwar din il-ġurisprudenza stabbilita. Skont il-Kummissjoni, is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni (C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sardegna Lines”), ma tistax tiġi applikata għar-rikorsi kollha ppreżentati minn benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli u li jkun ġie ordnat l-irkpru tagħha. Din il-konklużjoni għandha tinsilet b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tkun ġiet eżaminata b’mod astratt. Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sardegna Lines, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrenti fil-fatt ibbenefikat minn għajnuna individwali, peress li l-vantaġġ ingħata permezz ta’ att adottat abbażi ta’ liġi reġjonali kkaratterizzata minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni ġiet eżaminata bir-reqqa matul il-proċedura formali ta’ eżami.

34      Il-fatti ta’ dan il-każ huma differenti wkoll minn dawk li taw lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alzetta”), inkwantu, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni la kienet taf in-numru eżatt u lanqas l-identità tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, hija ma kellhiex l-informazzjoni kollha rilevanti u ma kinitx taf l-ammont ta’ għajnuna mogħtija f’kull wieħed mill-każijiet. Barra minn hekk, fil-każ preżenti, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tapplika b’mod awtomatiku, filwaqt li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Alzetta, iċċitata iktar ’il fuq, kienet ingħatat permezz ta’ att ulterjuri.

35      Għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, mhuwiex il-fatt li tkun magħrufa l-identità ta’ impriża li huwa importanti għall-finijiet tal-eżami tal-ammissibbiltà, iżda l-fatt li tkun inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal xi karatteristiċi tal-każ inkwistjoni li jkunu tali li jiġġustifikaw eżami individwali. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija ma kienet ingħatat ebda informazzjoni li turi li, fir-rigward tar-rikorrenti, il-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna jew kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti jew kompatibbli mas-suq komuni.

36      Fi kwalunkwe każ, la l-fatt li pparteċipat fil-proċedura formali ta’ eżami previst mill-Artikolu 88(2) KE, u lanqas l-ordni ta’ rkupru li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata mhuma biżżejjed, skont il-Kummissjoni, biex jindividwalizzaw lir-rikorrenti. Fil-fatt, billi r-rikorsi ppreżentati mill-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata mhumiex ammissibbli skont l-Artikolu 230 KE, l-istess għandu japplika għal dawk ippreżentati mill-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna li ma tkunx ġiet innotifikata.

37      Fl-aħħar lok, il-fatt li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti f’dan il-każ jiġi ddikjarat inammissibbli ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li r-rimedji legali previsti mill-Artikoli 241 KE u 234 KE huma biżżejjed (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677).

38      Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernaha individwalment u direttament peress li hija kumpannija tal-Liġi Nru 142/90, u b’hekk hija impriża koperta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li bbenefikat mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin u li ġie ordnat l-irkupru tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

39      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment minn din id-deċiżjoni ħlief jekk l-imsemmija deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif kien ikun individwalizzat id-destinatarju tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il‑Kummissjoni, C‑321/95 P, Ġabra p. I‑1651, punti 7 u 28).

41      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala prinċipju, mhuwiex ammissibbli li impriża tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward tal-impriża rikorrenti, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li tinvolvi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 15, u s-sentenza Alzetta, punt 34 iktar ’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fil-punti 34 u 35 tas-sentenza Sardegna Lines, punt 33 iktar ’il fuq, li, peress li l-impriża Sardegna Lines ma kinitx ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża biss minħabba li kienet impriża tas-settur marittimu f’Sardenja, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna għall-armaturi Sardi, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha, hija kienet ikkonċernata individwalment mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni kien ammissibbli (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Alzetta, punt 34 iktar ’il fuq, punt 39).

43      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti għandhiex il-kwalità ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ għajnuna settorjali u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il‑Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra p. II‑4063, punt 70).

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-ewwel lok, mir-risposta tar-rikorrenti għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward jirriżulta li r-rikorrenti hija tabilħaqq benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt ir-rikorrenti tafferma li bbenefikat, matul il-perijodu kkonċernat, mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin. Din l-affermazzjoni ma ġietx kontradetta mir-Repubblika Taljana.

45      Fit-tieni lok, mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

46      Minn dan isegwi li r-rikorrenti hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

47      Fir-rigward tal-interess dirett tar-rikorrenti, sa fejn l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lir-Repubblika Taljana tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlob lill-benefiċjarju jagħti lura l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni li tkun ingħatatlu b’mod illegali u sa fejn ir-rikorrenti bbenefikat minnha u għandha tħallasha lura, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala kkonċernata direttament minn din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salvat père & fils et vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 75).

48      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli sa fejn jirrigwarda l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

 Fuq il-mertu

49      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati rispettivament fuq:

–        ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet fundamentali;

–        ksur tal-Artikolu 88(1) KE tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339), u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE;

–        ksur tal-Artikolu 86(2) KE, tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        ksur tal-Artikolu 43 KE u nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet fundamentali

 L-argumenti tal-partijiet

50      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet fundamentali peress li ma wettqitx eżami iktar fid-dettall.

51      Ir-rikorrenti ssostni li, f’din il-kawża, il-kompetizzjoni u l-kummerċ intra-Komunitarju ma ġewx affettwati. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha, meta l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ġiet applikata, u anki sussegwentement, is-setturi li fihom hija kienet attiva ma kinux miftuħa għall-kompetizzjoni.

52      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza l-qafas legali li jirregola s-servizzi pubbliċi fl-Italja kif ukoll jekk is-swieq ikkonċernati kinux miftuħa għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fuq l-imsemmija swieq jikkostitwixxi preċiżament ir-raġuni li għaliha teżisti l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

53      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet limitata għas-servizzi pubbliċi lokali u li, għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tevalwa l-effett tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin fuq swieq oħra. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-klassifikazzjoni ta’ din l-aħħar għajnuna mill-Istat ma tistax tiddependi mill-kunsiderazzjoni li, teoretikament, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 setgħu joperaw fuq swieq oħra minbarra dak tas-servizzi pubbliċi lokali. Konsegwentement, il-Kummissjoni la kienet f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-effett tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin fuq swieq oħra, u lanqas li tuża dan il-fattur bħala argument sabiex tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-imsemmija eżenzjoni.

54      Ir-rikorrenti tosserva li, bil-konklużjoni li l-kompetizzjoni u l-kummerċ intra-Komunitarju ġew affettwati minħabba preġudizzji subiti minn impriżi barranin, il-Kummissjoni tassumi li dawn tal-aħħar kienu f’kompetizzjoni ma’ kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90. Din hija ipoteżi infondata.

55      Barra minn hekk, in-natura oġġettivament lokali tal-attivitajiet eżerċitati teskludi, fil-fehma tar-rikorrenti, effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Il-Kummissjoni ma vverifikatx jekk l-attivitajiet ikkonċernati kinux ta’ natura lokali.

56      Skont ir-rikorrenti, meta l-komuni taw il-konċessjonijiet tas-servizzi pubbliċi ma qiegħdux f’kompetizzjoni d-diversi impriżi. Barra minn hekk, huma ma kinux obbligati jagħmlu dan [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, u l-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar il-konċessjonijiet fid-dritt Komunitarju (ĠU 2000, C 121, p. 2)].

57      Ir-rikorrenti żżid li, anki fil-każ li dan ikun kontra r-regoli Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi, il-fatt li konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi jingħataw direttament lil ċerti impriżi jeskludi effett fuq il-kompetizzjoni intra-Komunitarja u, għalhekk, ksur tal-Artikolu 87 KE.

58      Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-amministrazzjoni diretta tas-servizzi fdati mill-komuni lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, u min-naħa l-oħra, il-kuntratti pubbliċi li għalihom ipparteċipaw ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90. Il-Kummissjoni ma vverifikatx jekk ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, u b’mod partikolari r-rikorrenti, ipparteċipawx f’kuntratti pubbliċi f’territorji oħra minbarra t-territorju ta’ riferiment tagħhom. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li l-attivitajiet extra-territorjali tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 kienu, bħala prinċipju, ipprojbiti, b’tali mod li hija ma setgħetx tipparteċipa f’sejħiet għal offerti barra mit-territorju komunali tal-oriġini tagħha. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-Artikolu 16 KE, kif se jiġi emendat bl-Artikolu III‑122 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (ĠU 2004, C 310, p. 1).

59      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha, tal-inqas, tagħmel differenza fl-analiżi tagħha skont id-diversi tipi ta’ forom ġuridiċi ppreżentati mir-regoli msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

60      Fl-istess replika, ir-rikorrenti tiċħad ukoll l-argument tal-Kummissjoni li ma kienx meħtieġ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tivverifika l-kamp tal-attività tagħha. Fil-fatt, dan l-argument iwassal għar-riżultat irraġonevoli li ġej:,minħabba l-karattru ġenerali u astratt tal-analiżi mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tillimita ruħha għal dikjarazzjoni ġenerali dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, anki fil-każ fejn ir-rikorrenti tipprova n-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-imsemmija eżenzjoni għas-sitwazzjoni speċifika tagħha. Tali riżultat ikun inġust u jċaħħad lir-rikorrenti minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

61      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tal-ordni ta’ rkupru indirizzata lir-Repubblika Taljana fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-benefiċjarji tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin huma obbligati, taħt l-imsemmija ordni ta’ rkupru, jirrimborsaw il-benefiċċju anki jekk ikunu operaw biss f’setturi magħluqa għall-kompetizzjoni. Minn naħa, il-Kummissjoni ma tippreċiżax, fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatturi u l-kriterji li jippermettu lill-awtoritajiet Taljani jiddistingwu bejn l-għajnuna eżistenti jew kompatibbli mill-għajnuna msemmija fl-ordni ta’ rkupru. Min-naħa l-oħra, skont it-Trattat KE, l-Istati Membri ma jistgħux jevalwaw huma nfushom il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta, skont ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni imponiet l-irkupru tal-benefiċċji kollha rċevuti bl-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin. Ir-rikorrenti ssostni li dan jagħti lok għal numru konsiderevoli ta’ rikorsi quddiem il-qrati nazzjonali, li jirrinvijaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 234 KE, il-kwistjoni dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li għalhekk hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħmel diversi analiżi tas-sitwazzjoni tal-benefiċjarji. Tali sitwazzjoni ma kinitx iseħħ li kieku l-Kummissjoni għamlet analiżi kompleta tal-informazzjoni legali u tal-leġiżlazzjoni applikabbli fis-setturi kkonċernati.

62      Skont ir-rikorrenti, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

63      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata biżżejjed.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

64      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija minn din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti. Fl-ewwel lok, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Fit-tieni lok, dan l-intervent għandu jkollu l-possibbiltà li jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fit-tielet lok, għandu jingħata vantaġġ selettiv. Fir-raba’ lok, l-intervent għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans et Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”, punti 74 u 75, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra p. I‑1627, punt 27).

65      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ssostni li żewġ kundizzjonijiet mill-erbgħa li għandhom jiġu sodisfatti sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 87(1) KE, jiġifieri dik li l-kummerċ intra-Komunitarju għandu jintlaqat u dik ta’ effett fuq il-kompetizzjoni, mhumiex sodisfatti f’dan il-każ.

66      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni hija marbuta mhux li tistabbilixxi effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk l-għajnuna hijiex kapaċi taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Għandu jitfakkar ukoll li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi tal-programm inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha jekk, minħabba r-regoli dettaljati li din l-iskema tipprovdi, din tal-aħħar hijiex tali li tagħti vantaġġ essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289).

68      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li kull għajnuna mogħtija lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq Komunitarju tista’ tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/92, Ġabra p. II‑1385, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Minbarra dan, ma jeżisti ebda limitu jew perċentwali li taħthom jista’ jitqies li l-kummerċ bejn l-Istati Membri mhuwiex affettwat. Fil-fatt, l-ammont relativament baxx ta’ għajnuna jew id-daqs relativament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux, a priori, l-eventwalità li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, magħrufa bħala “Tubemeuse”, C‑142/87, Ġabra p. I 959, punt 43; tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 42, u s-sentenza Altmark, punt 64 iktar ’il fuq, punt 81).

70      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li b’ebda mod ma kien eskluż li sussidju pubbliku mogħti lil impriża li tipprovdi biss servizzi ta’ trasport lokali jew reġjonali u li ma tipprovdix servizzi ta’ trasport barra mill-Istat ta’ oriġini tagħha jista’ madankollu jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti sussidju pubbliku lil impriża, il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport mill-imsemmija impriża tista’ tibqa’ l-istess jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jipprovdu s-servizzi ta’ trasport tagħhom fis-suq ta’ dan l-Istat jonqsu (sentenza Altmark, punt 64 iktar ’il fuq, punti 77 u 78).

71      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża għal kategorija speċifika ta’ impriżi, jiġifieri l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90. Il-fatt li kumpannija tkun waħda tal-Liġi Nru 142/90 huwa l-uniku rekwiżit sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-imsemmija skema.

72      Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin mhijiex limitata għal servizzi partikolari u li l-attivitajiet tal-impriżi koperti mill-imsemmija skema mhumiex limitati għas-settur tas-servizzi pubbliċi.

73      Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tieħu inkunsiderazzjoni kull tip ta’ attività jew ta’ suq sabiex tevalwa l-effetti tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm, ċertament, ir-rikorrenti sostniet li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ma kinux joperaw fi swieq kompetittivi u dan billi rreferiet, b’mod partikolari, għas-setturi ta’ attività tagħha, hija ma pprovdiet ebda prova valida sabiex issostni l-affermazzjoni li s-setturi ekonomiċi tas-servizzi pubbliċi koperti ma kinux miftuħin għall-kompetizzjoni f’dak iż-żmien. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-każ jirrigwarda skema ta’ għajnuna li tkopri diversi setturi u mhux diversi skemi ta’ għajnuna li kull waħda minnhom tkopri settur speċifiku.

75      Barra minn hekk, għandu jingħad li, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessi 73 u 84 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti setturi kkonċernati, bħal dawk tal-prodotti farmaċewtiċi, tal-iskart, tal-gass, tal-elettriku u tal-ilma, kienu kkaratterizzati minn ċertu livell ta’ kompetizzjoni fiż-żmien meta daħlet fis-seħħ il-miżura inkwistjoni.

76      Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li, fis-setturi ta’ attività tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, l-impriżi jikkompetu sabiex jiksbu l-konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi lokali fid-diversi komuni u li s-suq tal-imsemmija konċessjonijiet huwa suq miftuħ għall-kompetizzjoni (premessi 67 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata). Ftit jimporta li r-rikorrenti ma pparteċipat f’ebda sejħa għal offerti għall-għoti ta’ servizzi pubbliċi lokali f’żoni ġeografiċi oħrajn matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

77      L-argument marbut man-nuqqas ta’ kompetizzjoni u b’hekk ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati minħabba li fir-realtà s-servizzi kkonċernati ngħataw direttament lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandu jiġi rrifjutat. Minn naħa, l-għoti dirett ma jinvalidax il-konstatazzjoni magħmula fil-punti preċedenti li s-suq inkwistjoni kien ikkaratterizzat, għall-inqas, minn ċertu livell ta’ kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-argument pjuttost juri l-effetti restrittivi tal-miżura inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u mhux in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi eskluż li l-eżistenza nfisha tal-għajnuna favur kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ħeġġet lill-komuni sabiex jafdawlhom direttament is-servizzi minflok ma jagħtu konċessjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri miftuħa.

78      Fir-rigward, preċiżament, tal-kwistjoni jekk il-miżura kkonċernata ħolqotx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni fil-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni saħħet il-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 fil-konfront ta’ kull impriża Taljana jew barranija oħra attiva fis-suq ikkonċernat. Hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi li ma għandhomx il-forma ġuridika ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju u li l-parti l-kbira tal-kapital tagħhom mhijiex miżmuma mill-awtoritajiet lokali huma żvantaġġati fil-każ li jkunu jixtiequ jipparteċipaw f’sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizz partikolari f’territorju partikolari.

79      Barra minn hekk, l-attivitajiet tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 mhumiex limitati għas-settur tas-servizzi pubbliċi lokali. Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni tista’ tiffaċilita l-espansjoni tal-imsemmija kumpanniji fi swieq oħrajn li huma miftuħin għall-kompetizzjoni, u b’hekk tipproduċi effetti ta’ distorsjoni anki f’setturi differenti mis-servizzi pubbliċi lokali. F’dan ir-rigward, jirriżulta mil-Liġi Nru 142/90, kif interpretata mill-Corte suprema di cassazione, sentenza Nru 4989 tas-6 ta’ Mejju 1995, u mill-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat, l-Italja), sentenza Nru 4586 tat-3 ta’ Settembru 2001, li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandhom il-possibbiltà li jaġixxu f’territorji oħrajn kemm fl-Italja kif ukoll f’pajjiżi oħrajn u f’oqsma differenti minn dawk tas-servizzi pubbliċi previsti fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom, ħlief jekk dan inaqqsilhom riżorsi u mezzi b’mod kunsiderevoli u jekk ikun tali li jikkawża preġudizzju lill-awtorità ta’ riferiment. Barra minn hekk, mill-artikli tal-ġurnali annessi mar-risposta jirriżulta li almenu ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 eżerċitaw attività oħra minbarra dawk ta’ servizzi pubbliċi previsti fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom, u dan fuq territorji oħra barra l-komun ta’ riferiment tagħhom.

80      Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-kummerċ bejn l-Istati jkun affettwat, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-fatt li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 joperaw waħedhom fis-suq nazzjonali tagħhom jew fit-territorju tal-oriġini tagħhom mhuwiex determinanti. Fil-fatt, il-kummerċ bejn l-Istati huwa affettwat mill-miżura kkonċernata meta jitnaqqsu l-opportunitajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq Taljan (ara l-punt 70 iktar ’il fuq).

81      Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata li l-miżura kkonċernata setgħet toħloq ostaklu għall-impriżi barranin li xtaqu jistabbilixxu ruħhom fl-Italja jew joffru s-servizzi tagħhom hemmhekk u għaldaqstant kienet taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

82      Fil-fatt, minn naħa, il-miżura inkwistjoni tippreġudika lill-impriżi barranin li jressqu offerti għal konċessjonijiet lokali ta’ servizzi pubbliċi fl-Italja peress li l-impriżi pubbliċi li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni jistgħu joffru prezzijiet iktar kompetittivi mill-kompetituri nazzjonali jew Komunitarji tagħhom, li ma jibbenefikawx minnha. Min-naħa l-oħra, il-miżura kkonċernata tirrendi inqas attraenti għall-impriżi ta’ Stati Membri oħrajn l-investiment fis-settur tas-servizzi pubbliċi lokali fl-Italja (pereżempju, permezz tal-akkwist tal-maġġoranza tal-azzjonijiet), peress li l-impriżi mixtrija ma jkunux intitolati għall-għajnuna (jew jistgħu jitilfuha) minħabba n-natura tal-azzjonisti l-ġodda tagħhom (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

83      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonkludiet li l-kundizzjoniji li l-kummerċ intra-Komunitarju għandu jintlaqat u l-kundizzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni kienu sodisfatti f’dan il-każ.

84      Għal dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni spjegat biżżejjed, fil-premessi 62 sa 64, 69, 73 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata, għalfejn hija kienet ikkunsidrat li l-għajnuna inkwistjoni kienet tali li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, kif diġà ġie osservat, il-Kummissjoni mhijiex marbuta turi l-effetti reali tal-għajnuna diġà mogħtija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 33).

85      Fir-rigward tal-ordni ta’ rkupru, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru, kif ukoll il-ħlas, jekk ikun il-każ, tal-interessi relatati, hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Tubemeuse, punt 69 iktar ’il fuq, punt 66; tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑69/95, Ġabra p. I‑135, punt 47, u tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑110/02, Ġabra p. I‑6333, punt 41).

86      F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat li din il-ġurisprudenza tapplika kemm għal għajnuna individwali kif ukoll għal għajnuna mħallsa fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna.

87      Madankollu, l-analiżi ġenerali u astratta ta’ skema ta’ għajnuna ma teskludix li, f’każ individwali, l-ammont mogħti abbażi ta’ din l-iskema ma jaqax taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 87(1) KE, pereżempju, minħabba li l-għoti individwali ta’ għajnuna jaqa’ taħt ir-regoli de minimis. Din il-kunsiderazzjoni tispjega r-riżervi li jinsabu fil-premessi 72, 85 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata.

88      Għalkemm huwa ċertament minnu li r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali jillimita ruħu, meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tiddikjara għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u għalkemm, f’dan ir-rigward, dawn ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinicke & Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, punt 10). Madankollu, dan ma jipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali, meta jeżegwixxu l-imsemmija deċiżjoni, milli jieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-riżervi. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tordna biss l-irkupru tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE u mhux tal-ammonti li, għalkemm ikunu tħallsu taħt l-iskema inkwistjoni, ma jikkostitwixxux għajnuna jew jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew kompatibbli skont regolament ta’ eżenzjoni jew skont regoli de minimis jew inkella skont deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti nazzjonali hija kompetenti sabiex tinterpreta l-kunċetti ta’ għajnuna u ta’ għajnuna eżistenti u tista’ tiddeċiedi fuq l-eventwali karatteristiċi speċifiċi ta’ każ definit, jekk ikun hemm bżonn, billi tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

89      Barra minn hekk, li kieku jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti li l-evalwazzjoni astratta ta’ skema ta’ għajnuna, mingħajr eżami dettaljat tal-każijiet individwali ta’ applikazzjoni, ma tistax tagħti lok għal ordni ta’ rkupru, ikun ifisser li tiġi eskluża sistematikament il-possibbiltà li tiġi rkuprata l-għajnuna mħallsa indebitament u b’hekk li jitneħħa kull sinjifikat mill-Artikoli 87 KE u 88 KE. F’każ bħal dan, ikun impossibbli għall-Kummissjoni, li hija l-unika awtorità li hija kompetenti sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, li teżamina d-diversi każijiet ta’ applikazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna.

90      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 88(1) KE tar-Regolament Nru 659/1999 u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni;

 L-argumenti tal-partijiet

91      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li, anki meta l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, din tkun għajnuna eżistenti u għalhekk, il-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, kisret l-Artikolu 88 KE u l-Artikolu 1(b)(i) u (v) tar-Regolament Nru 659/1999. Hija ssostni wkoll li kien hemm nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

92      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li jekk l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, hija tikkostitwixxi għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex is-swieq ikkonċernati kienu magħluqa għall-kompetizzjoni matul il-perijodu ta’ riferiment. Il-Kummissjoni naqset milli tivverifika jekk is-setturi kkonċernati kinux magħluqa għall-kompetizzjoni u naqset milli timmotiva d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

93      It-tieni nett, ir-rikorrenti tindika li l-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi taħt sistema ta’ monopolju mill-komuni u mill-impriżi muniċipali ġiet eżentata mit-taxxi sa mill-bidu tas-seklu li għadda. Ir-rikorrenti tirreferi, b’mod partikolari, għad-decreto presidenziale n° 917 (sulla) approvazione del testo unico delle imposte sui redditi (digriet tal-President tar-Repubbliku Nru 917 dwar l-approvazzjoni ta’ test wieħed dwar it-taxxi fuq id-dħul, tat-22 ta’ Diċembru 1986, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tal-31 ta’ Diċembru 1986). Hija tenfasizza l-fatt li din l-eżenzjoni qatt ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni qabel. Skont ir-rikorrenti kien hemm kontinwità bejn, minn naħa, is-sistema fiskali li minnha kienu jibbenefikaw il-komuni u l-impriżi muniċipali minħabba l-attivitajiet ta’ amministrazzjoni ta’ servizzi pubbliċi lokali u, min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90. Fil-fatt l-impriżi muniċipali u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 jikkostitwixxu essenzjalment l-istess entità, taħt forma ġuridika differenti. Il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 daħlu fid-drittijiet u l-obbligi tal-impriżi muniċipali. Ir-raġuni li għaliha teżisti l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin hija n-nuqqas ta’ kompetizzjoni, li kien karatteristika tas-swieq ikkonċernati kemm qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat KE kif ukoll matul il-perijodu bejn l-1997 u l-1999. Għaldaqstant ftit tagħmel differenza l-forma ġuridika tal-impriżi inkarigati bl-eżekuzzjoni tas-servizzi pubbliċi. Barra minn hekk, ir-riformi tal-leġiżlatur Taljan tas-snin 90 biddlu biss il-forma ġuridika u t-trattament tal-operaturi inkwistjoni. Huma strument ġuridiku normali sabiex jiffaċilita t-trasformazzjoni f’sistema kompettitiva fis-setturi kkonċernati. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġuni li għaliha l-prinċipju ta’ kontinwità applikat fil-premessa 78 tal-imsemmija deċiżjoni ma japplikax sabiex l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti.

94      Il-kundizzjonijiet stabbiliti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C‑44/93, Ġabra p. I‑3829, iktar ’il quddiem is-“sentenza Namur”, punt 33), sabiex għajnuna tiġi kkunsidrata bħala eżistenti huma sodisfatti f’din il-kawża. Fil-fatt, il-kamp ta’ attività u l-benefiċċju inkwistjoni baqgħu l-istess. Barra minn hekk, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ma jistgħux joperaw fuq is-suq sabiex ifittxu opportunitajiet kummerċjali aħjar, huma għandhom l-għan li jipprovdu servizzi pubbliċi u jippreżentaw rabta mill-qrib mal-komun ta’ riferiment fis-sens li huma ġew ipprojbiti milli joperaw barra mit-territorju komunali [sentenzi tal-Consiglio di Stato Nru 243, tal-10 ta’ Marzu 1997 u tal-Corte suprema di cassazione Nru 4989 tas-6 ta’ Mejju 1995].

95      Anke jekk jitqies li l-kundizzjonijiet stabbiliti permezz tas-sentenza Namur, punt 94 iktar ’il fuq, mhumiex sodisfatti, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata bi żball fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna ġdida. Fil-fatt, il-kriterji stabbiliti permezz tas-sentenza Namur, punt 94 iktar ’il fuq, għandhom jiġu applikati f’din il-kawża fid-dawl tal-kuntest ġuridiku differenti applikabbli u tan-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-setturi kkonċernati speċifikament.

96      Il-Kummissjoni tqis, filwaqt li tirreferi għall-premessi 86 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

97      Fis-sentenza tagħha Namur, punt 94 iktar ’il fuq (punt 13), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm mill-kontenut kif ukoll mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88 KE jirriżulta li għandha titqies bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu l-għajnuna li kienet teżisti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u dik li setgħet tiġi eżegwita legalment taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 88(3) KE, inkluża dik l-għajnuna li tirriżulta mill-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra p. 1471, punti 4 sa 6) filwaqt li għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ notifika prevista mid-dispożizzjoni msemmija l-aħħar il-miżuri li jistabbilixxu jew ibiddlu għajnuna, filwaqt li jiġi ppreċiżat li t-tibdil jista’ jirrigwarda għajnuna eżistenti, jew proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni.

98      Fir-rigward tal-għajnuna eżistenti, l-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 irriproduċa u applika r-regoli stabbiliti mill-ġurisprudenza.

99      Skont din id-dispożizzjoni, dawn li ġejjin jikkostitwixxu għajnuna eżistenti:

i)       l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fl-Istat Membru kkonċernat;

ii)       kull għajnuna awtorizzata, li tfisser, l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

iii)  kull għajnuna kkunsidrata awtorizzata meta l-Kummissjoni tonqos li tadotta deċiżjoni f’terminu ta’ xahrejn, li bħala prinċipju jiddekorri mill-ġurnata wara dik meta hija tirċievi n-notifika kompleta tagħha, u li hija għandha sabiex twettaq eżami preliminari;

iv)       kull għajnuna li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għall-irkupru tagħha skada;

v)       kull għajnuna kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti minħabba li jista’ jiġi stabbilit li meta daħlet fis-seħħ hija ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna, iżda li sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma ġiet mibdula mill-Istat Membru. Il-miżuri li jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mid-dritt Komunitarju ma għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għal-liberalizzazzjoni.

100    Imbagħad, skont l-Artikolu 1(ċ) tal-imsemmi regolament, kull tibdil ta’ għajnuna eżistenti għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna ġdida.

101    Essenzjalment, il-miżuri li jistabbilixxu għajnuna jew li jibdlu għajnuna eżistenti jikkostitwixxu għajnuna ġdida. B’mod partikolari, meta t-tibdil jaffettwa l-essenza nfisha tal-iskema inizjali, din l-iskema tinbidel fi skema ta’ għajnuna ġdida. Madankollu, ma jistax ikun hemm tali bidla essenzjali meta l-element il-ġdid jista’ kjarament jinfired mill-iskema inizjali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309, punti 109 sa 111).

102    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-eżenzjoni ma taqax taħt it-tieni, it-tielet u r-raba’ sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 li jippermettu li miżura ta’ għajnuna tiġi kkunsidrata bħala eżistenti. Barra minn hekk, dawn ma ġewx invokati mir-rikorrenti.

103    Għal dak li jikkonċerna l-ewwel waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ġiet stabbilita mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93 u mil-Liġi Nru 549/95. Fl-1990, filwaqt li l-Liġi Nru 142/90 irriformat l-istrumenti ta’ organizzazzjoni legali li l-komuni kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jamministraw is-servizzi pubbliċi lokali, fosthom il-possibbiltà li jistabbilixxu kumpanniji b’responsabbiltà limitata b’kapital, fil-parti l-kbira, pubbliku, ma kienet ġiet prevista ebda eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għal dawn il-kumpanniji.

104    Fil-fatt, kull kumpannija tal-Liġi Nru 142/90 stabbilita bejn l-1990 u d-dħul fis-seħħ fit-30 ta’ Awwissu 1993 tal-Artikolu 66 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93 kienet suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul.

105    Konsegwentement, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex is-sistema fiskali applikabbli għall-awtoritajiet lokali tiġi estiża għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, il-leġiżlatur Taljan kellu jadotta liġi ġdida għexur ta’ snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE.

106    Barra minn hekk, anki jekk jingħad li l-eżenzjoni mit-taxxi għall-impriżi muniċipali ġiet introdotta qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u baqgħet fis-seħħ sal-1995, jibqa’ l-fatt li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 huma essenzjalment distinti mill-impriżi muniċipali. L-estensjoni tal-vantaġġi fiskali eżistenti għall-impriżi muniċipali u speċjali għal kategorija ġdida ta’ benefiċjarji, bħal dik tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, tikkostitwixxi bidla li tista’ tiġi mifruda mill-iskema inizjali. Fil-fatt, hekk kif huwa indikat fis-sentenza tal-Consiglio di Stato Nru 4586, tat-3 ta’ Settembru 2001, jeżistu differenzi legali bejn il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u l-impriżi muniċipli b’mod partikolari minħabba li dawk imsemmijin l-ewwel mhumiex suġġetti għal-limitu territorjali strett impost fuq dawk imsemmijin l-aħħar u li l-kampijiet ta’ attività ta’ dawk imsemmijin l-ewwel huma ħafna iktar estiżi. B’hekk, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 79 iktar ’il fuq, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandhom il-possibbiltà li jaġixxu barra mit-territorju ta’ riferiment kemm fl-Italja kif ukoll f’pajjiżi oħrajn u f’oqsma differenti minn dak tas-servizz pubbliku previst fl-istatut tagħhom, ħlief jekk dan inaqqsilhom b’mod kunsiderevoli riżorsi u mezzi u jekk ikun tali li jippreġudika lill-awtorità ta’ riferiment.

107    Konsegwentement, kif tispjega wkoll il-Kummissjoni fil-premessa 92 tas-sentenza kkontestata, għalkemm il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 daħlu fid-drittijiet u l-obbligi tal-impriżi muniċipali, il-leġiżlazzjoni li tiddetermina l-kampijiet ta’ attività materjali u ġeografika tagħhom inbidlet b’mod kunsiderevoli.

108    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, introdotta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(70) tal-Liġi Nru 549/95 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 66(14) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93 ma taqax taħt l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999.

109    Fir-rigward tal-argument l-ieħor tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi li miżura li ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha, iżda li sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma ġiet mibdula mill-Istat Membru tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif tispjega l-Kummissjoni fil-premessi 83 sa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna ġiet stabbilita f’mument meta s-swieq kienu, fi kwalunkwe każ, għalkemm x’aktarx f’livelli differenti, miftuħin għall-kompetizzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma taqax taħt l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

110    Għal din ir-raġuni, ma jistax jiġi konkluż li jeżisti nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-fatt li kienet teżisti ċerta kompetizzjoni fis-setturi li fihom il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 huma attivi kien ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni injorat l-argument li l-miżura inkwistjoni kellha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti (premessi 82 sa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    Minn dan jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE

 L-argumenti tal-partijiet

112    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball inkwantu ma kkunsidratx li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin kienet għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

113    Skont ir-rikorrenti, il-kompatibbiltà tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin mas-suq komuni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tirriżulta mill-fatt li hija ppermettiet it-trasformazzjoni tal-impriżi muniċipali u t-tranżizzjoni għal suq kompetittiv u li ppermettitilhom li jiffamiljarizzaw ruħhom bil-mod il-mod mal-mekkaniżmi li jirregolaw id-dritt privat. Il-Kummissjoni ma ħaditx dawn iċ-ċirkustanzi inkunsiderazzjoni.

114    Il-Kummissjoni, billi tirreferi għall-premessi 97 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

115    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-Artikolu 87(3) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il‑Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901, punt 18). L-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

116    Imbagħad, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, l-għajnuna lil impriżi li jinsabu f’diffikultà għandha tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturar koerenti li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni flimkien mal-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 45).

117    F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) ma kinux sodisfatti. L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma kinitx intiża sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jagħmlu profitt u ma kinitx irriżervata għal impriżi li kienu jinsabu f’diffikultà. Barra minn hekk, ma ġie ppreżentat l-ebda pjan ta’ ristrutturar jew miżura intiża biex tikkumpensa d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni inerenti fl-għoti tal-għajnuna inkwistjoni (premessi 97 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

118    Għal dak li jikkonċerna l-argument li l-miżura inkwistjoni ffaċilitat il-bidla ta’ ekonomija tas-suq ikkaratterizzata minn monopolju f’dik ta’ suq kompetittiv, biżżejjed jiġi osservat, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma setgħetx tiffaċilita l-introduzzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati, peress li diġà kien hemm ċertu livell ta’ kompetizzjoni fil-maġġoranza tal-każijiet, fl-istadju tal-għażla tal-fornitur tas-servizz, iżda wkoll għaliex l-imsemmija eżenzjoni ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni billi saħħet il-pożizzjoni ta’ ċerti operaturi.

119    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 86(2) KE, tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

120    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, wettqet żball inkwantu, meta vverifikat jekk l-Artikolu 86(2) KE kienx applikabbli għal dan il-każ, hija ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 16 KE, introdott bit-Trattat ta’ Amsterdam. L-Artikolu 86(2) KE għandu jiġi wkoll interpretat fid-dawl tal-Artikolu III‑122 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Peress li kien involut qasam partikolari, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika regoli u kriterji ġenerali. Barra minn hekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx ċar, skont ir-rikorrenti, li r-regoli dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 54) kienu japplikaw għas-settur tas-servizzi pubbliċi. Il-Kummissjoni injorat dan il-fatt. Minn din l-inċertezza legali jirriżulta, barra minn hekk, ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

121    Il-Kummissjoni turi li l-għoti ta’ għajnuna jista’, skont l-Artikolu 86(2) KE, jevita l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 87 KE bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-għajnuna inkwistjoni tippermetti li tiġi segwita attività ta’ servizz pubbliku definita u attribwita b’att ta’ awtorità pubblika u li l-benefiċċju mogħti jikkumpensa biss l-ispejjeż żejda riżultanti mis-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Ir-rikorrenti ma wrietx li dan kien il-każ fir-rigward tal-miżura inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

122    Qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li dan il-każ jittratta skema ta’ għajnuna. Minħabba f’hekk, għandu jintwera li din l-iskema tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex tkun tista’ tevita l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jiġifieri sabiex tkun tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE.

123    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li intervent mill-Istat li jikkostitwixxi kumpens li jirrapreżenta l-ħlas tas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jibbenefikawx, fir-realtà, minn vantaġġ finanzjarju, u li l-imsemmi intervent għalhekk ma għandux l-effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi f’kompetizzjoni magħhom, ma jikkostitwixxix, bħala prinċipju, għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Altmark, punt 64 iktar ’il fuq, punt 87.)

124    Madankollu, sabiex tali kumpens ikun jista’ jevita l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti b’mod kumulattiv. Fost dawn hemm il-kundizzjoni li l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, obbligi li għandhom jiġu definiti b’mod ċar (sentenza Altmark, punt 64 iktar ’il fuq, punt 89), u l-kundizzjoni li l-kumpens ma jkunx iktar minn dak meħtieġ sabiex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti minnhom riżultanti mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom kif ukoll qliegħ raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (sentenza Altmark, punt 64 iktar ’il fuq, punt 92).

125    Għandu jiġi osservat li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata saret qabel l-għoti tas-sentenza Altmark, punt 64 iktar ’il fuq. Madankollu, il-kriterji stabbiliti f’din is-sentenza, riżultanti minn interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, huma kompletament applikabbli għas-sitwazzjoni fattwali u legali tal-kawża preżenti kif kienet ippreżentata lill-Kummissjoni meta din adottat id-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑81), punt 158).

126    L-ewwel kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Altmark, punt 64 iktar ’il fuq, li l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, tapplika wkoll fil-każ fejn tkun ġiet invokata d-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE.

127    Fiż-żewġ każijiet, miżura għandha, fi kwalunkwe każ, minn naħa, tissodisfa l-prinċipji ta’ definizzjoni u għoti ta’ servizz pubbliku, u min-naħa l-oħra, ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punt 160).

128    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tat l-ebda dettall dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni kkontestata tispjega b’mod ċirkustanzjali, fil-premessi tagħha 108 sa 120, ir-raġuni għaliex l-għajnuna inkwistjoni ma tissodisfax l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma pprovatx tikkontesta din il-kostatazzjoni. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-Artikolu 16 KE f’dan ir-rigward u għall-Artikolu III‑122 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa huwa irrilevanti, peress li dan tal-aħħar ġie iffirmat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma daħalx fis-seħħ u peress li, barra minn hekk, ġie ssostwit bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 115, p. 1). Barra minn hekk, l-Artikolu 16 KE bl-ebda mod ma jimplika “awtorizzazzjoni mingħajr limiti” għall-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna lil impriża ta’ servizz pubbliku. Fir-rigward tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 54), għandu jiġi kkunsidrat li din għandha karattru interpretattiv u mhux kostituttiv u li l-kriterji applikati mill-Kummissjoni huma dawk li jistgħu jiġu dedotti mill-ġurisprudenza b’tali mod li l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali għandu jiġi miċħud.

129    Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-istruttura tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Liġi Nru 142/90 ma tistax tiġi kklassifikata bħala att ta’ awtorità pubblika li toħloq u tiddefinixxi miżura partikolari li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi pubbliċi lokali b’osservanza tal-obbligi speċifikati. Barra minn hekk, din il-liġi ma tiddefinixxix, b’mod ċar u preċiż, l-obbligi ta’ servizz pubbliku inkwistjoni.

130    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar il-prinċipji ta’ definizzjoni u għoti ta’ missjonijiet ta’ servizz pubbliku mhijiex sodisfatta.

131    Konsegwentement, ir-raba’ motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 43 KE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

132    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi stqarret, fil-premessi 121 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tikser l-Artikolu 43 KE. Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmija miżura ma taffettwax id-dritt ta’ stabbiliment, iggarantit minn din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ma tintroduċi l-ebda diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità. Hija tinvoka wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

133    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

134    Għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-ewwel u t-tielet motivi ġew miċħuda inkwantu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tikkostitwixxi għajnuna u inkwantu l-kundizzjonijiet sabiex l-impriżi jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-deroga prevista mill-Artikolu 87(3) KE mhumiex sodisfatti. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin mas-suq komuni minħabba l-ksur tal-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ libertà ta’ stabbilitment tikkonċerna motivazzjoni sussidjarja fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, il-ħames motiv huwa irrilevanti.

135    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

136    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

137    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM”ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      ASM Brescia SpA hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni.

Martins Ribeiro

Šváby

Papasavvas

Wahl

 

      Dittrich

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Ġunju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.