Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2014 – Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill

(Kawża T-95/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Iranian Offshore Engineering & Construction Co. (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: J. Viñals Camallonga, L. Barriola Urruticoechea u J. Iriarte Ángel, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/6661 sa fejn jikkonċernaha u sabiex tiġi eskluża mill-anness tal-imsemmija deċiżjoni;

tannulla l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, sa fejn jikkonċernaha u sabiex tiġi eskluża mill-anness tal-imsemmi regolament, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 3), u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 18), sa fejn jipprevedu l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw l-imsemmija miżuri restrittivi.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-dispożizzjonijiet ikkontestati, peress li huma neqsin minn bażi fattwali u probatorju reali.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li, f’dak li jikkonċerna IOEC, il-motivazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mhux biss hija mingħajr bażi, iżda ma hijiex preċiża, ma hijiex speċifika u hija ġenerika, u b’hekk tipprekludi lir-rikorrenti milli tkun tista’ tħejji d-difiża tagħha b’mod xieraq.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tal-atti, l-assenza ta’ prova tal-motivi allegati u d-drittijiet tad-difiża u għall-proprjetà, peress li ma ġewx osservati l-obbligu ta’ motivazzjoni u n-neċessità li jiġu prodotti provi reali, li għandu effett fuq id-drittijiet l-oħra.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, peress li jeżistu indikazzjonijiet oġġettivi, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi sostnut li l-Kunsill abbuża mill-pożizzjoni tiegħu u b’mod frawdolenti, peress li adotta l-miżuri ta’ sanzjoni għal għanijiet li kienu differenti minn dawk allegati minnu.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tar-regoli ġuridiċi applikati, peress li saret interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata u wiesgħa tagħhom, li huwa inammissibbli meta dawn ikunu dispożizzjonijiet li jistipulaw sanzjonijiet.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà, sa fejn dan ġie limitat mingħajr ġustifikazzjoni reali.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li ppreġudika l-pożizzjoni komparattiva tal-impriża rikorrenti mingħajr ma jeżistu raġunijiet biex jagħmel dan.