Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2014 – St’art et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-93/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: St’art – Fonds d’investissement dans les entreprises culturelles (Mons, il-Belġju); Stichting Cultuur – Ondernemen (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi); u Angel Capital Innovations Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: L. Dehin u C. Brüls, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat u għaldaqstant tannulla l-att ikkontestat:

jiġifieri d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li d-data tagħha ma hijiex magħrufa iżda li ġiet ifformalizzata fid-29 ta’ Novembru 2013, li tirkupra s-somma ta’ EUR 140 500.01 mingħand il-kumpannija EDC fil-kuntest tal-kuntratt “Factor SI.2.609157-2/G/ENT/CIP/11/C/N03C011”, li toħroġ nota ta’ debitu f’dan ir-rigward u li teżiġi f’dan ir-rigward, jekk ikun hemm bżonn, ir-responsabbiltà in solidum tal-membri l-oħra tal-konsorzju.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u b’mod partikolari tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità, sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirkupra l-ħlasijiet bil-quddiem magħmula lill-kumpannija EDC fil-kuntest tal-proġett “C-I Factor” u li teżiġi f’dan ir-rigward ir-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti, membri tal-konsorzju, hija allegatament ibbażata fuq id-deċiżjoni illegali li jitwaqqaf il-kuntratt ta’ sussidju.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq abbuż u fuq użu ħażin ta’ poter, kif ukoll fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tal-prinċipju ġenerali “patere legem quam ipse fecisti”, sa fejn il-Kummissjoni ma pprovdietx elementi li permezz tagħhom, minn naħa, jista’ jkun magħruf jekk eżaminatx l-osservazzjonijiet magħmula mill-konsorzju li minnu jagħmlu parti r-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, jistgħu jkunu magħrufa r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-osservazzjonijiet. Ir-rikorrenti jikkritikaw ukoll lill-Kummissjoni talli ma tathomx il-possibbiltà jeżegwixxu huma stess l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt sabiex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet eventwali min-naħa tal-kumpannija EDC.