Language of document : ECLI:EU:T:2015:433

Kawża T‑95/14

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Iranian Offshore Engineering & Construction Co.

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Żball ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Użu ħażin ta’ poter — Dritt għall-proprjetà — Ugwaljanza fit-trattament”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2015

1.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran — Kunċett

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2013/661/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012 u Nru 1154/2013)

2.      Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Portata tal-istħarriġ — Esklużjoni tal-elementi li nġiebu għall-attenzjoni tal-istituzzjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 1154/2013)

3.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Appoġġ loġistiku lill-Gvern tal-Iran — Kunċett — Attività li tista’, permezz tal-importanza kwantitattiva u kwalitattiva tagħha, tiffavorixxi l-proliferazzjoni nukleari billi tippermetti lill-Gvern tal-Iran jissodisfa bżonnijiet loġistiċi determinati — Inklużjoni

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2013/661/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012 u Nru 1154/2013)

1.      Fir-rigward ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran, bħall-iffriżar ta’ fondi tal-entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran, il-kriterju ta’ appoġġ finanzjarju lill-imsemmi gvern ma jikkonċernax kull forma ta’ appoġġ, iżda biss il-forom ta’ appoġġ li, minħabba l-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tagħhom, jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-attivitajiet nukleari Iranjani.

Appoġġ ta’ dan it-tip jista’ jirriżulta b’mod partikolari minn konnessjonijiet ta’ natura kapitalistika li jorbtu impriża mal-Istat tal-Iran, b’tali mod li in fine dan jibbenefika mid-dividendi u mill-valur miżjud li jirriżulta mill-attività eżerċitata minn din l-impriża.

(ara l-punti 43, 44)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 46)

3.      Id-definizzjoni tal-kelma “loġistiku” imsemmija fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, ma tillimitax ruħha għal attivitajiet ta’ trasport ta’ merkanzija jew ta’ persuni. Fil-fatt din il-kelma ta’ spiss tinftiehem fis-sens li tinkludi kull attività relatata mal-organizzazzjoni u l-implementazzjoni ta’ operazzjoni jew ta’ proċess kumpless. Għalhekk il-loġistika hija kunċett trażversali li tista’ tinkludi tipi differenti ta’ operazzjonijiet bħall-provvista ta’ materja prima, il-ġestjoni ta’ materjal, il-kunsinna ta’ prodotti jew ukoll il-manutenzjoni. Konsegwentement, kull attività li, anki jekk fiha nnifisha, ma għandha ebda rabta diretta jew indiretta mal-proliferazzjoni nukleari, madankollu tista’, permezz tal-importanza kwantitattiva u kwalitattiva tagħha, tiffavorixxiha billi tippermetti lill-Gvern tal-Iran tissodisfa bżonnijiet loġistiċi determinati, bħal fis-settur taż-żejt u tal-gass, li jiġġenera dħul sostanzjali għall-gvern imsemmi, għandha tiġi kkunsidrata bħala appoġġ loġistiku fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

Issa, l-attivitajiet ta’ inġinerija, ta’ kostruzzjoni u ta’ manutenzjoni ta’ entità attiva fil-qasam tal-inġinerija, fil-kostruzzjoni u fl-assemblaġġ ta’ infrastrutturi, fuq il-baħar u fuq l-art, għal proġġetti fis-setturi taż-żejt jew tal-gass, li tippreżenta ruħha bħala l-ewwel kontraenti Iranjana fil-qasam tal-kostruzzjoni u tal-installazzjoni tal-infrastruttura fil-baħar, huma indispensabbli għall-funzjonament it-tajjeb tal-industrija tal-gass u tal-petrol tal-Iran. Mingħajr l-installazzjonijiet ta’ perforazzjoni, ta’ estrazzjoni u ta’ trażmissjoni, b’mod partikolari l-mini tal-gass u taż-żejt, din l-industrija ma tistax tiffunzjona. L-installazzjonijiet u l-produzzjonijiet tal-imsemmija entità, minħabba l-importanza kwalitattiva u kwantitattiva tagħhom, huma għalhekk neċessarji sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tas-settur taż-żejt u tal-gass fl-Iran, li huwa kkontrollat mill-Gvern tal-Iran permezz ta’ diversi impriżi statali. Appoġġ loġistiku ta’ dan it-tip ipprovdut minn din l-entità lill-imsemmi gvern għalhekk jissodisfa l-kriterju previst fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 ġaladarba, skont il-premessa 22 tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2012/35/PESK, l-Iran jislet dħul sostanzjali mis-settur enerġetiku tagħha li jippermettilu jiffinanzja l-attivitajiet nukleari tiegħu b’mod li jinħoloq riskju ta’ proliferazzjoni.

Għalhekk il-Kunsill ma jwettaq ebda żball ta’ evalwazzjoni billi jinkludi isem tali entità fil-listi tal-persuni u entitajiet issanzjonati minħabba li hija tipprovdi appoġġ loġistiku lill-Gvern tal-Iran.

(ara l-punti 53-55)