Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka) fil-11 ta’ Jannar 2024 – NOVIS Insurance Company, NOVIS Versicherungsgesellschaft, NOVIS Compagnia di Assicurazioni, NOVIS Poisťovňa vs Česká národní banka

(Kawża C-18/24, NOVIS)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší správní soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: NOVIS Insurance Company, NOVIS Versicherungsgesellschaft, NOVIS Compagnia di Assicurazioni, NOVIS Poisťovňa a.s.

Konvenut: Česká národní banka

Domandi preliminari

L-Artikolu 155 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni 1 (Solvibbiltà II) għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-każijiet fejn l-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat ospitanti teżerċita kontroll fuq l-osservanza, minn impriża tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, tal-obbligi previsti mir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) 2 jew mid-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni 3 (SDG)?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 155 tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II jimplika setgħat superjuri tal-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat ta’ oriġini kif ukoll l-obbligu tal-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat ospitanti li teżawrixxi fl-ewwel lok il-proċeduri ta’ notifika u ta’ teħid ta’ miżuri sabiex tirrimedja l-irregolaritajiet previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-artikolu tad-direttiva, anke fil-każ ta’ penalitajiet amministrattivi imposti skont il-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-artikolu tad-direttiva?

____________

1 .    ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 219, p. 66, fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, fil-ĠU 2019, L 316, p. 107 u fil-ĠU 2022, L 108, p. 69

1     ĠU 2014, L 352, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 358, p. 50

1     ĠU 2016, L 26, p. 19.