Language of document : ECLI:EU:T:2013:282

Kawżi magħquda T‑454/10 u T‑482/11

Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav) et

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Għajnuna lis-settur tal-frott u tal-ħaxix — Rikors għal annullament — Interess dirett — Ammissibbiltà — Frott u ħaxix ipproċessat — Fondi operattivi u programmi operattivi — Finanzjament ta’ ‘attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar’”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ Mejju 2013

1.      Rikors għal annullament — Termini — Dekadenza — Kunċett — Att li jikkonferma att preċedenti definittiv — Inklużjoni — Emenda ta’ dispożizzjoni ta’ regolament — Ftuħ mill-ġdid tar-rikors kontra din id-dispożizzjoni u kontra d-dispożizzjonijiet kollha li flimkien magħha jifformaw grupp wieħed

(is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess dirett — Kriterji — Dispożizzjonijiet li jipprevedu l-eliġibbiltà ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi sabiex jirċievu għajnuna li tkopri attivitajiet imwettqa ukoll minn proċessaturi li ma jifformawx parti minn organizzazzjoni tal-produtturi — Dispożizzjoni li tipprevedi l-eliġibbiltà tal-investimenti u tal-azzjonijiet relatati mal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix — Assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rati fissi għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata — Effett dirett fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-membri tagħhom

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1580/2007, Artikolu 52(2a) u Nru 543/2011, Artikoli 50(3) u 60(7))

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Dispożizzjoni li tipprevedi l-għoti ta’ għajnuna tal-Unjoni — Kompetitur tal-benefiċjarju tal-għajnuna — Dritt għal azzjoni legali

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

4.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Kunċett ta’ att regolatorju skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — L-atti kollha ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti regolatorji — Regolamenti tal-Kummissjoni li jipprevedu l-għoti ta’ għajnuna lis-settur tal-frott u tal-ħaxix — Inklużjoni — Atti li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1580/2007, Artikolu 52(2) u Nru 543/2011, Artikoli 50(3) u 60(7))

5.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tħares u li tirrappreżenta lill-membri tagħha — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

6.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra att imħassar — Effetti rispettivi tat-tħassir u tal-annullament

(Artikoli 264 TFUE u 266 TFUE)

7.      Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Prodotti pproċessati abbażi ta’ frott u ħaxix — Għajnuna għall-produzzjoni — Inklużjoni tal-valur ta’ “attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar” — Eliġibbiltà għall-finanzjament tal-Unjoni tal-investimenti u tal-azzjonijiet relatati mal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix — Inammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 103c u l-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1580/2007, Artikolu 29 u t-tieni paragrafu tal-52(2a) u Nru 543/2011, Artikoli 27, 50(3) u 60(7))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 29)

2.      Fil-qasam tar-rikors għal annullament, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, hekk kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li l-miżura kkontestata tal-Unjoni Ewropea toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

Organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-membri tagħhom huma direttament ikkonċernati mill-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti Nru 2200/96, Nru 2201/96 u Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex, kif ukoll mill-Artikoli 50(3) u 60(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat, sa fejn l-effett fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom jirriżulta direttament mir-rati fissi speċifiċi stabbiliti mill-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u mill-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 kif ukoll mill-eliġibbiltà tal-investimenti u tal-azzjonijiet relatati mal-ipproċessar għall-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 60(7) ta’ dan l-aħħar regolament.

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet stabbilixxew sistema li abbażi tagħha l-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma eliġibbli sabiex jirċievu l-għajnuna li tkopri attivitajiet ta’ pproċessar eżerċitati wkoll minn proċessaturi li ma jifformawx parti minn organizzazzjoni tal-produtturi, anki jekk dawn l-attivitajiet issejħu attivitajiet li ma humiex attivitajiet “proprji” tal-ipproċessar. Barra minn hekk, la l-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u lanqas l-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 ma jħallu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rati fissi għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011.

(ara l-punti 36, 38‑40)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 41)

4.      Fil-qasam tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, ir-Regolament Nru 1580/2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti Nru 2200/96, Nru 2201/96 u Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat, jikkostitwixxu atti regolatorji fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li dawn la huma atti leġiżlattivi, kif iddefiniti fl-Artikolu 289(3) TFUE u lanqas atti individwali. Barra minn hekk, l-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u l-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 għandhom jitqiesu bħala li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-ħlas tal-għajnuna tal-Unjoni skont dawn id-dispożizzjonijiet isir permezz tal-awtoritajiet nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li l-istrumenti li permezz tagħhom dawn l-awtoritajiet jagħmlu l-ħlasijiet inkwistjoni ma jikkonċernawx lill-organizzazzjonijiet rikorrenti u la huma indirizzati u lanqas innotifikati lilhom. Barra minn hekk, kull organu li jħallas jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont ir-regoli applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, li ma jipprovdux neċessarjament għall-adozzjoni ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali.

(ara l-punti 42, 43)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 46)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 49)

7.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti Nru 2200/96, Nru 2201/96 u Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex, l-Artikolu 50(3) u l-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat, huma annullati sa fejn dawn jipprovdu li l-valur ta’ “attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar” huwa inkluż fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-frott u tal-ħaxix intiż għall-ipproċessar, kif ukoll sa fejn dawn jipprovdu li investimenti u azzjonijiet relatati mal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni.

Għaldaqstant, l-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u l-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 għandhom bħala effett l-għoti ta’ għajnuna fis-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat favur l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jipproċessaw huma stess il-produzzjoni tagħhom jew li jitolbu li hija tiġi pproċessata f’isimhom. Dawn id-dispożizzjonijiet jiksru r-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli, peress li dan tal-aħħar ma jipprovdix għall-ħlas ta’ tali għajnuna, u jinvolvu għaldaqstant diskriminazzjoni bejn il-proċessaturi tal-Unjoni li jinsabu f’pożizzjoni ta’ kompetizzjoni. Dawn l-effetti huma prodotti sa fejn ir-rati fissi ċċitati f’dawn id-dispożizzjonijiet ikopru wkoll l-ispiża ta’ ċerti attivitajiet eżerċitati mill-proċessaturi fil-kuntest tal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix li l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi jikkonsenjawlhom, peress li l-għajnuna li tkopri ċerti spejjeż ta’ dawn l-attivitajiet hija mogħtija biss meta l-ipproċessar isir mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew taħt ir-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ esternalizzazzjoni, kif iddefinita fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1580/2007 u fl-Artikolu 27 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011.

L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011. L-ewwel nett, din id-dispożizzjoni tiddikjara eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni kull azzjoni jew kull investiment imwettaq minn organizzazzjoni tal-produtturi u relatat mal-ipproċessar, mingħajr lanqas ma tillimita l-portata ta’ dik l-eliġibbiltà għall-“attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar”. It-tieni nett, il-fatt li l-eliġibbiltà inkwistjoni tiddependi fuq l-ilħiq tal-għanijiet tal-Artikolu 103c jew tal-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1234/2007 ma jirrendix id-dispożizzjoni inkwistjoni kompatibbli ma’ dan l-aħħar regolament. Għaldaqstant, il-fatt li organizzazzjoni tal-produtturi tkun trid tilħaq wieħed minn dawn l-għanijiet ma huwiex ta’ natura li jippermetti l-finanzjament ta’ attivitajiet relatati mal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix.

(ara l-punti 76‑78, 81)