Language of document : ECLI:EU:T:2014:249





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-13 ta’ Mejju 2014 — McBride et vs Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T‑458/10 sa T‑467/10 u T‑471/10)

“Sajd — Miżuri ta’ konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd — Ristrutturazzjoni tas-settur — Applikazzjonijiet għal żieda tal-għanijiet tal-programm ta’ gwida multiannwali intiż biex itejjeb is-sigurtà abbord — Applikazzjoni tal-Irlanda dwar diversi bastimenti — Deċiżjoni meħuda wara l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni inizjali dwar l-istess proċedura — Deċiżjoni ġdida ta’ ċaħda — Inkompetenza tal-Kummissjoni”

Sajd — Politika komuni tal-istrutturi — Programmi ta’ gwida multiannwali — Miżuri intiżi għaż-żieda tal-għanijiet ta’ programm għat-titjib tas-sigurtà fuq il-baħar u li jippermettu ż-żieda ta’ kapaċità ta’ ċerti bastimenti — Kompetenza ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245 — Applikazzjonijiet għal żieda tal-għanijiet tal-programm ta’ gwida multiannwali POP IV bil-għan li jiġu mtejba s-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-bastimenti ta’ tul ġenerali ta’ iktar minn tnax-il metru — Assenza ta’ bażi legali — Nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni (Artikoli 5 TUE u 13(2) TUE; Artikolu 2(6) TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413, Artikolu 4(2); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245) (ara l-punti 21, 23-27, 33-36, 40-46)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C (2010) 4758, C (2010) 4748, C (2010) 4757, C (2010) 4751, C (2010) 4764, C (2010) 4750, C (2010) 4761, C (2010) 4767, C (2010) 4754, C (2010) 4753 u C (2010) 4752, tat-13 ta’ Lulju 2010, li jiċħdu l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Irlanda sabiex jiżdiedu l-għanijiet tal-Programm ta’ Gwida Multiannwali IV għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1997 sal-31 ta’ Diċembru 2001 sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-titjib fil-qasam tas-sigurtà fir-rigward tal-bastimenti Peader Elaine II, Heather Jane II, Pacelli, Marie Dawn, Westward Isle, Golden Rose, Shauna Ann, Antartic, Niamh Eoghan, Menhaden u Brendelen, li jappartjenu rispettivament lil P. McBride, lil H. McBride, lil Mullglen, lil C. Boyle, lil T. Flaherty, lil Ocean Trawlers, lil P. Fitzpatrick, lil E. McHugh, lil E. Hannigan, lil L. Murphy u lil B. Gill, adottati wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE, tal-4 ta’ April 2003, dwar l-applikazzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-PGM IV bil-għan li jiġu mtejba s-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonjiet tax-xogħol għall-bastimenti ta’ tul ġenerali ta’ iktar minn tnax-il metru (ĠU L 90, p. 48), permezz tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il‑Kummissjoni (C‑373/06 P, C‑379/06 P u C‑382/06 P, Ġabra p. I‑2649) u tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2006, Boyle et vs Il-Kummissjoni (T‑218/03 sa T‑240/03, Ġabra p. II‑1699).

Dispożittiv

1)

Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C (2010) 4758, C (2010) 4748, C (2010) 4757, C (2010) 4751, C (2010) 4764, C (2010) 4750, C (2010) 4761, C (2010) 4767, C (2010) 4754, C (2010) 4753 u C (2010) 4752, tat-13 ta’ Lulju 2010, li jiċħdu l-applikazzjoni ppreżentata mill-Irlanda sabiex jiżdiedu l-għanijiet tal-Programm ta’ Gwida Multiannwali IV sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-titjib fil-qasam tas-sigurtà fir-rigward tal-bastimenti tar-rikorrenti huma annullati.

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.