Language of document : ECLI:EU:T:2015:296

Kawża T‑456/10

Timab Industries

u

Cie financière et de participations Roullier (CFPR)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-fosfati għall-għalf tal-annimali — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ, il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Irtirar tar-rikorrenti mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim — Multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Gravità u tul tal-ksur — Kooperazzjoni — Assenza ta’ applikazzjoni tal-firxa ta’ multi probabbli kkomunikata waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal-20 ta’ Mejju 2015

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim — Proċedimenti li ma jinvolvux lill-parteċipanti kollha f’akkordju — Irtirar ta’ impriża mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim — Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet li għandhom destinatarji differenti wara żewġ proċeduri separati — Applikabbiltà tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 10a, u Nru 622/2008; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2006/C 210/02 u 2008/C 167/01)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għal kooperazzjoni — Neċessità għall-impriża li tikkoopera mal-proċedura amministrattiva li tirrigwarda l-ksur inkwistjoni — Evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-informazzjoni pprovduta

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2002/C 45/03 u 2006/C 210/02)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Indikazzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi prinċipali li jistgħu jagħtu lok għal multa — Indikazzjoni suffiċjenti fir-rigward tad-dritt għal smigħ dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23 u 27)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Natura provviżorja — Obbligu għall-Kummissjonili tispjega fid-deċiżjoni finali d-differenzi li jeżistu bejn id-deċiżjoni finali u l-evalwazzjonijiet provviżorji tagħha — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27)

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim — Indikazzjoni ta’ firxa ta’ multi — Irtirar ta’ impriża mill-proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim — Assenza ta’ applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-imsemmija firxa ta’ multi fid-deċiżjoni finali — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 10a(2) u Nru 622/2008; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, 2006/C 210/02 u 2008/C 167/01)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Użu ta’ dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur bħala mezzi ta’ prova — Ammissibbiltà — Saħħa probatorja ta’ xhieda volontarja mwettqa mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju bil-għan li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

(Artikolu 101 TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni

(Artikoli 101 TFUE u 296 TFUE)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni — Preeminenza tal-aspett intenzjonali tal-aġir fuq l-effetti tiegħu

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Iffissar tal-multa proporzjonalment għall-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Oneru tal-prova

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni — Portata

(Artikolu 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

1.      Fil-qasam tal-akkordji, meta proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim ma jinvolvux lill-parteċipanti kollha fi ksur, pereżempju, meta impriża tirtira mill-imsemmija proċedimenti, il-Kummissjoni tadotta, minn naħa, wara proċedura semplifikata (il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim), deċiżjoni li għandha bħala destinatarji l-parteċipanti fil-ksur li ddeċidew li jipproċedu għar-riżolviment u li għal kull wieħed minnhom tirrifletti l-impenn tagħhom u, min-naħa l-oħra, skont proċedura ordinarja, deċiżjoni indirizzata lill-parteċipanti fil-ksur li ddeċidew li ma jipproċedux għal riżolviment.

Madankollu, anki f’każ ibridu bħal dan, li jinvolvi l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet li għandhom destinatarji differenti u wara żewġ proċeduri separati, dawn huma parteċipanti fl-istess akkordju waħdieni, fejn għalhekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi osservat. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

Minn dan jirriżulta li l-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim huma proċedura amministrattiva alternattiva għall-proċedura amministrattiva ordinarja — liema fatt huwa kontradittorju —, separata minnha, u li tippreżenta ċerti karatteristiċi, bħal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet antiċipata u l-komunikazzjoni ta’ firxa ta’ multi probabbli. Madankollu, il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, jibqgħu għal kollox applikabbli f’dan il-kuntest. Dan ifisser li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir diskriminazzjoni bejn il-partijiet li pparteċipaw fl-istess akkordju fir-rigward tal-elementi u l-metodi ta’ kalkolu li ma humiex affettwati mill-partikolaritajiet inerenti għall-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, bħall-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ 10 % mogħti bil-għan tar-riżolviment tat-tilwim.

(ara l-punti 71-74)

2.      Tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi ta’ kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni jkun ippermetta lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, li twaqqfu.

Meta talba intiża sabiex parti tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell tkun tirrigwarda akkordju separat minn dak li tkun qed tittratta l-Kummissjoni u li barra minn hekk jirriżulta li huwa preskritt, ma jeżisti ebda vantaġġ u l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tippremja din il-kooperazzjoni, ġaladarba hija ma tiffaċilitax l-investigazzjoni. Dan ir-raġunament japplika wkoll għal kooperazzjoni msejħa “barra mill-kuntest tal-klemenza”.

(ara l-punti 92, 93)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 98)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 99)

5.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-firxa ta’ multi hija strument unikament u speċifikament marbut mal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. L-Artikolu 10a(2) tar-Regolament Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE], jippermetti espliċitament lid-dipartimenti tal-Kummissjoni jipprovdu lill-parteċipanti f’diskussjonijiet bil-għan li jaslu għal riżolviment ta’ tilwima, stima tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuqhom fid-dawl tal-modalitajiet previsti fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, tad-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni, dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli, u tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, jekk ikun il-każ.

Jekk l-impriża ma tippreżentax proposta ta’ riżolviment tat-tilwim, fejn b’hekk tkun qed tirtira mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, il-proċedura li twassal għad-deċiżjoni finali hija rregolata minn dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 773/2004, minflok dawk li jirregolaw il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Din għaldaqstant hija sitwazzjoni msejħa “tabula rasa”, li fiha r-responsabbiltajiet għad għandhom jiġu stabbiliti. Minn dan jirriżulta li l-firxa kkomunikata waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim hija mingħajr rilevanza, peress li din hija strument li jikkonċerna dawn il-proċedimenti. Għaldaqstant ma jkunx loġiku, u lanqas ma jkun xieraq, li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni jkollha tapplika, jew tirreferi għal, firxa ta’ multi li jaqgħu taħt proċedura oħra li eventwalment ġiet irrinunzjata. Fil-fatt, li tiġi indikata firxa ta’ multi, sa mill-mument tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tirriżulta li hija kuntrarja għan-natura purament preparatorja ta’ tali att u l-Kummissjoni tispiċċa titlef il-possibbiltà li timponi multa adattata għaċ-ċirkustanzi ġodda u eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, u dan meta hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni argumenti ġodda jew provi ġodda miġjuba quddiemha waqt il-proċedura amministrattiva ordinarja, li jistgħu jkollhom impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandu jiġi impost.

Bl-istess loġika, ebda obbligu ta’ motivazzjoni iktar oneruż ma jaqa’ fuq il-Kummissjoni meta tirrikorri għall-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, ulterjorment irrinunzjata, intiża sabiex tiffaċilita s-soluzzjoni tat-tilwim, minn dak li jaqa’ fuqha meta tadotta deċiżjoni skont il-proċedura ordinarja.

(ara l-punti 100, 101, 104-107)

6.      Il-prinċipju prevalenti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-libertà tal-produzzjoni tal-provi u l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tinvoka kontra impriża dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra. Issa, id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ talba intiża sabiex parti tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni) għandhom valur probatorju li ma huwiex negliġibbli. Raġunament bħal dan jista’ jiġi traspost fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet kontra l-impriża li talbet sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li jekk tali impriża tbiddel id-dikjarazzjoni tagħha jew tagħti ulterjorment interpretazzjoni oħra tagħha, ikun diffiċli għall-Kummissjoni, u sussegwentement għall-qorti, fin-nuqqas ta’ provi oħra, li tieħu inkunsiderazzjoni din id-dikjarazzjoni minħabba t-tnaqqis fil-valur probatorju tagħha. F’każ bħal dan, ma huwiex mistenni mill-Kummissjoni li tinvoka neċessarjament kontra l-impriża l-ewwel dikjarazzjonijiet tagħha.

(ara l-punt 115)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 132, 133)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 154, 155)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 161)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 177, 178, 184)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 215)