Language of document :

Rikors ippreżentat fil-1 ta' Ottubru 2010 - Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-456/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Timab Industries (Dinard, Franza) u Cie financière et de participations Roullier (CFPR) (Saint-Malo, Franza) (rappreżentant: N. Lenoir, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

priniċipalment, tannulla d-deċiżjoni;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni sa fejn jafferma li CFPR u Timab ħadu sehem fi prattiki marbuta mal-kundizzjonijiet ta' bejgħ u ma' sistema ta' kumpens;

f'kull każ, temenda l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni u tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta in solidum fuq CFPR u Timab;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu, prinċipalment, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 5001 finali, tal-20 ta' Lulju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar 'il quddiem "ŻEE") (Każ COMP/38866 - Fosfati għall-għalf tal-annimali), dwar akkordju fis-suq Ewropew tal-fosfati għall-għalf tal-annimali, dwar l-attribuzzjoni ta' kwoti ta' bejgħ, koordinazzjoni tal-prezzijiet u tal-kundizzjonijiet ta' bejgħ u l-iskambju ta' informazzjoni kummerċjali sensittiva.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu tmien motivi bbażati:

fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipji ta' protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta' amministrazzjoni tajba u tar-Regolament Nru 773/2004 1 u tal-avviż dwar il-mod ta' proċedimenti ta' riżolviment ta' tilwim 2 minħabba l-fatt li r-rikorrenti ġew ippenalizzati minħabba l-fatt li rtiraw mid-diskussjonijiet mibdija fid-dawl li jintlaħaq riżolviment ta' tilwim skont l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 773/2004, sa fejn il-multa probabbli li l-Kummissjoni kienet iffissat waqt id-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment ta' tilwim ġiet sussegwentement miżjuda b'25 %, filwaqt li, minn naħa, il-multa probabbli ma kellhiex tiżdied b'iktar minn 10 % wara r-rinunzja li titkompla l-proċedura ta' riżolviment ta' tilwim u, min-naħa l-oħra, it-tul tal-ksur tnaqqas b'60 %;

fuq insuffiċjenza u kontradizzjoni ta' motivi u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-oneru tal-prova sa fejn il-prattiki li fihom ir-rikorrenti ma pparteċipawx ġew attribwiti lilhom, filwaqt li l-Kummissjoni ma kellhiex provi ta' tali parteċipazzjoni;

fuq ksur tal-prinċipju ta' nuqqas ta' retroattività tal-liġi repressiva iktar stretta u ta' ksur tal-prinċipji ta' protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, ta' trattament ugwali u taċ-ċertezza legali, peress li l-ammont tal-multa ġie ddeterminat bl-applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006 3, filwaqt li l-ksur attribwit twettaq qabel il-pubblikazzjoni ta' dawn il-linji gwida; din l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida tal-2006 allegatament żiedet l-ammont tal-multa;

fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 4, tal-prinċipji ta' proporzjonalità, ta' individwalità tal-pieni u ta' trattament ugwali, peress li l-multa imposta ma tirrapreżenta la t-tul u lanqas il-gravità tal-prattiki;

fuq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-gravità tal-prattiki li ġew akkużati bihom ir-rikorrenti u fuq ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' proporzjonalità u ta' individwalità tal-pieni, peress li waqt l-iffissar tal-ammont bażiku, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni in-nuqqas ta' effetti sinjifikattivi tal-ksur u : u l-fatt li l-parteċipazzjoni ta' Timab fl-akkordju kienet iżgħar minn dik tal-parteċipanti l-oħra;

fuq żball ta' evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipji ta' individwalità tal-pieni u ta' trattament ugwali, billi rrifjutat kull ċirkustanza attenwanti favur ir-rikorrenti minkejja d-dipendenza tagħhom fuq wieħed mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u tal-aġir kompetittiv ta' Timab;

fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta' trattament ugwali u tal-avviż dwar l-immunità 5, sa fejn it-tnaqqis tal-multa li ngħata lir-rikorrenti abbażi tal-klemenza waqt id-diskussjonijiet fuq ir-riżolviment ta' tilwim tnaqqas b'mod kunsiderevoli wara li r-rikorrenti rtiraw mill-imsemmija diskussjonijiet;

fuq żball manifest ta' evlawazzjoni tal-kapaċità ta' kontribuzzjoni tar-rikorrenti u fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 3 TUE u tal-Protokoll Nru 17 anness mat-Trattat ta' Lisbona billi applikat id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida tal-2006 fuq il-kapaċità ta' kontribuzzjoni tar-rikkorenti mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni la iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li nħolqu minħabba l-kriżi fl-agrikoltura Ewropea, u lanqas tar-restrizzjonijiet ekonomiċi u soċjali speċifiċi għar-rikorrenti.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta' April 2004, dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

2 - Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta' proċedimenti ta' riżolviment ta' tilwim bil-għan li jiġu adottati deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1).

3 - Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).

4 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

5 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).