Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Settembru 2010 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-457/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tad-DIGIT li tintgħażel l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata bħala risposta għas-sejħa għal offerti DIGIT/R2/PO/2009/045 "Provvista ta' servizzi esterni għall-iżvilupp, studji u sistemi ta' informazzjoni" (ĠUUE 2009/S 198-283663), għal-Lott 2 "Proġetti ta' żvilupp għal barra mis-sit", għall-għoti tal-imsemmi kuntratt pubbliku, bħala t-tielet kuntrattur tal-mekkaniżmu kaskata minflok l-ewwel kuntrattur u d-deċiżjonijiet kollha relatati tad-DIGIT inkluża dik li l-kuntratt jingħata lill-kuntratturi li l-offerti tagħhom ġew aċċettati;

tikkundanna lill-DIGIT tħallas id-danni li sostniet ir-rikorrenti minħabba l-proċedura tas-sejħa għal offerti inkwistjoni fl-ammont ta' EUR 30 000 000 għal-Lott 2 u ta' EUR 3 000 000 għal dannu minħabba telf ta' opportunità u dannu għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħha;

tordna li DIGIT tħallas l-ispejjeż legali u l-ispejjeż oħra inkorsi b'konnessjoni mar-rikors tagħha anki jekk l-applikazzjoni preżenti tiġi miċħuda.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta tas-16 ta' Lulju 2010 li tintgħażel l-offerta tar-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti DIGIT/R2/PO/2009/045 "Provvista ta' servizzi esterni għall-iżvilupp, studji u sistemi ta' informazzjoni" 1, għal-Lott 2 "Proġetti ta' żvilupp għal barra mis-sit", bħala t-tielet kuntrattur tal-mekkaniżmu kaskata minflok l-ewwel kuntrattur u tad-deċiżjonijiet kollha relatati tal-konvnuta inkluż dawk li l-kuntratti rispettivi jingħataw lill-ewwel u lit-tieni kuntrattur tal-kaskata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-dannu allegat minħabba l-proċedura ta' sejħa għal offerti.

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 93 u 94 tar-regolament finanzjarju2 u l-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba u tat-trasparenza kif ukoll l-Artikoli 106 u 107 tar-regolament finanzjarju peress li diversi membri tal-konsorzju li ntgħażel ma kinux jissodisfaw il-kriterji ta' esklużjoni għaliex kellu jiġi deċiż li dawn kienu wettqu ksur gravi tal-kuntratti preċedenti, u membru wieħed tal-konzorzju li ntgħażel kien involut fi frodi, korruzzjoni u tixħim, filwaqt li diversi membri tal-konsorzju li ntagħżel jużaw subkuntratturi li ma humiex membri tad-WTO/GPA.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li hemm ksur tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba u tat-trattament ugwali kif ukoll tal-Artikoli 89 u 98 tar-regolament finanzjarju u tal-Artikolu 145 tar-regoli ta' implementazzjoni tiegħu peress li kien hemm kunflitt ta' interess fil-persuna ta' diversi evalwaturi.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ntużaw kriterji ta' għoti vagi u irregolari matul l-evalwazzjoni u għalhekk kien hemm ksur tal-Artikolu 97 tar-regolament finanzjarju u tal-Artikolu 138 tar-regoli ta' implementazzjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-aworità kontraenti naqset milli tiżvela l-merti relattivi tal-offerent li ntgħażel u wettqet diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni meta evalwat l-offerta tiegħu kif ukoll dik tal-konsorzji li ntgħażlu. Fil-fehma tar-rikorrenti, l-awtorità kontraenti użat ukoll argumenti vaġi u infondati fir-rapport ta' evalwazzjoni tagħha u għalhekk kisret l-obbligu ta' motivazzjoni.

____________

1 - ĠU 2009/S 198-283663

2 - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)