Language of document : ECLI:EU:T:2013:364

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

10 ta’ Lulju 2013 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva MEMBER OF €e euro experts — Raġuni assoluta għal rifjut — Emblemi tal-Unjoni u tal-oqsma ta’ azzjoni tagħha — Simbolu tal-euro — Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑3/12,

Heinrich Kreyenberg, residenti f’Ratingen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn J. Krenzel, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Poch, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Il-Kummissjoni Ewropea,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-5 ta’ Ottubru 2011 (Każ R 1804/2010‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Il-Kummissjoni Ewropea u Heinrich Kreyenberg,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Jannar 2012,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Mejju 2012,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Awwissu 2012,

wara li rat il-kontroreplika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Dicembru 2012,

wara li rat li l-partijiet ma ressqu ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Realtur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċeduri.,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrent, Heinrich Kreyenberg ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 9, 16, 35, 36, 39, 41, 42, 44 u 45 14 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u kienu jikkorrispondu, fil-mument li saret l-applikazzjoni, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 9: “Tagħmir li jġorru d-data u tagħmir tal-irrekordjar b’data rreġistrata jew mingħajr; tagħmir li jġorr id-data bi programmi tal-kompjuter rreġistrati fuqu (inklużi fil-klassi 9)”;

–        klassi 16: “materjal stampat”;

–        klassi 35: “Konsulenza dwar negozju; konsulenza dwar l-organizzazzjoni ta’ negozju”;

–        klassi 36: “Assigurazzjoni; affarijiet finazjarji, affarijiet monterarji, affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli”;

–        klassi 39: “Trasport, l-ippakkjar u l-ħżin ta’ oġġetti; arranġamenti tal-ivvjaġġar”;

–        klassi 41: “Pubblikazzjoni ta’ materjal stampat (anke f’forma elettronika), minbarra għal skopijiet pubbliċitarji; żvilupp tal-persunal permezz ta’ edukazzjoni u edukazzjoni avvanzata; l-arranġament u t-tmexxija ta’ seminars”;

–        klassi 42: “Kontroll tal-kwalità; riċerka xjentifika u industrijali; il-ħolqien ta’ programmi tal-ipproċessar tad-data”.

–        klassi 44: “Servizzi mediċi u veterinarji, kura tas-saħħa u tas-sbuħija għal bnedmin u annimali; servizzi fil-qasam tal-agrikultura, l-ortikultura jew tal-forestrija.”

–        klassi 45: “Servizzi legali, servizzi tas-sigurtà għall-protezzjoni tal-propjetà jew persuni; servizzi personali u soċjali provduti minn terzi persuni marbuta ma’ ħtiġijiet individwali; Servizzi legali”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 5/2008, tal-4 ta’ Frar 2008.

5        Fil-25 ta’ April 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bagħtet lill-UASI, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 207/2009), osservazzjonijiet bil-miktub, li jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom it-trade mark inkwistjoni kellha, skont hija, tiġi rrifjutata ex officio r-reġistrazzjoni.

6        Minkejja dawn l-osservazzjonijiet, it-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata bħala trade mark Komunitarja, fl-4 ta’ Awwissu 2008, taħt in-Numru 6110423.

7        Skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 207/2009), il-Kummissjoni ppreżentat, fl-24 ta’ Frar 2009, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark kontenzjuża. Skont hija, din it-trade mark kienet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(h)(i) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(h)(i) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        Qabel kollox, fil-kuntest tal-argument tagħha dwar l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94, hija bbażat ruħha fuq l-emblemi li għandhom ir-referenzi QO 88 u QO 89, li l-protezzjoni tagħhom ingħatat fl-4 ta’ Ottubru 1979 lill-Kunsill tal-Ewropa. Dawn iż-żewġ emblemi kienu fil-fatt, skont hija, protetti skont l-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar darba fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru. 11851, p. 305, iktar ʼil quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”).

9        L-emblemi msemmija fil-punt preċedenti, kif jirriżultaw mid-database tal-Uffiċċju Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) huma riprodotti hawn taħt:

Image not found

Image not found

10      Sussegwentement, fil-kuntest tal-argument tagħha dwar l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 40/94, hija semmiet is-simbolu tal-munita waħda, l-euro, kif jinsab fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, intitolata “L-użu tas-simbolu tal-€uro” [COM (97) 418] (iktar il quddiem il-“komunikazzjoni dwar l-użu tas-simbolu tal-euro”):

Image not found

11      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-argument tagħha dwar l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, hija sostniet li l-użu, fit-trade mark inkwistjoni, ta’ kuruna ta’ stilel kien intiż li jqarraq lill-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodotti u s-servizzi koperti minn din it-trade mark.

12      B’deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2010, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet din l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. L-ewwel nett, hija kkunsidrat li n-nofs kuruna ta’ stilel li inkludiet it-trade mark inkwistjoni ma tistax tiġi pperċepita mill-pubbliku bħala “imitazzjoni mill-perspettiva araldika” tal-emblemi invokati mill-Kummissjoni. B’hekk hija ċaħdet l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni nett, hija qieset li l-trade mark inkwistjoni ma tirriproduċix b’mod identiku s-simbolu tal-euro, hekk li l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 ma nkisirx. It-tielet nett, hija sostniet li l-fatt li t-trade mark tista’ tqarraq lill-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodotti u s-servizzi li hija tkopri ma jurix ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

13      Fis-17 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tal-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009. Hija għaldaqstant invokat ksur tal-Artikolu 7(1)(h), (i) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009.

14      Qabel kollox, fil-kuntest tal-argument tagħha dwar l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009, hija ma nvokatx iżjed l-emblemi msemmija fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Għall-kuntrarju, hija bbażat ruħha fuq l-emblema tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Din l-emblema, protetta mill-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi mill-4 ta’ Awwissu 2004, tinsab fid-database tal-Uffiċċju Internazzjonali tad-WIPO taħt ir-riferenza OQ 867 u għandha d-deskrizzjoni li ġejja:

Image not found

15      Sussegwentement, rigward l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, hija rriproduċiet, essenzjalment, l-argument li hija kienet żviluppat sa l-istadju tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

16      Finalment, fil-kuntest tal-argument tagħha dwar l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, hija tenniet, essenzjalment, l-argumenti msemmija fil-punti 11 hawn fuq, dwar il-paragrafu 1(c) tal-istess artikolu.

17      B’deċiżjoni tas-5 ta’ Ottubru 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ddikjara l-invalidità tat-trade mark inkwistjoni.

18      Qabel kollox, huwa kkunsidra li l-appell kien inammissibbli sa fejn kien ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li l-emblema li l-Kummissjoni bbażat fuqha quddiemu skont dawn id-dispożizzjonijiet ma kinitx ġiet invokata preċedentement. Sussegwentement, huwa kkunsidra li t-trade mark inkwistjoni fiha element li l-pubbliku seta’ jikkunsidra ekwivalenti għal riproduzzjoni identika tas-simbolu tal-euro, l-istess bħal simboli oħrajn, bħalma huma nofs-kuruna ta’ stilel, li “tissuġġerixxi l-idea tal-Unjoni Ewropea”. Barra minn hekk, huwa rrileva li, fid-dawl “tal-varjetà kbira ta’ servizzi u ta’ oġġetti li jaqgħu taħt l-attivitajiet u l-kompetenzi tal-istituzzjonijiet u tal-korpi l-oħra tal-Unjoni Ewropea” huwa possibbli li dawn jikkorrispondu mal-prodotti jew mas-servizzi koperti bit-trade mark inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa qies li ma setax jiġi eskluż li l-pubbliku rilevanti jemmen li hemm rabta bejn ir-rikorrent u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea. Din l-impressjoni hija msaħħa bl-element verbali “member of euro experts”, li tirreferi, skont hija, għal ċirku li l-membri tiegħu jkunu ġew approvati formalment. Il-Bord tal-Appell għaldaqstant ikkonkluda li l-invalidità tat-trade mark inkwistjoni għandha tiġi ddikjarata abbażi tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr ma hemm bżonn “li ssir evalwazzjoni tar-raġunijiet l-oħra li fuqhom hija bbażata it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.”

 It-talbiet tal-partijiet

19      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

20      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

21      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

22      L-ewwel nett, huwa jsostni li r-rappreżentazzjoni tas-simbolu tal-euro li tinsab fit-trade mark inkwistjoni ma hijiex fost dawk ipprojbiti mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009.

23      It-tieni nett, huwa jsostni li, anki jekk ir-rappreżentazzjoni tas-simbolu tal-euro tkun suġġetta għal tali projbizzjoni, ma jkun hemm ebda rabta bejn, minn naħa, il-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-korpi tal-unjoni ekonomika u monetarja jew, b’mod iktar ġenerali, dawk tal-Unjoni Ewropea.

24      It-tielet nett, filwaqt li jaċċetta li, bid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddikjara l-invalidità tat-trade mark inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 biss, jenfasizza “sussidjarjament” li l-invalidità ta’ din it-trade mark tista’ tiġi ddikjarata biss abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(g) ta’ dan l-istess artikolu.

 Osservazzjonijiet preliminari

25      Skont l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 207/2009:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati: :

[…]

h)      trade marks li ma ġewx awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u li għandhom jiġu miċħuda skond l-Artikolu 6b [6ter] tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi […] ;

i)      trade marks li jinkludu badges, emblemi jew armi ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 6b tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u li huma ta’ interess publiku partikolari, sa kemm ma jkunx hemm il-kunsens ta’ l-awtoritajiet konċernati;

[…]”

26      Skont l‑Artikolu7(2) tar‑Regolament Nru 207/2009:

“Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-[Unjoni].”

27      Skont l-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi:

“(1)(a) Il-[partijiet għal din il-Konvenzjoni] jaqblu li jirrifjutaw jew jinvalidaw ir-reġistrazzjoni u li jipprojbixxu, permezz ta’ miżuri xierqa, l-użu, fin-nuqqas tal-awtorizazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, jew bħala trade mark ta’ ditta jew ta’ negozju, jew bħala element ta’ dawn it-trade marks, ta’ armi, bnadar u emblemi oħra tal-Istat tal-pajjiżi [Partijiet], sinjali u bolli uffiċjali ta’ kontroll u ta’ garanzija adottati minnhom, kif ukoll kull imitazzjoni minn perspettiva araldika.

(b)      Id-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt [...] (a) iktar’il fuq japplikaw ukoll għall-armi, bnadar u emblemi oħra, akronimi jew ismijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi li tagħhom ikunu membri pajjiż jew numru ta’ pajjiżi [Partijiet], bl-eċċezzjoni ta’ armi, bnadar u emblemi oħra, akronimi jew ismijiet li diġà kienu s-suġġett ta’ ftehim internazzjonali fis-seħħ intiż li jiggarantixxi l-protezzjoni tagħhom.

(c)      Ebda pajjiż tal-Unjoni ma jista’ jiġi obbligat japplika d-dispożizzjonijiet [li jinsabu taħt [...] (b) hawn fuq] meta l-użu jew ir-reġistrazzjoni previsti taħt [...] (a) iktar ’il fuq ma jkunux ta’ tali natura li jissuġerixxu lill-pubbliku li teżisti rabta bejn l-organizzazzjoni inkwistjoni u l-armi, bnadar, emblemi, akronimi jew ismijiet, jew jekk dan l-użu jew reġistrazzjoni mhuwiex verament ta’ tali natura li jħawwad lill-pubbliku fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta bejn l-utent u l-organizzazzjoni.

[…]

3) […]

b) Id-dispożizzjonijiet li jinsabu [fl-ewwel subparagrafu] taħt [...] (b) [...] ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw biss għall-armi, bnadar, emblemi oħra, akronimi jew ismijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernmentali kif dawn tal-l-aħħar ikunu kkomunikati lill-pajjiżi [Partijiet] mill-intermedjarju tal-Uffiċċju Internazzjonali.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

28      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li għalih jirreferi, jipproteġi żewġ kategoriji ta’ emblemi.

29      Fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ emblemi ta’ Stati, mhux biss bħala trade marks, iżda wkoll bħala elementi ta’ trade marks, kemm jekk dawn l-emblemi jkunu riprodotti b’mod identiku kif ukoll jekk ikunu sempliċiment suġġetti għal imitazzjoni mill-perspettiva araldika [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Mejju 2011, SIMS – École de ski internationale vs UASI – SNMSF (esf école du ski français), T‑41/10, mhux ippubbikata fil-Ġabra, punt 21, u tal-15 ta’ Jannar 2013, Welte‑Wenu vs UASI – Il‑Kummissjoni (EUROPEAN DRIVESHAFT SERVICES), T‑413/11, punt 36].

30      Sabiex jiġi ddeterminat jekk trade mark għandhiex imitazzjoni ta’ emblema mill-perspettiva araldika, hemm lok li tiġi kkunsidrata d-deskrizzjoni araldika ta’ din l-emblema. Madankollu, kwalunkwe differenza bejn l-imsemmija trade mark u l-emblema, innutata minn espert fl-araldika, ma hijiex ser tiġi neċessarjament ipperċepita mill-konsumatur medju, li, minkejja d-differenzi fil-livell ta’ ċerti dettalji araldiċi, jista’ jara fit-trade mark imitazzjoni tal-emblema inkwistjoni (sentenza EUROPEAN DRIVESHAFT SERVICES, punt 29 iktar ʼil fuq, punt 37).

31      Fit-tieni lok, l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tinkludi r-riproduzzjoni jew l-imitazzjoni mill-perspettiva araldika ta’ emblema ta’ organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva meta din tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi permezz tal-Uffiċċju Internazzjonali tad-WIPO. Madankollu, din il-projbizzjoni kienet maħsuba sabiex tapplika biss fil-każ imsemmi fl-Artikolu 6ter(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jiġifieri meta, meħuda kollha kemm hi, it-trade mark kkonċernata tissuġġerixxi, f’moħħ il-pubbliku, rabta bejn, minn naħa waħda, il-proprjetarju tagħha jew l-utent tagħha, u min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva inkwistjoni, jew twassal lill-pubbliku sabiex jitqarraq dwar l-eżistenza ta’ tali rabta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EUROPEAN DRIVESHAFT SERVICES, punt 29 iktar ʼil fuq, punt 59). 

32      Rigward l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li għandhom emblemi minbarra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament, jiġifieri minbarra dawk tal-Stati jew tal-organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi kkomunikati regolarment lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, meta, minn naħa, dawn l-emblemi għandhom interess pubbliku partikolari, u, min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti ma tkunx awtorizzat l-imsemmija reġistrazzjoni.

33      Huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni mogħtija minn din l-aħħar dispożizzjoni hijiex suġġetta għall-istess kundizzjonijiet bħal dik mogħtija lill-emblemi msemmija fl-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009.

34      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jillimitax espressament il-kamp ta’ applikazzjoni li jistabbilixxi għat-trade marks li jirriproduċu b’mod identiku emblema. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti li din tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxi mhux biss ir-riproduzzjoni identika, iżda wkoll l-imitazzjoni ta’ emblema bi trade mark. Jekk tali interpretazzjoni ma tiġix aċċettata, l-effettività tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 barra minn hekk titnaqqas kunsiderevolment: huwa biżżejjed li emblema nbidlet ftit, anki b’mod imperċettibbli għal persuna li ma tkunx speċjalista fl-araldika, sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata bħala trade mark jew element ta’ trade mark.

35      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea bl-ebda mod ma ppreċiża li trade mark kkostitwita biss minn emblema tista’, skont l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, tiġi pprojbita għal reġistrazzjoni. Billi juża l-kelma “jinkludu” fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa indika li, fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni, l-użu ta’ emblemi barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009 kien ipprojbit, mhux biss bħala trade mark iżda wkoll bħala element ta’ trade mark. Dan huwa barra minn hekk konformi mal-effettività tal-imsemmija dispożizzjoni li hija intiża li tiżgura l-protezzjoni l-iktar sħiħa tal-emblemi li hija tirreferi għalihom.

36      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 34 u 35 hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jitqies bħala li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni, bħala trade marks jew elementi ta’ trade marks, ta’ emblemi barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 791)(h) tal-istess regolament, kemm jekk dawn l-emblemi jkunu riprodotti b’mod identiku kif ukoll tkun saret biss imitazzjoni tagħhom.

37      Madankollu, tali projbizzjoni ma hijiex inkundizzjonata.

38      F’dan ir-rigward, kif intqal fil-punt 31 hawn fuq, l-emblemi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi kkomunikati regolarment lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi huma protetti mill-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009 meta, meħuda kollha kemm hi, it-trade mark ikkonċernata tissuġġerixxi, f’moħħ il-pubbliku, rabta bejn, minn naħa, il-proprjetarju tagħha jew l-utent tagħha, u min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva involuta. Jekk il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 setgħet tapplika, u dan anki meta din l-aħħar kundizzjoni ma tiġix issodisfatta, hija kienet tkun ogħla minn dik li l-paragrafu (1)(h) tal-istess artikolu jagħti lill-emblemi ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali kkomunikati regolarment lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

39      Issa, ma hemm ebda indikazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jagħti l-emblemi msemmija fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 protezzjoni ikbar milli għal dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament, hekk li l-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 ma hijiex ikbar mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2009, American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates, C‑202/08 P u C‑208/08 P, Ġabra p. I‑6933, punt 80).

40      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-protezzjoni mogħtija lill-emblemi msemmija fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 hija maħsuba sabiex tapplika biss meta l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 38 hawn fuq hija ssodisfatta, jiġifieri meta, meħuda kollha kemm hi, it-trade mark li tinkludi tali emblema tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jitqarraq dwar ir-rabta eżistenti bejn, minn naħa waħda, il-proprjetarju tagħha jew l-utent tagħha u, min-naħa l-oħra, l-awtorità li jirreferi għaliha s-simbolu inkwistjoni.

41      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari li għandhom jiġu eżaminati t-tliet motivi mqajma mir-rikorrent.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009

42      Permezz tal-ewwel motiv, imqajjem prinċipalment, ir-rikorrent isostni li r-rappreżentazzjoni tas-simbolu tal-euro li tinsab fit-trade mark inkwistjoni ma hijiex fost dawk ipprojbiti mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009. Dan il-motiv għandu erba’ partijiet.

 Fir-rigward tal-ewwel parti

43      Ir-rikorrent isostni li “jaqgħu taħt [l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009] is-simboli li l-protezzjoni tagħhom hija bbażata fuq ftehim/trattat, li l-Partijiet Kontraenti kollha huma partijiet tiegħu”. Issa, f’din il-kawża, peress li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea “ma humiex [kollha] membri tal-unjoni monetarja Ewropea”, is-simbolu tal-euro ma “jaqax” taħt l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009.

44      F’dan ir-rigward, jitfakkar li l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 jipproteġi l-emblemi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament, jiġifieri l-emblemi minbarra dawk ta’ Stati u dawk ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi kkomunikati regolarment lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, u dan sakemm l-imsemmija emblemi għandhom interess pubbliku partikolari. Fid-dawl tal-formulazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li din tipproteġi mhux biss l-emblemi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi li ma jkunux ġew ikkomunikati lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iżda wkoll l-emblemi li, filwaqt li ma jindikawx l-attivitajiet kollha ta’ organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva, madankollu jkollhom rabta speċjali ma’ waħda minn dawn l-attivitajiet. Fil-fatt, il-fatt li emblema tintrabat ma’ waħda mill-attivitajiet ta’ organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva huwa suffiċjenti sabiex jintwera interess pubbliku marbut mal-protezzjoni tagħha.

45      Fid-dawl ta’ dak li ġie spjegat fil-punt preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li huma, b’mod partikolari, protetti mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, b’riżerva tal-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra imposti minn din id-dispożizzjoni, mhux biss l-emblemi tal-Unjoni Ewropea bħala tali, iżda wkoll l-emblemi li sempliċement jirreferu għal waħda mill-oqsma ta’ azzjoni ta’ din tal-aħħar.

46      Barra minn hekk, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandu japplika minkejja li r-raġunijiet għar-rifjut jeżistu biss f’parti tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, għandu jinftiehem li l-interess pubbliku li jirreferi għalih l-Artikolu 7(1)(i) ta’ dan l-istess regolament ma għandux neċessarjament jiġi kkonstatat fit-territorju kollu tal-Unjoni. Huwa suffiċjenti li jeżisti fuq parti minnha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 7(1)(i) tal-imsemmi regolament jipproteġi, b’mod partikolari, kwalunkwe emblema li, mingħajr ma tindika l-Unjoni kollha kemm hi, tittratta azzjoni meħuda minnha, u dan anki jekk l-imsemmija azzjoni tikkonċerna biss lil xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

47      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(4) TUE jipprovdi li “[l]-Unjoni għandha tistabbilixxi unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tkun l-euro”. Is-simbolu tal-euro huwa għaldaqstant, ċertament, is-simbolu ta’ azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx l-euro bħala munita ma jippermettix li jiġi konkluż li dan is-simbolu, li ebda element tal-proċess ma jindika li dan ġie kkomunikat kif dovut lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, huwa eskluż mill-kamp tal-protezzjoni stabbilit mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009.

48      Sabiex tiġi kkontestata din il-konklużjoni, ir-rikorrent jinvoka tliet argumenti.

49      L-ewwel nett, huwa jsostni li, fil-“Manual of Trade Mark Practice” (iktar ʼil quddiem il-“manwal tal-UASI”) ippubblikat biss bl-Ingliż (parti B intitolata “Eżami”, punt 7.8.3.3.a), l-UASI aċċetta espressament li huma biss l-emblemi msemmija fil-punt 43 hawn fuq li kienu protetti bl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, qabel kollox, għandu jiġi nnutat li d-dispożizzjonijiet tal-manwal tal-UASI hawn invokati ma kinux, fi kwalunkwe każ, iktar applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement u fuq kollox, l-invokazzjoni tagħhom hija inoperattiva. Fil-fatt, il-manwal tal-UASI jikkostitwixxi biss il-kodifikazzjoni tal-linja ta’ kondotta li dan l-uffiċċju stess jipproponi li jadotta. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tagħhom ma jistgħux, fihom infushom, la jipprevalixxu fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u lanqas jinfluwenzaw l-interpretazzjoni tagħhom mill-qorti tal-Unjoni Ewropea. Għall-kuntrarju, dawn huma intiżi sabiex jinqraw skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ġunju 2012, Interkobo vs UASI – XXXLutz Marken (my baby), T‑523/10, punt 29].

50      It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li sal-lum hemm biss deċiżjoni waħda tal-UASI li tindika li s-simbolu tal-euro huwa protett mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 791)(i) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, dan l-istat ta’ fatt ma jkollu evidentement l-ebda influwenza fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-imsemmija dispożizzjonijiet.

51      It-tielet nett, ir-rikorrent jallega li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 ġiet irrifjutata mill-UASI għal “simboli importanti oħra, bħas-simbolu internazzjonali li jidentifika prodott riċiklabbli.” Madankollu, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 207/2009 u tad-dispożizzjonijiet l-oħra applikabbli għat-tilwima, kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 65, u tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 2012, Universal Display vs UASI (UniversalPHOLED), T‑435/11, punt 37], speċjalment meta r-rikorrent ma jindikax kif is-soluzzjoni mogħtija mill-UASI rigward is-“simbolu internazzjonali li jidentifika prodott riċiklabbli” tista’ tiġi trasposta għall-każ partikolari.

52      L-ewwel parti tal-motiv għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

 Fir-rigward tat-tieni parti

53      Ir-rikorrent jirrileva li s-simbolu tal-euro huwa “pperċepit fil-ħajja ta’ kuljum mill-pubbliku bħala sempliċi sinjal monetarju.” B’hekk, anki jekk l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda, dan is-simbolu, bħala sinjal monetarju, ma jistax, skont huwa, ikun protett mill-Artikolu 7(1) (i) tar-Regolament Nru 207/2009.

54      Barra minn hekk, huwa jsostni li, fil-Komunikazzjoni dwar l-użu tas-simbolu tal-euro, il-Kummissjoni “espressament awtorizzat l-użu tas-simbolu [tal-euro] bħala indikazzjoni tal-munita”.

55      Madankollu, qabel kollox, ma hemm xejn li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, is-simbolu tal-euro, jiġifieri emblema li hija marbuta ma’ qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea, mis-sempliċi fatt li hija tikkostitwixxi “sinjal monetarju”. Sussegwentement, il-Komunikazzjoni dwar l-użu tas-simbolu tal-euro ma tawtorizzax ir-riproduzzjoni jew l-imitazzjoni tas-simbolu tal-euro bħala trade mark jew element ta’ trade mark. F’dan id-dokument, il-Kummissjoni sempliċement, fil-fatt, tistieden “lill-utenti kollha tal-munita sabiex jużaw is-simbolu [tal-euro], kull meta simbolu distintiv huw meħtieġ għad-deskrizzjoni ta’ ammonti monetarji f’euros, pereżempju għat-tariffi u għall-kontijiet, għaċ-ċekkijiet, kif ukoll għal kwalunkwe strument ġuridiku ieħor”.

56      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fir-rigward tat-tielet parti

57      Ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta qies li l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jipproteġix biss l-emblemi kontra r-riproduzzjonijiet identiċi tagħhom, iżda wkoll l-imitazzjonijiet tagħhom.

58      F’dan ir-rigward, huwa jressaq tliet argumenti.

59      L-ewwel nett, huwa jsostni li l-Bord tal-Appell warrab l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 mogħtija fil-manwal tal-UASI (parti B intitolata “Eżami”, punt 7.8.3.3).

60      It-tieni nett, huwa jindika li mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 80 tas-sentenza American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates (punt 39 iktar ʼil fuq) jirriżulta li l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu portata inqas minn dik tal-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament.

61      It-tielet nett, huwa jallega li l-Bord tal-Appell interpreta ħażin l-kliem tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, l-użu tal-verb “jinkludi” f’din id-dispożizzjoni jindika b’mod ċar li huma biss riproduzzjonijiet identiċi ta’ emblemi li huma intiżi. Din il-formulazzjoni hija differenti minn dik użata fl-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009, li jirreferi għall-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

62      Madankollu, ir-rikorrent huwa żbaljat dwar il-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009: kif intqal fil-punt 34 hawn fuq, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jinkludu emblemi oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament, inklużi meta dawn ma jkunux riprodotti, iżda jkun hemm imitazzjoni tagħhom.

63      Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi nnutat, li r-rikorrent ma jistax tinvoka il-manwal tal-UASI sabiex jinfluwenza t-tifsira li għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni (ara l-punt 49 hawn fuq). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li huwa interpreta b’mod mhux eżatt il-punt 80 tas-sentenza American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates (punt 39): ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt il-punt h) fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 hija neċessarjament usa’ minn dik mogħtija mid-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt il-punt i) tal-istess artikolu, iżda biss li l-protezzjoni prevista taħt il-punt h) hija mill-inqas estensiva daqs dik stabbilita taħt il-punt i).

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball ta’ liġi meta speċifika, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-riproduzzjoni identika tal-emblemi msemmija fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinitx “espressament rikjesta mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu”.

65      Għaldaqstant, it-tielet parti tal-motiv għandha neċessarjament tiġi miċħuda.

 Fir-rigward tar-raba’ parti

66      Fil-punti 29 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-sinjal inkwistjoni kien jinkludi rappreżentazzjoni tas-simbolu tal-euro li, mingħajr ma tikkorrispondi eżattament ma’ dan is-simbolu, setgħet titħawwad mill-pubbliku ma’ “riproduzzjoni identika” tiegħu.

67      Ir-rikorrent jallega li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ddeċieda b’dan il-mod. Skont huwa, it-trade mark inkwistjoni tinkludi, fil-fatt, mhux riproduzzjoni “identika” tas-simbolu tal-euro, iżda biss rappreżentazzjoni “mibdula” tiegħu. Din ir-rappreżentanza ma għandhiex l-istess kuluri bħas-simbolu tal-euro kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar l-użu tas-simbolu tal-euro. B’differenza minn dan is-simbolu, hija għandha kuluri sfumati. Barra minn hekk, hija “magħquda” bl-ittra “e”. Fl-aħħar nett, il-kurva t’isfel hija itwal minn dik tal-imsemmi simbolu.

68      B’hekk, bl-argument riprodott fil-punt preċedenti, ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li t-trade mark inkwistjoni tinkludi riproduzzjoni “identika” tas-simbolu tal-euro.

69      Madankollu, tali argument huwa bbażat fuq premessa ineżatta. Fil-fatt, mill-ewwel sentenza tal-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-istruttura ġenerali ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax li t-trade mark inkwistjoni kienet tinkludi riproduzzjoni identika tas-simbolu tal-euro, iżda rrileva li din tinkludi imitazzjoni ta’ dan is-simbolu, tant fidila, barra minn hekk, li persuni mhux avżati jistgħu jħawwduha ma’ riproduzzjoni identika tal-imsemmi simbolu. Fil-fatt, kieku l-Bord tal-Appell kellu l-intenzjoni jikkonstata li t-trade mark inkwistjoni tinkludi riproduzzjoni identika tas-simbolu tal-euro, huwa ma kienx jindenja ruħu li, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrileva li l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprojbixxi mhux biss ir-riproduzzjoni identika tal-emblemi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda jipprojbixxi ukoll l-imitazzjoni tagħhom. Huwa ma enfasizzax, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, “differenza” eżistenti, skont hija, bejn is-simbolu tal-euro u r-rappreżentazzjoni tagħha fuq it-trade mark inkwistjoni.

70      Fi kwalunkwe każ, għalkemm ir-rikorrent ried isostni li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball meta qies li t-trade mark inkwistjoni kienet tinkludi imitazzjoni tas-simbolu euro, l-argument tiegħu jista’ biss jiġi miċħud.

71      Fil-fatt, id-differenzi eżistenti bejn, minn naħa, ir-rappreżentazzjoni tas-simbolu tal-euro li jinsabu fit-trade mark inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, dan is-simbolu ma humiex tant kbar li din ir-rappreżentanza ma tistax tiġi kkwalifikata bħala imitazzjoni.

72      L-ewwel nett, is-simbolu rrappreżentat fit-trade mark inkwistjoni, ċertament, ma għandux eżattament il-proporzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar l-użu tas-simbolu tal-euro: dan jinkludi, b’mod partikolari, kurva itwal in-naħa ta’ isfel itwal minn dik tas-simbolu tal-ewro, kif deskritta f’din il-komunikazzjoni. Madankollu, din id-differenza, li tista’ tiġi nnutata minn espert tal-arti araldika, mhux ser tiġi neċessarjament ipperċepita mill-konsumatur medju.

73      It-tieni nett, għalkemm il-kulur tagħha gradwalment ivarja lejn sfumaturi ta’ oranġjo, jew, skont ir-rikorrent “ta’ kannella”, hija tibqa’, b’mod dominati, safra. Barra minn hekk, l-isfond li fuqu hija rreġistrata huwa blu, kif previst mill-Komunikazzjoni fuq l-użu tas-simbolu tal-euro.

74      It-tielet nett, is-simbolu rrappreżentat fit-trade mark inkwistjoni huwa, ċertament, mwaħħal mal-ittra “e”. Iżda ma huwiex, kif isostni r-rikorrent, “magħqud” ma’ din l-ittra sal-punt li ma jistax ikun distint minnu.

75      Minn dan isegwi li għandu jkun miċħud l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq applikazzjoni ineżatta tal-kundizzjoni stabbilita bl-Artikoli 6 b(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi

76      Kif intqal fil-punt 39 hawn fuq, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6ter(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għandha tapplika, mutatis mutandis, għall-każ ta’ emblemi msemmija fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009.

77      B’hekk, il-protezzjoni mogħtija lil dawn l-emblemi tapplika biss fl-ipoteżi fejn, kollha kemm hi, it-trade mark li tinkludi tali emblema tista’ twassal lill-pubbliku li jitqarraq dwar ir-rabta eżistenti bejn, minn naħa, il-proprjetarju jew l-utent tagħha u, min-naħa l-oħra, l-awtorità li tirreferi għaliha l-emblema inkwistjoni.

78      Din il-protezzjoni hija għaldaqstant applikabbli meta t-trade mark inkwistjoni twassal lill-konsumatur li jitqarraq dwar l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi kollha koperti minnha, li twasslu sabiex jemmen li huma ġejjin mill-awtorità li għaliha tirreferi l-emblema li tinkludi riproduzzjoni jew imitazzjoni tagħha. Iżda hija maħsuba wkoll sabiex tapplika meta l-pubbliku jkollu riskju li jemmen, minħabba l-preżenza ta’ din it-trade mark f’tali riproduzzjoni jew imitazzjoni ta’ emblema, li l-imsemmija prodotti jew servizz jibbenefikaw mill-approvazzjoni jew mill-garanzija tal-awtorità li tirreferi għaliha din l-emblema jew li huma marbuta b’mod ieħor mal-imsemmija awtorità (ara, b’analoġija, is-sentenza EUROPEAN DRIVESHAFT SERVICES, punt 29 iktar ʼil fuq, punt 61).

79      Bit-tieni motiv, ir-rikorrent isostni, sussidjarjament, li għalkemm il-Bord tal-Appell, korrettament applika, b’analoġija, l-Artikolu 6ter(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, huwa madankollu applika b’mod mhux eżatt din id-dispożizzjoni għall-fatti ta’ din il-kawża.

 F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti

80      Mill-punti 40 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies li s-simbolu tal-euro jirreferi għall-Unjoni Ewropea.

81      Bl-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jikkontesta l-eżattezza ta’ din l-evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa jressaq żewġ argumenti.

82      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li s-simbolu tal-euro ma jirreferi għal ebda organizzazzjoni. Dan is-simbolu huwa, skont hu, sempliċiment ipperċepit mill-pubbliku bħala l-indikatur ta’ munita.

83      Dan huwa kkonfermat mill-“esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum ta’ kull konsumatur”, li jista’ “jirrikonoxxu s-simbolu [tal-euro] fil-kummerċ ʽf’kull rokna tat-triqʼ mingħajr ebda riflessjoni fuq il-fatt li tal-unjoni monetarja Ewropea”. Is-simbolu tal-euro huwa b’hekk simbolu monetarju newtru, bħas-simbolu tad-dollaru Amerikan jew dak tal-lira sterlina. Barra minn hekk, il-pubbliku huwa mdorri b’logos li jirrappreżentaw, bħal f’din il-kawża, b’mod “mibdul”, is-simbolu tal-euro u ma jassoċjahomx immedjatament mal-istituzzjonijiet u mal-korpi l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

84      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li, anki jekk il-Qorti Ġenerali tqis li s-simbolu tal-euro huwa assoċjat ma’ “organizzazzjoni li hija ʽwarajhaʼ ”, għandu jiġi kkunsidrat li din l-organizzazzjoni ma hijiex l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, iżda sempliċement l-“unjoni monetarja Ewropea”.

85      Skont ir-rikorrent, is-simbolu tal-euro huwa “assoċjat l-iktar mal-attivitajiet tal-unjoni monetarja fil-qasam tal-politika ekonomika u mhux mal-attivitajiet – eventwali – tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali, li madankollu jaqgħu, a priori, biss fil-qasam leġiżlattiv/politiku”.

86      Madankollu, kif ġie speċifikat fil-punt 47 hawn fuq, l-Artikolu 3(4) TUE jipprovdi li “[l]-Unjoni għandha tistabbilixxi unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha tkun l-euro.” Mill-formulazzjoni stess ta’ dan l-artikolu jirriżulta li, minkejja l-fatt li s-simbolu tal-euro jikkostitwixxi sinjal monetarju, huwa jirreferi għal persuna ġuridika partikolari, jiġifieri l-Unjoni Ewropea.

87      Il-fatt li s-simbolu tal-euro jirreferi, b’mod iktar speċifiku, għall-unjoni ekonomika u monetarja ma huwa ta’ ebda xkiel għall-konklużjoni stabbilita fil-punt preċedenti. Fil-fatt, l-unjoni ekonomika u monetarja, imsemmija b’mod partikolari fit-Titolu VIII tat-Tielet Parti tat-Trattat TFUE, u li għaliha r-rikorrent jidher li jalludi għaliha fl-użu tal-espressjoni “unjoni monetarja Ewropea”, tikkorrispondi għal qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-unjoni ekonomika u monetarja ma għandhiex personalità ġuridika distinta minn dik tal-Unjoni Ewropea.

88      L-ewwel parti għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

89      F’tentattiv li jikkontesta din il-konklużjoni, ir-rikorrent isostni li huwa “eskluż li jsir eżami fir-rigward tal-Unjoni [...] kollha kemm hi permezz tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea [...] li hija msemmija fl-Artikolu 7(1)(h) ta’ [r-Regolament Nru 207/2009] u ma kinitx ikkunsidrata rilevanti [mill-Bord tal-Appell]”. Fil-fatt, skont hu, “[t]għid li t-trade mark [inkwistjoni] ma hija ser toħloq f’moħħ il-pubbliku ebda assoċjazzjoni mal-Unjoni [...] jew mal-[bandiera] tagħha, sabiex tikkonkludi sussegwentement li hemm tali assoċjazzjoni permezz tas-simbolu [tal-euro] ikun [...] evitar assurd ta’ din id-dispożizzjoni”.

90      Madankollu, il-fatt, anki jekk jiġi ppruvat, li l-trade mark inkwistjoni ma fiha ebda riproduzzjoni identika jew imitazzjoni ta’ emblema protetta mill-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jippermettix li jeskludi li din it-trade mark tinkludi emblema distinta, protetta min-naħa tagħha mill-Artikolu 7(1)(i) tal-imsemmi regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kien qajjem il-kritika li hemm ksur tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxi, minnu nnifsu, evitar tad-dispożizzjonijiet stabbiliti taħt il-punt (h) tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu.

 F’dak li jirrigwarda t-tieni parti

91      Fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li “fid-dawl tal-varjetà kbira ta’ servizzi u ta’ oġġetti li jaqgħu taħt l-attivitajiet u l-kompetenzi tal-istituzzjonijiet u tal-korpi l-oħra tal-Unjoni Ewropea, huwa possibbli li jkun hemm sovrapożizzjoni bejn dawn u dawk koperti bir-reġistrazzjoni tat-trade mark [inkwistjoni]”.

92      Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, anki jekk l-ewwel parti ta’ dan il-motiv tiġi miċħuda, il-Qorti Ġenerali ma tistax ma tirrilevax li l-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punt preċedenti ma humiex eżatti. Skont huwa, l-oqsma tal-“unjoni monetarja Ewropea” u tal-Unjoni Ewropea ma għandhom “ebda relazzjoni oġġettiva mal-prodotti u s-servizzi [koperti bit-trade mark inkwistjoni].” B’hekk, huwa impossibbli li l-pubbliku jassoċja l-proprjetarju tat-trade mark mal-“unjoni monetarja Ewropea” jew mal-Unjoni Ewropea.

93      Bħala eżempju tal-argumenti tagħha, ir-rikorrent isostni li huwa evidenti li t-“tagħmir li jġorr id-data u tagħmir tal-irrekordjar” fil-klassi 9 u l-“materjal stampat” fil-klassi 16, l-istess bħas-“servizzi mediċi u veterinarji” u l-“kura tas-saħħa u tas-sbuħija għal bnedmin u annimali”, jaqgħu taħt il-klassi 44, l-i“żvilupp tal-personal permezz tal-edukazzjoni u edukazzjoni avvbanzata”, inkluża fil-klassi 41, u l-“ħolqien ta’ programmi tal-ipproċessar tad-data”, imsemmija fil-klassi 42, ma jaqgħux taħt il-qasam ta’ attività tal-“unjoni moneterja Ewropea”.

94      Huwa żied li l-pubbliku ma jistax jassoċja s-servizzi fil-klassijiet 35 u 36, bħalma huma l-“konsulenza dwar negozju”, l-“affarijiet finanzjarji” u l-“affarijiet monetarji”, la mal-“unjoni monetarja Ewropea”, “li l-membri tagħha ma jistgħux [...] ikunu impriżi privati”, u lanqas mal-Unjoni Ewropea, “li l-attività [ma hijiex] dik ta’ konsulent privat fin-negozju u l-finanzi”. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, il-pubbliku huwa partikolarment attent, minħabba l-interess tiegħu li għandu għal “investiment u [għall-]frott tal-assi finanzjarji tiegħu.”

95      Dan l-argument għandu, fi kwalunkwe każ jiġi miċħud.

96      Qabel kollox, minn naħa, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jimplika r-rikorrent, is-simbolu tal-euro jirreferi għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi u mhux biss għall-“unjoni ekonomika u monetarja”, li tikkostitwixxi waħda biss mill-oqsma ta’ azzjoni tagħha (ara l-punt 87 hawn fuq). B’hekk ġustament li l-Bord tal-Appell għamel paragun bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark inkwistjoni u l-oqsma ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea, meħuda kollha kemm hi.

97      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 78 hawn fuq, il-protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 hija applikabbli anki meta, mingħajr ma’ twassal lill-konsumatur sabiex jitqarraq dwar l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri, trade mark tinkoraġġixxi lill-pubbliku sabiex jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi li hija tkopri jibbenefikaw mill-approvazzjoni jew mill-garanzija tal-awtorità li tirreferi għaliha l-emblema jew li huma marbuta b’mod ieħor mal-imsemmija awtorità.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li, minħabba l-varjetà kbira ta’ oqsma li fihom l-Unjoni teżerċita kompetenza, ma jistax jiġi eskluż li l-pubbliku jikkunsidra li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark inkwistjoni jaqgħu taħt qasam li fih l-Unjoni intervjeniet.

99      Barra minn hekk, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li “t-tagħmir li jġorr id-data u tagħmir tal-irrekordjar” inklużi fil-klassi 9, kif ukoll “il-ħolqien ta’ programmi tal-ipproċessar tad-data”, li jkopru l-klassi 42, jirrigwardaw l-“iżvilupp teknoloġiku”, qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni taħt it-Titolu XIX tat-Tielet Parti tat-Trattat TFUE, kif ukoll l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, azzjoni msemmija fl-Artikolu 16(1) TFUE. It-tieni nett, il-“prodotti tal-istampar” indikati fil-klassi 16 jaqgħu taħt qasam li fih l-Unjoni tintervjeni, biss permezz tal-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UP). It-tielet nett, is-“servizzi mediċi u veterinarji”, kif ukoll dawk ta’ “kura tas-saħħa u tas-sbuħija għal bnedmin u annimali”, jaqgħu taħt il-klassi 44, jirrigwardaw is-“saħħa pubblika”, qasam indirizzat fit-Titolu XIV tat-Tielet Parti tat-Trattat TFUE, u li fil-kuntest tiegħu jistgħu jiġu adottati skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 168(4)(b) tat-TFUE, “miżuri fl-oqsma veterinarji u fito-sanitarji li għandhom bħala l-objettiv dirett tagħhom il-ħarsien tas-saħħa pubblika”. Ir-raba’ nett, l-i“żvilupp tal-personal pemrezz ta’ edukazzjoni u edukazzjoni avvanzata”, inklużi fil-klassi 41, jistgħu jaqgħu taħt l-oqsam tal-“edukazzjoni” jew ta’ “formazzjoni vokazzjonali” imsemmi fit-Titolu XII tal-imsemmija parti. Il-ħames nett, is-servizzi inklużi fil-klassijiet 35 u 36, bħalma huma l-“konsulenza dwar negozju”, l-“affarijiet finanzjarji” u l-“affarijiet monetarji” neċessarjament jevokaw, u jkun xi jkun il-pubbliku inkwistjoni, il-“politika ekonomika u monetarja”, li għaliha huwa ddedikat it-Titolu VIII tat-Tielet Parti tat-Trattat TFUE.

 Fir-rigward tat-tielet parti

100    Ir-rikorrent isostni li l-trade mark inkwistjoni ma tinkoraġġixxix lill-pubbliku sabiex jemmen li hemm rabta bejn, minn naħa, il-proprjetarju tagħha, u, min-naħa l-oħra, “l-unjoni monetarja Ewropea, li [din tal-aħħar] ma tistax tkun parti minnha inħabba l-istatus tagħha ta’ impriża privata” jew, b’mod iktar ġenerali, l-Unjoni Ewropea.

101    Fil-fatt, skont huwa, anki jekk is-simbolu tal-euro huwa assoċjat mal-Unjoni Ewropea, ir-rappreżentazzjoni ta’ dan is-simbolu li tinsab fit-trade mark inkwistjoni ma għandhiex natura dominanti. B’hekk, għandu jsir eżami globali ta’ din it-trade mark sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx rabta bejn il-proprjetarju tagħha u l-Unjoni Ewropea.

102    Issa, minn dan l-eżami jirriżulta li tali rabta ma tistax tiġi ppruvata.

103    L-ewwel nett, l-isfond blu tat-trade mark inkwistjoni huwa “maqsum mir-rettangolu abjad li fih il-kliem ‘member of’, kif ukoll il-kliem ‘euro experts’ ukoll ta’ kulur abjad”.

104    It-tieni nett, ir-rappreżentazzjoni tas-simbolu tal-euro hija “magħquda” mal-ittra “e”, “fi sfumaturi ta’ lewn tad-deheb (lejn il-kannella) li jikkuntrasta b’mod ċar mas-sinjal isfar ċar unit tas-sinjal uffiċjali ‘‘€’”. Barra minn hekk, “minħabba l-isfumatura iktar skura, l-‘e’ tiġbed [ġibdet] iktar l-attenzjoni, mir-[rappreżentazzjoni tas-simbolu tal-euro]”.

105    It-tielet nett, l-“istilel mqegħa f’nofs qamar ma [jikkostitwixxux] indikaturi tal-unjoni monetarja -. lanqas barra minnhekk tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi”. Fil-fatt, dawn l-istilel ma jistgħux jevokaw il-“bandiera Ewropea”, “għaliex il-kuntest globali jitbiegħed mill-idea tal-Unjoni Ewropea u n-nofs ċirku ma jagħtix ġustament il-messaġġ ċentrali ta’ ‘għaqda’”.

106    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

107    Huwa minnu li, kif isostni r-rikorrent, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 tirrikjedi li jsir eżami globali tat-trade mark inkwistjoni, sa fejn l-elementi l-oħra ta’ din it-trade mark jistgħu jwasslu li, meħuda kollha kemm hi, din ma hijiex tali li tissuġġerixxi f’moħħ il-pubbliku rabta bejn, minn naħa, il-proprjetarju tagħha jew l-utent tagħha u min-naħa l-oħra, l-awtorità li tippossjedi jew tuża l-emblema li tagħmel parti minn din it-trade mark, lanqas ma hija tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jitqarraq f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza EUROPEAN DRIVESHAFT SERVICES, punt 29 iktar ʼil fuq, punt 59).

108    Madankollu, kif irrileva il-Bord tal-Appell fil-punti 40 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-eżami globali tat-trade mark inkwistjoni li hija tissuġġerixxi jirriżulta, f’moħħ il-pubbliku, rabta bejn il-proprjetarju tagħha u l-Unjoni Ewropea.

109    Minn naħa, kif intqal ewwel, fil-punt 71 hawn fuq, it-trade mark inkwistjoni tinkludi b’mod partikolari imitazzjoni tas-simbolu tal-euro, li tinsab f’pożizzjoni ċentrali. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 86 hawn fuq, dan is-simbolu jista’ jiġi assoċjata biss mal-Unjoni Ewropea.

110    Min-naħa l-oħra, it-tliet elementi l-oħra li jikkomponu t-trade mark inkwistjoni ma humiex tali li jinnewtralizzaw l-impressjoni mħollija lill-pubbliku mill-preżenza ta’ din l-imitazzjoni tas-simbolu tal-euro.

111    Fil-fatt, l-ewwel nett, tnax-il stilla ta’ kulur dominanti huma mqiegħda f’semi-ċirku fuq sfond blu, madwar din l-imitazzjoni tas-simbolu tal-euro imini. Issa, anki jekk jiġi aċċettat li dawn l-istilel ma jikkostitwixxux imitazzjoni tal-bandiera Ewropea riprodotta fil-punt 9 hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li huma ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jikkontrobilanċjaw l-effett prodott, mal-pubbliku, bil-preżenza, fit-trade mark inkwistjoni, tal-imsemmija imitazzjoni tas-simbolu tal-euro.

112    It-tieni nett, kif intqal fil-punt 74 hawn fuq, is-simbolu tal-euro rrappreżentat fit-trade mark inkwistjoni huwa mwaħħal mal-ittra “e” u mhux “magħqud” ma’ din l-ittra kif tallega r-rikorrenti. Issa, l-imsemmija ittra ma għandhiex, minnha nnifisha, sens u għaldaqstant ma tipprojbixxix għaldaqstant li l-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni jiġi assoċjat mal-Unjoni Ewropea.

113    It-tielet nett, l-espressjoni “member of” tinsab, fuq sfond abjad, ʼil fuq mill-imitazzjoni tas-simbolu tal-euro. L-espressjoni “euro experts” tinsab, ukoll fuq sfond abjad, taħtha. Issa, kif enfasizza, ġustament, il-Bord tal-Appell fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, meta dawn iż-żewġ espressjonijiet jinqraw flimkien, huma jevokaw l-idea ta’ ċirku żgħir ta’ esperti tal-euro li kienu ġew approvati uffiċjalment. B’hekk huma jagħtu l-impressjoni li l-Unjoni Ewropea, li, kif tfakkar, jirreferi għaliha s-simbolu tal-euro, tat l-approvazzjoni tiegħu għat-trade mark inkwistjoni.

114    Minn dan isegwi li t-tielet parti għandha tiġi miċħuda. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, dwar l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009

115    B’mod sussidjarju ħafna, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 kienet korretta. Barra minn hekk, huwa jallega li, sa fejn il-Kummissjoni invokat l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 quddiem il-Bord tal-Appell biss, din l-invokazzjoni għandha tiġi ddikjarata tardiva, u, għaldaqstant, inammissibbli. Huwa jżid li, fi kwalunkwe każ, l-invalidità tat-trade mark inkwistjoni ma setgħetx tiġi ddikjarata biss abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

116    Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 44 u 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-invalidità tat-trade mark inkwistjoni kellha tiġi ddikjarata abbażi tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 mingħajr il-ħtieġa li “ssir l-evalwazzjoni tal-motivi l-oħrajn li fuqhom hija bbażata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”.

117    B’hekk, ma huwiex għall-motiv li t-trade mark inkwistjoni tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 li l-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ddikjara l-invalidità tat-trade mark.

118    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi ddikjarat bħala inoperattiv.

119    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

120    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Heinrich Kreyenberg għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI).

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Lulju 2013 .

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.