Language of document : ECLI:EU:T:2007:140

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Mejju 2007

Kawża T-324/04

F

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni – Rikors għal annullament – Rikors għal danni – Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett ta’ organizzazzjoni internazzjonali – Residenza ordinarja u attività professjonali prinċipali – Rifjut retroattiv tal-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni – Irkupru ta’ somma indebitament imħallsa”

Suġġett: Rikors li għandu bħala għan, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiċħdu li jagħtu lir-rikorrent, b’effett retroattiv, il-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni u li jistabbilixxu l-metodu għall-irkupru tas-somom indebitament imħallsa f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, talba għar-rimbors tas-somom kollha li ġew jew li se jiġu mnaqqsa mis-salarju tar-rikorrent minn Frar 2004, flimkien ma’ l-interessi, kif ukoll talba għal danni intiża sabiex jingħata kumpens għad-dannu materjali u morali allegatament imġarrab.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti (Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1))

2.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti (Artikoli 46 FA u 48 FA; Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a))

3.      Uffiċjali – Prinċipji – Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi – Amministrazzjoni tajba – Obbligu ta’ premura (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85; Anness VII, Artikolu 4(1))

1.      Huwa biżżejjed li wieħed biss mill-kriterji msemmija fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri r-residenza ordinarja jew l-attività professjonali prinċipali, ikun immaterjalizza fil-post ta’ l-impjieg ta’ l-uffiċjal sabiex dan ta’ l-aħħar ma jkunx jista’ jibbenefika mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni.

Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-attività professjonali prinċipali, il-fatt li l-uffiċjal kellu t-titolu ta’ avukat u kien membru ta’ l-avukatura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jipprova li huwa kien jeżerċita effettivament din il-professjoni bħala attività prinċipali u maġġoritarja, fin-nuqqas ta’ referenza speċifika għat-tul ta’ din l-attività u għall-kontenut tagħha.

Fir-rigward tad-determinazzjoni tar-residenza ordinarja, il-fatt, għall-uffiċjal, li jġedded id-dokumenti ta’ identità uffiċjali tiegħu, li żamm il-benefiċċju ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni tal-mard fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li jkollu r-residenza fiskali tiegħu fih ma jippermettix li jistabbilixxi, fih innifsu, li ċ-ċentru permanenti ta’ l-interessi tiegħu kien għadu jinsab f’dan il-pajjiż. Jekk uħud minn dawn l-elementi jistgħu juru li l-uffiċjal kellu rabtiet fit-tul mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, dawn huma elementi purament formali li ma jippermettux li jistabbilixxu r-residenza effettiva ta’ dan ta’ l-aħħar. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-ħlas tat-taxxi fil-pajjiż ta’ oriġini, bis-saħħa ta’ l-applikazzjoni tal-ftehim dwar it-tassazzjoni doppja bejn dan il-pajjiż u l-pajjiż ta’ l-impjieg ta’ l-uffiċjal, il-produzzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxi fil-pajjiż ta’ oriġini, mingħajr ma jiġi sostnut x’deċiżjoni ttieħdet fir-rigward ta’ l-uffiċjal mill-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi, skond l-imsemmi ftehim, hija insuffiċjenti sabiex tipprova, fiha nfisha, residenza stabbli fil-pajjiż ta’ oriġini, billi tali dikjarazzjonijiet jistgħu jirriżultaw minn deċiżjoni unilaterali ta’ dan ta’ l-aħħar li jħallas it-taxxi tiegħu f’dan il-pajjiż.

(ara l-punti 54, 65, 76 u 77)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ April 2000, Reichert vs Il-Parlament, T‑18/98, ĠabraSP p. I‑A‑73 u II‑309, punt 30; Il-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Mejju 2001, Liaskou vs Il-Kunsill, T‑60/00, ĠabraSP p. I‑A‑107 u II‑489, punt 63

2.      Sabiex titqies li hija “organizzazzjoni internazzjonali” għall-applikazzjoni ta’ l-aħħar sentenza tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, organizzazzjoni trid tkun ġiet identifikata u rrikonoxxuta formalment minn Stati jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali maħluqa minn Stati. Tali rikonoxximent għandu jsir permezz ta’ dikjarazzjoni formali, att tad-dritt pożittiv, ftehim jew konvenzjoni li minnhom jirriżulta espressament li din l-organizzazzjoni hija effettivament rikonoxxuta minn Stati jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali maħluqa minn Stati.

F’dan ir-rigward, l-Artikoli 46 u 48 tat-Trattat KEFA, li jipprevedu l-kollaborazzjoni ta’ l-impriżi u ta’ l-assoċazzjonijiet mal-Kummissjoni bil-għan li tiġi ffaċilitata l-eżekuzzjoni tal-missjonijiet tagħha, ma jikkostitwixxux rikonoxximent formali ta’ dawn l-impriżi u assoċazzjonijiet, iżda minflok jistabbilixxu drittijiet u obbligi applikabbli, skond l-imsemmi Trattat, għall-individwi li huma suġġetti għalih.

Barra minn dan, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet tikkonsulta ma’ dawn l-impriżi u assoċazzjonijiet, u li dawn ta’ l-aħħar ipparteċipaw f’laqgħat konsultattivi jew preparatorji, ma jistax jiġi ekwiparat ma’ missjoni ta’ interess pubbliku mogħtija mill-Komunitajiet lill-korpi kkonċernati.

Fl-aħħar nett, sabiex tiġi evalwata n-natura internazzjonali ta’ organizzazzjoni, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni biss il-kompożizzjoni tagħha u mhux l-appartenenza tagħha għal organizzazzjonijiet oħra li għandhom kompożizzjoni internazzjonali.

(ara l-punti 113, 115, 117, 121 u 122)

Referenza għal: Il-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Marzu 1993, Vardakas vs Il-Kummissjoni, T‑4/92, Ġabra p. II‑357; Il-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13  ta’ Settembru 2005, Atienza Morales vs Il-Kummissjoni, T‑99/03, ĠabraSP p. I‑A‑225 u II‑1029, punt 35

3.      Il-fatt li, fil-kors ta’ verifika kompleta tal-fajl personali ta’ uffiċjal, l-amministrazzjoni ma skopritx l-irregolarità tal-ħlas, lil dan ta’ l-aħħar, tal-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni ma jistax jitqies li huwa mġiba speċifika min-naħa ta’ l-amministrazzjoni, li tista’ tagħti aspettattivi leġittimi lill-uffiċjal fir-rigward ta’ l-impossibbiltà ta’ l-irkupru tas-somma indebitament imħallsa, billi tali ċirkustanza tipprova biss il-persistenza ta’ l-iżball ta’ l-amministrazzjoni, li tikkostitwixxi l-premessa ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Meta l-irregolarità tal-ħlas ta’ dan il-benefiċċju kienet madankollu daqshekk evidenti li uffiċjal ta’ diliġenza normali, ta’ l-esperjenza u tal-grad tar-rikorrent, kien imissu kellu konjizzjoni tagħha, l-omissjoni li jiġbed l-attenzjoni ta’ l-amministrazzjoni dwar in-natura eventwalment indebita tad-drittijiet finanzjarji tagħha tqiegħed lill-uffiċjal, minħabba l-imġiba tiegħu, f’sitwazzjoni irregolari, b’mod li huwa ma jistax jinvoka l-bona fides tiegħu bl-għan li jiġi meħlus mill-obbligu li jirrestitwixxi s-somma indebitament imħallsa. F’każ bħal dan, l-amministrazzjoni ma tistax tiġi akkużata li kisret l-obbligu ta’ premura jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, billi din ta’ l-aħħar għamlet applikazzjoni tajba ta’ l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 159, 164 sa 166 u 170)

Referenza għal: Il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ April 2004, Gussetti vs Il-Kummissjoni, T‑312/02, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑547, punt 106, u l-ġurisprudenza ċċitata