Language of document : ECLI:EU:T:2007:260

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Settembru 2007 (*)

“Għajnuna mill-Istat − Leġiżlazzjoni li tipprovdi miżuri urġenti favur l-impjiegi għall-impriżi f’diffikultà − Deċiżjoni li tiddikjara l-isekma ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija”

Fil-kawżi magħquda T‑239/04 u T‑323/04,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn D. Del Gaizo, bħala aġent,

rikorrenti fil-kawża T‑239/04,

Brandt Italia SpA, stabbilita f’Verolanuova (l-Italja), irrappreżentata minn M. van Empel, C. Visco u S. Lamarca, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑323/04,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, C. Giolito u E. Righini, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/800/KE tat-30 ta’ Marzu 2004, dwar skema ta’ għajnuna mill-Istat implementata mill-Italja dwar dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam ta’ l-impjiegi (ĠU L 352, p. 10),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-leġiżlazzjoni Taljana

1        Id-Digriet leġiżlattiv Nru 23 ta’ l-14 ta’ Frar 2003 li jipprovdi dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam ta’ l-impjiegi (GURI Nru 39, tas-17 ta’ Frar 2003), li sar, wara emenda, il-Liġi Nru 81, tas-17 ta’ April 2003 (GURI Nru 91, tat-18 ta’ April 2003), jipprovdi dan li ġej fl-Artikolu 1(1) tiegħu:

“Bil-għan li jittieħdu miżuri kontra l-kriżi serja ta’ l-impjiegi li laqtet l-impriżi li huma suġġetti għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 63(4) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 270 tat-8 ta’ Lulju 1999, għall-impriżi li huma suġġetti għall-imsemmija proċeduri u li għandhom iktar minn 1000 impjegat, il-Ministru tax-Xogħol u tal-Politika Soċjali jista’ jagħti lill-persuni li jimpjegaw ħaddiema li jkunu ser jixtru impriża, sa limitu massimu ta’ 550 ħaddiema, il-vantaġġi msemmija fl-Artikoli 8(4) u 25(9) tal-Liġi Nru 223 tat-23 ta’ Lulju 1991, b’kundizzjoni li jiġu soddisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      ix-xerrej m’għandhux il-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 8(4a) tal-Liġi Nru 223 tat-23 ta’ Lulju 1991;

b)      it-trasferiment tal-ħaddiema huwa previst minn ftehim kollettiv konkluż fit-30 ta’ April 2003, mal-Ministeru tax-Xogħol u tal-Politika Soċjali, li jippermetti li l-ħaddiema jerġgħu jiġu integrati”. 

2        L-Artikolu 63(4) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 270 tat-8 ta’ Lulju 1999, li jintroduċi leġiżlazzjoni ġdida għall-amministrazzjoni straordinarja ta’ l-impriżi l-kbar fi stat ta’ insolvenza (GURI Nru 185, 9 ta’ Awwissu 1999) jipprovdi, fil-każ tal-bejgħ totali jew parzjali ta’ impriża, liema impriża hija operata minn impriżi kbar u hija suġġetta għal proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, dan li ġej:

“Fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferiment ta’ impriża previsti fl-Artikolu 47 tal-Liġi Nru 428 tad-29 ta’ Diċembru 1990, il-kummissarju straordinarju, ix-xerrej u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jiftehmu li x-xerrej, jimpjega biss parti mill-ħaddiema kif ukoll emendi oħra tal-kundizzjonijiet tax-xogħol skond id-dispożizzjonijiet applikabbli fis-seħħ”.

3        L-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 223 tat-23 ta’ Lulju 1991, li jikkonċerna r-regoli fil-qasam tal-qagħad tekniku, tal-mobbiltà, tal-benefiċċji tal-qagħad, ta’ l-implementazzjoni tad-Direttivi Komunitarji, ta’ l-allokazzjoni ta’ ħaddiema u d-dispożizzjonijiet oħra relatati mas-suq tax-xogħol (supplement ordinarju għall-GURI Nru 175, tas-27 ta’ Lulju 1991, iktar’il quddiem il-“Liġi Nru 223/91”), li jirregolaw l-Intervento straordinario d’integrazione salariale (Fond speċjali għall-integrazjoni tal-ħaddiema, iktar’il quddiem il-“FSIP”), ikkompletat mill-Artikolu 2 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 148 ta’ l-20 ta’ Mejju 1993 (GURI Nru 116, ta’ l-20 ta’ Mejju 1993), jinkludi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiffavorixxu t-tqegħid tal-ħaddiema taħt skema speċjali ta’ mobblità. Huwa previst b’mod partikolari:

“1. Għall-finijiet tat-tqegħid tal-ħaddiema taħt skema ta’ mobbiltà, id-dritt għal prijorità fl-impjieg huwa applikabbli [...]

4. Jingħata lil min iħaddem li, mingħajr ma huwa obligat mill-paragrafu 1, jimpjega full time u għal żmien mhux fiss il-ħaddiema mniżżlin fil-lista ta’ l-iskema ta’ mobbiltà, għal kull paga mensili mħallsa lill-ħaddiema, sussidju mensili li jammonta għal 50 % tal-kumpens ta’ l-iskema ta’ mobbiltà li jkun tħallas lill-ħaddiem. L-imsemmi sussidju ma jistax jingħata għal iktar minn tnax-il xahar u, għall-ħaddiema li għandhom iktar minn 50 sena, ma jistax jingħata għal iktar minn 24 xahar […]

4a. Id-dritt għall-vantaġġi ekonomiċi msemmija fil-paragrafi preċedenti huwa eskluż fil-każ ta’ ħaddiema li tqegħdu taħt l-iskema ta’ mobbiltà, matul is-sitt xhur preċedenti, minn impriża ta’ l-istess settur ta’ attività jew ta’ settur ieħor li, fid-data tat-tkeċċija tagħhom, tippreżenta relazzjonijiet ta’ affiljazzjoni li jikkorrispondu sostanzjalment ma’ dawk ta’ l-impriża li timpjega jew li tirriżulta li hija kkontrollata minn din ta’ l-aħħar jew li hija marbuta magħha. L-impriża li timpjega tiddikjara, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, matul it-talba ta’ impjeg, li l-ostakoli msemmija’l fuq ma jeżistux.”

4        Skond l-Artikolu 25(9) tal-Liġi Nru 223/91:

“Għal kull ħaddiem imniżżel fil-lista ta’ l-iskema ta’ mobbiltà, impjegat għal terminu mhux fiss, il-parti tal-kontribuzzjonijiet li jaqgħu fuq min jimpjega togħla, matul l-ewwel tmintax-il xahar, sa ma tilħaq l-ammont previst għall-apprendisti mill-Liġi Nru 25 tad-19 ta’ Jannar 1955, u l-emendi ulterjuri tagħha”.

5        Barra minn hekk, l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 223/91 jipprovdi li:

“Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-[FSIP] japplikaw biss għall-impriżi li imedjament jimpjegaw iktar minn ħmistax-il persuna fis-sitt xhur li jippreċedu d-data li fiha jippreżentaw it-talba msemmija fil-paragrafu 2. Fir-rigward tat-talbiet ippreżentati qabel ma jkunu ddekorrew sitt xhur mit-trasferiment ta’ l-impriża, din il-kundizzjoni tapplika fuq il-persuna li timpjega ġdida matul il-perijodu ta’ wara d-data ta’ l-imsemmi trasferiment […].”

6        Skond l-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 223/91, it-talba intiża sabiex tibbenefika mill-iskema tal-FSIP għandha tinkludi l-programm, imfassal skond parametri stabbiliti, li l-impriża għandha l-intenzjoni li timplementa u għandha tindika miżuri eventwali previsti biex twieġeb għall-konsegwenzi soċjali tagħha. L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 223/91 tippreċiża, minbarra dan, li l-benefiċċju ta’ din l-iskema huwa mogħti mill-Ministru tax-Xogħol u tal-Politika Soċjali Taljan, wara li l-programm jiġi approvat mill-Comitato interministeriale per il coordinamento della politica industriale [Kumitat interministerjali għall-koordinazzjoni tal-politika industrijali (CIPI)] u li l-għoti tal-kumpens jiddependi mill-implementazzjoni korretta ta’ dan il-programm.

7        Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 223/91 jipprovdi b’mod partikolari:

“1. L-impriża ammessa sabiex tibbenefika mill-iskema tal-[FSIP] li tqis, matul l-implementazzjoni tal-programm imsemmi fl-Artikolu 1, li mhijiex f’pożizzjoni li tiggarantixxi lill-ħaddiema kollha sospiżi li timpjegahom mill-ġdid u li mhijiex f’pożizzjoni li tirrikorri għal miżuri oħra, tista’ tibda l-proċedimenti ta’ mobbiltà taħt dan l-artikolu.

2. L-impriżi li jixtiequ jagħmlu użu mill-possibbiltà msemmija fil-paragrafu 1 huwa marbutin li jinformaw minn qabel u bil-miktub lir-rappreżentanti sindakali ta’ l-impriża.

3. Il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi indikazzjonijiet relatati mar-raġunijiet kapaċità eċċessiva; mar-raġunijiet tekniċi, organizzattivi jew produttivi li fir-rigward tagħhom l-impriża tqis li mhijiex fil-pożizzjoni li tadotta miżuri li jistgħu jirrimedjaw is-sitwazzjoni msemmija’l fuq u li tiġi evitata, kompletament jew parzjalment, l-iskema ta’ mobbiltà; man-numru disponibbli fl-impriża u mal-profili professjonali tal-ħaddiema eċċessivi, kif ukoll tal-persunal li jiġi normalment impjegat; mal-kalendarju tal-program ta’ mobbiltà; mal-miżuri eventwali previsti sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali ta’ l-implementazzjoni ta’ l-imsemmi program; mal-metodu ta’ kalkolu tal-ħlasijiet kollha minbarra dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ u tan-negozjati kollettivi. Il-komunikazzjoni tinkludi kopja ta’ l-irċevuta tal-ħlas lill-[Instituto Nazionale della Previdenza Sociale (INPS)], bħala depożitu fuq is-somma msemmija fl-Artikolu 5(4), ta’ ammont ugwali għall-kumpens massimu tal-[FSIP] immoltiplikat man-numru ta’ ħaddiema kkunsidrati bħala eċċessivi […]”

8        L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 223/91 jipprovdi wkoll:

“5. Fi żmien sebat ijiem mid-data li fiha jirċievu l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, fuq talba ta’ l-organizzazzjonjiet sindakali ta’ l-impriżi u ta’ l-assoċjazzjonijiet rispettivi, tiġi organizzata evalwazzjoni konġunta bejn il-partijiet sabiex jeżaminaw il-kawżi li kkontribwew għall-eċċessività ta’ ħaddiema u l-possibbiltajiet ta’ użu differenti tal-persunal kollu jew ta’ parti minnu fl-istess impriża, inkluż permezz ta’ kuntratti ta’ solidarjetà u forom flessibbli ta’ tqassim tal-ħin tax-xogħol [...]

[…]

7. Fin-nuqqas ta’ ftehim, id-direttur ta’ l-Ufficio provinciale del lavoro e della massima occupazione jsejjaħ il-partijiet sabiex jiġu eżaminati mill-ġdid il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5, inkluża l-formulazzjoni ta’ proposti sabiex jintlaħaq ftehim. L-imsemmija evalwazzjoni għandha, f’kull każ, tiġi konkluża fi żmien 30 jum mid-data ta’ li fiha l-Ufficio provinciale del lavoro e della massima occupazione jirċievi l-komunikazzjoni mill-impriża prevista fil-paragrafu 6.

[...]

9. Wara l-ftehim sindakali jew mal-konklużjoni tal-proċedura msemmija fil-paragrafi 6, 7 u 8, l-impriża tista’ tqiegħed lill-impjegati, lill-ħaddiema u s-setturi eċċessivi taħt l-iskema ta’ mobbiltà, billi tikkomunika lil kull wieħed minnhom bil-miktub it-tmiem tal-kuntratt, fir-rispett tat-termini ta’ avviż minn qabel.

[...]

13. Il-ħaddiema ammessi sabiex jibbenefikaw mill-FSIP jerġgħu jintegraw mill-ġdid fl-impriża fi tmiem il-perijodu li matulu huma jgawdu minn dan il-vantaġġ.

[...]”

9        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5(4) u (5) tal-Liġi Nru 223/91, jipprovdi:

“4. Għal kull ħaddiem li tqiegħed taħt l-iskema ta’ mobbiltà, l-impriża hija marbuta li tħallas fil-fondi ta’ intervent ta’ assistenza u ta’ sostenn lill-organi ta’ sigurtà soċjali […], fi 30 pagamenti mensili, somma ekwivalenti għal sitt darbiet il-paga mensili inizjali mħallsa lill-ħaddiem fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ mobbiltà. Din is-somma titnaqqas bin-nofs ladarba d-dikjarazzjoni ta’ eċċessività ta’ ħaddiema msemmija fl-Artikolu 4(9) tkun is-suġġett ta’ ftehim sindakali.

5. L-impriża li, skond il-proċeduri ddefiniti mill-Commissione regionale per l’impiego [kummissjoni reġjonali għall-impjiegi], tipprovdi offerti ta’ impjieg għal terminu mhux fiss bil-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 9(1)(b) mhijiex marbuta li tħallas il-pagamenti li jkun għad fadal għall-ħaddiema li jitilfu d-dritt li jibbenefikaw mill-iskema ta’ mobbiltà minħabba li jkunu rrifjutaw dawn l-offerti jew għall-perijodu kollu li matulu, peress li jkunu aċċettaw l-offerti ta’ l-impriżi, ikunu ġew impjegati. L-imsemmi benefiċċju huwa eskluż għall-impriżi li jinsabu, fir-rigward ta’ l-impriża disposta li timpjega, fir-relazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4a).”

 Il-miżura in kwistjoni u l-proċedura amministrattiva

10      B’ittra tat-12 ta’ Frar 2003, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-iskema ta’ għajnuna stabbilita mid-Digriet leġiżlattiv Nru 23/2003 (iktar’il quddiem il-“miżura in kwistjoni”).

11      Il-miżura in kwistjoni daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Frar 2003, mingħajr ma kien hemm stennija sabiex il-Kummissjoni tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Għaldaqstant, ġiet imniżżla fir-reġistru ta’ l-għajnuna mhux innotifikata, taħt in-numru NN 7/2003.

12      B’ittra tat-12 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-miżura in kwistjoni. Hija talbitha b’mod partikolari sabiex tindikalha l-impriżi l-kbar li l-bejgħ tagħhom kien previst taħt din il-miżura, kif ukoll ix-xerrejja l-ġodda u l-kriterji li bihom dawn ta’ l-aħħar kienu ġew magħżula. Wara li talbet u kisbet proroga tat-terminu mogħti lilha biex twieġeb, ir-Repubblika Taljana kkomunikat l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni b’ittra ta’ l-20 ta’ Mejju 2003.

13      B’ittra tal-15 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni li tinsab fl-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Diċembru 2003 (ĠU C 308, p. 5). Ir-Repubblika Taljana bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni b’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2003. Sostanzjalment, hija indikat, minn naħa, li matul il-perijodu kollu ta’ l-applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni, impriża waħda biss kienet inbiegħet skond il-metodi previsti minnha, li kienet il-fergħa ta’ attività ta’ Ocean SpA li tinsab f’Verolanuova (Brescia) li nbiegħet lil Brandt Italia SpA (iktar’il quddiem “Brandt”). Min-naħa l-oħra, skond ir-Repubblika Taljana, Brandt akkwistat lil Ocean skond il-prezz tas-suq mingħajr ma bbenefikat minn vantaġġ ekonomiku dirett minħabba l-applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni.

14      Madankollu, b’ittra tad-19 ta’ Jannar 2004, il-Kummissojni talbet lir-Repubblika Taljana informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari sabiex tikkonferma li, fil-verità, l-unika impriża li kienet ibbenefikat mill-miżura in kwistjoni kienet Brandt, kif ukoll infromazzjoni oħra li tikkonċerna l-volum ta’ l-għajnuna mogħtija f’dan il-kuntest. Ir-Repubblika Taljana pprovdiet l-informazzjoni mitluba lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Frar 2004.

15      Fit-30 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/800/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata mill-Italja dwar dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam ta’ l-impjiegi (ĠU L 352, p. 10, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana fl-1 ta’ April 2004.

 Id-deċiżjoni kkontestata

16      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tistabbilixxi, l-ewwel nett, li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 87(1) KE.

17      Skond il-Kummissjoni, l-ewwel nett, il-miżura in kwistjoni tiffavorixxi ċerti kategoriji partikolari ta’ impriżi, jiġifieri, minn naħa, ix-xerrejja ta’ impriżi f’diffikultà, li huma suġġetti għal proċedura amministrattiva straordinarja u li jimpjegaw mill-inqas 1000 persuna, li kkonkludew ftehim kollettiv mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2003 mal-Ministeru Taljan tax-Xogħol u tal-Politika Soċjali għall-approvazzjoni tat-trasferiment tal-ħaddiema u, min-naħa l-oħra l-impriżi f’diffikultà li huma suġġetti għal proċedura amministrattiva straordinarja, li jimpjegaw mill-inqas 1000 persuna u li jkunu ser jinbiegħu. Din il-miżura tagħti vantaġġ ekonomiku lill-imsemmija impriżi, billi tnaqqas l-ispejjeż normali tagħhom u billi ssaħħaħ is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom meta mqabbla ma’ kompetituri oħra li ma jibbenefikawx mill-istess skema. In-natura selettiva tal-miżura in kwistjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-fatt li din ġiet applikata f’każ wieħed biss.

18      It-tieni nett, il-miżura in kwistjoni tingħata mir-riżorsi ta’ l-Istat, minn naħa, peress li hija ffinanzjata minn iffinanzjar pubbliku għal fondi mitlufa u, min-naħa l-oħra, peress li l-Istat ma jħallasx parti mill-ispejjeż tas-sigurtà soċjali normalment dovuti.

19      It-tielet nett, il-miżura in kwistjoni thedded li taffettwa l-iskambi bejn Stati Membri kif ukoll li twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni billi ssaħħaħ is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ċerti impriżi meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom.

20      Skond il-Kummissjoni, il-miżura in kwistjoni b’hekk hija, bħala prinċipju, projbita mill-Artikolu 87(1) KE u tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni biss jekk din tista’ tibbenefika minn waħda mid-derogi previsti mit-Trattat:

21      Sussegwentement, il-Kummissjoni b’dispjaċir tosserva li l-awtoritajiet Taljani naqsu mill-obbligu impost fuqhom taħt l-Artikolu 88(3) KE meta implementaw il-miżura in kwistjoni qabel ma din ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni.

22      Barra minn hekk, fid-dawl tal-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni mas-suq komuni, il-Kummissjoni teskludi li din tista’ tibbenefika mid-derogi previsti mit-Trattat.

23      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar [ristrutturazzjoni] ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 1999 C 288, P. 2), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] dwar għajnuna mill-Istat għax-xogħol [impjiegi] (ĠU L 337, p. 3) u tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali (ĠU 1998, C 74, p. 9).

24      L-ewwel nett, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni mas-suq komuni fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà, il-Kummissjoni tqis li din għandha tiġi eskluża, peress li l-miżura in kwistjoni tapplika għall-impriżi li jimpjegaw iktar minn 1000 persuna, jiġifieri għall-impriżi l-kbar, filwaqt li l-imsemmija linji gwida jaċċettaw l-iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-rikostruzzjoni biss għall-impriżi zgħar u medji.

25      It-tieni nett, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2204/2002, il-Kummissjoni tiċħad b’mod partikolari l-argument tar-Repubblika Taljana li jgħid li l-vantaġġi mogħtija fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni huma l-istess bħal dawk miksuba fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ qgħad tekniku, li qatt ma ġiet meqjusa bħala għajnuna mill-Istat.

26      It-tielet nett, filwaqt li r-Repubblika Taljana ssostni, li, kieku l-miżura in kwistjoni kellha titqies li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din tkun kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 4(4)(ċ) tar-Regolament Nru 2204/2002, bħala għajnuna għall-ħolqien ta’ impjiegi, il-Kummissjoni tosserva li l-għajnuna għall-ħolqien ta’ impjiegi fir-reġjuni mhux mgħejuna huma awtorizzati biss favur impriżi żgħar u medji, filwaqt li l-miżura in kwistjoni tikkonċerna impriżi kbar.

27      Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni mas-suq komuni fid-dawl tal-linji gwida li jikkonċernaw l-għajnuna reġjonali, il-Kummissjoni tqis li l-miżura in kwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida li jikkonċernaw l-għajnuna reġjonali, minħabba li din tapplika fuq it-territorju nazzjonali kollu u fuq kollox li l-uniku każ li fih ġiet applikata l-miżura in kwistjoni jikkonċerna impriża li tinsab f’reġjun li ma jibbenefikax mid-derogi previsti fl-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE.

28      Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, li ġiet implementata illegament bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) KE. Hija tikkonkludi li din il-miżura hija inkompatibbli mas-suq komuni u tordna li d-deċiżjoni tagħha tiġi immedjatament implementata, liema ordni timplika l-irkupru ta’ l-għajnuna inkompatibbli. Il-Kummissjoni tippreċiża madankollu li d-deċiżjoni kkontestata ma tippreġudikax il-possibbiltà li għajnuna individwali mogħtija fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni tiġi kkunsidrata ulterjorment, fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni, bħala totalment jew parzjalment kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ talbiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Awwissu 2004, irreġistrati bin-numri T-239/04 u T-323/04 rispettivament, ir-Repubblika Taljana u Brandt ressqu r-rikorsi preżenti.

30      Permezz ta’ digriet tal-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 2006, wara li nstemgħu l-partijiet, iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

31      Instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tad-19 ta’ Settembru 2006.

32      Fil-kawża T‑239/04, ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara nulla d-deċiżjoni kontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Fil-kawża T-323/04, Brandt titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonferma l-inkompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni ma’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE, tiddikjara, b’effett fir-rigward ta’ Brandt, in-nullità parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, limitata għall-Artikolu 3 tagħha, jiġifieri n-nullità tal-parti li fiha r-Repubblika Taljana għandha tipproċedi għall-irkupru ta’ l-għajnuna illegalment mogħtija;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

34      Fil-kawża T-239/04, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

35      Fil-kawża T-323/04, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: sabiex:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lil Brandt għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

36      Il-kwistjoni ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq minn Brandt kontra d-deċiżjoni kkontestata tqajmet mill-Kummissjoni fil-kawża T-323/04. Jekk b’mod partikolari billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li r-Repubblika Taljana kkontestat l-istess deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-kawża T-239/04, il-Kummissjoni finalment irrinunzjat milli tinvoka l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors b’att separat, hija tkompli madankollu tqis li Brandt ma tistax issostni interess individwali kwalunkwe sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata u titlob għaldaqstant lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiċħad ir-rikors tagħha bħala inammissibbli.

37      Billi tirreferi b’mod partikolari għall-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Jacobs fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, Ġabra. p. I‑10737, I‑10741, punti 138 sa 142), il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi mressqa mill-kompetituri kontra deċiżjonijiet adottati fid-dawl ta’ l-Artikolu 88(3) KE għadha’l bogħod milli tiġi stabbilita u li kunsiderazzjonijiet ċertament analogi japplikaw fir-rigward tar-rikorsi mressqa mill-benefiċjari ta’ għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna kontra deċiżjoni li tiddikjara li l-iskema in kwistjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru ta’ l-għajnuna diġà mogħtija f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni żżid li, minkejja d-differenzi fil-ġurisprudenza, m’hemm madankollu l-ebda raġuni sabiex jitqies li l-benefiċjarji kollha ta’ għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna huma individwalment ikkonċernati, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-imsemmija skema bħala inkompatibbli mas-suq komuni, peress li din ikkunsidrat f’dak il-mument leġiżlazzjoni nazzjonali ġenerali u astratta, mingħajr ma teżamina l-każijiet individwali.

38      Minbarra dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li, ladarba r-Repubblika Taljana ħolqot u nnotifikatha bi skema ġenerali u astratta, hija setgħet teżamina l-miżura in kwistjoni bħala tali, u dan filwaqt li din ma kinitx fil-fatt intiża sabiex tapplika ħlief għal impriża waħda, jiġifieri Brandt. Il-Kummissjoni żżid li huwa preċiżament għal din ir-raġuni li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-miżura in kwistjoni bħala tali, mingħajr ma teżamina s-sitwazzjoni partikolari ta’ Brandt, u li r-rikors ta’ din ta’ l-aħħar għandu għaldaqstant jiġi ddikjarat inammissibbli.

39      Brandt tqis li hija għandha d-dritt li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li tammetti li d-deċiżjoni kkontestata ġiet formalment indirizzata lir-Repubblika Taljana, Brandt tqis, fil-fatt, li hija direttament u individwalment ikkonċernata minnha. Minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata għandha impatt dirett fuq is-sitwazzjoni ta’ Brandt minħabba li l-obbligu li huwa impost fuq ir-Repubblika Taljana sabiex tirkupra l-għajnuna joħolqilha dannu ekonomiku ċert (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punt 43). Min-naħa l-oħra, Brandt tinsab individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li hija, skond dak li tallega l-Kummissjoni, tibbenefika mill-għajnuna in kwistjoni u hija marbuta li tirrestitwixxi l-ammont ta’ l-għajnuna skond l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

40      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, fil-kawża T-239/04 li fil-kuntest tagħha d-deċiżjoni kkontestata hija kkontestata mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ssostni li l-miżura in kwistjoni ma tinkludix karatteristika ġenerali, iżda tikkostitwixxi intervent limitat għal każ speċifiku, li jipprokura vantaġġi lil impriża waħda biss, jiġifieri Brandt, billi tidderoga mill-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni ġenerali.

41      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kawża T-323/04, Brandt għandha interessi tagħha stess li huma distinti minn dawk tar-Repubblika Taljana, skond kriterji li ġew applikati fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, DEFI vs Il-Kummissjoni (282/85, Ġabra p. 2469, punt 16). Fil-fatt, billi adottat il-miżura in kwistjoni, li tat lok għad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk għaż-żewġ rikorsi eżaminati fil-kuntest tal-kawżi magħquda preżenti, ir-Repubblika Taljana xtaqet tevita kriżi soċjali li tkeċċija ta’ numru kbir ta’ ħaddiema f’impriżi f’diffikultà setgħet tikkaġuna, billi tiffaċilita t-trasferiment tagħhom minn Ocean għal Brandt. Skond Brandt, din it-tranżazzjoni kienet għażla kummerċjali, iffaċilitata mill-miżura in kwistjoni.

42      Barra minn hekk, anki li kieku l-miżura in kwistjoni ma tidentifikax l-impriżi li favur tagħhom l-għajnuna tkun ser tingħata, Brandt issemmiet matul dibattiti parlamentari li ppreċedew l-adozzjoni tal-miżura in kwistjoni, liema dibattiti qed jiġu ċċitati mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fid-deċiżjoni kkontestata, f’bosta drabi, li matul il-perijodu kollu ta’ l-applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni, impriża waħda biss inbiegħet skond il-metodi previsti minnha, jiġifieri Ocean inbiegħet lil Brandt.

43      It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika hija suġġetta għall-kundizzjoni li hija turi li għandha interess ġuridiku (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Novembru 2001, Mitteldeutsche Erdöl-Rffinerie vs Il-Kummissjoni, T-9/98, Ġabra p. II-3367, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, li kieku d-deċiżjoni kkontestata kienet annullata, is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Brandt kienet ċertament tinbidel peress li l-ordni ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna fl-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni ma jkollhiex iżjed bażi legali. Għaldaqstant, Brandt għandha interess sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Awwissu 2001, Saxonia Edelmetalle vs Il-Kummissjoni, T-111/01 R, Ġabra p. II‑2335, punt 17).

44      It-tielet nett, fid-dawl tal-fatt li Brandt tinsab direttament u individwalment milquta mid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, safejn l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni tobbliga lir-Repubblika Taljana sabiex tirkupra mill-benefiċjarji ta’ l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-miżura in kwistjoni, Brandt għandha tiġi kkunsidrata bħala direttament u individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, punti 35 u 36). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li ordni saret mis-servizzi tas-sigurtà soċjali Taljani għas-sospensjoni tal-ħlas ta’ l-għajnuna li tlaħħaq madwar EUR 500 000.

45      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikors ta’ Brandt huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

46      Fil-kuntest tat-tliet motivi mqajma fil-kawża T-239/04, ir-Repubblika Taljana tressaq l-ilmenti li ġejjin:

–        il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE u l-ksur tal-forom sostanzjali;

–        sussidjarjament, nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) u tal-forom sostanzjali;

–        iktar sussidjarjament, il-ksur ta’ l-Artikolu 88(3) KE, tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’impriżi f’diffikultà u tar-Regolament Nru 2204/2002, kif ukoll il-ksur tal-forom sostanzjali dovuti għal diversi vizzji ta’ proċedura u nuqqasijiet ta’ motivazzjoni.

47      Fil-kawża T-323/04, Brandt tissolleva ħames motivi:

–        il-ksur tat-Trattat, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 87 KE, u l-ksur ta’ forma sostanzjali, b’mod partikolari l-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE;

–        l-abbuż ta’ poter min-naħa tal-Kummissjoni;

–        il-ksur ta’ l-Artikolu 88 KE u l-ksur ta’ forma sostanzjali;

–        il-ksur tat-Trattat, b’mod partikolari ta’ l-Artikoli 88 KE u 89 KE, il-ksur tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [87 KE] u [88 KE] għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, p. 1), u tar-Regolament Nru 2204/2002, kif ukoll tal-forom sostanzjali, b’mod partikolari l-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE.

–        l-invalidità ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-ksur ta’ l-Artikolu 88 KE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tal-ksur tad-dispożizzjonijiet imperattivi ta’ natura proċedurali, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 253 KE.

48      Peress li bosta motivi u argumenti mqajma mir-rikorrenti, rispettivament fil-kawża T-239/04 u fil-kawża T-323/04, huma kunsiderevolment relatati ma’ xulxin, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li jkun opportun li jiġu eżaminati flimkien fl-ordni li ġejja:

–        il-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura in kwistjoni;

–        il-kwalifika bħala għajnuna eżistenti tal-miżura in kwistjoni;

–        il-konfromità tad-deċiżjoni kkontestata ma’ l-Artikolu 88(3) KE, mar-Regolament Nru 2204/2002 u mal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà;

–        il-ksur tal-forom sostanzjali, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 253 KE;

–        in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività;

–        in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni tal-benefiċjarja ta’ l-għajnuna mogħtija abbażi tal-miżura in kwistjoni;

–        in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-effetti negattivi tal-miżura in kwistjoni fuq il-kummerċ Komunitarju u fuq il-kompetizzjoni;

–        il-motivazzjoni inadegwata tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni mas-suq komuni fid-dawl tar-Regolament Nru 2204/2002 u tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà;

–        in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna.

–        l-irkupru ta’ l-għajnuna:

–        il-ksur tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1);

–        il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

49      B’kunsiderazzjoni tan-natura ta’ l-argumenti mqajma minn Brandt in sostenn ta’ allegat abbuż ta’ poter min-naħa tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan il-motiv għandu jiġi kkwalifikat mill-ġdid bħala motiv li jikkonċerna motivazzjoni insuffiċjenti u kuntradittorja tad-deċiżjoni kkontestata fuq ċerti punti. Għandha għaldaqstant tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

 Fuq il-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura in kwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

50      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi miżura ta’ natura ġenerali li tippromwovi l-impjiegi. Għaldaqstant, hija twassal għal distorsjoni u lanqas ma tirrisjka li twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti beni u, b’hekk, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Din il-miżura estendiet il-portata ta’ l-iskema ta’ l-FSIP u ta’ l-iskema tal-mobbiltà, li diġà kienu jeżistu qabel, għal ċertu sitwazzjonijiet partikolari, billi tattribbwixxi, bil-kondizzjoni li jiġu soddisfatti ċerti kundizzjonijiet, l-istess vantaġġi lill-persuni li jimpjegaw li jixtru impriżi li huma suġġetti għal proċedura ta’ amnministrazzjoni straordinarja. Il-benefiċjarji veri ta’ l-iskema stabbilita mill-miżura in kwistjoni huma l-impjegati u l-Kummissjoni stess kienet irrikonoxxiet li ż-żewġ skemi ċċitati iktar’il fuq ma jikkostitwixxux fihom infushom għajnuna mill-Istat.

51      Ir-Repubblika Taljana tallega li l-Kummissjoni ma evalwatx din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ l-eżami preliminari ta’ l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, iżda kkunsdiratha biss fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha tal-miżura in kwistjoni fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2204/2002.

52      Brandt issostni li l-effetti ekonomiċi tal-miżura in kwistjoni huma assolutament newtri għaliha. Din il-konklużjoni tirriżulta minn eżami kumparattiv bejn il-miżura in kwistjoni u l-Liġi Nru 223/91, li l-Kummissjoni kellha twettaq. Fin-nuqqas ta’ din il-miżura in kwistjoni, Brandt setgħet kisbet l-istess riżultat ekonomiku li kieku kellha tiftiehem ma’ Ocean għal trasferiment parzjali tal-ħaddiema mis-sit ta’ Verolanuova, skond il-leġiżlazzjoni ġenerali eżistenti. Għaldaqstant, Brandt tqis li l-miżura in kwistjoni ssostni l-impjegati ta’ l-impriża li hija suġġetta għal proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja (jiġifieri f’dan il-każ, l-impjegati ta’ Ocean), billi tiffavorixxi t-trasferiment tagħhom lix-xerrej, mingħajr ma jitqiegħdu taħt l-iskema ta’ l-FSIP jew mingħajr ma jitniżżlu f’listi ta’ mobbiltà. Brandt tikkonkludi li, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, l-obbligu impost fuq ir-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna diġà mogħtija, hija tispiċċa f’sitwazzjoni b’mod ċar inqas favorevoli minn dik li fiha hija kienet issib lilha nnifisha kieku l-miżura in kwistjoni ma kienet qatt ġiet adottata.

53      Brandt tfakkar barra minn hekk li, sabiex l-Artikolu 87 KE jkun applikabbli, min jibbenefika minn miżura għandu jikseb vantaġġ ta’ natura ekonomika jew finanzjarja. Hija tosserva f’dan ir-rigward li hija akkwistat lil Ocean wara kompetizzjoni ma’ xerrejja potenzjali oħra u li l-prezz li hija ħallset kien għaldaqstant il-prezz tas-suq. Barra minn hekk, dan ix-xiri kien ibbażat mhux biss fuq l-attivitajiet industrijali tal-fergħa, iżda kienet tinkludi wkoll id-djun kollu ta’ din ta’ l-aħħar. Brandt tinsisti fuq il-fatt li hija ma kienet kisbet l-ebda vantaġġ mill-miżura in kwistjoni, b’mod partikolari peress li ebda vantaġġ, anki jekk indirett u parzjali, u li jirriżulta diġà mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali eżistenti, ma seta’ jikkumpensa l-ispejjeż supplementari li Brandt kellha ssostni minħabba l-imsemmija miżura.

54      Barra minn hekk, filwaqt li tirreferi għall-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, Brandt tallega li teżisti kuntradizzjoni evidenti bejn l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-vantaġġi mogħtija mill-miżura in kwistjoni huma identiċi għal dawk li kienu diġà previsti fil-kuntest ta’ l-iskema tal-FSIP u ta’ l-iskema tal-mobbiltà, minn naħa, u r-rifjut min-naħa tagħha li tikkunsidra l-miżura in kwistjoni bħala parti integrali ta’ dawn l-iskemi. Brandt tinsisti fuq il-fatt li l-miżura in kwistjoni ma introduċiet l-ebda vantaġġ ġdid u li l-miżura in kwistjoni tipprovdi l-istess effetti bħal dawk li kienu diġà previsti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ġenerali eżistenti, jiġfieri dawk tal-liġi Nru 223/91. Il-miżura in kwistjoni hija f’dan is-sens totalment konformi ma’ l-ispirtu u t-tfassil globali tas-sistema Taljana ta’ kontribuzzjonijiet soċjali. Branst tfakkar f’dan ir-rigward li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tneħħija parzjali ta’ l-imposti soċjali fuq l-imriżi ta’ settur industrijali partikolari tikkostitwixxi għajnuna skond l-Artikolu 87(1) KE jekk din il-miżura hija intiża sabiex teżenta parzjalment lil dawn l-impriżi mill-ispejjeż finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni normali tas-sistema ġenerali ta’ siġurtà soċjali, mingħajr ma din l-eżenzjoni tiġi ġġustifikata min-natura jew l-istruttura ta’ din is-sistema (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1999, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑251/97, Ġabra p. I‑6639, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Mill-aspett ġenerali, il-Kummissjoni tindika li hija eżaminat il-miżura in kwistjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fil-premessi 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata.

56      Billi żviluppat globalment l-istess argumenti fiż-żewġ kawżi, il-Kummissjoni ssostni li l-miżura in kwistjoni ma tinkludix karattru ġenerali, fejn din il-konstatazzjoni hija kkonfermata, mhux biss, miċ-ċitazzjonijiet tax-xogħlijiet preparatorji u mid-dibattiti parlamentari li ppreċedew l-adozzjoni tal-miżura in kwistjoni, iżda wkoll minħabba l-fatt li l-miżura ġiet applikata f’każ wieħed. Minbarra dan, il-Kummissjoni tenfasizza li, kif jirriżulta mill-ittra tal-Ministru tax-Xogħol u tal-Politika Soċjali tas-7 ta’ Frar 2003, ikkomunikata lill-Kummissjoni bl-ittra tat-12 ta’ Frar 2003, inizjalment, l-awtoritajiet Taljani kienu nnotifikaw il-miżura in kwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, anki jekk fil-korrispondenza segwenti, dawn kienu finalment sostnew il-kontra.

57      Il-Kummissjoni tfakkar li l-fatt li l-miżura in kwistjoni għandha l-intenzjoni li tippromwovi l-impjieg m’għandu l-ebda rilevanza fuq il-kwalifika tagħha bħala għajnuna mill-Istat, minħabba li, skond ġurisprudenza wiesgħa ħafna, l-Artikolu 87(1) KE jiddefinixxi l-miżuri nazzjonali skond l-effetti tagħhom u mhux skond il-kawża tagħhom jew l-għanijiet tagħhom.

58      Barra minn hekk, ftit jimporta li Brandt setgħet tingħata, fil-kuntest ta’ proċeduri oħra u f’data sussegwenti, vantaġġi distinti previsti minn dispożizzjonijiet Taljani oħra, kemm jekk dawn il-vantaġġi jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat jew le. Skond il-Kummissjoni, l-unika ħaġa li hija sinjifikanti hija li l-miżura in kwistjoni tkun ġabitilha vantaġġi speċifiċi.

59      Barra minn hekk, il-fatt li Brandt kkontribwixxiet min-naħa tagħha għall-għajnuna li rċeviet ma jbiddel xejn mill-kwalifika tagħhom (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq). Skond il-Kummissjoni, l-argument ta’ l-għajnuna distinta żviluppat minn Brandt, li jgħid li l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni min-naħa tagħha tikkanċella l-vantaġġ u għaldaqstant l-għajnuna, fil-fatt ma jaqbilx mal-loġika ta’ l-istħarriġ ta’ l-għajnuna mill-Istat. F’kull, każ, il-kalkoli ppreżentati minn Brandt fl-istadju tal-proċedura bil-miktub qatt ma kienu ġew invokati matul il-proċedura amministrattiva u ma jistgħux, minħabba f’hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

60      Iċ-ċitazzjoni magħmula minn Brandt tal-ġurisprudenza li teskludi l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku, u għaldaqstant ta’ għajnuna, meta l-eżenzjoni mill-prelevamenti obbligatorji hija ġġustifikata minħabba n-natura jew l-istruttura tas-sistema fiskali u kontributtiva hija wkoll mingħajr bażi f’dan il-każ. Il-Kummissjoni tindika f’dan ir-rigward li hija r-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru li jipproċedi sabiex jagħti prova ta’ dan (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑159/01, Ġabra p. I‑4461, punt 43) u tosserva li r-Repubblika Taljana qatt ma invokat dan l-argument. Fuq il-mertu, il-miżura hekk iġġustifikata għandha taqbel mal-loġika interna tas-sistema fiskali in ġenerali (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, Ġabra p. II‑1275, punt 164, u Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/00, Ġabra p. II‑1385, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata), li ftit huwa probabbli fil-każ ta’ eżenzjoni temporanja.

61      Skond il-Kummissjoni, il-benefiċċju pprovdut mill-miżura in kwistjoni jinsab fil-fatt li l-vantaġġi ta’ sigurtà soċjali, minflok ma jingħataw fit-tmiem ta’ proċeduri kumplessi, bħal dik prevista għall-benefiċċju mill -iskema ta’ l-FSIP jew bħal dik prevista għall-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ mobbiltà, huma immedjatament mogħtija lill-persuna li tħaddem li tixtri l-impriża. Barra minn hekk, is-sistema stabbilita mill-miżura in kwistjoni kienet assigurat il-kontinwità funzjonali bejn Ocean u Brandt, billi tagħat lil din ta’ l-aħħar il-possibbiltà li timpjega l-ħaddiema ta’ Ocean qabel ma dawn jiġu mkeċċija. Minħabba li l-impriżi li jissoddisfaw il-kriterji stabbiliti mill-miżura in kwistjoni biss jistgħu japprofittaw minn din l-antiċipazzjoni tal-benefiċċju tal-vantaġġi ta’ sigurtà soċjali, minbarra l-impriżi l-oħra kollha, dan huwa biżżejjed fih inniffsu sabiex jiġi konkluż li din hija miżura selettiva.

62      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni tindika li l-iskema ta’ qagħad tekniku u l-iskema speċjali ta’ tkeċċija qatt ma ġew evalwati mill-Kummissjoni fid-dawl tar-regoli li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat. Ma jistax għaldaqstant jiġi eskluż li dawn jikkostitwixxu, fihom infushom, għajnuna mill-Istat, u din l-evalwazzjoni tapplika a fortiori fir-rigward ta’ l-estensjoni selettiva tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

63      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, l-ewwel nett, li kuntrarjament ta’ dak li ssostni r-Repubblika Taljana, il-kwistjoni li tikkonċerna l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dan il-każ ġiet analizzata mill-Kummissjoni fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll, fid-dawl tar-Regolament Nru 2204/2002, fil-premessi 30 u 31 ta’ din id-deċiżjoni.

64      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, sussegwentement, li jeħtieġ li jiġi ammess l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-benefiċċju mogħti mill-miżura in kwistjoni jinsab fil-fatt li l-vantaġġi ta’ sigurtà soċjali, minnflok ma jingħataw fi tmiem ta’ proċeduri kumplessi, bħal dik prevista sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-iskema tal-FSIP jew dik prevista għall-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ mobbiltà, jingħataw immedjatament mill-persuna li tkun ser tħaddem impjegati li tkun suġġetta għal proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja. L-argument issollevat minn Brandt li ssostni li mhuwiex ix-xerrej li għandu jsegwi waħda minn fost il-proċeduri li jikkonċernaw it-tqegħid tal-ħaddiema taħt l-iskema tal-mobbiltà, ma jistax jiġi milqugħ. Li kieku kellu jitqies li dawn il-proċeduri jiġu mibdija minn min ibigħ l-impriża, dawn huma intiżi għall-konklużjoni ta’ kuntratt li jaqa’ taħt id-dritt ċivili, li fi prinċipju jibbenefika ż-żewġ partijiet. Fil-fatt, skond is-sistema stabbilita, huwa x-xerrej li jibbenefika mis-servizzi u mid-dritt li jħallas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà sociali mnaqqsa. Għaldaqstant, għandu mingħajr dubju interess li jikseb il-vantaġġi previsti malajr u faċilment.

65      Barra minn hekk, il-miżura in kwistjoni ppermettiet li tiġi żgurata l-kontinwità funzjonali bejn Ocean u Brandt, billi tat lil Brandt il-possibbiltà li timpjega l-ħaddiema qabel ma dawn jitkeċċew, li fih inniffsu joffri vantaġġ kompetittiv.

66      Fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżura in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-miżura in kwistjoni ġiet adottata fl-14 ta’ Frar 2003, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ urġenza. Il-vantaġġi previsti mill-miżura in kwistjoni kienu suġġetti għall-eżistenza ta’ ftehim kollettiv, li kellu jiġi konkluż fit-30 ta’ April 2003. Kienu għaldaqstant aċċessibbli għal perijodu ta’ xahrejn u 17-il jum. Il-vantaġġi previsti mill-miżura in kwistjoni huma dawk previsti fil-leġiżlazzjoni ġenerali eżistenti. Madankollu, fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni, mhuwiex iżjed neċessarju li jiġu segwiti l-proċeduri kumplessi li jikkondizzjonaw il-kisba ta’ l-imsemmija vantaġġi fil-kuntest tal-leġiżalzzjoni ġenerali eżistenti u l-portata ta’ din l-iskema ġenerali hija kunsiderevolment imnaqqsa, b’mod partikolari mil-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-miżura in kwistjoni għall-impriżi li jimpjegaw iktar minn 1000 persuna biss, kontra minimu biss ta’ ħmistax-il impjegat li huwa meħtieġ fil-kuntest ta’ l-iskema ġenerali. Jirriżulta li l-miżura in kwistjoni ġiet applikata f’każ wieħed biss. Barra minn hekk, il-minuti tad-dibattiti parlamentari li ppreċedew l-adozzjoni tal-miżura in kwistjoni ppreżentati mill-Kummissjoni waqt il-proċedura bil-miktub, jindikaw espressament li l-bejgħ ta’ Ocean jinsab wara l-adozzjoni tal-miżura in kwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li n-natura selettiva tal-miżura in kwistjoni ġiet stabbilita.

67      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, barra minn hekk, li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-vantaġġ li taħbi l-miżura in kwistjoni jingħata permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat.

68      Fir-rigward ta’ l-impatt fuq il-kummerċ Komunitarju u fuq il-kompetizzjoni tal-miżura in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament tikkonstata fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata li l-miżura in kwistjoni thedded li twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni minħabba li ssaħħaħ is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ċertu impriżi meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u, b’mod partikolari, thedded li twassl għal distorsioni għall-kompetizzjoni u li taffettwa l-kummerċ jekk il-benefiċjarji jinsabu f’kompetizzjoni ma prodotti li jiġu minn Stati Membri oħra, minkejja li huma ma jesportawx huma stess il-produzzjoni tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris, 730/79, Ġabra p. 2671, punti 11 u 12, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punti 47 u 48). Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva barra minn hekk li Brandt, benefiċjarja tal-miżura in kwistjoni, tappartjeni għall-grupp ElcoBrandt, il-ħames grupp fis-settur elettrodomestiku fl-Ewropa, settur ikkaratterizzat mill-grad partikolari tiegħu ta’ espożizzjoni għall-kompetizzjoni, li jsostni l-konklużjoni li tgħid li l-miżura in kwistjoni tista’ taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsioni tal-kompetizzjoni f’dan is-settur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 87).

69      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis barra minn hekk li l-fatt li l-miżura in kwistjoni għandha l-intenzjoni li tissalvagwarda l-impjiegi hija mingħajr rilevanza fuq il-kwalifika tagħha bħala għajnuna mill-Istat, peress li l-Artikolu 87(1) KE, ma jagħmilx distinzjoni bejn l-interventi mill-Istati, skond il-kawżi tagħhom jew l-għanijiet tagħhom, iżda jiddefinihom skond l-effetti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, Ġabra p. II‑2957, punt 112, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Barra minn hekk, l-argument li jgħid li Brandt setgħet tingħata, fil-kuntest ta’ proċeduri oħra u f’data sussegwenti, l-istess vantaġġi skond dispożizzjonijiet Taljani oħra, lanqas ma hu rilevanti, peress li l-kriterju deċiżiv f’din il-kawża jinsab fil-fatt li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi estensjoni selettiva ta’ dawn l-iskemi ġenerali, billi tipprovdi vantaġġi speċifiċi lil ċertu impriżi billi ssaħħaħ is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom.

70      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.

 Fuq il-kwalifika bħala għajnuna eżistenti tal-miżura in kwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

71      Brandt issostni li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ma kkunsidratx il-miżura in kwistjoni bħala għajnuna eżistenti peress li, skond hija, il-miżura in kwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2204/2002. Brandt issostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex issostni li l-miżura in kwistjoni ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2204/2002. B’hekk, u ladarba r-Regolament Nru 2204/2002 ma tagħtiha ebda setgħa speċifika fuq il-materja, il-Kummissjoni assumiet ir-responsabbiltà li tieħu lura l-benefiċċju ta’ l-iskema ta’ għajnuna eżistenti prevista minn dan ir-Regolament. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni barra minn hekk naqset milli tiġġustifika fhiex hija kella l-kompetenza li tieħu lura, b’deċiżjoni individwali dan il-benefiċċju u għaldaqstant ta’ l-anqas naqqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni adegwata.

72      Il-Kummissjoni ssostni li Brandt toħroġ b’ċertu numru ta’ ipoteżi mingħajr ma tivverifika l-bażi tagħhom billi tastjeni ruħha milli turi li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2204/2002 ġew soddisfatti jew li tirrifjuta r-raġunament espost mill-Kummissjoni fil-premessi 29 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li jistabbilixxu ġustament il-kontra.

73      Fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-kompetenzi tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, din tikkunsidra li jekk, bħal ma jidher li jirriżulta mill-punti 99 et seq tar-rikors tagħha, Brandt tqis li hija mhijiex awtorizzata sabiex tapplika r-Regolament Nru 2204/2002 u, b’mod iżjed ġenerali, ir-regolamenti ta’eżenzjoni għad-deċiżjonijiet individwali li hija tadotta, l-argument tagħha huwa manifestament żbaljat. Minn naħa, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 2204/2002 tirriżerva lill-Istati Membri l-possibbiltà li jinnotifikaw l-għajnuna għall-impjiegi u timponi fuq il-Kummissjoni li teżamina dawn in-notifiki, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterji ddefiniti mir-Regolament Nru 2204/2002 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna ta’ l-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju Kummissjoni (ĠU L 10, p. 33), jew skond il-linji gwida jew l-oqsfa Komunitarji applikabbli. Min-naħa l-oħra, huwa iżjed evidenti li, għall-finijiet ta’ l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna, il-Kummissjoni hija marbuta li tapplika t-testi kollha potenzjalment rilevanti, sew jekk ikunu linji gwida, oqsfa jew regolamenti. Skond il-Kummissjoni, li kieku dan ma kienx il-każ, hija ma tkun tista’ qatt tadotta deċiżjonijiet negattivi, minħabba li mhijiex awtorizzata li teskludi l-ipoteżi li l-għajnuna tista’ tkun kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl ta’ regolament ta’ eżenzjoni.

74      Il-Kummissjoni żżid li, jekk, bil-kontra, Brandt tallega li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-miżura in kwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2204/2002, l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura jimponulha sabiex tiżviluppa dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

75      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li r-Regolament Nru 994/98 jipprovdi fl-Artikolu 1(1)(a)(iv) u (b) li l-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolamenti addottati f’konformità mal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament u f’konformità ma’ l-Artikolu 87 KE, tiddikjara li l-għajnuna favur l-impjiegi u t-taħriġ, kif ukoll l-għajnuna li tirrispetta l-pjan approvat mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru għall-għoti ta’ għajnuna reġjonali, huma kompatibbli mas-suq komuni u mhmiex suġġetti għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 88(3) KE.

76      Il-Kummissjoni eżerċitat din il-kompetenza billi adottat ir-Regolament Nru 2204/2002. Sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni prevista minn dan ir-Regolament, għajnuna għandha tissoddisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni imposti mir-Regolament, liema kundizzjonijiet ma ġewx soddisfatti f’dan il-każ, bħal ma hu kkonstatat fil-punti 93 sa 96 iktar’il quddiem.

77      Sussegwentement, fid-dawl ta’ l-argument imressaq minn Brandt li kien jikkonsisti fl-allegazzjoni li l-miżura in kwistjoni hija biss varjanti mingħajr importanza ta’ l-iskema tal-FSIP u ta’ l-iskema tal-mobbiltà, li, skond hi, huma fihom infushom skemi ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-anqas dan l-argument ma jista’ jiġi milqugħ. Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999, għajnuna eżistenti tista’ tkopri numru ta’ sitwazzjonijiet. Skond din id-dispożizzjoni, għajnuna eżistenti hija:

–        l-ewwel nett, l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi;

–        it-tieni nett, għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta' għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

–        it-tielet nett, kull għajnuna li hija kkunsidrata li ġiet awtorizzata wara li l-Kummissjoni tonqos milli tadotta deċiżjoni fi żmien xahrejn li bħala prinċipju jibda’ jiddekorri mill-ġurnata wara dik li fiha tirċievi n-notifika kompleta tagħha u li fiha hija għanda twettaq eżami preliminari;

–        ir-raba’ nett, kull għajnuna li fir-rigward tagħha l-perijodu ta’ limitazzjoni [terminu ta’ preskrizzjoni] ta’ għaxar snin ikun skada;

–        il-ħames nett, kull għajnuna li tinftiehem li hija għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jiġi stabbilit li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, iżda li sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Membru.

78      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-iżjed liġi qadima Taljana li tistabbilixxi l-iskemi ta’ għajnuna li għalihom qed issir riferenza tmur lura għall-1991. Għaldaqstant, l-ewwel sitwazzjoni li tippermetti li għajnuna titqies bħala għajnuna eżistenti hija eskluża f’dan il-każ.

79      Barra minn hekk, bħal ma ġie enfasizzat fil-punt 62 iktar’il fuq, il-Kummissjoni indikat li l-iskema tal-FSIP u l-iskema ta’ mobbiltà qatt ma ġew innotifikati lilha u qatt ma ġew eżaminati minnha fid-dawl tar-regoli li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat. It-tieni u t-tielet sitwazzjonijiet li jippermettu li miżura ta’ għajnuna tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti b’hekk lanqas m’huma vverifikati f’dan il-każ.

80      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat lilha nfisha li tordna lir-Repubblika Taljana sabiex tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra l-għajnuna mogħtija abbażi tal-miżura in kwistjoni. Ir-raba’ sitwazzjoni li tippermetti li miżura ta’ għajnuna tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti lanqas ma tista’ tiġi kkaratterizzata f’dan il-każ.

81      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-partijiet ma ssollevawx argumenti li kienu jsostnu li l-miżura in kwistjoni ma kkostitwixxietx għajnuna fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha u li l-karatteristiċi tagħha ħarġu biss wara l-evoluzzjoni tas-suq komuni. Il-ħames u l-aħħar sitwazzjoni li tippermetti li miżura ta’ għajnuna tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti lanqas ma hi kkaratterizzata f’dan il-każ.

82      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-miżura in kwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna eżistenti.

83      Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-konformità tad-deċiżjoni kkontestata ma’ l-Artikolu 88(3) KE, mar-Regolament Nru 2204/2002 u mal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 88(3) KE

–       L-argumenti tal-partijiet

84      Ir-Repubblika Taljana ssostni li, bil-kontra ta’ dak li hu indikat fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, l-allegata illegalità tal-miżura in kwistjoni minħabba li ġiet implementata qabel ma l-Kummissjoni tat deċiżjoni ma teżistix fid-dawl ta’ l-urġenza tagħha. Skond hi, in-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ din il-miżura waqt il-proċedura amministrattiva fil-fatt ċaħditha mill-effett utli tagħha.

85      Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 88(3) KE jimponi n-notifika minn qabel tal-proġetti ta’ għajnuna kollha u jipprojbixxi l-implementazzjoni ta’ miżuri ppjanati qabel ma l-proċedura ta’ investigazzjoni jkollha deċiżjoni finali. Stat Membru mhuwiex awtorizzat milli jwarrab unilateralment minn tali obbligi billi jinvoka urġenza, peress li l-iffissar ta’ terminu ta’ xahrejn biex issir l-investigazzjoni preliminari diġà jissoddisfa din l-eżiġenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C‑99/98, Ġabra p. I‑1101, punt 73).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

86      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Artikolu 88(3) KE jistabbilixxi b’mod ċar u inekwivoku li l-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti qabel il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari jkollha deċiżjoni finali.

87      Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni hija kkompletata mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 li jipprovdi terminu li huwa bħala prinċipju ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha tasal in-notifika għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skond l-investigazzjoni preliminari tal-miżura nnotifikata.

88      Fir-rigward ta’ dan it-terminu ta’ xahrejn, li inizzjalment ġie stabbilit mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kawża li tagħat lok għas-sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq (punt 73), li, billi ispirat ruħha mill-Artikoli 230 KE u 232 KE u billi evalwat għaldaqstant it-terminu massimu għal xahrejn, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tevita kull nuqqas ta’ ċertezza legali, li kien ikun manifestament kontra l-għan tal-fażi ta’ l-investigazzjoni preliminari ta’ l-għajnuna mill-Istat stabbilita mill-Artikolu 88(3) KE. Fil-fatt, bħal ma tippreċiża l-Qorti tal-Ġustizzja, tali għan, li jikkonsisti li l-Istat Membru jkun jista’ jibbenefika miċ-ċertezza legali meħtieġa billi jkun jista’ jibbenefika malajr fid-dawl tal-kompatibbiltà mat-Trattat ta’ għajnuna li tista’ tippreżenta natura ta’ urġenza, jiġi kompromess li kieku t-terminu kellu jiġi kkunsidrat bħala indikattiv. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ċertezza legali li tirriżulta tista’ tiġi aggravata fil-każ ta’ estenstjoni artifiċjali tal-fażi ta’ qabel l-investigazzjoni.

89      Għaldaqstant, għandu jiġi ammess li t-terminu wara kollox previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 huwa terminu restrittiv, li jorbot il-partijiet kollha mal-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari. B’hekk l-Istat Membru interessat mhuwiex awtorizzat li jiddergoa minn dan it-terminu billi jinvoka l-urġenza. Barra minn hekk, kif indikat ġustament il-Kummissjoni, l-iffissar ta’ terminu ta’ xahrejn sabiex tiġi konkluża l-investigazzjoni preliminari diġà jissoddisfa din il-ħtieġa.

90      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ksur tar-Regolament Nru 2204/2002

–       L-argumenti tal-partijiet

91      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata, peress li huwa indikat, fil-premessi 32 u 33 li l-miżura in kwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl tar-Regolament Nru 2204/2002, b’mod partikolari peress li hija tapplika fuq it-territorju nazzjonali kollu u li hija tikkonċerna l-bejgħ ta’ impriżi li jimpjegaw iktar minn 1000 persuna, jiġifieri prinċipalment il-bejgħ ta’ impriżi kbar. Anki jekk l-għajnuna għall-ħolqien ta’ impjiegi f’reġjuni mhux megħjuna huma awtorizzati biss favur impriżi żagħar u medji, dan ma jistax, f’kull każ, jippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li hemm inkompatibbiltà totali tal-miżura abbażi tar-Regolament, minħabba li ma jistax jiġi eskluż li x-xiri ta’ impriżi ta’ dan it-tip jista’ jinteressa wkoll lil impriżi żagħar u medji.

92      Il-Kummissjoni ssotni li r-Repubblika Taljana turi li ma fehmietx perfettament l-istħarriġ ta’ l-għajnuna mill-Istat u b’mod partikolari ta’ l-iskemi ta’ għajnuna. Sabiex skema titqies li hija kompatibbli, mhuwiex biżżejjed li l-kriterji ta’ kompatibbiltà jiġu soddisfatti f’ċerti każijiet ta’ applikazzjoni possibbli. Huwa, min-naħa l-oħra meħtieġ li l-għajnuna mogħtija abbażi ta’ l-iskema ta’ għajnuna tissoddisfa dawn il-kriterji fl-ipoteżijiet kollha. Dan il-prinċipju jissemma espliċitament fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2204/2002. F’dan il-każ, skond il-Kummissjoni, il-miżura in kwistjoni ma teskludix li l-għajnuna tingħata lil impriża kbira f’reġjun mhux assistit u, għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li din ma kinitx tissoddisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 2204/2002.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

93      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza li jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2204/2002 li l-impriżi żagħar u medji biss jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għall-ħolqien ta’ l-impjiegi barra miż-żoni ammissibbli għall-għajnuna reġjonali. Peress li l-miżura in kwistjoni hija applikabbli għal kull impriżi u fit-territorju nazzjonali kollu, din il-kundizzjoni ma ġietx soddisfatta, bħal ma hu indikat fil-premessi 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-uniku każ ta’ applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni jikkonċerna impriżi kbar f’żona mhux assistita u, għaldaqstant, anki jekk investigata bħala tali, l-għajnuna mhijiex kompatibbli.

94      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni, sabiex skema ta’ għajnuna titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 2204/2002, mhuwiex biżżejjed li l-kondizzjonijiet li tistabbilixxi jiġu soddisfatti f’ċertu każijiet ta’ applikazzjoni possibbli. Huwa meħtieġ li l-għajnuna mogħtija skond din l-iskema tissoddisfa dawn il-kundizzjonijiet fl-ipoteżijiet kollha. Dan il-prinċipju huwa espliċitament stabbilit fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2204/2002. F’dan il-każ, il-miżura in kwistjoni ma teskludix li l-għajnuna tingħata lil impriża kbira f’reġjun mhux assistit. Il-Kummissjoni għaldaqstant ġustament iddeċidiet li l-miżura in kwistjoni ma tissoddisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 2204/2002.

95      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-miżura in kwistjoni kollha kemm hi u tipprovdi espliċitament, fil-premessa 38, li hija ma tippreġudikax il-possibbiltà li għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ l-iskema bħal dik stabbbilita tiġi kkunsidrata ulterjorment, fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni, bħala totalment jew parzjalment kompatibbli fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tagħha.

96      B’hekk fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà

–       L-argumenti tal-partijiet

97      Ir-Repubblika Taljana ssostni li, skond il-punt 101 tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ kull għajnuna dovuta għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni li ngħatat mingħajr l-awtorizzazzjoni preċedenti tagħha u għaldaqstant bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) KE. Ir-Repubblika Taljana tiċħad f’dan ir-rigward l-argument issollevat mill-Kummissjoni li jikkonsisti milli jiġi invokat nuqqas ta’ elementi meħtieġa sabiex issir investigazzjoni individwali tal-każ ta’ l-applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni u tindika li l-Kummissjoni jmissha talbet formalment lill-awtoritajiet Taljani l-informazzjoni li hija kienet teħtieġ minnflok ma llimitat ruħha li ssemmi l-possibbiltà ta’ notifika individwali.

98      Il-Kummissjoni ssostni li jirriżulta mill-punt 64 tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà li l-iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà jisgħu jiġu awtorizzati biss favur impriżi żagħar u medji skond id-definizzjoni Komunitarja. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, il-punt 101 ta’ l-imsemmija linji gwida ma jimponix fuq il-Kummissjoni li teżamina l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ kull miżura ta’ għajnuna intiża għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà li tkun ngħatat mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Dan jirrigwarda biss dispożizzjoni li tirregola l-applikazzjoni fiż-żmien tar-regoli differenti sussegwenti dwar is-suġġett, li żgur li ma tobbligax lill-Kummissjoni sabiex teżamina individwalment il-każijiet kollha ta’ applikazzjoni ta’ l-iskemi li ma ġewx innotifikati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

99      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, skond il-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà, żewġ tipi ta’ miżuri ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni, bla ħsara li l-kundizzjonijiet iddefiniti jiġu sodisfatti: l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni innotifikati individwalment lill-Kummissjoni għall-impriżi kollha, indipendentement mid-daqs tagħhom (punti 22 sa 63 ta’ l-imsemmija linji gwida), minn naħa, u l-iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, għall-impriżi żagħar u medji biss, min-naħa l-oħra (punti 64 sa 69 ta’ l-imsemmija linji gwida).

100    F’dan il-każ, skond id-Digriet leġiżlattiv Nru 23/2003, il-miżura in kwistjoni tapplika għall-impriżi kollha, indipendentement mid-daqs tagħhom. Barra minn hekk, l-uniku każ ta’ applikazzjoni tiegħu kkonsista fix-xiri ta’ impriża kbira, jiġifieri Ocean, minn impriża kbira oħra, Brandt.

101    Kif diġà ġie indikat fir-rigward tar-Regolament Nru 2204/2002 fil-punt 93’il fuq, sabiex skema ta’ għajnuna tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, mhuwiex suffiċjenti li l-kundizzjonijiet mitluba jiġu soddisfatti f’ċerti każijiet ta’ applikazzjoni possibbli. Huwa meħtieġ li l-għajnuna mogħtija abbażi ta’ din l-iskema tissoddisfa dawn il-kundizzjonijiet fl-ipoteżijiet kollha. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-possibbiltà purament teorika li fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni, il-bejjiegħ potenzjali jista’ jkun impriża żgħira jew medja mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-għajnuna nnotifikata hija kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà.

102    Peress li l-miżura in kwistjoni ma tissoddisfax il-kundizzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni mitluba mil-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-rikostruzzjoni ta’ impriżi f’diffikultà, m’hemmx lok sabiex jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet proċedurali ġewx irrispettati.

103    Għaldaqstant, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

104    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-miżura in kwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni skond uħud mit-testi Komunitarji invokati. B’hekk dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE.

105    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ssollevata mir-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-kwalifika tal-miżura in kwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-motivazzjoni żviluppata fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata hija ċara u suffiċjenti biex tiġġustifika l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, peress li r-raġunament li jsegwi jikkoinċidi ma’ dak adottat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 63 sa 70’il fuq.

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività

106    Ir-Repubblika Taljana ssostni n-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fformulata fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-miżura in kwistjoni mhijiex waħda ta’natura ġenerali, iżda tagħti vantaġġ ekonomiku lil impriżi speċifiċi, billi tnaqqas l-ispejjeż normali u billi ssaħħaħ is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn l-ewwel impriżi meta mqabbla ma’ kompetituri oħra li ma jibbenefikawx mill-istess miżuri, liema argument huwa kkonfermat fost oħrajn mill-fatt li l-miżura in kwistjoni ġiet applikata f’każ wieħed biss. Hija tqis li din l-evalwazzjoni tirriżulta minn applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni ta’ selettività prevista mit-Trattat, li jitlob li l-miżura tiffavorixxi ċertu impriżi jew ċertu produzzjonijiet. Fil-fatt, din il-kundizzjoni ma tiġix soddisfatta ladarba, bħal f’dan il-każ, il-miżura in kwistjoni m’għandhiex la bħala suġġett u lanqas bħala effett li tiffavorixxi ċertu impriżi jew ċertu produzzjonijiet partikolari, minħabba li din tapplika għal persuni ddefiniti sew, skond kriterji oġġettivi, mingħajr ebda possibbiltà li tbiddlilhom il-portata tagħhom b’diskrezzjoni. Rigward it-tul ta’ żmien limitat u l-uniku każ ta’ applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni, li, skond il-Kummissjoni, jistabbilixxi n-natura selettiva tagħha, ir-Repubblika Taljana tenfasizza li dik li huwa importanti, fil-verità, hija n-natura ġenerali u astratta ta’ test li jwaqqafha, li, fil-kuntest ta’ kontroll a priori, kif għandu jkun dak tal-Kummissjoni, ma missux ippermettilha li teskludi l-applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni għal benefiċjarji oħra li jissoddisfaw il-kundizzjonijiet mitluba.

107    Il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk miżura tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha abbażi ta’ kriterji oġġettivi, din jista’ minkejja kollox ikollha natura selettiva (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, iċċitata iktar’il fuq, punt 163, u Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/00, iċċitata iktar’il fuq, punt 58). Il-preċiżjoni kbira tal-kriterji ta’ applikazzjoni tagħha bħat-terminu ta’ żmien qasir ħafna ta’ l-implementazzjoni tagħha, li minnu rriżultat applikazzjoni limitata għal każ wieħed biss, turi li n-natura ġenerali u astratta tal-miżura in kwistjoni, invokata mir-Repubblika Taljana, hija waħda ta’ apparenza biss. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-miżura in kwistjoni kollha kemm hi, huwa biżżejjed li din tirriżulta li hi selettiva għal waħda biss miż-żewġ kategoriji ta’ benefiċjarji. Barra minn hekk, fit-tweġiba tagħha għall-osservazzjonijiet magħmula mir-Repubblika Taljana rigward ir-rilevanza tal-ġurisprudenza ċċitata, il-Kummissjoni tfakkar li mhuwiex neċessarju li jingħata vantaġġ b’mod diskrezjonali sabiex jiġi kkunsidrat li huwa selettiv. In-natura selettiva tiegħu tista’ fil-fatt tirriżulta minn applikazzjoni tal-kriterji previsti għall-attribuzzjoni awtomatika tiegħu (sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 27 sa 31). Il-Kummissjoni ssostni fl-aħħar nett li n-natura selettiva tal-miżura in kwistjoni hija kkonfermata mill-fatt li hija ġiet applikata darba biss.

–       Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-identifikazzjoni tal-benefiċjarja ta’ l-għajnuna mogħtija abbażi tal-miżura in kwistjoni

108    Ir-Repubblika Taljana ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li hija tidentifika minn fost il-benefiċjarji tal-miżura in kwistjoni l-impriżi f’diffikultà suġġetti għal proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, li jimpjegaw iktar minn 1000 persuna u li huma suġġetti għal bejgħ, skond l-unika konstatazzjoni li l-benefiċjarja effettiva tal-miżura in kwistjoni tiddependi, fil-fatt, minn numru ta’ fatturi, li ma kinux ġew speċifikati mill-awtoritajiet Taljani, u dan, mingħajr ma tippreċiża liema huma rilevanti għat-tali identifikazzjoni u lanqas għal liema raġuni.

109    Il-Kummissjoni tosserva li l-miżura in kwistjoni tista’ ċertament tikkostitwixxi għajnuna ladarba l-bejjiegħ biss jew ix-xerrej biss jibbenefika minnha. Il-Kummissjoni tfakkar f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-benefiċjarji ta’ miżura mhumiex neċessarjament il-persuni li l-Istat jagħtihom direttament servizz pożittivi jew konċessjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punti 22 sa 28). F’dan il-każ, huwa per eżempju perfettament possibbli li impriża suġġetta għal proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja u li hija suġġetta għall-bejgħ ta’ waħda mill-fergħat ta’ attività tagħha, tkompli teżerċita attivitajiet oħra. F’dan il-każ, il-miżura tħaffef l-ispejjeż li l-impriża normalment ikollha ssostni waħedha, jiġifieri l-pagi u l-kumpensi marbuta mat-tkeċċija kif ukoll il-kontribuzzjonijiet l-oħra, partikolarment dawk imħallsa għall-ġestjoni tal-FSIP. Vantaġġi oħra jistgħu fl-aħħar nett jirriżultaw mill-fatt li miżura adottata mill-Istat tippermetti bejgħ ta’ impriża li kieku ma jkunx jista’ jsir jew li jkun jista’ jsir taħt kundizzjonijiet differenti, per eżempju bi prezz ogħla.

–       Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl ta’ l-effetti negattivi tal-miżura in kwistjoni fuq il-kummerċ Komunitarji u fuq il-kompetizzjoni

110    Ir-Repubblika Taljana tqis li d-deċiżjoni kkontestata lanqas ma hi motivata fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tat-tielet u r-raba’ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE, li jikkonċernaw rispettivament it-twettieq ta’ skambji bejn Stati Membri u l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, minħabba li l-Kummissjoni rat li kien biss opportun li tipproċedi, fil-premessa 20, permezz ta’ affermazzjoni apodittika fuq dawn il-punti biss.

111    Brandt tesprimi l-istess kritika billi ssostni li, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi bi kliem ġenerali ħafna għat-tisħiħ tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ ċerti impriżi meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom. Il-Kummissjoni teskludi għaldaqstant li tevalwa u li turi l-impatt tal-miżura in kwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kif ukoll il-ħsara li din il-miżura tikkawża lill-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet naqset mill-obbligu tagħha, imfakkar fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1985, l-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni (296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punti 22 sa 24), li ssostni r-raġunijiet tagħha adottati fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat permezz ta’ minimu ta’ indikazzjonijiet utli, li jippermettu mill-inqas li jiġi ddeterminat is-suq rilevanti, il-pożizzjoni ta’ l-impriżi interessati fuq dan is-suq, il-kurrenti kummerċjali tal-prodotti in kwistjoni bejn l-Istati Membri u l-esportazzjonijiet ta’ l-impriża li allegatament tkun qed tibbenefika mill-għajnuna.

112    Il-Kummissjoni ssostni li, ladarba l-għajnuna ngħatat illegalment, hija mhijiex marbuta li turi l-effett reali li din l-għajnuna kellha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 33; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T‑55/99, Ġabra p. II‑3207, punt 103, u P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 142].

–       Fuq il-motivazzjoni inadegwata tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni mas-suq komuni fid-dawl tar-Regolament Nru 2204/2002 u tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà

113    Ir-Repubblika Taljana ssostni, b’mod paralleli għall-argumenti li diġà ġew żviluppati fil-punti 91 u 97 iktar’il fuq, li l-Kummissjoni mmotivat b’mod inadegwat id-deċiżjoni kkontestata ladarba hija eskludiet il-possibbiltà li l-miżura in kwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl tar-Regolament Nru 2204/2002 u tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà.

114    Il-Kummissjoni tillimita r-risposta tagħha billi ssemmi l-argumenti li diġà ġew żviluppati fil-punti 92 u 98 iktar’il fuq li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-Regolament Nru 2204/2002 u tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà fil-każ preżenti.

–       Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward l-irkupru ta’ l-għajnuna

115    Brandt issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti ħafna, pererss li l-Kummissjoni ma ndikatx ir-raġunijiet li minħabba fihom ir-Repubblika Taljana kienet marbuta li tadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra l-għajnuna mogħtija lil Brandt. Skond hi, f’kuntest leġiżlattiv u fattwali li fih ir-regolarità ta’ tali azzjoni kienet tidher dubjuża, il-Kummissjoni jmissha ċċarat id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza u lill-partijiet interessati li jagħtu l-opinjoni tagħhom.

116    Il-Kummissjoni ssostni li hija ma mmotivatx speċifikament, f’dak li jikkonċerna Brandt, l-ordni magħmula lir-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna mogħtija lil Brandt abbażi tal-miżura in kwistjoni, peress li l-irkupru jikkostitwixxi konsegqwenza normali u ġenerali tad-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna illegali u peress li l-Kummissjoni ma kinitx għaldaqstant marbuta li teżamina l-każ individwali ta’ Brandt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

117    Skond ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-mertu tal-motivazzjoni, li jirriżulta mill-legalità sostantiva ta’ l-att ikkontestat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Jannar 2005, Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il-Kummissjoni, T‑93/02, Ġabra p. II‑143, punt 67).

118    Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, l-awtur ta’ l-att, b’mod ċar u mhux ekwivoku sabiex l-interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Dan ir-rekwiżit għandu jkun evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut ta’ l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta’ l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt, safejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandhiex tiġi evalwat mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Jirriżulta, b’mod partikolari, minn dawn il-prinċipji, li l-Kummissjoni hija marbuta li turi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li hija inkompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, hija mhijiex marbuta li twieġeb punt b’punt l-argumenti li huma neqsin minn rilevanza, invokati mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati jew minn intervenjenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T‑95/03, Ġabra p. II-4739, punt 108).

–       Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività

120    Rigward dan l-ewwel allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-informazzjoni mfakkra fil-punt 66 iktar’il fuq, li tinsab f’din id-deċiżjoni, hija kollha kemm hi suffiċjenti u ċara biex tiġi stabbilità s-selettività tal-miżura in kwistjoni.

121    Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna mogħtija abbażi tal-miżura in kwistjoni

122    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata tindika fil-premessa 18 iż-żewġ kategoriji ta’ benefiċjari potenzjali tal-miżura in kwistjoni, jiġifieri;

–        ix-xerrejja ta’ impriżi f’diffikultà, li huma suġġetti għal proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja u li jimpjegaw mill-inqas 1000 persuna, li kkonkludew ftehim kollettiv mhux iktar tard mit-30 ta’ April 2003 mal-Ministeru tax-Xogħol u tal-Politika Soċjali għall-approvazzjoni tat-trasferiment tal-ħaddiema, u/jew;

–        l-impriżi f’diffikultà suġġetti għal proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, li jimpjegaw mill-inqas 1000 ħaddiema u li huma suġġetti għal bejgħ.

123    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, sussegwentement, li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tidentifika fid-deċiżjoni tagħha benefiċjarju preċiż ta’ l-għajnuna mogħtija abbażi tal-miżura in kwistjoni u li hija setgħet tillimita ruħha, bħal ma għamlet fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, tindika ż-żewġ kategoriji speċifiċi ta’ benefiċjarji. Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fil-kuntest ta’ l-uniku każ ta’ applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni, l-għajnuna mogħtija kellha bħala għan li tiffaċilita l-bejgħ ta’ impriża f’diffikultà. Billi għamlet hekk, hija ffaċilitat tranżazzjoni ekonomika volontarja bejn żewġ partijiet. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza, li tgħid li l-benefiċjarji ta’ miżura ma jikkorrispondux neċessarjament għall-persuni li lilhom l-Istat ipprovda direttament servizzi pożittiva jew konċessjonijiet (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 28).

124    Peress li l-Kummissjoni eżaminat il-miżura in kwistjoni billi bbażat ruħha fuq l-unika informazzjoni ppreżentata mill-awtoriatjiet Taljani, li ma tinkludix dokumenti speċifiċi għall-uniku każ ta’ applikazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis għaldaqstant li l-indikazzjonijiet kollha li jinsabu fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, inkluż l-elenkar mhux eżawrjenti tal-fatturi li minnhom tista’ tiddependi l-identifikazzjoni tal-benefiċjarja effettiva, huma suffiċjenti.

125    Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward l-effetti negattivi tal-miżura in kwistjoni fuq il-kummerċ Komunitarju u fuq il-kompetizzjoni

126    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, jekk jista’ jirriżulta, f’ċertu każijiet, miċ-ċirkustanzi stess li fihom ingħatat l-għajnuna, li hija tali li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni, hija madankollu r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li ssemmi dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (ara s-sentenzi L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 73 u 74).

127    Madankollu, il-Kummissjoni mhijiex marbuta turi l-effett reali li l-għajnuna illegali kellha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Fil-fatt, l-obbligu għall-Kummissjoni li tipprovdi tali prova jwassal sabiex jiffavorixxi l-Istati Membri li jagħtu għajnuna bi ksur tad-dmir ta’ notifika ta’ l-Artikolu 88(3) KE bi ħsara għal dawk li jinnotifikaw l-għajnuna li tkun għada fi stat ta’ proġett (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 67, u tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, T‑35/99, Ġabra p. II‑261, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk din il-ġurisprudenza hija sostnuta mill-kliem ta’ l-Artikolu 87(1) KE li jgħidu li hija inkompatibbli mas-suq komuni mhux biss l-għajnuna li “twassal għal distorsjoni” għall-kompetizzjoni, iżda wkoll dik li “thedded” li twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni (sentenza Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 85).

128    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfassal il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

“Skond it-tielet u r-raba’ kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) [KE], il-miżura għandha twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni u li taffettwa l-kummerċ intrakomunitarju. L-iskema eżaminata thedded li twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-sens li ssaħħaħ is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ċertu impriżi meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom. B’mod partikolari, hija thedded li twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni u li taffettwa l-kummerċ jekk il-benefiċjarji jsibu ruħhom f’kompetizzjoni mal-prodotti ta’ provenjenza minn Stati Membri oħra, minkejja li ma jesportawx huma stess il-produzzjoni tagħhom. Jekk l-impriżi benefiċjarji ma jesportawx, il-produzzjoni nazzjonali tiġi vvantaġġata minħabba l-fatt li l-possibbiltaljiet għall-impriżi li jinsabu fi Stati Membri oħra li jesportaw il-prodotti tagħhom fis-suq in kwistjoni jitnaqqsu”.

129    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar barra minn hekk li, bħal ma ġie deċiż fil-punti 86 sa 90 iktar’il fuq, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet Taljani naqsu milli jwettqu l-obbligu impost fuqhom skond l-Artikolu 88(3) KE billi implementaw il-miżura in kwistjoni qabel ma din ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni.

130    Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-motivazzjoni li tinsab fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata hija adegwata u suffiċjenti.

131    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-motivazzjoni inadegwata tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni mas-suq komuni fid-dawl tar-Regolament Nru 2204/2002 u tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà

132    Fir-rigward ta’ dan in-nuqqas ieħor ta’ motivazzjoni allegat fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-motivazzjoni żviluppata fil-punti 5.4 u 5.5 tad-deċiżjoni kkontestata hija ċara u suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, peress li r-raġunament li jsegwi jikkoinċidi ma’ dak adottat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 93 sa 96 u 99 sa 103 hawn fuq.

–       Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-irkupru ta’ l-għajnuna

133    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru, kif ukoll ta’ l-interessi relatati magħha, hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni ta’ l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 66; ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑169/95, Ġabra p. I‑135, punt 47, u tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑110/02, Ġabra p. I‑6333, punt 41).

134    F’dan il-każ, ġie kkonstatat mill-Kummissjoni, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura in kwistjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni, liema inkompatibbiltà ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 104 iktar’il fuq.

135    Għaldaqstant, skond il-ġurisprudenza ċċitata u peress li, bħal ma ġie deċiż fil-punti 140 sa 145 iktar’il quddiem, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina l-każ individwali ta’ Brandt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ma naqqsitx mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

136    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-raba’ parti ta’dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

137    Dan il-motiv għandu għaldaqstant jiġi kollu kemm hu miċħud.

 Fuq l-irkupru ta’ l-għajnuna

 Fuq il-ksur tar-Regolament Nru 659/1999

–       L-argumenti tal-partijiet

138    Brandt issostni li l-Kummissjoni qieset l-ordni li hija indirizzat lir-Repubblika Taljana sabiex tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra l-għajnuna li Brandt irċeviet individwalment abbażi tal-miżura in kwistjoni, mill-unika investigazzjoni ta’ din il-miżura, li hija kkwalifikat bħala skema ġenerali. Madankollu hija naqqset milli tagħmel investigazzjoni xierqa tal-każ konkret li jikkostitwixxi l-għajnuna allegata. Brandt tqis għaldaqstant li, billi ordnat lir-Repubblika Taljana sabiex tirkupra din l-għajnuna mingħandha li setgħet perfettament tirriżulta kompatibbli mas-suq komuni wara investigazzjoni ta’ rutina li ssir skond ir-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni kisret b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Boussac, 22/80, Ġabra p. 3427, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Alber għas-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, Ġabra p. I‑2484, punt 40). Jekk il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tordna irkupru kwalunkwe ta’ l-għajnuna allegata mingħand Brandt, hija jmissha rrispettat il-proċedura prevista mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 659/1999.

139    Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda ordni ta’ rkupru proviżjonali ta’ l-għajnuna skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 659/1999. L-irkupru ġie ordnat abbażi biss tad-deċiżjoni kkontestata, skond l-Artikolu 14 ta’ l-imsemmi Regolament, b’mod li l-kundizzjonijiet sostantivi u ta’ forma ta’ l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament ma kinux intiżi sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni. Dan il-metodu ta’ aġir huwa perfettament leġittimu, kif jirriżulta min-numru ta’ sentenzi li kkonfermaw deċiżjonijiet negattivi dwar skemi ta’ għajnuna u li fihom il-Kummissjoni kienet ġustament ipprovdiet għall-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija taħt dawn l-iskemi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 64 et seq; Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 112 et seq; tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289, punti 98 et seq; tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑114/00, Ġabra p. I‑7657, punti 107 et seq; tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punti 86 et seq, li tikkonferma s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra p. II‑2319, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑278/00, Ġabra p. I‑3997, punti 103 sa 108).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

140    Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni magħmula minn Brandt, li tgħid li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina l-każ tagħha individwalment, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar, l-ewwel nett, li, b’ittra tat-12 ta’ Frar 2003, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw il-miżura in kwistjoni. Bħala risposta għat-talba għal informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-miżura in kwistjoni li l-Kummissjoni kienet bagħtitilha u matul il-proċedura amministrattiva kollha, ir-Repubblika Taljana sostniet li l-miżura in kwistjoni kienet skema ġenerali li fiha każ ta’ applikazzjoni wieħed biss, li kien jikkonsisti mix-xiri ta’ Ocean minn Brandt. Ir-Repubblika Taljana madankollu ma bagħtet l-ebda informazzjoni lill-Kummissjoni rigward il-każ individwali ta’ Brandt, bħal, per eżempju, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

141    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, sussegwentement, kif ġie mfakkar fil-punt 13 iktar’il fuq, li d-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 88(2) KE ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Diċembru 2003 (ĠU C 308, p. 5). Madankollu, minkejja din il-pubblikazzjoni, Brandt ma qisietx li kien neċessarju li tifformula osservazzjonijiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għaldaqstant, skond ġurisprudenza stabbilita, il-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-partijiet interessati kollha jiġu nnotifikati bil-ftuħ tal-proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 17; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle vs Il-Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra p. II‑1579, punt 48, u tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, T‑354/99, Ġabra p. II‑1475, punt 81). Minkejja din il-pubblikazzjoni, Brandt madankollu ma intervjenietx matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u ma pprovdiet l-ebda osservazzjoni supplementari lill-Kummissjoni.

142    B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet fil-pussess tan-notifika tal-miżura in kwistjoni u għaldaqstant kellha l-informazzjoni suffiċjenti sabiex tanalizzaha. Jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tammetti li seta’ eżista dubju fuq il-fatt li l-miżura in kwistjoni tista’ tikkostitwixxi għajnuna individwali, għandu madankollu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni konkreta li tippermettilha tikkonkludi, skond dak li ammettiet ir-Repubblika Taljana, il-fatt li l-miżura in kwistjoni kienet tat lok għal każ wieħed biss ta’ applikazzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar f’dan ir-rigward li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha biex teżamina l-karatteristiċi ġenerali ta’ l-iskema in kwistjoni, mingħajr ma tkun fl-obbligu li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari sabiex tivverifika jekk din l-iskema tinkludix elementi ta’ għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, L-Italja u Sardegna Lines vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 51; Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 24, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 67).

143    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva barra minn hekk li d-deċiżjoni kkontestata tindika b’mod ċar, fil-premessa 38, li hija tikkonċerna l-miżura in kwistjoni u l-każijiet ta’ applikazzjoni tagħha iżda ma tippreġudikax il-possibbiltà li għajnuna individwali mogħtija fil-kuntest ta’ l-iskema jiġu kkunsidrati ulterjorment, fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni, bħala totalment jew parzjalment kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

144    B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ġustament eżaminat il-miżura in kwistjoni bħal ma ġiet innotifikata lilha mir-Repubblika Taljana u, għaldaqstant, li l-Kummissjoni ma kkawżat l-ebda dannu proċedurali lil Brandt.

145    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti ta’ dan il-motuiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

–       L-argumenti tal-partijiet

146    Fir-rigward ta’ l-ordni għall-irkupru, Brandt tinvoka, sostanzjalment, il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u tallega li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma ġiex irrispettat.

147    Il-Kummissjoni ssostni li, saħansitra qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 659/1999 u indipendentement mill-eżistenza ta’ dispożizzjoni espliċita fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat li t-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija, kif ukoll l-interessi relatati magħha, kienet il-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni ta’l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 66; ta’ l-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 75; ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 47; tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 98, u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar’il fuq, punt 41).

148    L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 jimponi, minn dan il-mument’il quddiem, espliċitament fuq il-Kummissjoni sabiex tipprovdi għall-irkupru ta’ l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju, sakemm prinċipju ġenerali ta’ dritt Komunitarju, bħall-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, ma jmurx kontra din l-impożizzjoni.

149    Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-impriżi li jibbenefikaw minn għajnuna ma jistgħux ikollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi dwar il-legalità ta’ l-għajnuna ħlief jekk din tingħata skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 88 KE. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jaċċerta ruħu li din il-proċedura ġiet osservata, anki meta n-natura illegali tad-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna hija attribwibbli lill-Istati kkonċernat b’mod tali li t-tneħħija ta’ l-għajnuna tidher li tmur kontra l-prinċipju ta’ bone fide (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑5/89, Ġabra p. I‑3437, punt 14, u ta’ l-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland, C‑24/95, Ġabra p. I‑1591, punt 25).

150    Jekk il-Kummissjoni barra minn hekk tirrikonoxxi l-possibbiltà għall-benefiċjarji ta’ għajnuna li jinvokaw ċirkustanzi eċċezzjonali li abbażi tagħhom huma setgħu jistabbilixxu aspettattivi leġittimi rigward il-legalità ta’ l-għajnuna u għaldaqstant li jikkontestaw ir-restituzzjoni tagħha, hija tenfasizza li, skond il-ġurisprudenza, fit-tali każ, hija l-qorti nazzjonali eventwalment kompetenti li għandha tevalwa, wara li tkun għamlet id-domandi preliminari dwar interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċirkustanzi in kwistjoni (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar’il fuq, punt 16, u tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 103).

151    Il-Kummissjoni tikkonstata li, f’dan il-każ, il-miżura in kwistjoni ġiet stabbilita permezz ta’ Digriet leġiżlattiv immedjatament applikabbli. Huwa għaldaqstant evidenti li r-Repubblika Taljana, minkejja li nnotifikat din il-miżura u ammettiet, f’din l-okkażjoni, li din kienet skema ta’ għajnuna, ma rrispettatx l-obbligu previst fl-Artikolu 88(3) KE u li hija implementat il-miżura in kwistjoni b’mod illegali, peress li l-Kummissjoni ma kinitx għadha tat deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq komuni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-ittra ta’ notifika tas-7 ta’ Frar 2003 stess kienet tistedinha sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni mas-suq komuni fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà.

152    Kien għaldaqstant ċar, sa mill-bidu, li l-miżuri ta’ applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u li l-Artikolu 88(3) KE, għaldaqstant kien ġie miksur. Skond il-Kummissjoni, dan huwa fih inniffsu suffiċjenti biex tiġi eskluża kull ipoteżi ta’ aspettattivi leġittimi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

153    Kif jirriżulta mill-fatti u kif ġie stabbilit fil-punti 70 u 104 iktar’il fuq, il-miżura in kwistjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni, peress li ġiet adottata bi ksur tar-regoli Komunitarji, kemm sostantivament kif ukoll fil-forma, dwar l-għajnuna mill-Istat.

154    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li jidher li hu impossibbli f’dan il-każ, li operatur ekonomiku diliġenti bħal Brandt seta’ jinjora n-natura illegali tal-miżura in kwistjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar f’dan ir-rigward li hija ġurisprudenza stabbilita li, fid-dawl tan-natura imperativa ta’ l-istħarriġ ta’ l-għajnuna mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88 KE, bħala prinċipju, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna ma jistgħux ikollhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta’ għajnuna ħlief jekk l-għajnuna tkun ingħatat fir-rispett tal-proċedura (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar’il fuq, punt 14, u Alcan Deutschland, iċċitata iktar’il fuq, punt 25). Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jassigura ruħu li din il-proċedura tkun ġiet imħarsa, anki meta n-natura illegali tad-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna hija attribwibbli lill-Istat ikkunsidrat b’mod li r-revoka ta’ din il-miżura tidher li tmur kontra l-prinċipju ta’ bone fide (sentenza Alcan Deutschland, iċċitata iktar’il fuq, punt 41, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127, punt 135).

155    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar fl-aħħar nett li hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, jekk, bħal fil-każ ta’ Brandt, il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna jqis li jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu jistabbilixxu l-aspettattivi leġittimi tiegħu fin-natura legali ta’ l-għajnuna, hija l-qorti nazzjonali, eventwalment kompetenti, li għandha tevalwa dan, jekk ikun il-każ wara li tkun ressqet id-domandi preliminari ta’ interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar’il fuq, punt 16; tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 103, u s-sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 136).

156    Għaldaqstant, it-tieni parti ta’dan il-motiv għandha tiġi miċħuda ukoll.

157    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, dan il-motiv għandu jiġi kollu kemm hu miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

158    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi fil-kawża T-239/04, ir-Repubblika Taljana tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Peress illi fil-kawża T-323/04, Brandt tilfet ukoll, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawża T-239/04.

3)      Brandt Italia SpA għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawża T-323/04.

García-Valdecasas

Cooke

Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Settembru 2007.

E. Coulon

 

       J. D. Cooke

Reġistratur                                                                 President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.