Language of document :

Kawżi magħquda T-239/04 u T-323/04

Ir-Repubblika Taljana u Brandt Italia SpA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat − Leġiżlazzjoni li tipprovdi miżuri urġenti favur l-impjiegi għall-impriżi f’diffikultà − Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 87 KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Skema ta’ għajnuna għall-impjiegi – Inklużjoni

(Artikolu 87(1) KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Kategoriji ta’ għajnuna, iddefiniti permezz ta’ regolamenti, li jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq komuni – Regolament Nru 2204/2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi

(Artikoli 87 KE u 88 KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2204/2002)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mhux innotifikata mas-suq komuni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Artikoli 87(1) KE u 253 KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Proċedura amministrattiva – Obbligu tal-Kummissjoni li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom

(Artikolu 88(2) KE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Eżami ta’ skema ta’ għajnuna meħuda fil-globalità tagħha – Ammissibbiltà

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali

(Artikolu 88 KE)

1.      Miżura ta’ l-Istat li tipprovdi skema ta’ għajnuna għall-impjiegi thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni minħabba li ssaħħaħ is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ċertu impriżi meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u, b’mod partikolari, thedded li toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni u li taffettwa l-kummerċ jekk il-benefiċjarji jsibu ruħhom f’kompetizzjoni ma’ prodotti ta’ provenjenza minn Stati Membri oħra, minkejja li ma jesportawx huma stess il-produzzjoni tagħhom.

(ara l-punt 68)

2.      Il-fatt li miżura ta’ l-Istat tipprovdi skema ta’ għajnuna għall-impjiegi intiża sabiex tissalvagwarda l-impjiegi hija mingħajr rilevanza fuq il-kwalifika tagħha bħala għajnuna mill-Istat, peress li l-Artikolu 87(1) KE ma jagħmilx distinzjoni bejn l-interventi mill-Istati, skond il-kawżi tagħhom jew l-għanijiet tagħhom, iżda jiddefinixxihom skond l-effetti tagħhom.

(ara l-punt 69)

3.      Sabiex skema ta’ għajnuna titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 2204/2002, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] dwar għajnuna mill-Istat għax-xogħol [impjiegi], mhuwiex biżżejjed li l-kundizzjonijiet li tistabbilixxi jiġu soddisfatti f’ċerti każijiet ta’ applikazzjoni possibbli. Huwa meħtieġ li l-għajnuna mogħtija skond din l-iskema tissoddisfa dawn il-kundizzjonijiet fl-ipoteżijiet kollha.

Għaldaqstant, ma tissoddisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi regolament miżura ta’ l-Istat li tipprovdi skema ta’ għajnuna għall-impjiegi li ma teskludix li l-għajnuna tingħata lil impriża kbira f’reġjun mhux assistit. Barra minn hekk, il-possibbiltà purament teoretika li, fil-kuntest ta’ l-imsemmija miżura ta’ l-Istat, il-bejjiegħ potenzjali jista’ jkun impriża żgħira jew medja mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-għajnuna nnotifikata hija kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà.

(ara l-punti 94, 101)

4.      L-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tkun distinta mill-kwistjoni dwar il-fondatezza tal-motivazzjoni, li tirriżulta mill-legalità sostantiva ta’ l-att ikkontestat. Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, l-awtur ta’ l-att, b’mod ċar u mhux ekwivoku sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Dan ir-rekwiżit għandu jkun evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut ta’ l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta’ l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt, fil-każ fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att li ssodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha, kif ukoll skond ir-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

Jirriżulta, b’mod partikolari, minn dawn il-prinċipji, li l-Kummissjoni hija marbuta li turi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li hija inkompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, hija mhijiex marbuta li twieġeb punt b’punt l-argumenti li mhumiex rilevanti, li huma invokati mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati jew minn terzi intervenjenti.

Jekk jista’ jirriżulta, f’ċerti każijiet, miċ-ċirkustanzi stess li fihom ingħatat l-għajnuna, li din hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li twassal li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, hija madankollu r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li ssemmi dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha.

Madankollu, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li turi l-effett reali li l-għajnuna illegali kellha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Fil-fatt, l-obbligu għall-Kummissjoni li tipprovdi tali prova jwassal sabiex jiffavorixxi l-Istati Membri li jagħtu għajnuna bi ksur tad-dmir ta’ notifika ta’ l-Artikolu 88(3) KE bi ħsara għal dawk li jinnotifikaw l-għajnuna li tkun għadha fi stat ta’ proġett. Fil-fatt, skond il-kliem ta’ l-Artikolu 87(1) KE hija inkompatibbli mas-suq komuni mhux biss l-għajnuna li “twassal għal distorsjoni” għall-kompetizzjoni, iżda wkoll dik li “thedded” li twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni.

(ara l-punti 117-119, 126-127)

5.      Il-pubblikazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, ta’ avviż dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 88(2) KE tikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-partijiet interessati kollha jiġu nnotifikati bil-ftuħ ta’ din il-proċedura.

(ara l-punt 141)

6.      Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’, sabiex tivverifika jekk din l-iskema tinkludix elementi ta’ għajnuna, tillimita ruħha biex teżamina l-karatteristiċi ġenerali ta’ l-iskema in kwistjoni, mingħajr ma tkun fl-obbligu li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari.

(ara l-punt 142)

7.      Fid-dawl tan-natura imperattiva ta’ l-istħarriġ ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88 KE, bħala prinċipju, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna ma jistgħux ikollhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta’ l-għajnuna ħlief jekk l-għajnuna tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista minn dan l-Artikolu. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jassigura ruħu li din il-proċedura tkun ġiet imħarsa, ukoll meta n-natura illegali tad-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna hija attribwibbli lill-Istat in kwistjoni b’mod li r-revoka ta’ din il-miżura tidher li tmur kontra l-prinċipju ta’ bona fide.

Jekk, il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna jqis li jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu jistabbilixxu l-aspettattivi leġittimi tiegħu fin-natura legali ta’ l-għajnuna, hija l-qorti nazzjonali, eventwalment kompetenti, li għandha tevalwa dan, jekk ikun il-każ wara li tkun ressqet id-domandi preliminari ta’ interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 154-155)