Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Frar 2011 - ONP et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-90/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ordre national des pharmaciens (ONP) (Pariġi, Franza), Conseil national de l'Ordre des pharmaciens (CNOP) (Pariġi), Conseil central de la section G de l'Ordre national des pharmaciens (CCG) (Pariġi) (rappreżentanti: O. Saumon, L. Defalque u T. Bontinck, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2010) 8952 finali, tat-8 ta' Diċembru 2010, notifikata fl-10 ta' Diċembru 2010 lir-rikorrenti, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Każ 39510 - LABCO/ONP);

sussidjarjament, fil-każ li jiġu stabbiliti ċerti lmenti, tnaqqas il-multa ta' EUR 5 000 000 imposta fuq ir-rikorrenti mill-Kummissjoni Ewropea għal ksur tal-Artikolu 101 tat-TFUE b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti eżistenti u tal-karatteristiċi tal-assoċjazzjoni ta' impriżi inkwistjoni;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha b'mod konformi mal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw disa' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta' interpretazzjoni u ta' applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-eċċezzjoni stabbilita mis-sentenza Wouters 1 ma tapplikax għall-kawża preżenti.

Għal dak li jirrigwarda r-restrizzjonijiet għall-iżvilupp ta' gruppi ta' laboratorji fis-suq Franċiż tal-analiżi ta' bijoloġija medika:

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta' liġi minħabba żball fl-evalwazzjoni tal-portata tal-leġiżlazzjoni Franċiża fir-rigward tar-rwoli rispettivi tal-prefett u tal-Conseil central de la section G de l'Ordre des pharmaciens fit-tibdiliet li seħħew matul il-ħajja soċjali ta' kumpannija b'responsabbiltà limitata li teżerċita professjoni libera.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu ta' komunikazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli L 4221-19, L 6221-4 u L 6221-5 tal-kodiċi tas-saħħa pubblika kif ukoll ta' ċirkulari tat-22 ta' Settembru 1998, peress li l-Kummissjoni ma osservatx ir-rwol tal-Conseil central de la section G de l'Ordre des pharmaciens fil-kuntest tal-verifika tagħha a posteriori tad-dokumenti soċjali li jirrigwardaw il-kumpanniji b'responsabbiltà limitata li jeżerċitaw professjoni libera ta' laboratorji ta' analiżi ta' bijoloġija medika u tal-obbligu tagħha ta' komunikazzjoni ta' osservazzjonijiet lill-prefett.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq nuqqas ta' osservanza tar-rwol tal-Conseil central de la section G de l'Ordre des pharmaciens bħala garanti tal-indipendenza professjonali tas-soċju li jipparteċipa, sa fejn il-Kummissjoni kienet sostniet il-partiċipazzjoni minima tas-soċju li jipparteċipa fil-kapital tal-kumpanniji b'responsabbiltà limitata li jeżerċitaw professjoni libera li twassal għat-telf tal-indipendenza ekonomika u ta' governanza tiegħu.

Il-ħames motiv ibbażat fuq żball ta' evalwazzjoni tal-intenzjoni tal-leġiżlatur fir-rigward tad-diviżjoni tal-ishma iktar minn limitu ta' 25 % u tal-ksur tal-kuntest ġuridiku applikabbli għad-diviżjoni tal-ishma ta' kumpanniji b'responsabbiltà limitata li jeżerċitaw professjoni libera.

Is-sitt motiv ibbażat fuq żball ta' interpretazzjoni u ta' applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE billi ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sanzjonijiet dixxiplinari deċiżi peress li huma jirrinforzaw l-effetti potenzjali jew reali tad-deċiżjonijiet inkriminati.

Għal dak li jirrigwarda l-impożizzjoni tal-prezzijiet minimi fis-suq Franċiż tal-analiżi ta' bijoloġija medika:

Is-seba' motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet qabżet il-limiti tad-deċiżjoni ta' spezzjoni 2 billi ġabret dokumenti li jirrigwardaw il-"prezz", li jkollu bħala konsegwenza li l-provi miġbura fuq din il-bażi jkunu nġabru illegalment u, konsegwentement, l-ilment dwar il-prezzijiet minimi għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux stabbilit.

Jekk, quod non, il-provi li jirrigwardaw il-prezzijiet minimi setgħu validament jiġu miġbura mill-Kummissjoni fl-ispezzjoni tagħha:

It-tmien motiv ibbażat fuq żball ta' evalwazzjoni tal-portata tal-Artikolu L 6211-6 antik tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika u tal-volontà tal-leġiżlatur fir-rigward tad-definizzjoni u tal-prassi tar-rifużjonijiet.

Id-disa' motiv ibbażat fuq żball ta' evalwazzjoni tal-fatti li wassal għal żball ta' liġi, il-Kummissjoni kkunsidrat, minn naħa, li l-aġir tal-ONP dwar ir-rifużjonijiet ma jaqax fil-kamp tal-missjonijiet legali tagħha iżda jirrefletti l-għanijiet antikompetittivi tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-ONP kienet sistematikament, bil-għan li tipproteġi l-interessi tal-laboratorji żgħar, ipprovat timponi prezz minimu fis-suq tas-servizzi ta' analiżi ta' bijoloġija medika.

____________

1 - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I-1577.

2 - Deċiżjoni ta' Spezzjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6494, tad-29 ta' Ottubru 2008, li tordna lir-rikorrenti li jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, hija s-suġġett tar-rikors T-23/09, CNOP u CCG vs Il-Kummissjoni (ĠU 2009, C 55 p. 49).