Language of document : ECLI:EU:T:2013:308

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

7 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indja għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ kummerċ liberu — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali — Dokumenti li saru disponibbli għall-pubbliku — Rinunzja għal limitazzjoni tat-tixrid ta’ dokumenti”

Fil-Kawża T‑93/11,

Stichting Corporate Europe Observatory, stabbilita f’Amsterdam (il‑Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn S. Crosby, solicitor, u S. Santoro, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Clotuche-Duvieusart u C. ten Dam, sussegwentement minn F. Clotuche-Duvieusart u I. Zervas, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, J. Möller, K. Petersen u A. Wiedmann, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2010 li tirrifjuta lir-rikorrenti l‑aċċess sħiħ għal diversi dokumenti dwar in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal‑Indja għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ kummerċ liberu, u dan skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar‑Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-2007, inbdew in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal‑Indja intiżi għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ kummerċ liberu.

2        Fil-kuntest tax-xogħol preparatorju għall-istabbiliment ta’ dan il‑ftehim u skont id‑Deċiżjoni tal-Kunsill 98/552/KE, tal-24 ta’ Settembru 1998, dwar l‑implimentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ attivitajiet konnessi mal‑istrateġija ta’ aċċes[s] għas-suq Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 11, Vol. 29, p. 207), ġie stabbilit kumitat konsultattiv bil-għan li jassisti lill-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej fil-kompitu tagħha li jikkonsisti, b’mod iktar partikolari, fl-identifikazzjoni tal-ostakoli għall-aċċess fis-swieq tal-Istat terz ikkonċernat u l-miżuri li jistgħu jeliminawhom. Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 98/552, dan il-kumitat huwa magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u huwa ppresjedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

3        Rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew ta’ kumpanniji ssieħbu f’dan il-proċess u pparteċipaw, bħala esperti, fix-xogħol tal‑kumitat konsultattiv u tal-gruppi ta’ ħidma ddefiniti skont il‑kompetenzi settorjali.

4        Ir-rikorrenti, Stichting Corporate Europe Observatory, hija fondazzjoni rregolata taħt id-dritt Olandiż li, skont l-istatuti tagħha, ma għandhiex skop ta’ lukru (punt 4.2 tal-istatuti) u għandha l-għan li “ttejjeb l‑għarfien ġenerali tal‑influwenza politika u ekonomika tal-kumpanniji internazzjonali u tal‑istituzzjonijiet finanzjarji” u li “tagħti soluzzjonijiet ta’ sostizzjoni u ta’ proposti politiċi intiżi sabiex jiġu limitati dawn l‑influwenzi sabiex jingħata kontribut għal soċjetà li tkun, fl‑istess waqt, iktar demokratika u soċjalment u ekonomikament iktar ġusta” (punti 4.1 tal-istatuti).

5        Fil-5 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti ressqet lill-Kummissjoni, abbażi tar‑Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal‑Kunsill u tal‑Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), talba għal aċċess għad‑dokumenti li ġejjin:

“1. lista ta’ laqgħat li fihom kienu pparteċipaw uffiċjali u/jew rappreżentanti ta’ DĠ Kummerċ (inkluż il-Kummissajru u l-uffiċċju tiegħu) u rappreżentanti tal‑federazzjonijiet industrijali bħal BusinessEurope, il-Forum Ewropew għas‑Servizzi, il-Federazzjoni Bankarja Ewropea (FBE), il‑Federazzjoni Ewropea tal‑Assoċjazzjonijiet tal-Industrija Farmaċewtika (EFPIA), il‑Eurochambers jew il-Kamra Amerikana tal-Kummerċ għall-Unjoni Ewropea (AmCham EU) u li matulhom ġiet diskussa l-Indja, b’mod partikolari n-negozjati bejn l-UE u l-Indja (minn Frar 2008);

2) lista ta’ laqgħat li fihom ipparteċipaw uffiċjali u/jew rappreżentanti tad-DĠ Kummerċ (inkluż il-Kummissarju u l-uffiċċju tiegħu) u rappreżentanti ta’ impriżi bħalma huma Alcoa, Arcelor-Mittal, BASF, BP Europe, Exxonmobil, Pfizer, Shell, Unilever, Vedanta Resources jew Veolia u li matulhom ġiet diskussa l-Indja, b’mod partikolari n-negozjati bejn l-UE u l-Indja (minn Frar 2008);

3) il-minuti u rapporti oħra ta’ dawn il-laqgħat, inklużi d-dokumenti li fihom evalwazzjonijiet tal-laqgħat u punti li għandhom jiġu diskussi ulterjorment;

4) il-korrispondenza kollha (inkluża l-posta elettronika) bejn l‑uffiċjali u/jew rappreżentanti tad-DĠ Kummerċ (inkluż il‑Kummissarju u l‑uffiċċju tiegħu) u rappreżentanti tal-federazzjonijiet industrijali u tal‑impriżi imsemmija iktar ’il fuq jew oħrajn, li fiha ġiet diskussa l‑Indja, b’mod partikolari n-negozjati bejn l-UE u l-Indja (minn Frar 2008).”

6        Wara skambju ta’ korrispondenza mal-Kummissjoni, bejn l-10 ta’ Ġunju 2009 u d-19 ta’ Frar 2010, dwar il-progress fit-trattament tat‑talba għal aċċess mressqa mir-rikorrenti fil-5 ta’ Ġunju 2009, permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2010, hija fakkret lill-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ tweġiba tagħha u talbitha sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni qabel id-9 ta’ April 2010.

7        Fl-assenza ta’ tweġiba mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti bagħtet, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ April 2010, talba konfermattiva skont l‑Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1049/2011.

8        Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2010, il-Kummissjoni wieġbet għat‑talba inizjali, billi tat aċċess sħiħ għal iktar minn mitt dokument u aċċess parzjali għal iktar minn ħamsin dokument ieħor. L-aċċess għal xi tletin dokument ġie miċħud minħabba eċċezzjonijiet diversi previsti mir‑Regolament Nru 1049/2009.

9        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti bagħtet talba konfermattiva ġdida lill-Kummissjoni, li tirrigwarda 17-il dokument li l‑aċċess sħiħ għalihom kien ġie miċħud, filwaqt li enfasizzat li dawn l‑istess dokumenti ġew trażmessi, fl‑intier tagħhom u mingħajr indikazzjoni ta’ xi natura kunfidenzjali, lil numru kbir ta’ persuni, fejn in‑numru ta’ destinatarji potenzjali huwa fih innifsu importanti ħafna. Hija sostniet li, fiċ-ċirkustanzi, id-dokumenti inkwistjoni ma fihom l‑ebda informazzjoni kunfidenzjali jew huma, fi kwalunkwe każ, disponibbli għall-pubbliku. Ir-rikorrenti ppreċiżat li, għalkemm hija ma kellha l-ebda oġġezzjoni li tirrigwarda r-raġuni għar-rifjut ta’ aċċess ibbażata fuq il‑protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, hija kienet qiegħda tikkontesta n-nuqqas ta’ żvelar ġġustifikat mill‑protezzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r‑Repubblika tal-Indja jew ta’ kull interessi relatat.

10      Permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Ġunju u tat-12 ta’ Lulju 2010, il‑Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija għadha ma kinitx f’qagħda li tagħti tweġiba finali għat-talba konfermattiva tal-21 ta’ Mejju 2010.

11      Fl-14 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ippreżentat, quddiem il-Qorti Ġenerali, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba konfermattiva tal-21 ta’ Mejju 2010.

12      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni wieġbet għat-talba konfermattiva tal-21 ta’ Mejju 2010 (iktar ʼil quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”).

13      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ April 2011, Stichting Corporate Europe Observatory vs Il‑Kummissjoni (T‑395/10, li ma ġiex ippubblikat fil‑Ġabra), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal‑kawża.

 Id-deċiżjoni kkontestata

14      Fid-dawl tal-formulazzjoni tat-talba konfermattiva tal-21 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni identifikat fid-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Is-suġġett tat‑talba tiegħek”, 17-il dokument:

–        id-dokument 1 hija ittra tat-18 ta’ Marzu 2008 indirizzata mill‑membru tal‑Kummissjoni inkarigat mill-kummerċ lis‑segretarju ġenerali ta’ BusinessEurope;

–        id-dokumenti 2 sa 8 jikkostitwixxu l-minuti tal-laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma dwar l-aċċess għas-swieq;

–        id-dokumenti 9 sa 13 jikkorrispondu għall-minuti tal-laqgħat tal‑kumitat konsultattiv dwar l-aċċess għas-swieq;

–        id-dokument 14 hija nota annessa ma’ messaġġ elettroniku indirizzat mid‑Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kummerċ” tal-Kummissjoni lill‑Assoċjazzjoni tal-Produtturi Ewropej ta’ tyres u tal-lastiku (ETRMA) fit‑23 ta’ Lulju 2008;

–        id-dokumenti 15 sa 17 li jikkorrispondu għal messaġġi elettroniċi oħra indirizzati mid-DĠ “Kummerċ” lill-ETRMA fl-24 ta’ Lulju 2008, fit-23 ta’ Marzu 2009 u fis-7 ta’ Lulju 2009.

15      Fid-deċiżjoni kkontestata, taħt it-Titolu 3 “Protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali”, il‑Kummissjoni tat aċċess parzjali supplimentari għad‑dokumenti 11 u 12. Madankollu, hija kkonfermat ir-rifjut tagħha ta’ aċċess għall-partijiet imħassra tad-dokumenti 1 sa 13 u 15 sa 17, kif ukoll għad-dokument 14 fl-intier tiegħu, abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar‑Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi l‑eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess ibbażata fuq il-protezzjoni tar‑relazzjonijiet internazzjonali.

16      Bi tweġiba għall-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-dokumenti inkwistjoni kienu diġà disponibbli għall-pubbliku, il-Kummissjoni indikat li d‑dokument 1 huwa “ittra mibgħuta lil destinatarju partikolari f’kuntest speċifiku, li ċertament ma hijiex l‑istess ħaġa bħall-pubblikazzjoni ta’ dokument”.

17      Fir-rigward tad-dokumenti 2 sa 13, il-Kummissjoni ppreċiżat li r-regoli standard applikabbli għall-kumitat konsultattiv dwar l-aċċess għas‑swieq jipprevedu l‑possibbiltà li jiġu kkostitwiti gruppi ta’ ħidma u ta’ esperti. Hija żiedet tgħid dan li ġej:

“Hija f’din il-kwalità ta’ esperti ddotati b’dan l-għarfien speċifiku dwar l-oqsma partikolari li rappreżentanti ta’ diversi assoċjazzjonijiet ħadu sehem fid‑diskussjonijiet fil-gruppi ta’ ħidma u fil-kumitat konsultattiv innifsu dwar l-aċċess għas-swieq. Ir-regoli standard imsemmija iktar ʼil fuq jipprovdu li d‑diskussjonijiet tal-kumitat għandhom jibqgħu kunfidenzjali. Billi ffirmaw il-lista ta’ attendenza, il‑persuni kkonċernati impenjaw ruħhom b’mod ċar li josservaw din il‑kundizzjoni. Il-kumitat konsultattiv u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu ġew speċjalment stabbiliti sabiex jagħtu parir u jassistu lill-Kummissjoni fix‑xogħol tagħha f’qasam partikolari. Huwa fundamentali li dan il‑kumitat u l-gruppi ta’ ħidma jiġu stabbiliti sew f’termini ta’ kompetenza sabiex ikunu jistgħu jagħtu valur reali ikbar għall‑pożizzjoni tal-Unjoni u jkunu jistgħu jwettqu r-rwol li ġie assenjat lilhom mill-Kunsill. F’dan il-kuntest partikolari, l-iskambju tal‑informazzjoni huwa l‑element prinċipali sabiex jippermetti lil dawn il-gruppi jwettqu xogħolhom sew. L-iżvelar ta’ informazzjoni fi ħdan il-kumitat, lil grupp ta’ persuni ristrett u limitat fir-rigward tal-kwistjonijiet li dwarhom il-kompetenza tagħhom hija mitluba, ma jistax jiġi pparagunat ma’ żvelar lill-pubbliku inġenerali.”

18      F’dak li jirrigwarda d-dokumenti 14 sa 17, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“Għandu jitfakkar li, f’kuntest ta’ negozjati kummerċjali, jista’ jkun neċessarju għad-dipartimenti tal-Kummissjoni li jwettqu skambju ta’ informazzjoni mal-partijiet ikkonċernati bil-għan li jkollhom stampa attwali u sħiħa tas-sitwazzjoni u, b’hekk, li jkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex iwettqu l-interess tal-Unjoni. Dan l-iskambju huwa limitat għal kwistjonijiet speċifiċi li fuqhom l‑għarfien u l-parir tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati jkunu mitluba. Dawn il‑kwistjonijiet huma ta’ interess partikolari wkoll għal dawn il-partijiet ikkonċernati speċifiċi. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li tali skambju ma sarx fil‑kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001, peress […] li dan ir-regolament ma jippermettix lill-istituzzjonijiet sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-interess partikolari ta’ applikant għal aċċess. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l‑informazzjoni skambjata f’ dan il‑kuntest partikolari tista’ tiġi koperta minn ċerti eċċezzjonijiet previsti mill-[imsemmi] regolament.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ressqet din l-kawża.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Mejju 2011, ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tintervjeni f’din il‑proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

21      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Ġunju 2011, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja u ordna li għandha tintbagħtilha kopja tad-dokumenti kollha tal-proċedura.

22      L-intervenjenti ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fit-terminu impost.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il‑proċedura orali.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-11 ta’ Jannar 2013.

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata tikser ir-Regolament Nru 1049/2011, u, b’mod partikolari, it-tielet inċiż tal‑Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament, u konsegwentement tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tat-tielet inċiż tal‑Artikolu 4(1)(a) tar‑Regolament Nru 1049/2001

27      Ir-rikorrenti ssostni li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir‑rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, “mhux għaliex l-evalwazzjoni magħmula mill‑Kummissjoni fuq ir-relevanza ta’ din l-eċċezzjoni fil-każ tad-dokumenti inkwistjoni hija neċessarjament żbaljata”, iżda minħabba li dawn id-dokumenti saru disponibbli għall-pubbliku b’riżultat ta’ azzjonijiet jew ta’ ommissjonijiet tal-Kummissjoni.

28      Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li d-dokumenti inkwistjoni ġew ikkomunikati, fl-intier tagħhom u mingħajr indikazzjoni ta’ ebda natura kunfidenzjali, lil assoċjazzjonijiet professjonali li għandhom ħafna membri u, għaldaqstant, lil numru kbir jew anki numru indeterminat ta’ persuni, li kien jammonta għall-pubblikazzjoni jew għal tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku tal-imsemmija dokumenti. Hija ssostni wkoll il-fatt li, fil-parti ta’ isfel tal-ittra tat-18 ta’ Marzu 2008 indirizzata mill‑membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kummerċ lis-segretarju ġenerali ta’ BusinessEurope, tidher nota miktuba bl-idejn mill‑awtur li tistieden lid-destinatarju sabiex jiddiskuti din l-ittra mal‑Konfederazjoni tal‑Industrija Indjana (CII), li għandha 8 100 membru. Skont ir-rikorrenti, il‑pożizzjoni tal-Kummissjoni hija valida biss jekk il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni bħala disponibbli għall-pubbliku tiġi ddeterminata abbażi tad‑destinatarji diretti tagħhom, iżda ma tibqax valida fil-każ li jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ persuni li huma awtorizzati jaqraw id‑dokumenti wara l-ewwel destinatarju.

29      Kif ikkonfermat ukoll ir-rikorrenti matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal‑Qorti Ġenerali, hija ma tikkontestax l-evalwazzjoni mwettqa mill‑Kummissjoni fir‑rigward tas-suġġett u tal-kontenut speċifiku tad‑dokumenti msemmija, iżda ssostni li l-iżvelar ulterjuri tagħhom, skont ir-Regolament Nru 1049/2001 li fuqu hija bbażata t‑talba għal aċċess tagħha, ma tistax tippreġudika l‑protezzjoni tar‑relazzjonijiet internazzjonali, peress li dawn id-dokumenti u l‑informazzjoni li hemm fihom diġà saru pubbliċi mill-Kummissjoni.

30      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat konsultattiv u tal-gruppi ta’ ħidma dwar l-aċċess għas-swieq, ikkomunikati lill‑parteċipanti kollha għall-imsemmija laqgħat u, b’mod partikolari, lil organizzazzjonijiet professjonali li għandhom ħafna membri, il-messaġġi elettroniċi mibgħuta lill-ETRMA u l-ittra tat-18 ta’ Marzu 2008 indirizzata mill-membru tal‑Kummissjoni inkarigat mill‑kummerċ lis-segretarju ġenerali BusinessEurope jistgħu jiġu kkunsidrati, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tat-tixrid tagħhom, bħala dokumenti li huma disponibbli għall-pubbliku.

31      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni tad-destinatarji tad-dokumenti inkwistjoni, l-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat li t-tixrid ta’ dawn id‑dokumenti mill-Kummissjoni seħħ fil-kuntest ta’ proċess ta’ konsultazzjoni li sar obbligatorju permezz tal-Artikolu 3 tad‑Deċiżjoni 98/552.

32      Anki jekk il-Kummissjoni fl-aħħar ippreċiżat, matul is-seduta, li l‑kumitat konsultattiv ma kellux għad-dispożizzjoni tiegħu, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, regoli tal-proċedura mmudellati fuq ir-regoli standard tal-proċedura msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat‑28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas‑setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il‑Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3 p. 124), minkejja li sar riferiment għalihom fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l‑istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma għall-eżami ta’ kwistjonijiet partikolari, l‑inklużjoni ta’ persuni terzi bħala esperti u l-istabbiliment ta’ minuti jew ta’ rapporti tal-laqgħat tal-kumitat konsultattiv u tal-imsemmija gruppi dwar l‑aċċess għas-swieq juru ħidma speċifika li tikkorrispondi għal dak li huwa previst mir-regoli standard tal-proċedura stabbiliti fid-Deċiżjoni 1999/468.

33      Sabiex dan il-kumitat ikun jista’ jiddeċiedi skont proċedura li teħtieġ l‑intervent tiegħu, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tindirizza xi dokumenti lill-membri tagħha kif ukoll lill-organizzazzjonijiet professjonali u kumpanniji li jintervjenu bħala esperti, liema fatt jippermetti li dawn id-dokumenti jitqiesu bħala dokumenti interni fis-sens tal‑Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il‑Kummissjoni, T‑403/05, Ġabra p. II‑2027, punt 111, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra p. I-6237, punt 93). Ir‑rikorrenti stess irrikonoxxiet, fit-talba konfermattiva, li l-indikazzjoni mill‑Kummissjoni tat-trażmissjoni tal‑minuti tal-laqgħat tal-kumitat konsultattiv u tal-gruppi dwar l-aċċess għas-swieq lil diversi parteċipanti hija “ċertament kredibbli, għaliex inkella l-ħidma ta’ dawn il-gruppi kienet tkun impossibbli sabiex titmexxa”.

34      Kif ġustament ġie enfasizzat mill-Kummissjoni u mill‑intervenjenti, il‑komunikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni twettqet għaldaqstant favur grupp speċifiku ta’ persuni għal raġunijiet li huma speċifiċi wkoll.

35      Id-destinatarji tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti huma Stati Membri, organizzazzjonijiet professjonali u kumpanniji li qed jipparteċipaw bħala esperti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ entitajiet tal-aħħar, fil-ħidma tal‑kumitat konsultattiv u tal-gruppi ta’ ħidma dwar l-aċċess għas‑swieq ta’ Stat terz, u dan fil-kuntest ta’ laqgħat mhux miftuħa għall-pubbliku.

36      Il-parteċipazzjoni f’dan il-proċess ta’ assistenza lill-Kummissjoni tikkostitwixxi kriterju ta’ differenzazzjoni ddefinit minn qabel li l-osservanza tiegħu tiddetermina l‑kwalità ta’ destinatarju tad-dokumenti inkwistjoni.

37      Id-dokumenti inkwistjoni ma ġewx ikkomunikati bħala informazzjoni ġenerali iżda fil-kuntest ta’ skambju tekniku limitat u bl-għan ewlieni li jippermettu lill‑parteċipanti kollha jwettqu r-rwol tagħhom ta’ konsulenti fi ħdan il‑Kummissjoni, permezz tal-ħidma tal-kumitat u tal-gruppi ta’ ħidma dwar kwistjonijiet li jippreżentaw interess partikolari evidenti għall-parteċipanti privati kollha involuti f’dan il‑proċess ta’ konsultazzjoni, ta’ diskussjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni.

38      Iċ-ċirkustanza, invokata mir-rikorrenti insostenn tal-ilment tagħha, skont liema d‑dokumenti mitluba ġew trażmessi lid-destinatarji tagħhom mingħajr ma tneħħiet xi parti minnhom, tenfasizza biss l-ispeċifiċità tal-pożizzjoni tal-organizzazzjonijiet professjonali u tal-kumpanniji involuti, kif deskritt iktar ʼil fuq.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tixrid tad-dokumenti inkwistjoni mill‑Kummissjoni ma jistax jitqies li għandu l-għan u n‑natura li jqiegħed dawn id‑dokumenti għad-dispożizzjoni tal‑pubbliku, jiġifieri għal numru indeterminat ta’ persuni, ikkunsidrat b’mod ġenerali u fl-astratt.

40      Lanqas ma huwa paragunabbli għall-pubbliku grupp ta’ persuni magħmul minn destinatarji putattivi tad-dokumenti mitluba, jiġifieri l-membri ta’ organizzazzjonijiet professjonali li qed jipparteċipaw fil-ħidma tal‑kumitat u tal‑gruppi ta’ ħidma dwar l-aċċess għas-swieq. L‑imsemmija membri jirrappreżentaw ukoll grupp speċifiku ta’ persuni ddefinit skont kriterju predeterminat, f’dan il-każ is-sħubija f’assoċjazzjoni professjonali li l-għarfien tagħha huwa meħtieġ fil‑kuntest ta’ proċess ta’ assistenza lill-Kummissjoni għall‑finijiet tad‑determinazzjoni ta’ strateġija ta’ aċċess għas-swieq ta’ Stat terz.

41      It-tieni nett, l-analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni, magħmula fid-dawl ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1049/2001 dwar l-informazzjoni “attiva” li huma inkarigati minnha l‑istituzzjonijiet ikkonċernati, tikkontradixxi l‑allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

42      B’hekk, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li l‑istituzzjonijiet għandhom, sa fejn possibbli, jagħmlu dokumenti “direttament” aċċessibbli lill-pubbliku f’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru. Il‑paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jipprovdi li d‑dokumenti miktuba jew riċevuti waqt proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti legalment vinkolanti fi ħdan jew għall-Istati Membri, għandhom, bla ħsara għall‑Artikoli 4 u 9 tar-Regolament Nru 1049/2001, “ikunu direttament aċċessibbli”.

43      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li l-aċċess għad-dokumenti jista’ jsir billi jiġu kkonsultati fil-post jew billi tiġi riċevuta kopja, inkluż, fejn disponibbli, kopja elettronika, skont il‑preferenza tal-applikant, iżda jekk dokument diġà jkun ġie żvelat mill-istituzzjoni kkonċernata u huwa “faċilment aċċessibbli” għall‑applikant, l-istituzzjoni tista’ tosserva l-obbligu tagħha li tagħti l-aċċess għad-dokumenti billi tinforma lill-applikant kif jista’ jikseb id-dokument mitlub.

44      Għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni dwar it-tqegħid għad‑dispożizzjoni ta’ dokumenti “direttament” jew in-natura “faċilment aċċessibbli” tagħhom, li tikkaratterizza sitwazzjonijiet fejn id-dritt ta’ aċċess tal-“pubbliku” jiġi żgurat b’mod attiv mill‑istituzzjonijiet, ma tkoprix, skont il-provi, l-approċċ selettiv adottat f’dan il-każ mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni ta’ dawn id‑dokumenti.

45      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda prova speċifika li tippermetti li jiġi konkluż b’mod ċert li wieħed kwalunkwe mid-dokumenti imsemmija fit-talba konfermattiva ta’ aċċess tal-21 ta’ Mejju 2010 jinsab fil‑pussess, jew kien direttament għad-dispożizzjoni, ta’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi minbarra d-destinatarji inizjali tagħhom.

46      Għalkemm huwa minnu li l-assoċjazzjonijiet professjonali kellhom, b’mod ġenerali, il‑kompitu li jinformaw u li jikkonsultaw lill-membri tagħhom fuq il-kwistjonijiet li jinteressa s-settur jew l-interessi rrappreżentati, din il-karatteristika komuni tal‑għan statutorju ta’ dawn l‑organizzazzjonijiet, enfasizzat mir-rikorrenti, ma jfissirx li dawn tal‑aħħar jittrażmettu sistematikament u fl-intier tagħhom id-dokumenti kollha li jiġi kkomunikati lilhom fil-kuntest tal-attività tagħhom ta’ rappreżentanza u ta’ difiża tal-interessi tal-membri tagħhom fi ħdan istituzzjoni internazzjonali.

47      Fir-rigward tan-nota miktuba bl-idejn li tidher fil-parti ta’ isfel tal-ittra tat-18 ta’ Marzu 2008 indirizzata mill-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill‑kummerċ lis‑segretarju ġenerali ta’ BusinessEurope, din hija fformulata hekk: “Inti tista’ tagħmel kummenti lill-kontropartijiet tiegħek fi ħdan is-CII fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.” Ma jistax jiġi dedott minn tali nota li s-CII u l-membri tagħha kienu effettivament jafu l-kontenut tal‑ittra tat-18 ta’ Marzu 2008.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżvelar tad-dokument mitlub fl-intier tiegħu jew ta’ parti minnu lill-membri tal-organizzazzjonijiet professjonali li jipparteċipaw fil-proċess ta’ assistenza lill-Kummissjoni intiż sabiex tiġi ddeterminata strateġija ta’ aċċess għas-swieq ta’ Stat terz jew għal persuni terzi ma ġiex ippruvat.

49      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, li, billi naqset li tindika li d‑dokumenti inkwistjoni jew ċerti partijiet kellhom natura kunfidenzjali, dak li kellha d-dmir li tagħmel sabiex tipprevjeni l‑komunikazzjoni lil terzi, il‑Kummissjoni rrinunzjat impliċitament għal kull kontroll fuq id-dokumenti fil‑mument meta bagħtithom lill‑ewwel destinatarji tagħhom, u b’hekk qegħdithom għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku.

50      Għandu jiġi, l-ewwel nett irrilevat, li kopja ta’ posta elettronika indirizzata mid‑DĠ “Kummerċ” lill-ETRMA, tas-7 ta’ Lulju 2009, kellha twissija espliċita ta’ kunfidenzjalità. Id-dikjarazzjoni tar‑rikorrenti għandha għaldaqstant nuqqas fattwali f’dak li jikkonċerna dan id-dokument.

51      Sussegwentement, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 9(1) tar‑Regolament Nru 1049/2001, id-dokumenti sensittivi huma dokumenti li ġejjin mill‑istituzzjonijiet jew mill-aġenziji stabbiliti minnhom, mill-Istati Membri, pajjiżi terzi jew Organizzazzjonijiet Internazzjonali, ikklassifikati bħala “TRÉS SECRET/TOP SECRET” “SECRET” jew “CONFIDENTIEL”; skont ir-regoli tal‑istituzzjoni rilevanti, li jħarsu l-interessi essenzjali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti mill‑Artikolu 4(1)(a), partikolarment is-sigurtà pubblika, id-difiża u kwistjonijiet militari.

52      Għalkemm il-klassifikazzjoni bħala dokument sensittiv tissuġġetta tali dokument għal modalità ta’ trattament partikolari, hija ma tistax, minnha nfisha, tiġġustifika l‑applikazzjoni tar-raġunijiet għar-rifjut previsti fl-Artikolu 4(1) tar‑Regolament Nru 1049/2001 (is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 73). Fejn tali dokument ikun is-suġġett ta’ talba għal aċċess, id-dannu kkawżat bl-iżvelar tiegħu huwa evalwat bħal ma jsir għal kull dokument ieħor, jiġifieri, bħala prinċipju, abbażi ta’ eżami speċifiku tal-kontenut tiegħu.

53      Bl-istess mod, il-fatt li xi kliem li jissemmew fl-Artikolu 9(1) tar‑Regolament Nru 1049/2001 ma jidhrux fid-dokumenti mitluba, bħal f’dan il-każ, ma huwiex biżżejjed biex jeskludi l-applikazzjoni tal‑eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tal‑imsemmi regolament, għaliex inkella din id-dispożizzjoni ssir ineffettiva u l‑interessi protetti minnha jiġu ppreġudikati.

54      L-istess konklużjoni tapplika f’dak li jirrigwarda l-assenza tal-kliem “Restreint UE” fuq id-dokumenti, klassifikazzjoni ddefinita fl‑Artikolu 16.1 tal-Anness intitolat “Regoli fil-qasam tas-sigurtà” tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni (ĠU 2000, L 308, p. 26), kif emendat bid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2001, li temenda r-Regoli Interni tal‑Proċedura (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 353), invokata mir-rikorrenti matul is‑seduta.

55      Il-preżenza jew l-assenza ta’ xi kelma li tissemma’ fl-Artikolu 9(1) tar‑Regolament Nru 1049/2001 jew tal-klassifikazzjoni “Restreint UE” f’dokument ma tikkostitwixxix għaldaqstant prova determinanti sabiex jiġi evalwat jekk għandux jiġi protett jew le.

56      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tistax validament tattribwixxi għall-astensjoni tal-Kummissjoni, xi effetti legali li joħolqu xi dritt favur tagħha.

57      Fil-fatt, bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu stabbiliti konsegwenzi legali mill‑astensjoni ta’ istituzzjoni għajr meta jkunu espressament previsti mid‑dritt tal-Unjoni (ara f’dan ir-rigward il-kwistjoni tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni, sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Greencore, C‑123/03 P, Ġabra p. I‑11647, punt 45).

58      Madankollu, fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, is-silenzju ta’ istituzzjoni huwa meħud inkunsiderazzjoni biss fl-Artikolu 8(3) tar‑Regolament Nru 1049/2001 fir‑rigward tat-trattament tal-talbiet konfermattivi, li jistabbilixxi espliċitament “[in‑][n]uqqas mill-istituzzjoni li twieġeb fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id‑dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE”.

59      L-affermazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ir-“riskji” meħuda mill‑Kummissjoni jew fir-rigward tan-“nuqqas ta’ prudenza” tagħha fit-tixrid tad-dokumenti u dwar id‑dannu potenzjali li jista’ joħroġ minn tali sitwazzjoni huma irrilevanti għar‑riżoluzzjoni ta’ din il-kawża u jappartjenu għal problematika differenti, dik tal‑involviment possibbli f’xenarju partikolari, tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal‑istituzzjonijiet tagħha.

60      Għaldaqstant, għalkemm rinunzja impliċita għal kwalunkwe limitu għat-tixrid ta’ dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess ma tistax tiġi dedotta minn sempliċi astensjoni tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tkun differenti fil-każ li jkun hemm indikazzjoni espliċita f’dan is-sens magħmula minn din l-istituzzjoni.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ’l isfel fl-ittra tat-18 ta’ Marzu 2008 indirizzata mill-membru tal-Kummissjoni lis-segretarju ġenerali ta’ BusinessEurope, tidher nota miktuba bil-kaligrafija tal-awtur fformulata hekk: “inti tista’ tagħmel kummenti lill-sħabek fi ħdan il-CII fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.” Skont ir-rikorrenti, minn din in-nota jirriżulta li l-awtur tagħha ma kellu l-ebda oġġezzjoni dwar li l-ittra tiġi kkomunikata lill-CII, li għandha 8100 membru.

62      Huwa paċifiku, li n-nota inkwistjoni ma tagħtix l-awtorizzazzjoni tat‑trażmissjoni tal-ittra nnifisha, iżda hija intiża biss għal kummentarji potenzjali li s-segretarju ġenerali ta’ BusinessEurope jkun irid jagħmel b’rabta mal-kontenut tagħha u li d‑destinatarji ma jistgħux ikunu biss sħab il-persuna kkonċernata fi ħdan il-CII u mhux il-membri ta’ din tal‑aħħar.

63      Din l-awtorizzazzjoni ta’ komunikazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala rinunzja espliċita għal kwalunkwe limitu għat-tixrid tal-ittra jew ta’ informazzjoni li tinsab fiha, li hija l-unika konstatazzjoni li setgħet tippermetti li d‑dokument inkwistjoni jitqies li kien verament sar disponibbli għall-pubbliku u li għalhekk issa kien disponibbli għal kull persuna jew kumpannija interessata (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, Ġabra p. I‑7027, punt 39).

64      Barra minn hekk, jekk jiġi preżunt li l-fatt li ntbagħtet ittra lis-segretarju ġenerali ta’ BusinessEurope akkumpanjata minn awtorizzazzjoni limitata għall‑komunikazzjoni fuq il-kontenut tagħha jista’ jikkawża dannu lill‑interess pubbliku dwar il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali, mingħajr ma jkun jista’ jiġi kkunsidrat li d-dokument huwa disponibbli għall-pubbliku, ikun xieraq li l-Kummissjoni tingħata l‑opportunità li tinvoka l-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal‑Artikolu 4(1)(a) tar‑Regolament Nru 1049/2001 sabiex jiġi pprevenut dannu ikbar ikkawżat mit-tixrid inizjali.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għall‑allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li d‑dokumenti inkwistjoni u l-informazzjoni li tinsab fihom saru disponibbli għall-pubbliku minħabba l‑azzjonijiet jew l-ommissjonijiet tal-Kummissjoni.

66      Ir-riferiment li għamlet ir-rikorrenti għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott fl-ambitu tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885, p. I‑5887), għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il‑Kummissjoni (T‑36/04, Ġabra p. II‑3201), u għar-“regoli interni” tal‑Kummissjoni hu, għalhekk, irrilevanti, ir-realtà tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tad‑diversi dokumenti invokati f’dawn it-tliet kuntesti li jikkostitwixxu preċiżament dan il-każ.

67      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, li huwa fid-dawl tal‑informazzjoni fuq għajnuna pubblika li tinsab fid-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura formali tal-eżami u tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal‑KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 1 p. 339), li ġie kkunsidrat li l‑Kummissjoni “għamlet pubbliku” l-essenzjali tal-kontenut tal-fajl dwar din l-għajnuna (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott fl-ambitu tas‑sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 66 iktar ’il fuq, punt 134).

68      Din is-sitwazzjoni ma hijiex paragunabbli mal-każ preżenti, li huwa kkaratterizzat minn assenza totali ta’ pubblikazzjoni tad-dokumenti mitluba jew tal‑informazzjoni li tinsab fihom.

69      L-ebda paragun validu ma jista’ wkoll isir bejn id-dokumenti mitluba u r-rapport għas-seduta fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li sar pubbliku fil-jum tas-seduta (sentenza API vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 98), dan ifisser li hija ġeneralment magħmula direttament aċċessibbli. Fil-fatt, dan id-dokument, huwa materjalment imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni kollha kkonċernati quddiem l-awla tas‑seduta, qabel l-argumenti tal-partijiet, li l-imsemmi dokument għandu bħala għan li jissintetizza, ma ġewx diskussi matul is-seduta pubblika.

70      Fir-rigward tar-regoli interni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti sostniet li dawn jipprevedu li, jekk l-“informazzjoni li tidher f’dokument tkun diġà ġiet trażmessa lil numru kbir ta’ persuni [...], ir-rifjut tal-iżvelar ma huwiex ġġustifikat” u li, billi tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba, il-Kummissjoni tkun qed tikser ir‑regoli tagħha stess.

71      Barra l-fatt li d-dokumenti inkwistjoni ġew trażmessi biss lil grupp ristrett u speċifiku ta’ persuni, iddeterminat minn kriterju predefinit li jikkonsisti fil‑parteċipazzjoni fil-proċess ta’ assistenza tal-Kummissjoni (ara punti 34 sa 36 iktar ’il fuq), dan l-argument tar-rikorrenti ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi bbażata fuqu l-allegata illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

72      Mill-ġurisprudenza jirriżulta, li xejn ma jipprekludi li regoli dwar l‑organizzazzjoni interna tal-ħidmiet ta’ istituzzjoni jkollhom effetti legali fir‑rigward ta’ terzi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 1996, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill, C‑58/94, Ġabra p. I‑2169, punt  38 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

73      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet iddeċidiet, f’sentenza dwar miżuri ta’ ordni interna adottati mill-amministrazzjoni, li, għalkemm ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi segwita li l‑amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. B’hekk dawn il-miżuri jikkostitwixxu att ta’ natura ġenerali u l-uffiċjali u aġenti inkwistjoni jistgħu jinvokaw l-illegalità tagħhom insostenn ta’ rikors kontra deċiżjonijiet individwali meħuda fuq il-bażi tagħhom (ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Libéros vs Il‑Kummissjoni, C-171/00 P, Ġabra p. I-451, punt 35).

74      Din il-ġurisprudenza tapplika a fortiori għar-regoli ta’ kondotta intiżi sabiex jipproduċu effetti esterni, bħal ma huwa l-każ tal-linji gwida għal kalkolu tal-multi imposti fuq l-impriżi għall-ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni. Peress li adottat dawn ir-regoli ta’ kondotta u peress li stqarret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ʼil quddiem għall-każijiet li jikkonċernawhom, il-Kummissjoni għamlet restrizzjoni fuqha nnifisha fl‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir‑regoli mingħajr ma ssib ruħha li qed twettaq ksur, skont il-każ, tal‑prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont il-kontenut tagħhom, dawn ir-regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali jista’ jkollhom effetti legali (ara, f’dan is‑sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 210 u 211).

75      F’dan il-każ, waqt id-diskussjoni ir-rikorrenti pproduċiet dokument intitolat “Vademecum dwar l-aċċess għal dokumenti” u li jġib il-kliem “DĠ Kummerċ”. Dan huwa maqsum fi tliet partijiet, ippreżentati taħt it‑titoli “Prinċipji Ġenerali”, “Aċċess fir-rigward ta’ tipi partikolari ta’ dokumenti tad-DĠ Kummerċ” u “Konsegwenzi prattiċi għad-DĠ Kummerċ”, u fih biss it-tfakkira tad‑dispożizzjonijiet differenti tal‑leġiżlazzjoni applikabbli, tal-ġurisprudenza rilevanti u tal-prattiki segwiti mill-amministrazzjoni kkonċernata għat-trattament tat-talbiet għall-aċċess.

76      Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li d-dokument intitolat “Vademecum dwar l-aċċess għal dokumenti” jikkostitwixxi dokument purament intern li, fiż‑żmien meta ġraw il-fatti, lanqas kien jidher fuq is-sit tal-internet tagħha. Ir‑rikorrenti, li kienet indikat li kienet kisbet id-dokument inkwistjoni, sussegwentement għal talba għal aċċess ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, la allegat u lanqas tat prova a fortiori li l-imsemmi dokument kien is-suġġett ta’ xi pubblikazzjoni kwalunkwe indirizzata lejn terzi.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi jidher, li d-dokument intitolat “Vademecum dwar l-aċċess għal dokumenti” tad-DĠ “Kummerċ” ma kienx intiż, bl-ebda mod, li jipproduċi effetti esterni u għandu jiġi analizzat bħala sempliċi istruzzjonijiet ta’ servizz, billi ma għandu l-ebda effetti għajr fl-isfera tal-amministrazzjoni interna iktar preċiżament fi ħdan l‑amministrazzjoni msemmija iktar ‘il fuq, u ma jistabbilixxi l‑ebda dritt favur terzi.

78      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-motiv tal‑annullament ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tat-tielet inċiż tal‑Artikolu 4(1)(a) tar‑Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq trattament diskriminatorju tar-rikorrenti

79      Ir-rikorrenti ssostni li ma teżisti “ebda differenza ta’ min jinnotaha” bejnha u bejn is-setturi industrijali kkonsultati mill-Kummissjoni, peress li billi żvelat xi elementi lil dawn tal-aħħar biss, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod diskriminatorju. Ikun iktar a fortiori kieku l‑Kummissjoni ma tkunx tista’ ġġib prova għaliex ir‑rikorrenti tkun inqas attendibbli jew affidabbli mill-organizzazzjonijiet professjonali destinatarji tad-dokumenti.

80      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 95, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Lietuvos geležinkeliai, C‑250/11, punt 44).

81      Kif issemma’ wkoll fil-punti 35 u 37 iktar ’il fuq, id-dokumenti mitluba mir‑rikorrenti ġew ikkomunikati lill-organizzazzjonijiet professjonali u lill‑kumpanniji parteċipanti bħala esperti għax-xogħol tal-Kumitat Konsultattiv u tal-gruppi ta’ ħidma tiegħu fuq l-aċċess għas-swieq ta’ Stat terz u bl-għan ewlieni sabiex tippermetti lill-parteċipanti kollha li jwettqu r-rwol tagħhom ta’ konsulenti tal-Kummissjoni. Huwa stabbilit li dawn id-dokumenti ma ġewx ikkomunikati abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

82      Għandu jiġi kkonstatat li l-kwalità msemmija iktar ’il fuq tagħti oġġettivament tort lir-rikorrenti, indipendentement mill-importanza allegata tar-rwol tagħha fin‑negozjati internazzjonali jew tal-affidabbiltà tagħha bħala organizzazzjoni inkluża fir-reġistru tal-gruppi ta’ interess tal-Kummissjoni.

83      Din id-differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni tispjega u tiġġustifika d‑differenza fit‑trattament li jikkonċerna l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, sabiex b’hekk l‑ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament li jikkawża dannu lir‑rikorrenti, ma jista’ jiġi allegat kontra l‑Kummissjoni.

84      Minn dan isegwi li l-motiv tal-annullament imsemmi fil-punt 79 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

85      Sakemm ir-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tinvoka wkoll l-eżistenza ta’ interess partikolari għal-ksib tad-dokumenti mitluba, għandu jitfakkar li tali interess jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal‑eċċezzjonijiet mandatorji previsti mill-Artikolu 4(1)(a) tar‑Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 52 iktar ’il fuq, punt 52, ikkonfermat mis-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007 Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 47), kif irrilevat wkoll il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

86      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

87      Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall‑ispejjeż, kif mitlub mill‑Kummissjoni.

88      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess, skont l‑ewwel inċiż tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Truchot

Martins Ribeiro

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Ġunju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.