Language of document : ECLI:EU:T:2013:308

Kawża T‑93/11

Stichting Corporate Europe Observatory

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indja għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ kummerċ liberu — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali — Dokumenti li saru disponibbli għall-pubbliku — Rinunzja għal limitazzjoni tat-tixrid ta’ dokumenti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2013

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Dokumenti li saru disponibbli għall-pubbliku — Kunċett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4, 9, 10 u 12(1) u (2); Deċiżjonijiet tal-Kunsill 98/552, Artikolu 3, u 1999/468)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Dokumenti sensittivi — Kunċett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(1)(a) u 9(1))

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Astensjoni ta’ istituzzjoni milli twieġeb għal talba għal aċċess — Effetti — Rinunzja impliċita għal kwalunkwe limitu għat-tixrid ta’ dokumenti msemmija f’din it-talba — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8(3))

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Setgħa ta’ organizzazzjoni interna tal-istituzzjonijiet — Vademecum tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għal dokumenti — Sempliċi istruzzjoni ta’ servizz li ma għandhiex effetti esterni

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Eċċezzjonijiet mandatorji — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ interess partikolari tal-applikant — Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(a))

1.      Fil-kuntest ta’ proċess ta’ konsultazzjoni li sar obbligatorju permezz tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 98/552, dwar l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ attivitajiet konnessi mal-istrateġija ta’ aċċes[s] għas-suq Komunitarju, l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma għall-eżami ta’ kwistjonijiet partikolari, l-inklużjoni ta’ persuni terzi bħala esperti u l-istabbiliment ta’ minuti jew ta’ rapporti tal-laqgħat tal-kumitat konsultattiv u tal-imsemmija gruppi dwar l-aċċess għas-swieq jimplikaw li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tindirizza xi dokumenti lill-membri tagħha kif ukoll lill-organizzazzjonijiet professjonali u kumpanniji li jintervjenu bħala esperti, liema fatt jippermetti li dawn id-dokumenti jitqiesu bħala dokumenti interni fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Peress li d-destinatarji tad-dokumenti mitluba minn persuna li tkun ressqet talba għal aċċess għal dokumenti fis-sens tal-imsemmi regolament huma Stati Membri, organizzazzjonijiet professjonali u kumpanniji li qed jipparteċipaw bħala esperti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ entitajiet tal-aħħar, fil-ħidma tal-kumitat konsultattiv u tal-gruppi ta’ ħidma dwar l-aċċess għas-swieq ta’ Stat terz, u dan fil-kuntest ta’ laqgħat mhux miftuħa għall-pubbliku, il-parteċipazzjoni f’dan il-proċess ta’ assistenza lill-Kummissjoni tikkostitwixxi kriterju ta’ differenzjazzjoni ddefinit minn qabel li l-osservanza tiegħu tiddetermina l-kwalità ta’ destinatarju tad-dokumenti kkonċernati mit-talba għal aċċess. Id-dokumenti jiġu kkomunikati mhux bħala informazzjoni ġenerali iżda fil-kuntest ta’ skambju tekniku limitat u bl-għan ewlieni li jippermettu lill-parteċipanti kollha jwettqu r-rwol tagħhom ta’ konsulenti fi ħdan il-Kummissjoni. Tali tixrid ta’ dokumenti mill-Kummissjoni ma jistax jitqies li għandu l-għan u n-natura li jqiegħed dawn id-dokumenti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jiġifieri għal numru indeterminat ta’ persuni, ikkunsidrat b’mod ġenerali u fl-astratt. Lanqas ma huwa paragunabbli għall-pubbliku grupp ta’ persuni magħmul minn destinatarji putattivi tad-dokumenti mitluba, jiġifieri l-membri ta’ organizzazzjonijiet professjonali li qed jipparteċipaw fil-ħidma tal-kumitat u tal-gruppi ta’ ħidma dwar l-aċċess għas-swieq. L-imsemmija membri jirrappreżentaw ukoll grupp speċifiku ta’ persuni ddefinit skont kriterju predeterminat, f’dan il-każ is-sħubija f’assoċjazzjoni professjonali li l-għarfien tagħha huwa meħtieġ fil-kuntest ta’ proċess ta’ assistenza lill-Kummissjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ strateġija ta’ aċċess għas-swieq ta’ Stat terz.

Barra minn hekk, l-formulazzjoni dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumenti “direttament” jew in-natura “faċilment aċċessibbli” tagħhom, użata mill-Artikoli 10 u 12(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 li tikkaratterizza sitwazzjonijiet fejn id-dritt ta’ aċċess tal-“pubbliku” jiġi żgurat b’mod attiv mill-istituzzjonijiet, ma tkoprix l-approċċ selettiv adottat f’dan il-każ mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti.

(ara l-punti 31-33, 35-37, 39, 40, 42-44)

2.      Għalkemm il-klassifikazzjoni bħala dokument sensittiv, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tissuġġetta tali dokument għal modalità ta’ trattament partikolari, hija ma tistax, minnha nfisha, tiġġustifika l-applikazzjoni tar-raġunijiet għar-rifjut previsti fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament. Fejn tali dokument ikun is-suġġett ta’ talba għal aċċess, id-dannu kkawżat bl-iżvelar tiegħu huwa evalwat bħal ma jsir għal kull dokument ieħor, jiġifieri, bħala prinċipju, abbażi ta’ eżami speċifiku tal-kontenut tiegħu. Bl-istess mod, il-fatt li xi kliem li jissemmew fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament ma jidhrux fid-dokumenti mitluba, ma huwiex biżżejjed biex jeskludi l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, għaliex inkella din id-dispożizzjoni ssir ineffettiva u l-interessi protetti minnha jiġu ppreġudikati.

(ara l-punti 52, 53)

3.      Bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu stabbiliti konsegwenzi legali mill-astensjoni ta’ istituzzjoni għajr meta jkunu espressament previsti mid-dritt tal-Unjoni. Fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, is-silenzju ta’ istituzzjoni huwa meħud inkunsiderazzjoni biss fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fir-rigward tat-trattament tal-talbiet konfermattivi. Għaldaqstant, għalkemm rinunzja impliċita għal kwalunkwe limitu għat-tixrid ta’ dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess ma tistax tiġi dedotta minn sempliċi astensjoni tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tkun differenti fil-każ li jkun hemm indikazzjoni espliċita f’dan is-sens magħmula minn din l-istituzzjoni. F’dan ir-rigward, awtorizzazzjoni ta’ komunikazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala rinunzja espliċita għal kwalunkwe limitu għat-tixrid tal-ittra jew ta’ informazzjoni li tinsab fiha, li hija l-unika konstatazzjoni li setgħet tippermetti li d-dokument inkwistjoni jitqies li kien verament sar disponibbli għall-pubbliku u li għalhekk issa kien disponibbli għal kull persuna jew kumpannija interessata.

(ara l-punti 57, 58, 60, 63)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 72, 73, 75-77)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 85)