Language of document : ECLI:EU:T:2014:1049

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

10 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Franċiż tal-analiżi ta’ bijoloġija medika — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Assoċjazzjoni ta’ impriżi — Ordni professjonali — Suġġett tal-ispezzjoni u tal-investigazzjoni — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE — Ksur minħabba l-għan — Prezz minimu u ostakoli għall-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji — Ksur uniku u kontinwat — Prova — Żbalji ta’ evalwazzjoni ta’ fatt u żbalji ta’ liġi — Ammont tal-multa — Punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑90/11,

Ordre national des pharmaciens (ONP), stabbilita f’Pariġi (Franza),

Conseil national de l’Ordre des pharmaciens (CNOP), stabbilit f’Pariġi,

Conseil central de la section G de l’Ordre national des pharmaciens (CCG), stabbilit f’Pariġi,

irrappreżentati minn O. Saumon, L. Defalque, T. Bontinck u A. Guillerme, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras, C. Giolito, B. Mongin, u N. von Lingen, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Labco, irrappreżentat minn N. Korogiannakis, M. Coppet u B. Dederichs, avukati,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 8952 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 [TFUE] (Kawża 39510 — LABCO vs ONP), u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        Permezz tad-deċiżjoni tagħha C (2010) 8952 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 [TFUE] (Kawża 39510 — LABCO vs ONP) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li r-rikorrenti, l-Ordre national des pharmaciens [l‑Ordni Nazzjonali tal-Ispiżjara, iktar ’il quddiem, l-ONP] u l-korpi deċiżjonali tagħha, il-Conseil national de l’Ordre des pharmaciens [il‑Kunsill Nazzjonali tal-Ordni tal-Ispiżjara, iktar ’il quddiem, is-CNOP] u l-Conseil central de la Section G de l’Ordre national des pharmaciens [il-Kunsill Ċentrali tat-Taqsima G tal-Ordni Nazzjonali tal-Ispiżjara, iktar ’il quddiem is-CCG] (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“Ordniˮ), kisru l-Artikolu 101 TFUE billi ħadu, minn naħa, deċiżjonijiet li jimponu prezzijiet minimi fuq is-suq Franċiż tal-analiżi ta’ bijoloġija medika u, min-naħa l-oħra, deċiżjonijiet intiżi sabiex jimponu restrizzjonijiet għall-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji f’dan is-suq (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata), u kkundannathom in solidum għal multa ta’ EUR 5 miljun (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Kif deskritt fil-premessi 44 u 45 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ONP hija ordni professjonali Franċiża li lilha l-Istat Franċiż iddelega erba’ missjonijiet prinċipali li jiddefinixxu l-missjoni tagħha ta’ servizz pubbliku. L-ONP u l-kumitati tagħha huma rregolati permezz tal-Kodiċi dwar is‑Saħħa Pubblika Franċiż (iktar ’il quddiem il-“KSPˮ) li fl‑Artikolu L 4231 tiegħu jispeċifika dan li ġej:

“L-[ONP] għandha l-għan:

1)      li tiżgura r-rispett tal-obbligi professjonali;

2)      li tiżgura d-difiża tal-unur u l-indipendenza tal-professjoni;

3)      li taċċerta ruħha mill-kompetenza tal-ispiżjara;

4)      li tikkontribwixxi sabiex tippromwovi s-saħħa pubblika u l‑kwalità tat-trattamenti, b’mod partikolari s-sigurtà tal-atti professjonali.

L-[ONP] tiġbor flimkien l-ispiżjara li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fi Franza.”

3        L-attivitajiet u l-missjonijiet tal-ONP, il-Kodiċi ta’ Etika tal-ispiżjara u l-organizzazzjoni tal-ONP huma deskritti fil-premessi 44 sa 62 tad‑deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l‑ONP tistabbilixxi u żżomm aġġornat ir-reġistru nazzjonali tal-ispiżjara (iktar ’il quddiem ir-“reġistruˮ), u r-reġistrazzjoni f’dan ir-reġistru hija kundizzjoni legali meħtieġa qabel ma tkun tista’ tiġi eżerċitata attività marbuta mal‑professjoni ta’ spiżjar (Artikoli L 4221‑1, L 4232‑3 u L 4232‑16 tal-KSP).

4        Is-suq inkwistjoni huwa dak tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika fi Franza. Dan huwa deskritt fil-premessi 5 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-atturi tas-suq, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li, fi Franza, il-bijoloġija medika hija eżerċitata prinċiparjament minn spiżjara, u dan jispjega r-rwol preponderanti tal-ONP, filwaqt li l‑Ordni tat-Tobba teżerċita rwol simetriku fir-rigward tat-tobba bijologi (premessa 11). L-analiżi ta’ bijoloġija medika tista’ ssir biss fil‑laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika (iktar ’il quddiem imsejħa wkoll “laboratorjiˮ) taħt ir-responsabbiltà tad-diretturi u tal-viċi diretturi tagħhom (premessa 12). Il-laboratorji huma ta’ spiss żgħar (50 % bi dħul mill-bejgħ ta’ inqas minn EUR 1.5 miljun u 30 % li jiffunzjonaw bħala impriżi individwali), anki jekk diversi gruppi ta’ laboratorji huma attivi fi Franza (premessi 13 u 14).

5        Il-grupp prinċipali ta’ laboratorji, jiġifieri l-intervenjent, Labco, li huwa grupp Ewropew ta’ laboratorji attiv b’mod partikolari fi Franza u fi Spanja, kif ukoll f’diversi pajjiżi Ewropej oħra, huwa deskritt fil-premessi 14 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata. Gruppi oħra importanti ta’ laboratorji attivi fi Franza huma Unilabs SA, li huma wkoll attivi f’diversi pajjiżi kemm fi ħdan, kif ukoll barra minn, l-Unjoni Ewropea, u l-holding finanzjarja Générale de santé (premessi 18 u 19). Jeżistu wkoll żewġ gruppi ta’ laboratorji speċjalizzati, Pasteur Cerba u Biomnis, li joffru sensiela ta’ servizzi differenti mil-laboratorji l-oħra fi swieq partikolari ta’ teknoloġija avvanzata (premessi 20 sa 22).

6        Il-kuntest legali Franċiż li fi ħdanu joperaw il-laboratorji huwa deskritt fil-premessi 63 sa 109 tad-deċiżjoni kkontestata.

7        Il-proċedura nfetħet wara lment imressaq, fit-12 ta’ Ottubru 2007, minn Labco, dwar deċiżjonijiet meħuda mill-Ordni bil-għan li jitwaqqaf l‑iżvilupp ta’ Labco u tiġi limitata l-kapaċità tiegħu li jikkompeti ma’ laboratorji oħra fis-suq tal-analiżi ta’ bijoloġija medika, li l-proprjetarji tagħhom jeliġu lid-diretturi tal-Ordni (deċiżjoni kkontestata, premessi 110 u 111).

8        Fit-12 u 13 ta’ Novembru 2008 saret spezzjoni fl-istabbilimenti tal‑Ordni u f’dawk tal-laboratorju Champagnat-Desmoulins-Philippakis, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal‑kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82[KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Iż-żewġ deċiżjonijiet li abbażi tagħhom saru dawn l-ispezzjonijiet, fosthom id-deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2008) 6494, tad-29 ta’ Ottubru 2008, fil‑Kawża COMP/39510, li ordnat lill-Ordni tissottometti ruħha għal spezzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ spezzjoniˮ), ġew ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Ottubru 2010, CNOP u CCG vs Il-Kummissjoni, T‑23/09, Ġabra p. II‑5291, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2010, Biocaps vs Il-Kummissjoni, T‑24/09, mhux ippubblikat fil-Ġabra).

9        Matul is-sena 2009, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-Ordni kif ukoll lil ħames kumpanniji li jeżerċitaw professjoni libera (SEL) li joperaw laboratorji, li għalihom dawn irrispondew. Id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata fid-19 ta’ Ottubru 2009. L‑Ordni rrispondietha fil-11 ta’ Jannar 2010. Is-seduta saret fl-10 ta’ Frar 2010. Il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni supplimentari lill-Ordni fis-26 ta’ Frar 2010, li għaliha din irrispondiet.

10      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata, essenzjalment, li l-Ordni ħadet deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jaqgħu taħt restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u li jikkostitwixxu ksur wieħed u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE li beda tal-inqas minn Ottubru 2003 u li probabbilment għadu ma ntemmx, anki wara n-notifika tad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-aġir inkwistjoni jirrigwarda d-deċiżjonijiet kollha tal-Ordni, meħuda fl-interess ekonomiku tal‑maġġoranza tal-membri tagħha u mhux fl-interess ġenerali, li għandhom bħala għanijiet komplementari u indiviżibbli, minn naħa waħda, li jipprekludu lill-gruppi ta’ laboratorji milli jiżviluppaw u, min‑naħa l-oħra, li jipprovaw jimponu prezz minimu fuq is-suq Franċiż tal-analiżi ta’ bijoloġija medika.

11      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni tispeċifika li, peress li din il-kawża tirrigwarda l-ewwel każ mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003 li fih ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi tista’ tiġi invokata sabiex jiġi ggarantit il-ħlas ta’ parti mill-multa imposta fuq l-assoċjazzjoni, li jista’ jkun li l-membri għadhom ma ħadux konjizzjoni sħiħa tal-portata tad‑dispożizzjonijiet legali inkwistjoni u li l-aġir li dwaru qed jiġu kkritikati ma kienx sigriet, hija tapplika l-Artikolu 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwidaˮ). Hija għalhekk titbiegħed mill-metodoloġija ġenerali spjegata fihom u tiffissa l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq l-ONP, is‑CNOP u s-CCG għal EUR 5 miljun, ammont li ma jeċċedix l-10 % tal-ammont tad-dħul mill-bejgħ totali magħmul minn kull membru attiv fis-suq affettwat.

 Il-proċedura u t-talbiet

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Frar 2011, l-Ordni ppreżentat dan ir-rikors.

13      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Lulju 2011, Labco u Unilabs talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal‑Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal‑Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Novembru 2011, dawn iż-żewġ kumpanniji ġew awtorizzati jintervjenu. Peress li Unilabs informat lill-Qorti Ġenerali, permezz ta’ ittra ppreżentata fid-19 ta’ Diċembru 2011, li kienet qed tirtira t-talba tagħha sabiex tintervjeni, din tħassret permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Frar 2012.

14      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lid-Disa’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

15      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill‑partijiet, li għalihom huma wieġbu fit-terminu mogħti.

16      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Frar 2014.

17      L-Ordni titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti eżistenti u n-natura partikolari tagħha bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Labco, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Ordni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      L-Ordni tippreżenta, minn naħa waħda, talba għal annullament, li insostenn tagħha hija ssostni disa’ motivi u, min-naħa l-oħra, talba sussidjarja għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, li insostenn tagħha hija tressaq motiv wieħed, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u ta’ interpretazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 37 tal-Linji gwida.

1.     Fuq it-talba għal annullament

20      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, l-Ordni tressaq, essenzjalment, disa’ motivi.

21      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, iktar ’il quddiem is-“sentenza Woutersˮ).

22      It-tieni, it-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt motivi jirrigwardaw l-aġir fir‑rigward tal-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji.

23      B’mod iktar preċiż, it-tieni u t-tielet motivi jirrigwardaw l-obbligi ta’ komunikazzjoni tas-SEL matul il-ħajja tagħhom. It-tieni motiv jirrigwarda, essenzjalment, żball ta’ evalwazzjoni li jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-liġi Franċiża fir-rigward tar-rwol tal-prefett u tas-CCG rispettivament waqt bidliet li jseħħu matul il-ħajja ta’ SEL. It-tielet motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ komunikazzjoni stipulat mil-liġi Franċiża u r-rwol tas-CCG fil-kuntest tal-ħidma tiegħu ta’ verifika a posteriori ta’ dokumenti tal-kumpannija.

24      Ir-raba’ u l-ħames motivi jirreferu għas-sistema li tirrigwarda l‑kompożizzjoni u l-bidla tal-kapital tas-SEL. Ir-raba’ motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq l-interpretazzjoni żbaljata tar-rwol tas-CCG bħala garanti tal-indipendenza professjonali tas-soċju fir-rigward tal‑parteċipazzjoni minima tiegħu fil-kapital tas-SEL. Il-ħames motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-intenzjoni tal-leġiżlatur fir-rigward tas-separazzjoni tal-ishma tas-SEL lil hinn mil‑limitu ta’ 25 % u fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kuntest ġuridiku applikabbli għas-separazzjonijiet tal-ishma tas-SEL.

25      Is-sitt motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE sa fejn is-sanzjonijiet dixxiplinari deċiżi jsaħħu l-effetti potenzjali jew reali tad-deċiżjonijiet ikkonċernati.

26      Is-sitt, it-tmien u disa’ motivi jirrigwardaw l-aġir ta’ intervent fuq il‑prezzijiet tas-suq.

27      Is-seba’ motiv, imqajjem bħala motiv prinċipali, huwa bbażat, essenzjalment, fuq eċċess ta’ poter fid-dawl tan-nuqqas ta’ osservanza tal-limiti tal-mandat ta’ spezzjoni. It-tmien u d-disa’ motivi, imqajma sussidjarjament, jirrigwardaw, essenzjalment, żball ta’ evalwazzjoni tal‑portata tal-kuntest ġuridiku applikabbli u tal-volontà tal-leġiżlatur fir-rigward tad-definizzjoni u tal-prattika tat-tnaqqis u żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti li wasslu għal żball ta’ liġi, rispettivament.

28      Finalment, fir-replika, l-Ordni tidher qed tikkontesta wkoll il‑konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat, motiv li l-Kummissjoni qed tikkontesta l‑ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fid-dawl tas-sentenza Wouters

29      L-Ordni ssostni li l-missjoni tagħha hija li tiddefendi l-indipendenza tal‑professjoni kif ukoll li tikkontribwixxi għall-promozzjoni tas-saħħa pubblika u tal-kwalità tal-kura medika, b’mod partikolari s-sigurtà tal‑atti professjonali, kif ġie rrepetut mis-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑89/09, Ġabra p. I‑12941). Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li l-azzjoni tagħha kienet, minn naħa, dik ta’ awtorità pubblika li ma taqax taħt l-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, jekk jitqies li ħadet deċiżjonijiet fil-kwalità tagħha ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, iġġustifikata mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

30      Fir-rigward tal-prattiki konkreti li bihom ġiet ikkritikata, l-Ordni tirrileva li l-obbligu impost fuq il-laboratorji li jikkomunikaw id‑dokumenti marbuta mat-trasferimenti ta’ ishma, is-separazzjoni bejn in-nuda proprjetà u l-użufrutt u l-bidliet magħmula fl-istatuti, kellu bħala għan li jivverifika l-osservanza tal-liġi Franċiża.

31      Fir-rigward tal-bidliet fl-istatut tas-SEL u ta’ bdil ta’ diretturi matul il‑ħajja tal-kumpannija, il-kompetenza tas-CCG hija marbuta, peress li d‑deċiżjoni finali relatata ma’ tali bidliet tappartjeni lill-prefett, u peress li l‑Ordni, konsegwentement, taġixxi bħala awtorità pubblika, kif ikkunsidrat fis-sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq. L-istess jgħodd għall‑obbligu ta’ komunikazzjoni f’dan ir-rigward stipulat mill-KSP, peress li l-missjoni tas-CCG ta’ verifika a posteriori ta’ ftehim konklużi mis-SEL u mil-laboratorji hija ddefinita mil-liġi u l-informazzjoni miksuba hija mibgħuta lill-prefett, li jieħu d-deċiżjoni finali. Fir-replika tagħha, l-Ordni żżid li, sa fejn, kif tallega l-Kummissjoni quddiem il‑Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi biss, fir-rigward tar‑rwoli rispettivi tal-prefett u tas-CCG waqt il-bidliet li jseħħu matul il-ħajja tas-SEL, id-deċiżjonijiet relatati mar-reġistrazzjoni fir‑reġistru, il-ġestjoni tal-imsemmi reġistru tiddependi fuq approvazzjoni.

32      Fir-rigward tal-kritiki li saru fil-konfront tagħha fid-deċiżjoni kkontestata dwar proċeduri dixxiplinari, l-Ordni ssostni li l-eżerċizzju ta’ setgħa dixxiplinari hija prerogattiva ta’ awtorità pubblika.

33      Finalment, l-Ordni ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tesprimix ruħha fuq l-applikazzjoni tas-sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-azzjoni tagħha ta’ projbizzjoni ta’ tnaqqis eċċessiv. Hija tirrileva li dan l-aġir huwa wkoll iġġustifikat bil-protezzjoni tas‑saħħa pubblika.

34      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Labco, issostni li l-Ordni ħadet deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ imprizi li jaqgħu taħt l‑Artikolu 101 TFUE fiċ-ċirkustanzi kollha rrilevati kontra tagħha, għaliex ma aġixxiet bħala awtorità pubblika fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi prinċipji li jippermettu li jiġi stabbilit f’liema ċirkustanzi l-azzjoni ta’ ordni professjonali setgħet tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni bi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

36      Fl-ewwel lok, attività li, min-natura tagħha, bir-regoli li għalihom hija suġġetta u bl-għan tagħha, ma tagħmilx parti mill-isfera tal-iskambji ekonomiċi jew li hija marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, ma hijiex suġġetta għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni stipulati fit-Trattat FUE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, punt 57, u tat-28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, punt 40).

37      Fit-tieni lok, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tirrestrinġi l‑libertà ta’ azzjoni tal-partijiet jew ta’ waħda minnhom ma taqax neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal każ partikolari, għandu qabel kollox jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest globali li fih deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi inkwistjoni ġiet adottata jew toħloq l-effetti tagħha, u b’mod iktar partikolari l‑għanijiet tagħha, li jikkonsistu, f’dan il-każ, fil-ksib tal-garanziji neċessarji għall-konsumaturi finali tas-servizzi inkwistjoni. Imbagħad għandu jiġi eżaminat jekk l-effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li jirriżultaw minnha humiex inerenti għall-imsemmija għanijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, punt 97, u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato, C‑136/12, punt 53).

38      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li raġunijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari l-interess tal-eżerċizzju korrett ta’ professjoni, jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għal ċerti restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni meta dawn ikunu neċessarji.

39      F’din il-kawża, il-Kummissjoni teżamina l-applikabbiltà tas-sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, fil-premessi 684 sa 691 tad-deċiżjoni kkontestata. Hawnhekk hija ma tilqax, b’mod partikolari, l-argument tal-Ordni, imressaq fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, li r-restrizzjonijiet identifikati huma ġġustifikati bil‑protezzjoni tas-saħħa pubblika, raġuni ta’ interess ġenerali li minħabba fiha l-aġir tagħha ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE. Skont il-Kummissjoni, essenzjalment, l-Ordni tibbaża ruħha fuq il-prinċipju tal-indipendenza tal-bijologu bħala mezz sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika billi tagħti lil dan il-prinċipju interpretazzjoni estensiva u kontestabbli li hija, minn naħa, sistematikament sfavorevoli għall-kontribut tal-kapital li ma huwiex parti mill-professjoni anki meta dan ma jaffettwax il-libertà ta’ deċiżjoni ta’ bijologu u, min-naħa l-oħra, iżżid restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ma’ dawk imposti mil-leġiżlatur Franċiż minkejja li l‑Ordni ma għandhiex setgħa leġiżlattiva. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal prattiki tal-Ordni fir-rigward ta’ prezz, li ma humiex intiżi sabiex jiddefendu l-interess ġenerali u lanqas l-indipendenza tal-professjoni, iżda sabiex jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-ispiżjara bijologi attivi fis-suq tal-analiżi ta’ bijoloġija medika, bi ħsara għall-kompetizzjoni u għall-pazjenti. Peress li r-restrizzjonijiet identifikati ma kinux neċessarji fl-interess ġenerali, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eċċezzjoni stabbilita mis-sentenza Wouters, iċċitata iktar ’il fuq, ma tapplikax f’din il-kawża.

40      F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, b’mod differenti mill-ordni professjonali inkwistjoni fis-sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, l-Ordni ma għandhiex setgħat leġiżlattivi.

41      Għandu wkoll jiġi speċifikat li, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil‑kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza CNOP u CCG vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq, minn issa ’l quddiem ma għadux ikkontestat li l-Ordni hija ordni professjonali li tiġbor lill-ispiżjara, li tal-inqas parti minnhom jeżerċitaw attività ekonomika u jistgħu jiġu kklassifikati bħala impriżi (punti 70 sa 72 ta’ din is-sentenza).

42      L-Ordni essenzjalment issostni li l-atti li dwarhom hija kkritikata fid‑deċiżjoni kkontestata, mqassra fil-punt 10 hawn fuq, jew ittieħdu fil-kuntest tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika b’tali mod li ma jaqgħux fl-isfera ekonomika u li ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal‑Artikolu 101 TFUE, jew inkella huma deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li huma restrittivi u ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal‑Artikolu 101(3) TFUE, huma inerenti jew neċessarji għall-­implementazzjoni ta’ għan leġittimu marbut ma’ garanziji mogħtija lill‑konsumaturi.

43      Minkejja ċerta konfużjoni maħluqa mill-Ordni fl-osservazzjonijiet tagħha u mressqa quddiem il-Kummissjoni, mill-proċess jirriżulta li l‑Ordni tikkunsidra li, sa fejn il-prattiki li bihom ġiet ikkritikata ma jitqisux li huma miżuri statali, iżda jaqgħu, bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE, huma xorta ma għandhomx jiġu pprojbiti. Fil‑fatt, l-effetti restrittivi tagħhom huma meħtieġa sabiex jintlaħaq għan leġittimu, f’dan il-każ, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jekk ikun il-każ permezz tal-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ispiżjar bijologu. L-unika eċċezzjoni tinsab fil-prattika fir-rigward tal-bidliet statutorji tas-SEL, li fir-rigward tagħhom l-Ordni tallega li aġixxiet bħala awtorità pubblika fi rwol li huwa suġġett għad-deċiżjoni tal‑prefett, li jieħu d-deċiżjoni finali.

44      Għall-parti l-kbira tal-prattiki inkwistjoni, il-kwistjoni ċentrali sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji żviluppati fis-sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, hija għalhekk dik dwar jekk l-Ordni, kif tallega hi, aġixxietx fil-limiti tal-kuntest legali Franċiż. F’tali każ, l-azzjoni tagħha taqa’ taħt applikazzjoni tat-testi legali u sservi sabiex jintlaħaq l-għan mistenni minn din il-liġi. Dan jgħodd ukoll għall-azzjoni tagħha dwar l‑iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji u għal dik dwar tnaqqis.

45      Madankollu, fir-rigward tal-applikazzjoni konkreta tal-prinċipji żviluppati fis-sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, għall-aġir imsemmi, anki jekk l-Ordni tiddefinixxi dan il-motiv bħala li huwa preliminari għall‑motivi l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huwa opportun li tingħata risposta għalih wara li jkunu ġew eżaminati l-ilmenti tal-Ordni mressqa fil-kuntest tal-motivi l-oħra fir-rigward tal-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet legali applikabbli u l-prattiki konkreti tagħha. Għalhekk, l-applikabbiltà tal-prinċipji żviluppati fis-sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, f’dan il-każ ser tiġi kkunsidrata wara l-eżami tal‑motivi li jirrigwardaw it-talba għal annullament.

46      Madankollu, f’dan l-istadju huwa opportun li jiġi eżaminat l-argument tal-Ordni bbażat fuq is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, punt 29 iktar ’il fuq. Kif indikat fil-premessi 695 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija sentenza tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk is‑sistema Franċiża tal-laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika li fiha restrizzjonijiet dwar iż-żamma tal-kapital minn persuni li ma humiex bijologi, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

47      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-regola li s-sehem tas-soċji li ma jeżerċitawx il-professjoni ta’ bijologu fil-kapital ta’ laboratorji ma jistax ikun iktar minn 25 %, li bħalissa tinsab fl‑Artikolu R 6212‑82 tal-KSP, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tas-saħħa pubblika invokat (punti 80 sa 89). Fil-punt 82 tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru, li jista’ jqis li hemm riskju li r-regoli intiżi li jiżguraw l-indipendenza professjonali tal-bijologi jinkisru fil‑prattika, peress li l-interess ta’ persuna li ma hijiex bijologu sabiex tagħmel profitt ma jkunx moderat b’mod ekwivalenti għal dak tal‑bijologi indipendenti, u li s-suġġettar ta’ bijologi, bħala impjegati, għal SEL b’responsabbiltà limitata li topera laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika li l-maġġoranza tal-kapital tagħhom hija miżmuma minn persuni li ma humiex bijologi jista’ jagħmilha diffiċli li dawn il‑bijologi jopponu l-istruzzjonijiet mogħtija minn dawn il-persuni li ma humiex bijologi. F’dan l-istess punt, hija żżid li ma jistax b’mod partikolari jiġi eskluż li l-imsemmija persuni li ma humiex bijologi jitħajru jeliminaw ċerti eżamijiet inqas profittabbli mill-perspettiva ekonomika jew iktar ikkomplikati sabiex jitwettqu jew li jnaqqsu l‑attività ta’ konsulenza lill-pazjenti matul il-fażijiet tal-preanaliżi u tal‑postanaliżi, li jikkaratterizzaw l-organizzazzjoni tal-bijoloġija medika fi Franza.

48      Minkejja li huma l-istess tip ta’ regoli li tagħhom l-Ordni tallega li qed tiżgura l-applikazzjoni fil-kuntest tal-aġir issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni, fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ebda wieħed mill-ilmenti mressqa kontra l-Ordni ma jirrigwarda deċiżjonijiet tal-Ordni intiżi sabiex jiġi osservat l-Artikolu R 6212‑82 tal-KSP. Din il-kwistjoni ser tkun eżaminata iktar ukoll fil-kuntest tal‑motivi li jirrigwardaw l-aġir għall-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji.

49      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra korrettament li din il‑ġurisprudenza ma hijiex determinanti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk l-aġir li bih hija kkritikata l-Ordni jikkostitwixxix ksur tal‑Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni ssostni fil‑premessa 696 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikonoxximent tas-setgħa tal-Istati Membri li joħolqu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment għan-nom tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika ma jawtorizzax lil atturi privati jew il-korpi li jirrapreżentawhom li jevitaw ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni billi jimponu restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni li l-Istat stess ma jistipulax.

50      Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett is‑sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, u għalhekk ir-risposta finali li għandha tingħata għall-ewwel motiv, ser tiġi kkunsidrata fi tmiem l‑eżami tal-motivi dwar l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-motivi li jirrigwardaw l-aġir fir-rigward tal-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji

51      Qabel ma nkomplu bl-eżami tal-ilmenti konkreti mressqa mill-Ordni fir‑rigward tal-aġir inkwistjoni, hemm lok li jitfakkru, preliminarjament, it-termini wiesgħa tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata li jikkonċernaw l-imsemmi aġir, il-prinċipji fir-rigward ta’ livell ta’ prova u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju filwaqt li tiġi eżaminata l-portata tal-ilmenti mressqa mill-Ordni.

52      L-aġir tal-Ordni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji huwa magħmul minn erba’ tipi ta’ deċiżjoni identifikati fil-premessa 127 tad‑deċiżjoni kkontestata: l-ewwel nett, dawk intiżi sabiex jipprojbixxu s-separazzjoni tal-ishma ta’ SEL; it-tieni nett, dawk intiżi sabiex jimponu li l-moviment ta’ azzjonijiet jiġi kkomunikat immedjatament; it-tielet nett, dawk intiżi li jimponu li l-ispiżjara bijologi jkollhom sehem minimu fil‑kapital u, ir-raba’ nett, id-deċiżjonijiet intiżi sabiex jimponu li l‑bidliet kollha tal-istatuti jew nomina ta’ direttur jkunu suġġetti għall‑approvazzjoni minn qabel tal-Ordni. L-imsemmi aġir huwa eżaminat fid-dettall fil-Kapitolu 5.2 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 222 sa 494). Il-premessi 667 sa 676 jagħtu sunt tal‑konsegwenzi ta’ dan l-aġir fit-termini segwenti:

“[…]

(667) […] il-provi f’dan il-każ juru, kif spjegat fil-Kapitolu 5.2, li d‑deċiżjonijiet fir-rigward ta’ laboratorji marbuta ma’ gruppi għandhom l-għan li jnaqqsu u, jekk ikun possibbli, iwaqqfu l‑iżvilupp ta’ dawn il-gruppi u, bl-istess mod, huma intiżi sabiex jillimitaw jew jikkontrollaw il-produzzjoni, l-iżvilup tekniku u l‑investiment.

(668) Dan l-għan jidher b’mod partikolari mill-minuti ta’ laqgħa ta’ organu tal-ONP tas-27 ta’ Marzu 2003[:] ‘Fuq il-livell strettament legali, jidher impossibli li tiġi kkontestata s-separazzjoni ta’ ishma jew ta’ azzjonijiet fi ħdan SEL […] il-Kunsill jiddeċiedi li jgħaddi sabiex iħejji opinjoni motivata li tipprovdi li s-separazzjoni li minnha bbenefikaw Stés Unilabs tkun irrifjutata għal raġunijiet ta’ etika’. Dan jidher ukoll mill-abbozz tal-fuljett elettorali tal-2005 tal‑grupp tad-diriġenti tat-Taqsima G, li jirreferi għall-gruppi finanzjarji: ‘Bla dubju, ilħaqna l-għan tagħna, hemm bżonn nirbħulhom’.

(669) Id-deċiżjonijiet inkwistjoni bdew minn Marzu 2003, meta bdiet linja ta’ azzjoni fi ħdan l-ONP sabiex tiġi żviluppata ‘duttrina ġdida’ li permezz tagħha ‘is-separazzjoni li minnha bbenefikaw Stés Labco tkun irrifjutata’ u mhux iktar tard minn Ottubru 2003, imbagħad mill-2004 taħt il-forma ta’ ittri mibgħuta mill-ONP lill‑laboratorji marbuta ma’ gruppi. Dawn il-manifestazzjonijiet tal-aġir tal-ONP, sa fejn taf il-Kummissjoni, għadhom ma waqfux sal-ġurnata tal-lum.

(670) Hemm diversi provi li jippermettu li jintwera l-għan ekonomiku li jillimita l-kompetizzjoni fis-suq segwit mill-ONP permezz ta’ żewġ tipi ta’ manifestazzjonijiet. Ir-riskju kompetittiv li jikkostitwixxi l-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji għad-diversi laboratorji żgħar attivi fis-suq ġie kkonstatat malajr mill-ONP, li kkonċentrat l-azzjonijiet tagħha fuq punt wieħed, jiġifieri l‑kontroll tal-kapital. L-ONP issanzjonat ukoll nuqqasijiet ta’ allegati obbligi marbuta mal-proprjetà tal-kapital u mal‑komunikazzjoni ta’ dokumenti marbuta mal-ħajja tas‑SEL, bil-għan li tostakola u/jew tnaqqas l-iżvilupp ta’ dawn il‑gruppi ta’ laboratorji.

(671) Għal dawn l-għanijiet, l-ONP implementat, kif juru diversi dokumenti tal-proċess imsemmija fil-Kapitolu 5.2, bħan-noti ‘Il‑bijoloġija medika u l-persuni li jiffinanzjaw’ jew ‘Lista ta’ ilmenti Labco minn SEL’, tfittxija sistematika tal-laboratorji marbuta ma’ gruppi. B’mod parallel, l-ONP bdiet ukoll b’mod sistematiku proċeduri dixxiplinari kontra l-laboratorji inkwistjoni u spiżjara li kienu jeżerċitaw l-attività fihom (ara Kapitolu 5). Il‑punt komuni tal-laboratorji u tal-ispiżjara kollha msemmija mid-dokumenti u mid-deċiżjonijiet indikati fil-Kapitolu 5.2 huwa li kienu jappartjenu għal gruppi ta’ laboratorji (b’mod partikolari Labco, Unilabs u Confindex) li, skont l-ONP, jirrapreżentaw riskju kompetittiv għall-maġġoranza tal-membri tagħha.

(672) Fil-fatt, il-parteċipazzjoni ta’ gruppi fil-kapital tal-laboratorji jippermetti lil dawn li jinvestu f’materjal effiċjenti ferm, sabiex jitwettqu ekonomiji ta’ skala, jiżviluppaw is-sensiela ta’ analiżi proposti u jagħtu r-riżultati iktar malajr, kif indikat fil‑Kapitolu 2.2.2.2. L-ONP, u b’mod partikolari l-awtoritajiet ta’ tmexxija tat-Taqsima G, ma jistgħux jinjoraw il-benefiċċji ta’ kwalità, ta’ immedjatezza u ta’ produttività li l-apparat ta’ laboratorju l-iktar reċenti jista’ jagħti, b’mod partikolari għaliex il‑Kunsill Ċentrali tat-Taqsima G jinkludi żewġ bijologi li jaħdmu fi sptar.

(673) Min-naħa l-oħra, minkejja li s-sanzjonijiet dixxiplinari meħuda mill-ONP kontra laboratorji ta’ wieħed mill-gruppi milquta minn dawn id-deċiżjonijiet huma legalment iġġustifikati, dawn is‑sanzjonijiet huma oġġettivament sproporzjonati, b’mod partikolari meta mqabbla ma’ dawk meħuda fir-rigward ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ standard ta’ kwalità (standard mandatarju sa mill-1994) minn madwar terz tal-laboratorji attivi fis-suq, u ma’ dawk meħuda b’mod ġenerali mill-ONP kontra SEL jew spiżjara bijologi għal raġunijiet serji ta’ saħħa pubblika, kif indikat fil‑Kapitolu 5.4.

(674) Finlament, fil-Kapitolu 5.2 ġie indikat li l-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-ONP insostenn tad-deċiżjonijiet tagħha intiżi sabiex jillimitaw l-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji fis-suq jikkontradixxu dawk li hija ressqet insostenn tal-pożizzjonijiet tagħha rigward il-laboratorji msejħa ta’ referenza, li ma humiex f’kompetizzjoni diretta mal-maġġoranza qawwija tal-laboratorji attivi fis-suq.

(675) B’hekk, id-difiża ta’ ‘l-indipendenza tal-professjonisti li jeżerċitaw’ skont l-ONP tista’ tkun ibbażata fuq kriterji oħra peress li l-laboratorji li fihom dawn il-professjonisti jeżerċitaw ma humiex f’kompetizzjoni ma’ dawk li tagħhom l-ONP tiddefendi l‑interessi ekonomiċi. U, fuq kollox, il-legalità tal-iskemi legali ikkontestati mill-ONP ġiet iddikjarata diversi drabi mill-Istat Franċiż. Barra minn hekk, l-ONP ma jistax jippretendi li jiddefendi l-professjonisti, filwaqt li l-Istat Franċiż ma kkunsidrax bħala neċessarju li jimponi restrizzjonijiet għat-tranżazzjonijiet imwettqa b’mod esklużiv bejn professjonisti [bijologi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (SEL)] għal raġunijiet ta’ preġudizzju għall‑indipendenza professjonali. F’dan il-każ, l-ONP, li ma għandhiex setgħa leġiżlattiva, ma tistax tissostitwixxi ruħha minflok setgħa leġiżlattiva sabiex timponi dawn ir-restrizzjonijiet.

(676) Għalhekk, billi tostakola l-attivitajiet ekonomiċi ta’ professjonisti attivi fis-suq jew billi twaqqaf kapital estern milli jinvesti fis-suq, l-ONP għandha l-għan li tillimita jew li tikkontrolla l-produzzjoni, l-iżvilupp tekniku u l-investiment.ˮ

53      Fir-rigward tal-provi li għandhom jiġu prodotti, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni għandha tressaq il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u għandha tistabbilixxi l-provi li juru, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 59).

54      B’dan il-mod, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tirreferi għal provi preċiżi u konkordanti biex tiġġustifika l-konvinzjoni soda li l-ksur twettaq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 55). Il-provi prodotti mill-Kummissjoni għandhom għalhekk jippermettu li jiġi konkluż lil hinn minn kwalunkwe dubju raġonevoli li jeżisti ksur (sentenza Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 53 hawn fuq, punti 137 u 144).

55      Fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu invokati biex ikun stabbilit ksur tal‑Artikolu 101 TFUE, il-prinċipju dominanti fid-dritt Komunitarju huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 72, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/07, Ġabra p. II‑3871, punt 64).

56      L-indizji invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE minn impriża ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat, iżda flimkien (sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 68, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 185). Provi differenti jistgħu jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 275).

57      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 101 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Qorti Ġenerali hija adita b’rikors għal annullament ta’ tali deċiżjoni, hija għandha teżerċita, b’mod ġenerali, stħarriġ komplet sabiex ikun magħruf jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu humiex issodisfatti jew le (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 34, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 62). Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l‑eżattezza fattwali, l-affidabbiltà u l-koerenza tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l‑informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara s‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra. p. I‑13085, punt 54,, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-każ, mill-Kapitolu 5.2 tad-deċiżjoni kkontestata u minn parti mill-Kapitolu 7 tagħha, iċċitata fil-punt 52 hawn fuq, jirriżulta li l‑Kummissjoni tistrieħ fuq provi dokumentali sabiex tibbaża l‑konklużjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur li jirrigwarda d-deċiżjonijiet intiżi sabiex jipprekludu lil gruppi ta’ laboratorji milli jiżviluppaw li għandhom jitqiesu li huma ostakoli għall-produzzjoni, għall-iżvilupp tekniku u għall‑investiment fis-suq inkwistjoni b’tali mod li jirrigwarda ksur manifest tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni (premessa 755 dwar il‑gravità tal-ksur).

59      Il-provi dokumentali sinjifikattivi insostenn ta’ din il-konklużjoni huma dawk diskussi fil-Kapitolu 5.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 222 sa 237). F’din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi dik li hija, fl-opinjoni tagħha, “strateġija organizzataˮ tal‑Ordni intiża sabiex tostakola lill-gruppi ta’ laboratorji, li hija tiddeduċi minn numru ta’ dokumenti u minn ċerti prattiki.

60      L-Ordni ma tressaqx argumenti konkreti fir-rigward ta’ din il-parti tad‑deċiżjoni kkontestata, iżda ssostni, essenzjalment, b’mod partikolari fit-tieni, fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames motivi eżaminati iktar ’il quddiem, li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-liġi Franċiża u l‑intenzjoni tal-leġiżlatur, li huma riflessi fl-azzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, lanqas ma tressaq argumenti fir-rigward tal-Kapitolu 5.3 tad‑deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li hija rriżervat trattament favorevoli lill-gruppi ta’ laboratorji speċjalizzati li jaġixxu bħala bażi għal laboratorji oħra u li għalhekk ma humiex kompetituri diretti. L-Ordni, b’mod partikolari, ma kellhiex problemi biż-żamma ta’ parti mill-kapital ta’ 15 % biss għal spiżjara bijologi li joperaw f’dawn l-istrutturi filwaqt li hija titlob sehem ta’ mill‑inqas 50 % għal gruppi ta’ laboratorji li huma f’kompetizzjoni fis-suq. Finalment, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-Ordni lanqas ma tressaq argumenti speċifiċi fir-rigward tal-Kapitolu 5.5.2 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 537 sa 547), fil-kuntest ta’ liema l-Kummissjoni tikkunsidra, minn naħa, li d-diriġenti tal-Ordni ħabbru l-għanijiet antikompetittivi ta’ din tal-aħħar fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet tal‑korpi dixxiplinari tagħha, b’mod partikolari fil-kuntest tal‑programmi elettorali tagħhom, jew f’pubblikazzjonijiet tal-fuljett tagħha. Bħala eżempju, il-premessa 527 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-volontà espressa mill-president tas-CCG li “itellef l-ambizzjonijiet kapitalistiċi ta’ gruppi finanzjarji u l-istrateġija patrimonjali ta’ ċerti bijologiˮ. Il-Kummissjoni hawnhekk iddeskriviet ukoll l-għanijiet ekonomiċi mħabbra mill-korpi tal-Ordni.

61      Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni intraċċat permezz ta’ dawn il‑provi, l-eżistenza ta’ ċertu aġir premeditat, saħansitra strateġija fir‑rigward ta’ gruppi ta’ laboratorji min-naħa tal-awtoritajiet ta’ tmexxija tal-Ordni, huwa rilevanti sabiex jiġi evalwat il-kuntest partikolari li fih jidħlu dawn l-atti sabiex tiġi difiża u applikata b’konvinzjoni interpretazzjoni tal-liġi f’ċirkustanzi fejn, jekk ikun il‑każ, diversi interpretazzjonijiet jistgħu jiġu difiżi, ħaġa li, għall‑Kummissjoni, hija prova ta’ interpretazzjoni tal-liġi għal finijiet ekonomiċi. Fil-fatt, anki jekk l-intenzjoni ma hijiex element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva tal-atti inkwistjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata), jista’ jkollha rwol mhux żgħir fil-każ, fid-dawl tal-missjoni mogħtija lill-Ordni mil-leġiżlatur li fil-kuntest tagħha l-azzjoni tagħha suppost tinsab.

62      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, kif tallega l-Ordni, żbaljatx fl-interpretazzjoni tal‑kuntest leġiżlattiv applikabbli u, jiġi konkluż, in fine (punti 343 sa 348 iktar ’il quddiem), jekk l-Ordni tistax tippretendi li l-aġir tagħha ma jistax jiġi ssanzjonat fil-kuntest tal-Artikolu 101 TFUE fid-dawl tas‑sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq.

63      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa utli li teżamina l-motivi li jirrigwardaw il‑kompożizzjoni u l-bidla tal-kapital tas-SEL (ir-raba’ u l-ħames motivi) qabel il-motivi li jirrigwardaw l-obbligi ta’ komunikazzjoni tas‑SEL matul il-ħajja tagħhom (it-tieni u t-tielet motivi), filwaqt li s-sitt motiv ser jiġi eżaminat in fine.

 Fuq il-motivi li jirrigwardaw il-kompożizzjoni u l-bidla tal-kapital tas‑SEL

64      Ir-raba’ u l-ħames motivi jirrigwardaw il-konsegwenzi għall-istruttura tas-SEL tal-evoluzzjoni tal-kuntest leġiżlattiv li jirregolahom lejn il‑possibbiltà li l-kapital tagħhom jiġi ffinanzjat minn barra. Il-kuntest ġuridiku li l-interpretazzjoni tiegħu qed tiġi kkontestata huwa deskritt fil-premessi 91 sa 102 u 431 et seq tad-deċiżjoni kkontestata.

65      L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 90‑1258, tal-31 ta’ Diċembru 1990, dwar l-eżerċizzju, taħt forma ta’ kumpannija, tal-professjonijiet liberi suġġetti għal statut leġiżlattiv, regolamentari jew li t-titolu tagħhom huwa protett u dwar kumpanniji holding ta’ professjonijiet liberi (JORF tal-5 ta’ Jannar 1991, p. 216), jipprovdi li “għall-eżerċizzju ta’ professjoni libera suġġetta għal statut leġiżlattiv jew regolamentari jew li t-titolu tagħha huwa protett, jistgħu jiġu kkostitwiti kumpanniji b’responsabbiltà limitata, kumpanniji pubbliċi jew kumpanniji in akkomandita b’azzjonijiet irregolati mill-[Kodiċi ta’ Kummerċ], bla ħsara għad‑dispożizzjonijiet tat-Titolu I ta’ din il-liġiˮ. Minn dan jirriżulta li SEL jistgħu jiġu kkostitwiti sabiex joperaw laboratorji u li jistgħu, kif diġà ssemma fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, jieħdu l-forom ġuridiċi normali ta’ kumpanniji kummerċjali, b’mod partikolari l‑kumpanniji b’responsabbiltà limitata (SELARL) u l-kumpanniji pubbliċi (SELAFA). Huwa wkoll possibbli li jiġu kkostitwiti kumpanniji in akkomandita b’azzjonijiet (SELCA). Il-possibbiltà li jintużaw simplified joint-stock companies (SELAS) ġiet introdotta iktar tard.

66      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 90‑1258 jindika li “iktar minn nofs tal-kapital azzjonarju u tad-drittijiet ta’ vot għandhom jinżammu […] minn professjonisti fi ħdan il-kumpannijaˮ.

67      Barra minn hekk, għandu jitfakkar il-kontenut tal-Artikolu R 6212‑82 tal-KSP, introdott permezz tad-digriet Nru 92‑545, tas-17 ta’ Ġunju 1992, dwar il-kumpanniji li jeżerċitaw professjoni libera ta’ diretturi u viċi diretturi ta’ laboratorji tal-bijoloġija medika (JORF tal‑21 ta’ Ġunju 1992, p. 8106), digriet ta’ eżekuzzjoni tal-Liġi Nru 90‑1258. Din id-dispożizzjoni kienet inkwistjoni fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 29 iktar ’il fuq. Hija tindika dan li ġej:

“Persuna jew persuni li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu […] tal-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 90-1258 jista’ jkollhom biss massimu ta’ kwart tal-kapital ta’ [SEL] ta’ diretturi u viċi diretturi ta’ laboratorji tal-bijoloġija medika.

Madankollu, meta kumpannija [SEL] tkun ikkostitwita bħala soċjetà inakkomandita b’azzjonijiet, il-kwota tal-kapital miżmuma minn persuna li ma hijiex waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 5 tal-Liġi tal-31 ta’ Diċembru 1990 imsemmija iktar ’il fuq, tista’ tkun superjuri minn dik stabbilita fil-paragrafu preċedenti minagħajr madankollu ma tkun ikbar minn 50 % tal-imsemmi kapital.”

68      Permezz tal-Liġi Nru 2001‑1168, tal-11 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri urġenti ekonomiċi u finanzjarji ta’ riforma (JORF tat-12 ta’ Diċembru 2001, p. 19703, iktar ’il quddiem il-“liġi Murcefˮ), il-kapital tas-SEL infetaħ iktar għal soċji minn barra bil-possibbiltà offruta ta’ separazzjoni bejn drittijiet fil-kapital u drittijiet ta’ vot. B’hekk fil-Liġi Nru 90‑1258 iddaħħal Artikolu 5‑1, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2001. L-Artikolu 5-1 fl-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi li “b’deroga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5, iktar min-nofs il‑kapital azzjonarju tas-SEL jista’ jkun miżmum ukoll minn persuni fiżiċi jew ġuridċi li jeżerċitaw il-professjoni li tikkostitwixxi l-għan soċjali [tal-kumpannija]ˮ.

69      L-Artikolu 5-1 ġie kkompletat permezz tal-Liġi Nru 2005‑882, tat-2 ta’ Awwissu 2005, favur impriżi żgħar u medji (JORF tat-3 ta’ Awwissu 2005, p. 12639). Ġie introdott ukoll it-tieni paragrafu għall‑Artikolu 5-1, li jipprovdi li digrieti tal-Conseil d’État Franċiż jistgħu jistipulaw, fid-dawl tan-neċessitajiet relatati ma’ kull professjoni minbarra l-professjonijiet legali u ġudizzjarji, li l-ewwel paragrafu ma japplikax meta din id-deroga tkun ta’ natura li tikkawża preġudizzju għall-eżerċizzju tal-professjoni kkonċernata, fir-rigward tal‑indipendenza tal-membri tagħha jew tar-regoli ta’ etika relatati magħha.

70      Diversi ċirkulari ministerjali huma wkoll rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ dawn it-testi.

71      L-ewwel nett, iċ-ċirkulari DCIS Nru 970019, tad-29 ta’ Jannar 1997 (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari Nru 970019ˮ), tindika li “kif inhuma t‑testi bħalissa, is-sehem tad-direttur tal-laboratorju fil-kapital tas-SEL jista’ jkun minimuˮ.

72      It-tieni nett, iċ-ċirkulari DGS/SQ 3 Nru 98‑585, tat-22 ta’ Settembru 1998 (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari Nru 98‑585ˮ), tipprovdi dan li ġej: “membru ta’ professjoni oħra tas-saħħa ma jistax ikollu sehem fil‑kapital ta’ SEL bħala użufruttwarju. L-użufrutt relatat ma’ titoli jġib miegħu ċertu numru ta’ drittijiet ta’ tgawdija (dritt għad-dividendi, dritt ta’ sostituzzjoni tal-detentur tan-nuda proprjetà dgħajjef f’każ ta’ distribuzzjoni ta’ riżervi jew ta’ żieda fil-kapital) u ta’ setgħat ta’ ġestjoni (assistenza għal-laqgħat ġenerali ordinarji, eżerċizzju ta’ ċerti azzjonijiet ġudizzjarji)ˮ.

73      It-tielet nett, iċ-ċirkulari DHOS/05 Nru 2005‑506, tal-14 ta’ Novembru 2005 (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari Nru 2005‑506ˮ), tispeċifika li “[l]-Artikolu 5‑1 tal-[…] Liġi [Nru 90‑1258] jipprovdi deroga għal dan il-prinċipjuˮ, li “din id-dispożizzjoni tapplika għas‑SELAFA, għas-SELCA u għas-SELAS, għaliex, f’dawn il‑kumpanniji, huwa possibbli li tinbidel ir-relazzjoni bejn id-drittijiet ta’ vot u l-kapitalˮ u li “din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għas‑SELARL, permezz ishma mogħtija għal kontribuzzjoni mhux finanzjarjaˮ.

74      Minn dan jirriżulta li l-prinċipji ta’ bażi segwenti kienu applikabbli matul il-perijodu kkonċernat: minn naħa, massimu ta’ kwart tal-kapital tas-SEL ta’ laboratorji seta’ jinżamm minn persuni minn barra l-professjoni (Artikolu R 6212‑82 tal-KSP) u, min-naħa l-oħra, il‑professjonisti li jeżerċitaw l-istess professjoni, iżda li ma humiex parti mil-laboratorji seta’ jkollhom iktar minn nofs tal-kapital tas-SEL ta’ laboratorju (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258) bil-kundizzjoni li l-professjonisti li jeżerċitaw fil-laboratorju jkollhom iktar minn nofs id-drittijiet ta’ vot (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal‑Liġi Nru 90‑1258).

75      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-gruppi ta’ laboratorji użaw il‑possibbiltajiet ġodda offruti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5-1 tal-Liġi Nru 90‑1258, introdotti bil-Liġi Murcef, essenzjalment permezz ta’ żewġ metodi.

76      L-ewwel metodu jikkonsisti fis-separazzjoni bejn id-drittijiet ta’ vot u l‑parteċipazzjoni finanzjarja bl-għoti, permezz ta’ drittijiet ta’ vot doppji jew multipliċi, ta’ numru ta’ drittijiet ta’ vot li ma jikkorrispondix ma’ dak tal-kapital azzjonarju miżmum mis-soċji differenti tas-SEL. Dan qed jiġi ttrattat fir-raba’ motiv.

77      It-tieni metodu jirrigwarda s-separazzjoni ta’ azzjonijiet li essenzjalment tikkonsisti billi l-proprjetà ta’ titoli tas-SEL tiġi diviża bejn l-użufrutt, li jagħti d-dritt ta’ vot fuq l-allokazzjoni ta’ benefiċċji u li jagħti dritt għad-dividendi, u n-nuda proprjetà (premessa 239 tad‑deċiżjoni kkontestata). Dan il-metodu qed jiġi ttrattat fil-ħames motiv.

–       Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq l-interpretazzjoni żbaljata tar-rwol tas-CCG bħala garanti tal-indipendenza professjonali tas-soċju fir-rigward tas-sehem minimu tiegħu fil-kapital tas-SEL.

78      Ir-raba’ motiv isemmi l-Kapitolu 5.2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 373 sa 449), intitolat “Parteċipazzjoni minima tal-ispiżjara fil‑kapital tas-SELˮ, li fih il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Ordni pprovat timponi, fil-kuntest ta’ ragruppamenti ta’ SEL relatati ma’ gruppi ta’ laboratorji, li l-ispiżjara li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi ħdan SEL inkwistjoni jkollhom sehem minimu fil-kapital tagħhom, deċiżjoni li hija intiża sabiex tnaqqas tali ragruppamenti u sabiex twaqqaf l-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji. Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi żewġ tipi ta’ azzjonijiet tal-Ordni. Minn naħa, skont il-Kummissjoni, l-Ordni sostniet li ma kienx possibbli li soċji professjonisti li ma humiex parti minn SELAS jingħataw numru ta’ drittijiet ta’ vot inqas min-numru ta’ azzjonijiet tagħhom għal raġunijiet ta’ etika, filwaqt li kull każ irrilevat mill-Kummissjoni jirrigwarda tranżazzjonijiet bejn professjonisti, b’tali mod li l-indipendenza professjonali ma kinitx ikkontestata (premessi 374 u 375). Min-naħa l-oħra, l-Ordni ddefendiet il-pożizzjoni li ż-żamma ta’ sehem żgħir wisq tal-kapital azzjonarju mill-ispiżjara kienet toħloq ukoll preġudizzju għar-regoli ta’ etika u, b’mod partikolari, għall-indipendenza professjonali tal-ispiżjar, filwaqt li, skont il-Kummissjoni, l-indipendenza professjonali hija ggarantita permezz tad-dispożizzjonijiet legali eżistenti (premessa 377). Il‑Kummissjoni tiċċita diversi eżempji ta’ applikazzjoni konkreta ta’ dawn il-pożizzjonijiet (premessi 378 sa 430).

79      L-Ordni ssostni, essenzjalment, li l-kontroll tagħha fir-rigward tas-sehem minimu fil-kapital azzjonarju mis-soċji professjonali tas-SEL huwa parti mill-missjonijiet legali tagħha intiżi sabiex tiżgura l-osservanza tal‑indipendenza professjonali tal-bijologu li qed jeżerċita l-professjoni. Fl-opinjoni tagħha, huwa f’dan il-kuntest li hija opponiet skemi bħal dawk adottati minn Labco, li huma intiżi sabiex jirriżervaw għall‑professjonisti li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi ħdan laboratorju l‑maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot, iżda sempliċement sehem simboliku fil-kapital, u b’hekk iċaħħduhom mill-benefiċċji li jirriżultaw u minn sehem effettiv fil-tmexxija tal-laboratorju. Mingħajr dividendi, id‑direttur ta’ laboratorju jkun suġġett għar-rekwiżiti tal-azzjonist ta’ kontroll u jitħallas b’kundizzjonijiet stabbiliti minn dan, ekwivalenti għal salarju, u għalhekk skont il-ħidma tal-laboratorju, ħaġa li b’mod partikolari tikkawża preġudizzju għall-indipendenza finanzjarja tiegħu. L-analiżi tal-Kummissjoni twissi dwar użu ħażin tal-liġi tal-għan tagħha. F’dan ir‑rigward, l-Ordni tinvoka wkoll id-dibattiti parlamentari li wasslu għall-adozzjoni tal-Liġi Nru 2005‑882, li introduċiet it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258, li juri l-eżistenza ta’ ċertu derogi. L-Ordni ssostni wkoll li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, punt 29 iktar ’il fuq, tikkonferma l-analiżi tagħha kif ukoll il‑pożizzjoni adottata mill-Ordni tat-Tobba f’ċerti każijiet.

80      Barra minn hekk, skont l-Ordni, ma huwiex possibbli, fi ħdan SELARL, li jiġu sseparati is-sehem fil-kapital u d-dritt ta’ vot, ħlief fil-każ ta’ ishma mogħtija għal kontribuzzjoni mhux finanzjarja.

81      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Labco, tikkontesta l-argumenti tal‑Ordni. Hija ssostni, essenzjalment, li l-possibbiltà li jiġu sseparati l‑proprjetà tal-kapital u ż-żamma tad-drittijiet tal-vot hija prevista mill‑Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258 u kkonfermata miċ-ċirkulari Ministerjali. Il-Liġi tipprevedi wkoll il-kontroll tal-professjonisti fuq il-funzjonament tas-SEL. Skont il-Kummissjoni, l-Ordni ma setgħetx, permezz ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, tinnewtralizza l-applikazzjoni tal-liġi, peress li l-kompetenza tagħha għandha tkun eżerċitata fil-kuntest legali fis-seħħ.

82      Barra minn hekk, Labco tinsisti fuq in-natura perfettament legali tal‑istruttura tagħha.

83      Dan il-motiv jirrigwarda, essenzjalment, l-oppożizzjoni tal-Ordni għal skemi legali, bħal dawk użati minn Labco, fil-kuntest ta’ liema kumpannija holding tieħu sehem minoritarju ta’ mhux iktar minn 25 % f’SEL ta’ laboratorji, li min-naħa tagħhom jieħdu sehem maġoritarju f’SEL oħra, filwaqt li jkun żgurat madankollu li s-SEL intermedjarji ma jkollhomx il-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot f’dawn tal-aħħar. Il‑bijologu li jeżerċita l-attività tiegħu fi ħdan dawn tal-aħħar għandu għalhekk il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot, iżda potenzjalment jibbenefika biss minn sehem minimu fil-kapital, ħaġa li l-Ordni topponi.

84      Kuntrarjament għal dak li targumenta l-Ordni, l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258, introdott fl-aħħar tas-sena 2001 bil-Liġi Murcef, ma huwiex ambigwu fir-rigward tal-legalità ta’ tali struttura matul il-perijodu tal-ksur (jiġifieri mill-14 ta’ Ottubru 2003 sal‑21 ta’ Ottubru 2009).

85      Fil-fatt, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5‑1 tal-imsemmija liġi jirriżulta li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex parti minn SEL jista’ jkollhom il-maġġoranza tal-kapital tagħha, iżda ma jkollhomx dritt ta’ vot, sakemm dawn il-persuni jeżerċitaw il-professjoni msemmija mill‑għan soċjali tas-SEL inkwistjoni. Is-separazzjoni bejn il-kapital u d-drittijiet ta’ vot hija għalhekk possibbli, pereżempju, favur spiżjara bijologi terzi jew ta’ SEL li joperaw laboratorju, sakemm dawn ma jkollhomx maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot.

86      Barra minn hekk, din l-evoluzzjoni kienet maħsuba minn qabel permezz taċ-ċirkulari Nru 970019, li tipprovdi li s-sehem tad-direttur tal‑laboratorju fil-kapital tas-SEL jista’ jkun minimu, u hija sostnuta miċ-ċirkulari Nru 2005‑506, meta din tipprovdi li huwa possibbli li tinbidel ir-relazzjoni bejn id-drittijiet ta’ vot u l-kapital fis-SELAFA, SELCA u SELAS. Din l-aħħar ċirkulari, kif jidher mill-kliem tagħha stess, speċifikatament inħarġet mill-Ministeru tas-Saħħa Franċiz sabiex jispjega lill-prefetti l-prinċipji essenzjali li jirregolaw, b’mod partikolari, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258.

87      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, korrettament, li l-argument ibbażat fuq id-difiża tal-indipendenza professjonali, invokat mill-Ordni ma għandux ikun determinanti f’dan id-dibattitu.

88      Huwa veru li l-indipendenza finanzjarja tal-ispiżjar bijologu hija speċifikatament imsemmija fl-Artikolu R 4235‑18 tal-KSP, li jipprovdi li “l-ispiżjar ma għandu jkun suġġett għal ebda restrizzjoni finanzjarja, kummerċjali, teknika jew morali, tkun xi tkun in-natura tagħha, li tista’ tikkawża preġudizzju għall-indipendenza tiegħu fl-eżerċizzju tal‑professjoni tiegħu, b’mod partikolari fl-okkażjoni tal-konklużjoni ta’ kuntratti, ftehim jew addenda b’suġġett professjonaliˮ. Ma huwiex ikkontestat li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni taqa’ fil‑missjonijiet tal-Ordni.

89      Madankollu, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tippermetti lill-Ordni topponi strutturi li huma konformi mal-liġi, b’mod partikolari meta dawn jirrigwardaw iż-żamma tal-kapital minn spiżjara bijologi jew minn kumpanniji li joperaw laboratorju, li huma wkoll suġġetti għar‑regoli ta’ etika, u mhux minn terzi persuni mhux professjonisti, imsemmija mir-regola ta’ limitazzjoni ta’ massimu ta’ 25 % tal-kapital ta’ laboratorju minn persuni mhux professjonisti fl-Artikolu R 6212‑82 tal-KSP. Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, punt 29 iktar ’il fuq, li tirrigwarda l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, għalhekk, lanqas ma hija determinanti f’dan ir-rigward.

90      Huwa minnu li ċerti partijiet tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Mengozzi fis-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq (Ġabra p. I‑12944), u tas-sentenza stess jirreferu għall-possibbiltà mqajma mill-Kummissjoni li tiġi aċċettata sistema iktar flessibbli mill‑perspettiva tad-dritt tal-libertà ta’ stabbiliment minn dik taż-żamma massima ta’ 25 % tal-kapital tas-SEL ta’ laboratorji għal persuni li ma humiex bijologi, b’mod li d-drittijiet tal-vot jiġu sseparati mid-drittijiet finanzjarji. Madankollu, huwa ċar li tali sistema, li tippermetti, jekk ikun il-każ, lill-persuni mhux professjonisti jżommu ishma ta’ iktar minn 25 % tal-kapital sakemm professjonisti jkollhom il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot, ma huwiex previst mil‑leġiżlatur Franċiż bil-flessibbiltà tal-liġi Murcef u bl-introduzzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258. Din l-aħħar dispożizzjoni, li tagħti l-possibbiltà ta’ żieda fil-kapital għal livell maġġoritarju minn professjonisti li ma humiex parti mis-SEL, ma ġietx eżaminata fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, punt 29 iktar ’il fuq. Il-fatt li l-imsemmija sentenza (punt 85), bħall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Mengozzi, iċċitati iktar ’il fuq (punti 212 u 213), jirreferu għall-eventwali pressjoni li terzi li jkollhom il-maġġoranza tal-kapital jistgħu jeżerċitaw fuq il-bijologi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi ħdan il-laboratorji, iservi biss sabiex jiġġustifika l-eżistenza tar-regola li ma tippermettix iż-żamma tal‑kapital minn persuni li ma humiex bijologi ta’ iktar minn 25 % meta mqabbla ma’ sistemi iktar flessibbli fir-rigward tagħhom.

91      Mill-analiżi ta’ hawn fuq jirriżulta li l-leġiżlatur Franċiż ikkunsidra, bil‑bidla tas-sistema introdotta bil-liġi Murcef, li l-indipendenza tal‑bijologu setgħet tkun iggarantita biżżejjed bl-applikazzjoni flimkien ta’ żewġ ostakoli: il-limitazzjoni tal-ishma fil-kapital tas-SEL ta’ persuni li ma humiex fil-professjoni għal massimu ta’ 25 % u ż-żamma tal-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot minn persuni li jeżerċitaw il‑professjoni tagħhom fi ħdan is-SEL. Huwa għalhekk fil-kuntest ta’ dawn il-limitazzjonijiet li l-Ordni kellha taġixxi, peress li l-prinċipju ta’ indipendenza professjonali, kunċett iddefinit b’mod iktar wiesa’ fl‑Artikolu R 4235‑18 tal-KSP, ma jistax ikun il-pretest sabiex jiġi ristrett l-aċċess għall-kapital tas-SEL fi strutturi konformi mal-liġi.

92      Barra minn hekk, kif irrilevat fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kontroll tal-professjonisti fuq il-funzjonament tas-SEL u, għalhekk, l-indipendenza professjonali tagħhom hija żgurata mhux biss permezz taż-żamma tal-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot li tirriżulta mill‑applikazzjoni flimkien tal-Artikoli 5 u 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258, iżda wkoll permezz ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija liġi li jistipulaw, b’mod partikolari, il-preżenza minima tas-soċji li jeżerċitaw il‑professjoni tagħhom fi ħdan il-kumpannija fil-korpi deċiżjonali u li jirriżervaw għalihom id-deliberazzjonijiet dwar ċerti ftehim dwar il-kundizzjonijiet li fihom huma jeżerċitaw il-professjoni tagħhom.

93      L-Ordni lanqas ma tista’ tinvoka b’mod utli f’dan ir-rigward ix‑xogħlijiet parlamentari tal-Liġi Nru 2005‑882. Il-Kummissjoni teżamina dan l-argument fil-premessi 440 u 441 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn jikkonsistu b’mod partikolari fil-pożizzjoni meħuda mis-Sur Lang, deputat Franċiż, fl-okkażjoni ta’ proposta ta’ liġi dwar il‑projbizzjoni ta’ separazzjoni ta’ ishma, projbizzjoni li, madankollu, ma ġietx inkluża fil-liġi finalment adottata. Il-pożizzjoni meħuda minn deputat li l-istruttura Labco tippermetti lil dan tal-aħħar jirkupra l‑benefiċċji kollha u jistabbilixxi r-remunerazzjoni tal-bijologi, b’kontradizzjoni mal-KSP, ma tistax tiġġustifika l‑interventi tal-Ordni fir-rigward ta’ strutturi konformi mal-liġi. L‑istess jgħodd għar-risposta tal-Ministru tas-Saħħa għal domanda parlamentari msemmija fil-premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, il-fatt li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 5‑1 tal‑Liġi Nru 90‑1258 jistipula l-possibbiltà ta’ leġiżlazzjoni permezz ta’ digriet f’każ ta’ abbuż lanqas ma huwa determinanti peress li l-ebda digriet li jkopri tali każijiet ma ġie adottat fir-realtà.

94      Fir-rigward imbagħad tad-diskussjoni bejn il-partijiet dwar il-kwistjoni speċifika dwar jekk il-possibbiltà ta’ separazzjoni bejn id-drittijiet ta’ kapital u d-drittijiet ta’ vot ma kinitx, fi żmien il-fatti, possibbli għas‑SELARL, l-Ordni tinvoka f’dan ir-rigward il-portata ġenerali tal‑Artikolu L 223‑28 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż (iktar ’il quddiem il-“KTKˮ) li jirrigwarda s-SARL. Dan l-artikolu jipprovdi li kull soċju għandu d-dritt li jipparteċipa fid-deċiżjonijiet u jiddisponi minn numru ta’ voti ugwali għall-ishma li huwa għandu.

95      Skont l-Ordni, din id-dispożizzjoni tapplika għas-SELARL u teskludi għalhekk il-possibbiltà ta’ separazzjoni fil-każ tagħhom.

96      F’dan ir-rigward, fir-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u fis-seduta, il-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta li, permezz taċ-ċirkulari Nru 2005‑506, l-amministrazzjoni Franċiża indikat li s‑SELARL kienu esklużi mill-benefiċċju tal-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258, ħlief fil-każijiet ta’ ishma mogħtija għal kontribuzzjoni mhux finanzjarja. Ix-xenarju ta’ ishma mogħtija għal kontribuzzjoni mhux finanzjarja, li jirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni minn soċju tal-konoxxenzi tekniċi tiegħu, tax-xogħol tiegħu jew tas-servizzi tiegħu favur il-kumpannija tiegħu, ma għandux madankollu jiġi eżaminat f’iktar dettall fil-kuntest ta’ din il-kawża.

97      Madankollu, indipendentement mill-argument li l-Ordni semmiet fis‑seduta li ċ-ċirkulari Nru 2005‑506 tirrifletti biss l-istat tal-liġi jew tal-kwistjoni dwar jekk, għall-kuntrarju, iċ-ċirkulari inkwistjoni kienx fiha interpretazzjoni contra legem fuq dan il-punt, ma għandux jiġi kkontestat li, sal-adozzjoni ta’ din iċ-ċirkulari fl-2005, il-kumpanniji setgħu mingħajr kontestazzjoni jikkunsidraw li l-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258, bħala lex specialis, kien jieħu prijorità fuq id‑dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kodiċi tal-Kummerċ.

98      Fil-fatt, kif indikat fil-premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, l‑Artikolu 1 tal-Liġi Nru 90‑1258 jippreċiża li s-SEL huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Ktieb II tal-Kodiċi tal-Kummerċ “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu I ta’ din il-liġiˮ. L‑Artikolu 5‑1 huwa parti minn dan l-imsemmi Titolu I.

99      Barra minn hekk, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li l-leġiżlatur, billi introduċa sistema ġdida fil-kuntest tal-liġi Murcef, ried joħloq diskriminazzjoni bejn tipi differenti ta’ SEL, peress li t-test tal‑Artikolu 5‑1 isemmi l-kapital tas-SEL mingħajr ma jispeċifika liema u għalhekk, il-forom kollha ta’ SEL.

100    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li, sal-2005, interpretazzjonijiet differenti tal-kuntest legali relatat mas‑SELARL kienu possibbli u li l-Ordni kienet għażlet sistematikament li timponi l-interpretazzjoni l-iktar sfavorevoli għall-ftuħ tas-suq għall-gruppi ta’ laboratorji. Dan huwa minnu anki jekk il-premessa 435 tad-deċiżjoni kkontestata ma tirriflettix b’mod korrett it-test taċ‑ċirkulari Nru 2005‑506 billi tindika li minnha tirriżulta l‑applikazzjoni tal-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 98‑1258 għas-SELARL mingħajr distinzjoni. Fil-fatt, fi kwalunkwe każ, il-każijiet konkreti ta’ intervent tal-Ordni fir-rigward tas-SELARL, b’mod partikolari fir‑rigward tal-każ tas-SEL Laboratoire d’Isle (premessi 378 et seq tad‑deċiżjoni kkontestata) u Norden (premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata) huma qabel l-2005, b’tali mod li l-analiżi tal-Kummissjoni li turi n-natura eċċessiva tal-interventi tal-Ordni fir-rigward tagħhom ma ġietx ikkontestata.

101    Barra minn hekk, diversi interventi oħra, li ma jirrigwardawx is‑SELARL, huma ċċitati mill-Kummissjoni.

102    Fir-rigward tagħhom, l-analiżi tal-Kummissjoni li tikkontesta, b’mod partikolari, l-interventi tal-Ordni f’dak li jirrigwarda s-SELAS Laboratoire Central u Groupe biologic Lam, relatati ma’ Labco, jew fir‑rigward tas-SELAS JPBS, Exsel Bio u Labocentre, ma hijiex invalidata bl‑argument tal-Ordni li, fid-dawl tan-numru żgħir ta’ azzjonijiet miżmuma mis-soċji li jeżerċitaw l-attività tagħhom meta mqabbla mat‑total tal-azzjonijiet, għandha tiġi żgurata l-indipendenza finanzjarja tal-ispiżjar bijologu li jeżerċita l-attività tiegħu fil-konfront ta’ soċji minn barra, li għandhom is-supremazija ekonomika tal-istruttura. Fil‑fatt, il-liġi kienet espressament stipulat il-fakultà li soċji li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi ħdan il-laboratorju jżommu biss sehem imnaqqas, saħansitra sehem żgħir ħafna tal-kapital, sakemm huma jkollhom il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot. Il-fatt li s-soċji li jeżerċitaw l-attività tagħhom kienu jibbenefikaw, eventwalment, minn remunerazzjoni mhux indizjata mal-benefiċċji ma jibdilx din il‑konklużjoni. Bl-istess mod, kif il-Kummissjoni ssostni b’mod korrett, il-fatt li l-Ordni tat-Tobba opponiet ruħha għal sitwazzjonijiet li fihom it-tabib li jeżerċita l-attività tiegħu fil-kuntest ta’ SELAS kellu l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot, iżda sehem simboliku tal-kapital, ma jistax jistabbilixxi l-legalità tal-prattiki tal-Ordni.

103    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Ordni diskuss fis-seduta li kien hemm bżonn li jiġi vverifikat li, fis-SELAS, is-soċji minn barra ma ngħatawx numru ta’ drittijiet ta’ voti inqas min-numru ta’ azzjonijiet tagħhom, ħaġa li ma kinitx possibbli għal dan it-tip ta’ kumpannija, għandu jiġi kkonstatat li, barra mill-fatt li ma huwiex ċar, għandu jiġi miċħud, fi kwalunkwe każ, għar-raġunijiet msemmija fil-punti 98 u 99 iktar ’il fuq.

104    Finalment, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal diversi dokumenti li minnhom jirriżulta li l-Ordni kienet taf li kien ġuridikament possibbli li investituri li jeżerċitaw il-professjoni jkollhom il-maġġoranza tal-kapital, sakemm il-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot tkun miżmuma minn professjonisti li jeżerċitaw fi ħdan is-SEL, ħaġa li hija murija b’mod partikolari mill-fatt li hija ħadmet għal emenda leġiżlattiva li tipprovdi għaż-żamma ta’ kwota minima tal-kapital mis‑soċji li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi ħdan il-kumpannija (ara l‑provi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 523 u l-premessi 442 sa 449 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-provi, flimkien ma’ dawk imsemmija, b’mod partikolari, fil-Kapitolu 5.5 tad-deċiżjoni kkontestata rigward l-għanijiet imħabbra li jopponu l-introduzzjoni ta’ gruppi finanzjarji fil-professjoni, isostnu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-interventi tal-Ordni jirriżultaw minn applikazzjoni tal-liġi li hija tagħha u sistematikament mhux favur strutturi ta’ gruppi. F’dan ir-rigward, jista’ wkoll isir riferiment għall-fatt li l-ittri tal-Ordni lis-SELARL Laboratoire d’Isle u Norden jirreferu għall-pożizzjoni ta’ prinċipju tal‑Ordni kontra s-separazzjoni ta’ azzjonijiet (anki jekk, teknikament, fil-każijiet inkwistjoni ma hemmx separazzjonijiet), li hija eżaminata iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-ħames motiv.

105    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-ħames motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-intenzjoni tal-leġiżlatur fir-rigward tas-separazzjoni tal-ishma ta’ SEL lil hinn minn limitu massimu ta’ 25 % u tal-interpretazzjoni żbaljata tal‑kuntest ġuridiku applikabbli għas-separazzjoni tal-ishma ta’ SEL

106    Dan il-motiv jirrigwarda l-Kapitolu 5.2.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 239 sa 295), intitolat “Separazzjoni ta’ ishma ta’ SELˮ, li fil‑kuntest tiegħu l-Kummissjoni tikkritika lill-Ordni talli pprojbixxiet is-separazzjoni ta’ azzjonijiet fi ħdan is-SEL. Id-deċiżjonijiet tal-Ordni inkwistjoni kienu jirrigwardaw, minn naħa, l-intimazzjoni tas‑SEL jew tas-soċji/spiżjara li kienu jeżerċitaw l-attività tagħhom fi ħdan l-imsemmija SEL sabiex ineħħu kull riferiment għal separazzjoni fl-istatuti jew li jipproċedu b’separazzjoni u min-naħa l-oħra, il-bidu ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-ispiżjara bijologi kkonċernati b’allegat ksur tar-regoli dwar il-professjoni ta’ spiżjar (premessi 242 sa 244), li minnhom il-Kummissjoni ssemmi l-eżempji tas-SELAFA Schaffner Jean Bart Mathieu Wallon (premessi 248 sa 253) u tas-SELARL Labco Artois (premessi 256 sa 258).

107    L-Ordni ssostni, essenzjalment, li l-limitu massimu ta’ 25 % ta’ żamma tal‑kapital stabbilit bl-Artikolu R 6212‑82 tal-KSP għat-terzi mhux professjonisti japplika kemm għat-titoli miżmuma b’titolu assolut kif ukoll għat-titoli li ġew sseparati. Hija ssostni li hija opponiet ruħha għas‑separazzjonijiet fil-każijiet biss fejn ma kienx żgurat li, minn naħa, nofs id-drittijiet ta’ vot kienu f’idejn il-professjonisti li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fi ħdan l-istruttura u, min-naħa l‑oħra, it-terzi mhux professjonisti kellhom inqas minn kwart tal‑kapital azzjonarju. Il-każijiet ta’ Unilabs, tas-SELAFA Schaffner Jean Bart Mathieu Wallon u tal-kumpannija Biolabs Centre Labo jirrigwardaw skemi rrifjutati għal din ir-raġuni. Is-CCG kellu wkoll jieħu konjizzjoni ta’ każijiet ta’ kumpanniji li fihom l-ishma kienu sseparati, iżda li kienu awtorizzati sal-limitu ta’ 25 % impost bil-liġi.

108    Fir-replika, l-Ordni targumenta li l-Kummissjoni qed tħawwad il‑metodu ta’ separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà mal-metodu previst fl‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258. Hija tirreferi wkoll għal sentenza tal-qorti amministrattiva ta’ Pariġi (Franza) tal‑31 ta’ Marzu 2011, li kkonfermat sentenza tal-Qorti amministrattiva ta’ Pariġi tat-12 ta’ Mejju 2009 u għall-illegalità tal-iskema użata minn Unilabs.

109    Il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tas-separazzjoni, l-Ordni adottat pożizzjoni ta’ prinċipju li wasslet għal interventi f’każijiet fejn is‑separazzjonijiet kienu perfettament legali u, b’mod partikolari, b’mod konformi mal-Artikolu R 6212‑82 tal-KSP.

110    Kif irrilevat fil-punt 77 hawn fuq, il-metodu ta’ separazzjoni jikkonsisti fis-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà tal-ishma ta’ SEL bejn l-użufrutt, li jagħti d-dritt ta’ vot fuq l-allokazzjoni tal-benefiċċji u li jagħti d-dritt għad-dividendi, u n-nuda proprjetà (premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Ordni ma hijiex żbaljata meta ssostni li mid-dokumenti tal-Kummissjoni jirriżulta li hemm ċertu taħlit bejn il-metodu ta’ separazzjoni bejn drittijiet ta’ vot u sehem finanzjarju u l-metodu ta’ separazzjoni meta hija tinvoka, fir-risposta tagħha u fil-kontro-replika, is-separazzjoni bejn id-drittijiet ta’ vot u d‑drittijiet fil-kapital stipulati fl-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258 għas‑SELARL u l-każijiet tal-laboratorji Isle u Norden li fil-konfront tagħhom ma jidhirx li hemm problema ta’ separazzjoni strictu sensu. Barra minn hekk, dawn il-kwistjonijiet ġew eżaminati fil-kuntest tar-raba’ motiv. Madankollu, f’dan ir-rigward, ma jistax jiġi miċħud li l‑Ordni setgħet tikkontribwixxi għal din l-allegata konfużjoni, peress li kienet hi stess li semmiet l-oppożizzjoni tagħha fil-prinċipju għall-metodu ta’ separazzjoni f’ċerta korrispondenza ma’ dawn il-laboratorji, minkejja li l-bidliet fl-istatuti li kienu għamlu jirrigwardaw il-prattika tas-separazzjoni (premessi 380 u 392 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    Madankollu, dan id-dibattitu ma huwiex determinanti sabiex dan il‑motiv jiġi deċiż. Kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, iż-żewġ metodi setgħu jintużaw sabiex tiġi implementata l-possibbiltà offruta mill-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258 sabiex jitħalla jidħol iktar kapital estern fis-SEL.

113    Għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-Ordni ma tikkontestax il-possibbiltà li tintuża din it-teknika għas-SEL, iżda ssostni li din għandha tirrispetta d-dispożizzjonijiet kollha applikabbli. L-azzjoni tagħha sempliċement żgurat l-osservanza tar‑regoli li ħarġu minn dawn id-dispożizzjonijiet fosthom, b’mod partikolari, dik li tipprovdi li, minn naħa, il-maġġoranza tad‑drittijiet ta’ vot għandha tkun f’idejn is-soċji li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi ħdan is-SEL u, min-naħa l-oħra, li l-persuni mhux professjonisti ma għandux ikollhom iktar minn 25 % tal-kapital (ħlief fil-każ speċifiku tal-kumpanniji in akkomandita b’azzjonijiet, li ma huwiex inkwistjoni hawnhekk).

114    Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-użu tal-metodu ta’ separazzjoni ma għandux iwassal sabiex jikkontesta dawn il-limiti legali li l-interpretazzjoni tagħhom ma tħalli l-ebda dubju, iżda tikkunsidra li l-azzjonijiet tal-Ordni fir-realtà marru lil hinn billi rrakkomandaw, b’mod partikolari, projbizzjoni ġenerali ta’ dan il-metodu.

115    Dan l-għan tal-Ordni li jipprekludi kull tip ta’ separazzjoni huwa ddokumentat fil-premessi 277 sa 287 tad-deċiżjoni kkontestata. Pereżempju, minnhom jirriżulta li anki jekk is-CCG ikkonkluda fis-27 ta’ Marzu 2003, li “fuq il-pjan strettament legali, kien jidher impossibbli li tkun prekluża s-separazzjoni ta’ ishma jew ta’ azzjonijiet fi ħdan SELˮ, ġie deċiż “li kien ser jipproċedi bit-tħejjija ta’ rapport iddetaljat li permezz tiegħu s-separazzjoni li minnha bbenefikaw Stés Unilabs tiġi rrifjutata għal raġunijiet etiċiˮ (premessa 282). Bl-istess mod, nota interna f’Ottubru 2003 tirreferi għall-pożizzjoni ta’ prinċipju meħuda mill-korpi tal-Ordni intiża sabiex tipprekludi “kull separazzjoni ta’ ishma fil-kumpanniji kkostitwiti għall-operazzjoni ta’ laboratorju ta’ spiżerija jew ta’ laboratorju ta’ analiżi ta’ bijoloġija medikaˮ (premessa 284).

116    Minn dan jirriżulta wkoll li l-Ordni ma taċċettax is-separazzjoni ħlief fil-każijiet partikolari u tranżitorji ta’ pensjonanti tas-SEL jew ta’ werrieta ta’ professjonisti li jkunu eżerċitaw l-attività tagħhom fi ħdan din il-kumpannija. Fis-seduta, l-Ordni spjegat li, f’każijiet bħal dawn, is-sitwazzjoni kienet temporanja u l-użufrutt kien ser jingħaqad man‑nuda proprjetà, b’tali mod li l-ishma jergħu jiġu integrati mill-ġdid f’idejn id-direttur tal-laboratorju.

117    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tikkunsidra b’mod korrett li l‑kuntest leġiżlattiv applikabbli fil-perijodu li fih seħħew il-fatti ma jimponix tali limitazzjonijiet. Barra minn hekk, fir-replika, l-Ordni ssostni li hija l-osservanza tar-regola tal-limitu ta’ 25 % miżmum minn persuni mhux professjonisti li hija l-kawża tal-interventi tagħha.

118    Ċertament, kif indikat fil-premessi 275 u 291 sa 295 tad-deċiżjoni kkontestata u kif invokat mill-Ordni quddiem il-Qorti Ġenerali, dibattiti parlamentari fl-2005 dwar proposta ta’ emenda tal-liġi applikabbli jirreferu għall-fatt li s-separazzjoni għandha tkun ipprojbita bħala użu ħażin tal-liġi. Il-proposta tat-test, sostnuta mill-Ordni, intiż sabiex jimponi li l-ishma tas-SEL jinżammu b’titolu ta’ proprjetà assoluta ħlief f’każijiet ta’ rtirar jew wirt, qatt ma ġiet adottata, b’tali mod li, kif diġà ġie rrilevat fil-kuntest tar-raba’ motiv (ara l-punt 93 hawn fuq), l-argument ma jistax jiġi invokat b’mod utli mill-Ordni. Huwa sempliċement jikkonferma li l-liġi ma kinitx tipprovdi tali limitazzjonijiet, ħaġa li l‑Ordni pprovat tibdel fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ lobbying, li, mill-bqija, hija totalment leġittima.

119    Madankollu, l-Ordni ssostni b’mod rilevanti li mis-sentenza tal-Qorti amministrattiva ta’ Pariġi tat-12 ta’ Mejju 2009, kif ikkonfermata bis‑sentenza tal-Qorti amministrattiva ta’ appell tal-31 ta’ Marzu 2011, invokata mill-Ordni u diskussa fil-premessi 269 u 270 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-istruttura użata minn Unilabs kienet ġiet ikkundannata fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Ordni fil‑konfront tas-SEL Biolab Centre Labo. Il-qorti amministrattiva Franċiża kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-fatt li l-kumpannija Unilabs France għandha 25 % tal-kapital ta’ din is-SEL u l-kumpannija Unilabs 75 % tal-istess kapital f’użufrutt, filwaqt li ż-żewġ kumpanniji ma kinux fil-professjoni, kien jikser il-projbizzjoni ta’ detenzjoni ta’ ishma minn soċji mhux professjonisti tas-SEL b’iktar mil-limitu massimu ta’ 25 %, peress li l-limitu massimu kien japplika kemm għall-ishma miżmuma b’titolu ta’ proprjetà assoluta kif ukoll għall-ishma sseparati.

120    Minkejja li dawn id-deċiżjonijiet jikkonfermaw l-interpretazzjoni tal‑Ordni fir-rigward tal-istruttura ta’ Unilabs, xorta ma jikkontestawx ir-raġunament tal-Kummissjoni kif żviluppat fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, il-każ tas-SEL Biolab Centre Labo ma jitqiesx li huwa eżempju konkret tal-interventi tal-Ordni fil‑premessi 242 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l‑Kummissjoni ma tikkontestax li dan il-każ żvela problema ta’ ksur tar‑regola tad-detenzjoni ta’ massimu ta’ 25 % tal-kapital azzjonarju minn persuni mhux professjonisti. Min-naħa l-oħra, sa fejn, ċertament, il-Kummissjoni tinvoka provi dokumentali li jinkludu t-teħid ta’ pożizzjonijiet interni tal-Ordni fir-rigward tas-separazzjoni tal-mudell ta’ Unilabs, dawn jintużaw mhux sabiex juru t-tħassib tal-osservanza tar-regola ta’ 25 %, iżda pożizzjoni ta’ prinċipju ta’ projbizzjoni ġenerali tal-metodu ta’ separazzjoni, ħlief għall-eċċezzjonijiet limitati msemmija hawn fuq. Fil-fatt, din hija preċiżament id-difiża ta’ din il‑pożizzjoni ta’ prinċipju fir-rigward tal-metodu ta’ separazzjoni, anki meta l-applikazzjoni tagħha ma tikkontestax il-limitu taż-żamma tal‑kapital tas-SEL minn persuni mhux professjonisti ta’ 25 %, li biha ġiet ikkritikata l-Ordni.

121    L-argument tal-Kummissjoni huwa sostnut mill-pożizzjonijiet meħuda mill-Ordni fir-rigward tas-SELARL Labco Artois (premessi 256 sa 258 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-Ordni talbitha tibgħatilha statuti li ma jagħmlu l-ebda riferiment għall-kunċett ta’ separazzjoni wara li s‑SELARL inkwistjoni kienet ġiet approvata mill-prefett u mingħajr ma kien hemm riferiment għal riskju ta’ ksur tar-regola ta’ 25 %. Barra minn hekk, l-Ordni ma tressaq l-ebda argument fir-rigward tal-analiżi tal-Kummissjoni dwar din l-istruttura fil-kuntest ta’ dan il‑motiv.

122    Sussegwentement, għad hemm lok li jiġi eżaminat il-każ tal-intervent tal-Ordni fil-konfront tas-SELAFA Schaffner Jean Bart Matthieu Wallon, imsemmi wkoll fid-deċiżjoni kkontestata.

123    Fir-rigward tas-SELAFA Schaffner Jean Bart Matthieu Wallon, l-Ordni ssostni li l-oppożizzjoni tagħha għas-separazzjoni li saret fl-istatuti tas‑SEL kienet leġittima anki jekk, kif spjegat fil-premessa 248 tad‑deċiżjoni kkontestata, kienet tirrigwarda biss 5 % tal-kapital azzjonarju peress li s-SARL li għal benefiċċju tagħha saret is‑separazzjoni kellha diġà 25 % ta’ titoli ta’ proprjetà assoluta.

124    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, wara l-qari tal-minuti tal-laqgħa ġenerali straordinarja tas-SELA inkwistjoni sottomessi lill-Ordni, il-fatt dwar jekk is-SARL inkwistjoni ma kinitx attiva fis-settur tal-laboratorji, kif sostniet l-Ordni, ma kienx ċar. Dan jidher li seta’ jiġi dedott mill-fatt li hija tissemma bħala sempliċi SARL u mhux bħala SELARL. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li din hija kumpannija ta’ tobba bijologi. Labco, min-naħa tiegħu, fis-seduta sostna li kienet kumpannija ġestita minn bijologu, ħaġa li tirriżulta wkoll mill-minuti imsemmija hawn fuq, mingħajr ma jikkontradixxi fil-verità l-analiżi tal‑Ordni li din kienet kumpannija kummerċjali.

125    Madankollu, ma huwiex neċessarju li tittieħed pożizzjoni definittiva fuq l-istatut tal-kumpannija inkwistjoni peress li mill-korrispondenza ċċitata jirriżulta li l-Ordni ddefendiet pożizzjoni ta’ prinċipju li titlob li ma jkun hemm l-ebda riferiment fl-istatuti għal kwalunkwe separazzjoni indipendentement mis-sehem tal-kapital miżmum.

126    Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l‑Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball, li l‑Ordni ħadet pożizzjoni ta’ prinċipju fir-rigward tas-separazzjoni li ma kinitx konformi mal-kuntest legali applikabbli fiż-żmien tal-fatti u li wassluha sabiex tikkontesta strutturi li kienu konformi mal-liġi.

127    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motivi li jirrigwardaw l-obbligi ta’ komunikazzjoni tas-SEL matul il-ħajja tagħhom

–       Fuq it-tieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni li jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-liġi Franċiża fir-rigward tar‑rwol tal-prefett u tas-CCG rispettivament waqt il-bidliet li jseħħu matul il-ħajja ta’ SEL

128    Il-parti rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata għall-eżami ta’ dan il-motiv hija l-Kapitolu 5.2.2.4 (b’mod partikolari l-premessi 450 et seq), intitolat “Id-dħul fis-seħħ tal-bidliet ta’ statut u ta’ kuntratti għas-SELˮ.

129    Il-kuntest legali, li l-interpretazzjoni tiegħu hija kkontestata, huwa deskritt fil-premessi 63 sa 92 u 460 sa 467 tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa jirrigwarda żewġ tipi ta’ obbligi għas-SEL li huma, minn naħa, ta’ natura amministrattiva u jirrigwardaw awtorizzazzjonijiet li għandhom jinkisbu mill-awtoritajiet Franċiżi u, min-naħa l-oħra, ta’ natura etika, jiġifieri r-reġistrazzjoni fir-reġistru. Dawn l-obbligi jidħlu fis-seħħ f’żewġ stadji differenti, il-mument tal-formazzjoni ta’ SEL u dak tal-bidla tal-istatuti tagħha matul il-ħajja tagħha.

130    Hawn fuq diġà ġie spjegat li, bil-liġi Nru 90‑1258, SEL jistgħu jiġu kkostitwiti għall-operazzjoni ta’ laboratorju wieħed jew iktar.

131    Fir-rigward tal-parti amministrattiva tal-obbligi imposti fuq is-SEL ġodda, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li huma kkostitwiti bil-kundizzjoni sospensiva tal-approvazzjoni tagħhom mill-amministrazzjoni pubblika, jiġifieri l-prefett tad-dipartiment li fih jinsab is-sede soċjali tagħhom, kif jirriżulta mill-Artikolu R 6212‑75 tal-KSP, introdott fil-parti leġiżlattiva tal-KSP li tirrigwarda s-SEL li joperaw laboratorju. L‑Artikolu R 6212‑77 tal-KSP jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa f’dan il-kuntest, fosthom l-istatuti u dikjarazzjoni tas‑soċji dwar in-natura tal-kontribuzzjonijiet u t-tqassim tal-kapital azzjonarju.

132    Għandu wkoll jiġi rrilevat li mill-Artikolu L 210‑6 tal-KTK, applikabbli għas-SEL, jirriżulta li t-trasformazzjoni regolari ta’ kumpannija ma twassalx għall-ħolqien ta’ persuna ġuridika ġdida.

133    Barra minn hekk, l-Artikolu L 6211‑2 tal-KSP, fil-verżjoni fis-seħħ sal‑15 ta’ Jannar 2010, introdott fil-parti leġiżlattiva tal-KSP li jirrigwarda l-laboratorji, fl-ewwel paragrafu tiegħu jindika li l-ebda laboratorju ma jista’ jiffunzjona mingħajr awtorizzazzjoni amministrattiva. L-Artikolu R 3112‑88 tal-KSP jispeċifika li t-talba għal awtorizzazzjoni amministrattiva għandha neċessarjament tinkludi d‑dokumenti li jiġġustifikaw ir-reġistrazzjoni tas-soċji fir-reġistru tal‑Ordni jew it-talba tagħhom f’dan ir-rigward kif ukoll l‑osservazzjonijiet tal-Ordni professjonali li tivverifika l-konformità tad‑dokumenti inkwistjoni mar-regoli ta’ etika.

134    Fil-parti leġiżlattiva tal-KSP li tirrigwarda s-SEL li joperaw laboratorju, l-Artikolu R 6212‑78 jispeċifika li għandha tingħata deċiżjoni fl-istess ħin dwar it-talba għal approvazzjoni u dwar it-talba għal awtorizzazzjoni tal-laboratorju.

135    Mill-perspettiva etika, is-SEL li joperaw laboratorju wieħed jew iktar huma suġġetti għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-Ordni, kif jirriżulta mill-Artikolu R 6212‑88 tal-KSP.

136    Fir-rigward tal-bidliet li jseħħu matul il-ħajja tal-kumpannija, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu L 6211-2 tal-KSP jipprovdi li “kull bidla li sseħħ wara d-deċiżjoni ta’ awtorizazzjoni kemm fil-persuna ta’ direttur jew ta’ assistent direttur, kif ukol fil-kundizzjonijiet ta’ operazzjoni, għandha ssir permezz ta’ dikjarazzjoniˮ. Mill-ħames paragrafu ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-awtorizzazzjoni tiġi rtirata meta l-kundizzjonijiet legali jew regolamentari ma jibqgħux jiġu ssodisfatti.

137    F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata l-Ordni hija kkritikata li riedet tittardja d-dħul fis-seħħ tal-bidliet tal-istatuti u tal-kuntratti relatati ma’ SEL billi indikat li dawn il-bidliet ma kinux ser ikunu effettivi ħlief wara l-kisba ta’ deċiżjonijiet ta’ bidla mill-prefettura u s‑sussegwenti reġistrazzjonijiet, kif ukoll li talbet li klawżoli espliċiti f’dan is-sens jiġu inklużi f’atti ta’ trasformazzjoni tas-SEL (premessi 450 et seq tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, il-formulazzjoni ta’ tali rekwiżiti żżid b’mod artifiċjali r-riskju ekonomiku marbut mat-twettiq ta’ dawn it-trasformazzjonijiet. Il‑Kummissjoni tagħti diversi eżempji ta’ tali aġir b’mod partikolari fil‑premessi 453 sa 459 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil‑premessi 492 sa 494 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-każ tas-SELAFA Aubert H, li fil-konfront tagħha l-azzjoni tal-Ordni wasslet għas-sospensjoni tal-operat tal-laboratorju. Kif hija tispjega fil-premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa biss fil-każ ta’ kostituzzjoni ta’ SEL li din hija suġġetta għal awtorizzazzjoni amministrattiva, peress li l-kostituzzjoni tagħha hija sospiża sakemm ikun hemm l-approvazzjoni tal-prefett, filwaqt li trasformazzjonijiet ulterjuri (pereżempju, il-bidla minn SELARL għal SELAFA), li ma jirrigwardawx il-ħolqien ta’ SEL ġdida, huma suġġetti biss għal obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-bidliet inkwistjoni mingħajr sospensjoni tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

138    L-Ordni ssostni li l-Kummissjoni wettqet l-ewwel żball ta’ interpretazzjoni tal-kuntest legali billi kkunsidrat li l-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-bidliet li jseħħu matul il-ħajja ta’ SEL kien ta’ natura dikjaratorja. Fl-opinjoni tagħha, hija sistema suġġetta għall-approvazzjoni tal-prefett, u s-sistema dikjaratorja tirrigwarda biss l-awtorizzazzjoni tal-laboratorju u mhux l‑approvazzjoni.

139    It-tieni żball ta’ evalwazzjoni jirrigwarda r-rwoli rispettivi tal‑prefett u tas-CCG waqt bidliet statutorji li jseħħu matul il-ħajja ta’ SEL, li wassal għal żball ta’ liġi. Fl-opinjoni tagħha, sa fejn SEL għandha l-ewwel nett titlob l-approvazzjoni tal-prefett għal tali bidliet li jseħħu matul il-ħajja tagħha, l-intervent tas-CCG fir-rigward ta’ bidla ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ direttur u/jew ta’ SEL, jiddependi direttament mill-bidliet ta’ awtorizzazzjoni u ta’ approvazzjoni li huma mogħtija mill-prefett, b’tali mod li l-kompetenza tal-Ordni f’dan ir‑rigward hija marbuta.

140    Insostenn tal-argument tagħha, l-Ordni tinvoka ċ-ċirkulari Nru 98‑585, applikabbli matul il-perijodu kopert bl-inkjesta, iżda li għaliha l‑Kummissjoni tagħmel riferiment biss fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 562 tad-deċiżjoni kkontestata u li ma ġietx imħassra miċ-ċirkulari Nru 2005‑506, invokata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija tissottometti reġistru li juri l-konkordanza bejn id-dati ta’ approvazzjoni u d-dati ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ SEL, kemm fir-rigward tar-reġistrazzjoni tagħhom, kif ukoll wara bidla fl-istruttura tagħhom. Hija ssostni li, bl-applikazzjoni taċ-ċirkulari Nru 98‑585, il‑prefetti kważi b’mod sistematiku adottaw deċiżjonijiet modifikattivi ta’ approvazzjoni. L-intervent tagħha fis-SEL li jfakkar il-proċedura ta’ approvazzjoni għalhekk ma jżidx ir-riskju ekonomiku, iżda, għall‑kuntrarju, iservi sabiex is-SEL jiġu mwissija kontra r-riskju li tiġi rtirata l-approvazzjoni f’każ ta’ irregolaritajiet fil-bidliet ippjanati.

141    Finalment, l-Ordni tfakkar li l-proċedura kollha ta’ approvazzjoni u l-bidla tagħha għandhom għan strett ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u li hemm lok li jiġi kkunsidrat li, f’dan is-settur, hija taġixxi bħala awtorità pubblika barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, peress li l-funzjoni tagħha hija ddefinita bil-liġi u s-setgħa tad-deċiżjoni finali hija tal-Istat. Fl-opinjoni tagħha, fi kwalunkwe każ, anki meta ordni professjonali taġixxi bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi, id‑deċiżjonijiet tagħha li jillimitaw il-kompetizzjoni jistgħu jkunu ġġustifikati b’raġuni ta’ interess superjuri bħas-saħħa pubblika.

142    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Labco, tikkontesta dawn l-argumenti. Hija tinsisti fuq in-natura dikjaratorja tal-komunikazzjoni tal-bidliet li jseħħu matul il-ħajja ta’ SEL. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u Labco jsostnu li l-Kapitolu 5.2.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata ma jsemmix ir-rwol tal-Ordni fil-proċedura amministrattiva ta’ approvazzjoni, fil-kuntest ta’ liema hija għandha rwol konsultattiv, iżda d-deċiżjonijiet meħuda mill-Ordni stess b’awtonomija sħiħa sabiex tirreġistra bidliet statutorji ta’ SEL fir-reġistru. Finalment, il‑Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-aġir inkwistjoni tal-Ordni jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

143    Il-Qorti Ġenerali tispeċifika li l-argument tal-Ordni jirrigwarda l‑kwistjonijiet dwar jekk, minn naħa, il-komunikazzjoni tal-bidliet li jseħħu matul il-ħajja ta’ SEL, kif stipulata fl-Artikolu L 6211‑2 tal‑KSP, taqax taħt sempliċi sistema dikjaratorja u, min-naħa l-oħra, jekk l-Ordni għandhiex rwol dipendenti fuq dak tal-prefett f’dak li jirrigwarda tali bidliet jew tistax taġixxi b’mod awtonomu.

144    Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li t-test tal‑Artikolu L 6211‑2 tal-KSP, iċċitat fil-punt 136 hawn fuq, jirreferi għan-natura dikjaratorja ta’ kull bidla fil-persuna ta’ direttur jew fil‑kundizzjonijiet ta’ operazzjoni li jkunu seħħew wara d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-laboratorju. Minn dan jirriżulta li ma hemmx effett sospensiv għal bidliet ta’ SEL matul il-ħajja tagħha.

145    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata miċ-ċirkulari Nru 2005‑506. Din iċ-ċirkulari tispjega speċifikatament il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258. Fir-rigward tal‑kompatibbiltà tal-istatut tal-kumpanniji mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari relatati mas-SEL, hija tispjega lill-prefetti x’aġir għandu jittieħed f’każ ta’ inkompatibbiltà. Fir-rigward ta’ bidla statutorja li seħħet matul il-ħajja ta’ SEL, hija tindika dan li ġej:

“Għandek tkun informat b’tali bidliet permezz tad-dikjarazzjoni stipulata fl-Artikolu L 6211‑2 tal-[KSP].

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu R 6212‑79 tal-istess Kodiċi, wara li intimajt lill-kumpannija sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha […], jekk il-bidliet irregolari ma jitħassrux, għandek tirtira l‑approvazzjoni tal-kumpannija kif ukoll l-awtorizzazzjoni tal‑laboratorji […]ˮ

146    L-Ordni topponi din l-analiżi li n-natura dikjaratorja tal-komunikazzjoni tirrigwarda biss it-talba għal awtorizzazzjoni tal-laboratorju, peress li s‑SEL mibdula dejjem hija obbligata tikseb approvazzjoni mill-ġdid. F’dan ir-rigward hija tirreferi, b’mod partikolari, għaċ-ċirkulari Nru 98‑585.

147    Effettivament, fiċ-ċirkulari Nru 98‑585 hemm riferimenti għall-obbligu li tintalab approvazzjoni ġdida fil-każ ta’ bidliet matul l-operat tas-SEL. B’dan il-mod, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-kumpannija fir-Reġistru tal‑Kummerċ u tal-Kumpanniji Franċiż, iċ-ċirkulari Nru 98‑585 tindika li, “għall-bidliet ulterjuri tal-istatuti tal-kumpannija […], [din] għandha l‑ewwel titlob l-approvazzjoni minħabba l-bidliet, imbagħad tiddepożita [fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpanniji Franċiż] l-istatuti l‑ġodda wara li tirċievi l-approvazzjoniˮ.

148    Barra minn hekk, l-Ordni tagħmel riferiment ukoll f’dan il-kuntest għall-Artikolu R 6212‑76 tal-KSP. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li t‑talba għal approvazzjoni tas-SEL magħmula għall-operazzjoni ta’ laboratorju għandha tiġi ppreżentata għand il-prefett tad-dipartiment jew fl-istess ħin bħat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ funzjonament ta’ laboratorju, prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu L 6211‑2 tal-KSP (ara l-punt 133 iktar ’il fuq), f’każ ta’ ħolqien ta’ laboratorju, jew fl‑istess ħin bħad-dikjarazzjoni ta’ bidla, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu L 6211‑2 tal-KSP (ara l-punt 136 hawn fuq), meta l‑laboratorju jew il-laboratorji li għandhom jiġu operati mis-SEL jeżistu diġà.

149    Mistoqsija bil-miktub u waqt is-seduta mill-Qorti Ġenerali dwar l‑interpretazzjoni taż-żewġ ċirkulari u tal-ko-eżistenza tagħhom fl-istess ħin, iż-żewġ partijiet komplew jopponu lil xulxin fuq din il-kwistjoni.

150    Madankollu jistgħu jinsiltu l-konklużjonijiet elenkati iktar ’il quddiem.

151    L-ewwel nett, iċ-ċirkulari Nru 2005/206, adottata fl-14 ta’ Novembru 2005 u b’applikazzjoni immedjata, tikkonferma li l-bidliet ta’ SEL marbuta mal-applikazzjoni tal-Artikolu 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258 huma suġġetti għas-sistema dikjaratorja kemm għall‑approvazzjoni tas-SEL kif ukoll għall-parti dwar l-awtorizzazzjoni tal-laboratorju, peress li ċ-ċirkulari tirreferi espliċitament għaż-żewġ aspetti, kif jirriżulta miċ-ċitazzjoni fil-punt 145 hawn fuq. Huwa biss fejn jiġu kkonstatati bidliet li huma kontra l-liġi li, wara li jintalbu osservazzjonijiet lis-SEL inkwistjoni, l-amministrazzjoni tkun tista’ tirtira l‑approvazzjoni jekk il-bidliet irregolari ma jitneħħewx.

152    It-tieni nett, l-ebda dispożizzjoni legali ma tikkontradixxi din l‑interpretazzjoni. L-Artikolu R 6212‑76 tal-KSP jirreferi għall-każijiet ta’ SEL li jkunu nħalqu mill-ġdid u mhux għat-trasformazzjoni tagħhom. Fil-verità, ir-riferiment għal dikjarazzjoni ta’ bidla f’din l‑aħħar dispożizzjoni (ara l-punt 148 hawn fuq) jirrigwarda l-każ tal-kisba ta’ approvazzjoni inizjali meta SEL tkun ikkostitwita sabiex topera laboratorju fil-każ meta dan ikun diġà jeżisti. Għalhekk, id‑dispożizzjoni inkwistjoni ma ssemmiex il-bidla tal-istruttura ta’ SEL u għalhekk ma huwiex possibbli li minnha jiġi dedott li hemm bżonn, wara l-kisba tal-approvazzjoni inizjali mis-SEL inkwistjoni, ta’ approvazzjoni mill-ġdid għal bidliet strutturali ulterjuri.

153    It-tielet nett, fir-rigward tal-fatt li, anki wara l-adozzjoni taċ-ċirkulari Nru 2005/206, il-prefetti komplew jadottaw deċiżjonijiet modifikattivi ta’ approvazzjoni bis-saħħa ta’ prattika bbażata fuq iċ-ċirkulari Nru 98‑585, il-Kummissjoni ssostni b’mod korrett, bħala risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li tali prattika ma tikkontestax l-eżistenza ta’ sistema dikjaratorja għall-bidliet tas-SEL matul il-ħajja tagħhom: din ma hijiex prevista bil-liġi, iżda tista’ tiġi spjegata bl‑interess li ċerti bidliet jinġabu għal konjizzjoni tal-pubbliku. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-provi prodotti mill-Kummissjoni, numru mill-imsemmija sentenzi jirreferu b’mod espliċitu għan-natura dikjaratorja tas-sistema għall-bidliet u ma jsemmux bħala bażi ġuridika, jew fi kwalunkwe każ mhux b’mod speċifiku, l-Artikolu R 6212‑75 tal-KSP li jirrigwarda l-obbligu ta’ SEL ġdida li tikseb approvazzjoni b’kundizzjoni sospensiva.

154    Għaldaqstant, l-ilment tal-Ordni li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li sistema dikjaratorja fir-rigward tal-bidliet ta’ SEL għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda għall-perijodu wara l-14 ta’ Novembru 2005, data tal-adozzjoni taċ-ċirkulari Nru 2005/206, li kellha tiġi applikata b’mod immedjat, perijodu li matulu seħħew il‑maġġoranza tal-eżempji ta’ intervent min-naħa tal-korpi tal-Ordni fil‑konfront tas-SEL iċċitati fil-premessi 450 sa 494 tad-deċiżjoni kkontestata.

155    Fir-rigward tal-perijodu qabel l-adozzjoni taċ-ċirkulari Nru 2005/206, jiġifieri bejn l-14 ta’ Ottubru 2003 u l-14 ta’ Novembru 2005, anki jekk huwa ħasra li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi xejn dwar l-impatt taċ‑ċirkulari Nru 98‑585 f’dan il-kuntest ħlief ir-riferiment fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 562 għall-fatt li hija tinkludi interpretazzjoni differenti tas-sistema applikabbli meta hija tindika li “l-kumpannija għandha l‑ewwel nett titlob l-approvazzjoni minħabba l-bidlietˮ, xorta ma jirriżultax, min-naħa tal-Kummissjoni, interpretazzjoni żbaljata tal-liġi Franċiża f’dan il-każ.

156    Fil-fatt, iċ-ċirkulari Nru 98‑585 li tistipula proċedura ta’ approvazzjoni filwaqt li l-liġi tistabbilixxi sistema dikjaratorja, il-Kummissjoni ġustament tqajjem il-kwistjoni dwar jekk tinkludix transpożizzjoni korretta tal-kuntest legali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssemmi fil‑premessi 467 u 468 tad-deċiżjoni kkontestata dokumenti datati qabel l-2005 li jistgħu jikkontradixxu l-analiżi li toħroġ mill-imsemmija ċirkulari. Dawn huma, b’mod partikolari, ittra ta’ Lulju 2004, tad‑Direttur tal-Affarijiet tas-Saħħa u Soċjali tad-dipartiment ta’ Essonne (Franza) lil uffiċċju legali li tirreferi għall-obbligu ta’ sempliċi dikjarazzjoni fir-rigward ta’ “bidla ulterjuri fil-personnel ta’ ġestjoniˮ u għal dokumenti interni tal-Ordni, ta’ Ottubru 2003 u ta’ Ġunju 2004, iċċitati fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu għall‑istħarriġ a posteriori u għal sistema ta’ dikjarazzjoni li toħroġ mill-Artikolu L 6211‑2 tal-KSP. Ma’ dawn jista’ jiżdied ir-riferiment magħmul mill-Ordni, f’korrispondenza tas-27 ta’ Mejju 2004 lil Laboratoire d’Isle, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 555 tad‑deċiżjoni kkontestata, għall-fatt li, fir-rigward tal-“kundizzjonijiet sospensivi, nippreċiżaw lill-persuni kkonċernati li, fil-każ quddiemna, dawn ma humiex mandatorji, iżda jikkostitwixxu sempliċement miżura ta’ protezzjoni għall-bijologi, fir-rigward tal‑bidliet li huma beħsiebhom iwettquˮ.

157    Għalhekk, ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni, fir-rigward ta’ dħul fis-seħħ ta’ bidliet ta’ statuti u ta’ kuntratti għas-SEL, wettqet żball ta’ interpretazzjoni tal-kuntest legali applikabbli.

158    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tal-Ordni fir-rigward ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni Franċiża mill-Kummissjoni fil-Kapitolu 5.2.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

159    Fir-rigward tat-tieni kwistjoni mqajma mill-Ordni dwar l-allegat rwol tagħha li huwa dipendenti fuq dak tal-prefett, il-Kummissjoni ma tikkontestax li hija għandha rwol konsultattiv fil-proċeduri ta’ approvazzjoni quddiem il-prefett u li l-komunikazzjonijiet isirulha f’dan il-kuntest sabiex jippermettulha twettaq dan ir-rwol.

160    Għall-bqija, il-kwistjoni dwar jekk, kif tallega l-Ordni, hija teżerċitax rwol dipendenti fuq dak tal-prefett u ma għandhiex ħlief kompetenza limitata fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet fir-reġistru, kif jidher minn reġistru ta’ korrispondenza bejn id-dati tas-sentenzi modifikattivi u tal-bidliet ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru għal numru ta’ SEL ippreżentat fir-rikors, ma hijiex determinanti fir-rigward tal-kritika li saret lill-Ordni fil-Kapitolu 5.2.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir‑rigward lanqas ma hija determinanti l-kwistjoni dwar jekk l-azzjoni tal-Ordni fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet fir-reġistru hijiex limitata sempliċement sabiex tittieħed konjizzjoni tad-deċiżjonijiet tal-prefett u ma tittardjax id-dħul fis-seħħ tal-bidliet, u fil-fatt ma wasslitx għal rifjuti ta’ reġistrazzjonijiet, kif l-Ordni tipprova tistabbilixxi. Dan l-argument huwa barra minn hekk ikkontestat mill-Kummissjoni, li tirreferi b’mod partikolari għall-każ tas-SELAFA Aubert H fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 492 u 493) u quddiem il-Qorti Ġenerali.

161    Fil-fatt, minn qari tad-deċiżjoni kkontestata, jidher li, minkejja li hija tirreferi kemm-il darba b’mod affermattiv ħafna għal “deċiżjonijietˮ intiżi sabiex jimponu l-“approvazzjoni minn qabelˮ tal-Ordni għal bidliet ta’ SEL, il-Kummissjoni tikkritika lill-Ordni fil-kuntest tal‑Kapitolu 5.2.2.4, minn naħa, li għamlet riferiment għall-possibbiltà ta’ dħul fis-seħħ ta’ bidliet fi ħdan SEL biss wara l-kisba ta’ deċiżjoni modifikattiva mill-prefettura u r-reġistrazzjoni sussegwenti fir-reġistru u, min-naħa l-oħra, li fakkret fil-ħtieġa li jinbidlu l-atti ta’ trasformazzjoni tas‑SEL f’dan is-sens, kemm fid-dokumenti direttament indirizzati lis‑SEL jew indirettament permezz ta’ osservazzjonijiet lill-prefett, li tagħhom il-partijiet ikkonċernati jirċievu kopja (Artikolu R 6212‑77 tal‑KSP).

162    Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-bidliet ġewx “approvatiˮ u minn min, mill-analiżi preċedenti jirriżulta li dan l-approċċ tal-Ordni ma huwiex konformi mal-kuntest leġiżlattiv kif interpretat miċ-ċirkulari Nru 2005/206 u jmur lil hinn, fi kwalunkwe każ, mill-kuntest tar-rwol purament konsultattiv li hija tinvoka għaliha nnifisha. L-Ordni għalhekk lanqas ma tista’ tinvoka b’mod utli l-prinċipji tas-sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, f’dan ir-rigward.

163    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ komunikazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Franċiża u r-rwol tas-CCG fil-kuntest tal‑missjoni ta’ verifika tiegħu a posteriori tad-dokumenti tal‑kumpannija

164    Dan il-motiv jirrigwarda l-Kapitolu 5.2.2.2 (premessi 296 et seq) tad‑deċiżjoni kkontestata, intitolat “Komunikazzjoni ta’ dokumenti relatati mal-bejgħ ta’ azzjonijietˮ.

165    Huwa jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu L 4221‑19 tal-KSP, introdott fl-2005 fil-parti leġiżlattiva tal-KSP li tirrigwarda r-regoli marbuta mal‑eżerċizzju tal-professjoni ta’ spiżjar. L-imsemmi artikolu jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu li “l-ispiżjara li jeżerċitaw f’kumpannija għandhom jikkomunikaw lill-Kunsill tal-Ordni li jaqgħu taħtu, minbarra l‑istatuti ta’ din il-kumpannija u l-addenda tagħhom, il-ftehim u l-addenda tagħhom dwar il-funzjonament tagħha, jew dwar ir-relazzjonijiet bejn is-soċjiˮ. It-tieni paragrafu tiegħu jispeċifika li dawn id-dokumenti “għandhom jiġu kkomunikati fix-xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim jew tal-addendumˮ.

166    Huma wkoll rilevanti l-Artikoli L 6221‑4 u L 6221‑5 tal-KSP, introdotti fil-parti leġiżlattiva tal-KSP li tirrigwarda speċifikatament il‑kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom mid-diretturi ta’ laboratorji.

167    L-Artikolu L 6221‑4 tal-KSP jindika, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li d‑diretturi ta’ laboratorji għandhom jikkomunikaw mal-Kunsill tal‑Ordni li jaqgħu taħtu, il-kuntratti u l-addenda li għandhom bħala suġġett l-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom kif ukoll, jekk ma humiex proprjetarji tal-materjal tagħhom jew tal-istabbiliment li fih huma jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, il-kuntratti jew addenda li jiżguraw l‑użu ta’ dan il-materjal u ta’ dan l-istabbiliment. Ir-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jindika li dawn il-komunikazzjonijiet għandhom isiru fix‑xahar ta’ wara l-konklużjoni tal-kuntratt jew tal-addendum.

168    L-Artikolu L 6221‑5 tal-KSP jispeċifika, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l‑istatuti tal-kumpanniji kkostitwiti sabiex joperaw laboratorju u l-bidliet magħmula f’dawn l-istatuti matul il-ħajja tal-kumpannija għandhom jiġu kkomunikati fuq inizjattiva tad-direttur jew tad-diretturi fix-xahar wara l-firma tagħhom lill-Kunsill tal-Ordni li taħthom jaqa’ l-laboratorju u li taħthom jaqgħu d-diretturi jew l-aġenti diretturi.

169    L-Artikolu L 6221‑8 tal-KSP jistipula li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni jew il-komunikazzjoni falza tal-kuntratti, addenda u statuti msemmija fl-Artikoli L 6221‑4 u L 6221‑5 tal-KSP jikkostitwixxu nuqqas dixxiplinari li jista’ jwassal għal sanzjonijiet.

170    Fil-Kapitolu 5.2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra, essenzjalment, li l-Ordni, bil-għan li tostakola l-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji, u b’mod partikolari ta’ Labco, talbet ħafna drabi, bejn Jannar 2006 u Marzu 2009 mill-inqas, billi bbażat ruħha fuq riżoluzzjoni tat-18 ta’ Jannar 2006 (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tat-18 ta’ Jannar 2006ˮ) u fuq interpretazzjoni tal-liġi li kienet tagħha, li l-moviment ta’ azzjonijiet fil-kapital tas-SEL tal-grupp għandhom ikunu kkomunikati lilha (premessa 296). Barra minn hekk, f’każ ta’ rifjut jew meta l-movimenti inkwistjoni jkunu seħħew diversi xhur qabel il‑komunikazzjoni, l-Ordni lmentat u bdiet b’mod sistematiku proċeduri dixxiplinari kontra s-SEL ikkonċernati (premessa 297). Il‑Kummissjoni kkritikat ukoll lill-Ordni talli użat formularju ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru li fih talbet informazzjoni dwar is-sehem tas-SEL f’SEL ta’ laboratorji oħra, li ma huwa bbażat fuq l-ebda test legali (premessi 355 sa 358).

171    F’dan ir-rigward, l-Ordni ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tas-SEL fil-qasam tal-movimenti ta’ azzjonijiet kif ukoll ir-rwol tagħha f’dan ir-rigward. Hija tifformula l-ilmenti tagħha f’żewġ partijiet.

172    Fil-kuntest tal-ewwel parti, l-Ordni targumenta li r-rekwiżit tagħha fir‑rigward tas-SEL li jikkomunikawlha kull ftehim relatat mal-mod ta’ finanzjament u maż-żamma tal-kapital azzjonarju, ifformulat fir‑riżoluzzjoni tat-18 ta’ Jannar 2006, huwa bbażat fuq applikazzjoni stretta tal-Artikolu L 4221‑19 tal-KSP, ikkonfermata biċ-ċirkulari Nru 98‑558. Hija tirreferi wkoll għall-Artikoli L 6221‑4 u L 6221‑5 tal‑KSP. Fl-opinjoni tagħha, il-leġiżlatur ma riedx jiddistingwi bejn tipi differenti ta’ SEL, b’tali mod li l-obbligu ta’ komunikazzjoni hekk iddefinit għandu wkoll jiġi applikat għall-forom ta’ SEL (SELAFA u SELAS) li ma jiddefinixxux it-tqassim tal-kapital fl-istatuti tagħhom. Il‑Kummissjoni ma tistax għalhekk tikkonkludi li teżisti strateġija ta’ fastidju min-naħa tagħha fuq din il-bażi.

173    Fil-kuntest tat-tieni parti, l-Ordni ssostni li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat ir-rwol tas-CCG fil-kuntest tal-missjoni tagħha ta’ verifika a posteriori tad-dokumenti relatati mas-SEL u mal-laboratorji kif ukoll dwar l-obbligu tagħha li tibgħat osservazzjonijiet lill-prefett fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-fatt li ħolqot obbligi ġodda permezz ta’ formularju ta’ reġistrazzjoni. Finalment, l-Ordni tfakkar li l-azzjoni tagħha fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ dokumenti tagħmel parti mill-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika.

174    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Labco, tikkunsidra, fir-rigward tal‑ewwel parti, li, permezz tar-riżoluzzjoni tat-18 ta’ Jannar 2006, l‑Ordni eċċediet il-limiti tas-setgħat li kienu ngħataw lilha jew, tal-inqas, adottat interpretazzjoni stretta żżejjed tal-kuntest legali. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda kwistjoni ta’ indipendenza professjonali inkwistjoni u l-imsemmija riżoluzzjoni wasslet għal miżuri ta’ intimidazzjoni. Fir-rigward tat-tieni parti, ir-riżoluzzjoni tat-18 ta’ Jannar 2006, il-ħolqien ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità u tal-użu ta’ formularju ta’ reġistrazzjoni huma parti minn strateġija ta’ fastidju intiża sabiex jiġu identifikati liema SEL jappartjenu għal gruppi u sabiex iwaqqfu l-iżvilupp tagħhom. Finalment, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li r-rekwiżiti imposti mill-Ordni jaqgħu fil-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika.

175    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dawn iż-żewġ partijiet għandhom jiġu ttrattati flimkien.

176    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-Kummissjoni ma tikkontestax li hija l-Ordni, u b’mod partikolari s-CCG, fil-kuntest tal-missjoni ta’ ġestjoni tar-reġistru, li għandha tivverifika ċerta informazzjoni fir-rigward tal-funzjonament tal-ispiżjara u tas-SEL irreġistrati fir-reġistru. Lanqas ma huwa kkontestat li hija l-funzjoni tal‑Ordni li tiżgura l-applikazzjoni, minn naħa, tal‑Artikolu R 6212‑82 tal-KSP li jirrigwarda r-regola li mhux iktar minn 25 % tal-kapital ta’ SEL ta’ laboratorji jista’ jinżamm minn persuni mhux professjonisti u, min-naħa l-oħra, ir-regola li l-bijologu li jeżerċita l‑attività tiegħu għandu jżomm il-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot, kif jirriżulta mill-Artikoli 5 u 5‑1 tal-Liġi Nru 90‑1258.

177    Dan il-kontroll huwa kontroll a posteriori, kif jirriżulta mid‑dispożizzjonijiet applikabbli, li jirreferu kull darba għal terminu, ġeneralment ta’ xahar, li fih tista’ tiġi kkomunikata ċerta informazzjoni lill‑Ordni. L-importanza tal-obbligi ta’ komunikazzjoni hija madankollu enfasizzata mill-fatt li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jagħti lok għal sanzjonijiet dixxiplinari, kif jirriżulta b’mod partikolari mill‑Artikolu L 6221‑8 tal-KSP.

178    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet li għandhom isiru mis‑SEL ta’ laboratorji, l-Artikolu L 4221‑19 tal-KSP huwa l-iktar riferiment rilevanti, peress li l-Artikoli L 6221‑4 u L 6221‑5 tal-KSP ġew redatti, kif tispjega l-Ordni, fi żmien meta s-SEL ta’ laboratorji ma kinux jeżistu. Barra minn hekk, hija d-dispożizzjoni prinċipali invokata mill-Ordni fl-interventi fir-rigward tas-SEL elenkati mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest. Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata r-riżoluzzjoni tat‑18 ta’ Jannar 2006, adottata mill-Ordni wara l-introduzzjoni tal‑imsemmija dispożizzjoni legali. Wara li tfakkar il-kontenut tal‑ewwel paragrafu tal-Artikolu L 4221‑19 tal-KSP (ara l-punt 165 hawn fuq), ir-riżoluzzjoni inkwistjoni tindika dan li ġej:

“Barra minn hekk, mill-1 ta’ Marzu 2006, l-atti kollha relatati mal‑kumpannija kemm jekk huma marbuta mal-istatuti, mal‑funzjonament tal-kumpannija jew mar-relazzjonijiet bejn is-soċji għandhom ikunu kkomunikati lis-CCG. Għalhekk huma b’mod partikolari inklużi l-ftehim relatati mal-modi ta’ finanzjament tal‑kumpannija u maż-żamma tal-kapital azzjonarju kif ukoll il-ftehim bejn is-soċji.

Għal kull bidla li ssir fi ħdan kumpannija li teżerċita professjoni libera li topera laboratorji, l-ispiżjara bijologi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fiha għandhom jiddikjaraw bil-miktub li huma rrispettaw id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu L 4221‑19 tal-[KSP].ˮ

179    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-riżoluzzjoni tinkludix interpretazzjoni estensiva tat-termini “ftehim u addenda dwar il-funzjonament tagħha jew dwar ir-relazzjonijiet bejn is-soċjiˮ li jinsabu fl-Artikolu L 4221‑19 tal-KSP, fil-premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata huwa speċifikat li l-ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn is‑soċji jirrigwardaw ftehim bejn azzjonisti jew soċji li jikkompletaw l-istatuti u għandhom l-għan li jiżguraw drittijiet lill‑firmatarji u li jiddefinixxu l-impenji tagħhom f’termini ta’ ġestjoni ta’ azzjonijiet jew ta’ protezzjoni ta’ azzjonisti minoritarji, iżda mhux kuntratti ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet.

180    Din l-interpretazzjoni mressqa mill-Kummissjoni hija loġika. Il-modi ta’ finanzjament tas-SEL u ż-żamma tal-kapital tagħha, li għalihom sar riferiment fir-riżoluzzjoni tat-18 ta’ Jannar 2006, huma informazzjoni ta’ tip differenti u jmorru lil hinn mill-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-SEL jew ta’ relazzjonijiet bejn is-soċji tagħha.

181    Barra minn hekk, id-dokumenti relatati mal-movimenti ta’ kapital fir‑rigward tas-SEL lanqas ma huma neċessarjament koperti mit-termini “kuntratti u addenda li għandhom bħala suġġett l-eżerċizzju tal‑professjoni tagħhomˮ li jinsabu fl-Artikolu L 6221‑4 tal-KSP, ħlief jekk tingħata interpretazzjoni tant wiesgħa lil dawn it-termini li jkopru kull att legali fir-rigward tad-diretturi ta’ laboratorji.

182    Barra minn hekk, l-Artikolu L 6221‑5 tal-KSP lanqas ma jsostni b’mod evidenti l-interpretazzjoni difiża mill-Ordni li testendi l-obbligi ta’ komunikazzjoni għall-movimenti ta’ azzjonijiet. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-obbligu ta’ komunikazzjoni mid-diretturi lill-Kunsill tal‑Ordni tal-istatuti tas-SEL u tal-bidliet magħmula matul il-ħajja tal‑kumpannija fix-xahar wara l-firma tagħhom. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, mingħajr ma hija kkontestata fuq dan il-punt mill-Ordni, li d-distribuzzjoni tat-titoli ma hijiex iddokumentata fl-istatuti tas-SELAFA u SELAS, ikkonċernati mit-talbiet ta’ sottomissjoni ta’ informazzjoni msemmija mill‑Kummissjoni.

183    Madankollu, l-Ordni ssostni li l-leġiżlatur ma riedx jagħmel differenza bejn it-tipi differenti ta’ SEL. Għandu jiġi kkonstatat madankollu li din ma hijiex neċessarjament raġuni biżżejjed għall-Ordni sabiex timponi obbligi fuq is-SEL jekk il-liġi ma timponihomx.

184    Għalhekk mid-dispożizzjonijiet invokati f’dan ir-rigward mill-Ordni ma jirriżultax li hemm obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ movimenti ta’ azzjonijiet fis‑SEL.

185    Fit-tielet lok, ma jistax jiġi miċħud li l-obbligu wiesa’ ta’ dikjarazzjoni impost fuq is-SEL, iddefinit fit-tieni paragrafu tal-estratt tar-riżoluzzjoni tat-18 ta’ Jannar 2006, iċċitat fil-punt 178 hawn fuq, huwa żieda fil-kuntest leġiżlattiv u regolamentari f’dan il-qasam li jżid mal-piż tal-obbligu ta’ komunikazzjoni għas-SEL. L-istess jgħodd għall‑formularju ta’ reġistrazzjoni li l-Ordni, mill-2008, bagħtet lis-SEL kollha rreġistrati fir-reġistru tal-Ordni tat-Tobba li fihom kienu jeżerċitaw spiżjara bijologi fid-dawl tal-obbligu ġdid ta’ reġistrazzjoni fuq żewġ reġistri għal tali SEL li kellu jiġi osservat minn Frar 2008. Kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 356 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi formularju jitlob informazzjoni dwar is-sehem tas-SEL f’SEL ta’ laboratorji oħra. F’dan ir-rigward, minkejja l-eventwali eżistenza ta’ formularji oħra preċedenti, irrilevati mill-Ordni, il-Kummissjoni tenfasizza korrettament li dan l-aħħar rekwiżit ta’ informazzjoni fil‑formularju li għalih isir riferiment fid-deċiżjoni kkontestata, peress li ma huwiex ibbażat fuq xi test legali, għandu portata ferm wiesgħa, u li seta’ jintuża sabiex jiġu identifikati laboratorji marbuta ma’ gruppi minħabba holdings trażversali.

186    Fir-raba’ lok, huwa importanti li jitfakkar li l-kritika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-aġir tal-Ordni inkwistjoni għandha tinqara fid-dawl tal‑intenzjonijiet li hija kellha. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tiċħadx li l‑kuntest legali jista’ jagħti lok għal interpretazzjoni. Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dokumenti msemmija fil-Kapitolu 5.5 tad-deċiżjoni kkontestata li minnhom tirriżulta strateġija li tipprova tostakola l-formazzjoni ta’ gruppi ta’ laboratorji fis-suq kif ukoll l-identifikazzjoni ċara ta’ Labco u tas-SEL imsieħba f’dan il‑grupp f’dan il-kuntest. Pereżempju, l-ittra tal-President tal-Ordni lill‑President tal-Ordni tat-Tobba ta’ Diċembru 2004, iċċitata fil‑premessa 556 tad-deċiżjoni kkontestata, hija prova f’dan ir-rigward. L-attenzjoni tal-Ordni tat-Tobba qed tinġibed b’mod partikolari għall‑fatt li hija aċċettat li tirreġistra l-istrutturi tal-grupp Labco mingħajr riżervi fuq id-dokumenti ppreżentati u li “din is-sitwazzjoni ma tistax tkompli fit-tulˮ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħti numru ta’ eżempji, deskritti fil-premessi 305 sa 351 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, li jsemmu, minn naħa, talbiet irrepetuti għal informazzjoni dwar il-movimenti fiż-żamma tal-kapital tas-SEL, fosthom ħafna appartenenti lill-grupp Labco, b’riferiment, b’mod partikolari, għall-Artikolu L 4221‑19 tal-KSP, li jistgħu jiġu interpretati bħala theddida għall-użu ta’ sanzjonijiet dixxiplinari u, min-naħa l-oħra, l-użu ta’ tali sanzjonijiet fil-prattika diversi drabi (ara, sabiex jiġi ċċitat biss eżempju wieħed, dak tas-SELAS Laboratoire du Littoral fil‑premessi 310 sa 316 tad-deċiżjoni kkontestata).

187    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-fatt li l-Artikolu L 4221‑19 tal-KSP għandu, fl-opinjoni tal-Ordni, jinqara fid-dawl taċ-ċirkulari Nru 98‑558 li jirreferi għall-fatt li t-talba għal approvazzjoni għandha tippreċiża b’mod ċar it-tqassim tal-kapital bejn is-soċji professjonisti, il‑professjonisti barranin, l-ex soċji, suċċessuri u soċji barranin u li ma tagħmilx distinzjoni bejn id-dokumenti li għandhom jintbagħtu lill-ordni professjonali, li għandha tagħti l-parir tagħha, u lill-prefett, il‑Kummissjoni ssostni korrettament li dan l-argument ma jistax jiġġustifika ċerti interventi tal-Ordni fir-rigward tas-SEL tal-grupp Labco. Fil-fatt, minn naħa, dawn jirrigwardaw bidliet fl‑istruttura tas-SEL eżistenti posterjuri għaċ-ċirkulari Nru 2005‑506 li tikkonferma, kif spjegat fil-kuntest tat-tieni motiv, sempliċement obbligu ta’ dikjarazzjoni ta’ tali bidliet. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, l-Ordni interveniet ħafna drabi b’talbiet ta’ informazzjoni u, fejn xieraq, bi proċeduri dixxiplinari fir-rigward ta’ SEL barra mill-kuntest ta’ proċeduri ta’ approvazzjoni, anki wara li tkun ingħatat approvazzjoni.

188    Fis-sitt lok, hemm lok li jiġi mistoqsi jekk ċerti talbiet għal informazzjoni humiex madankollu ġġustifikati fil-kuntest tal-missjoni ta’ verifika a posteriori tal-Ordni mfakkra fil-punti 176 u 177 hawn fuq.

189    Pereżempju, fir-rigward tas-SEL Littoral/Charrière Levy (premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata), li tappartjeni għall-grupp Labco, u li s-soċju l-ġdid tagħha kienet persuna ġuridika, l-Ordni talbet lista bl-ismijiet tas-soċji ta’ din il-persuna ġuridika u l-istatuti tagħhom.

190    F’dan ir-rigward, dwar il-fatt li għandu jiġi vverifikat li l-limitu ta’ 25 % impost fuq l-azzjonist mhux professjonali jiġi osservat, il‑Kummissjoni tirrileva korrettament li l-Ordni insistiet ukoll fuq il‑komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar iż-żamma tal-kapital tas-SEL meta kien ċar li relazzjonijiet bejn il-professjonisti kienu inkwistjoni. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-kuntest leġiżlattiv u regolamentarju difiż mill-Ordni fis-sens li għandha tiġi żgurata l-indipendenza tal-bijologi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi ħdan is-SEL fil-konfront ta’ terzi professjonisti jidher li setgħet kienet il-bażi tat-talbiet għal informazzjoni intiżi sabiex isiru magħrufa l-azzjonisti tas-SEL ta’ laboratorji li kienu azzjonisti ta’ SEL li ġew suġġetti għal bidliet. Diġà ġie rrilevat fil-kuntest tar-raba’ motiv li din l-interpretazzjoni tmur kontra l‑ftuħ mixtieq permezz tal-bidliet introdotti mil-liġi Murcef (ara l-punt 91 iktar ’il fuq).

191    Bl-istess mod, il-funzjoni li jiġi vverifikat li l-ispiżjar-bijologu li jeżerċita l‑attività tiegħu għandu l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot fi ħdan is-SEL lanqas ma tista’ tiġġustifika kull talba għal informazzjoni fuq iż-żamma tal-kapital u fuq l-azzjonijiet li għandhom l-azzjonisti tas-SEL, peress li l-osservanza ta’ din ir-regola tista’ tiġi vverifikata permezz ta’ informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet ta’ vot bejn l-azzjonisti u l-identità tagħhom, iktar limitata minn dik mitluba permezz ta’ obbligu ta’ komunikazzjoni wiesa’ fir-rigward ta’ movimenti ta’ azzjoni bit‑theddida ta’ sanzjonijiet dixxiplinari.

192    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-analiżi tal‑Kummissjoni, fis-sens li quddiem kuntest legali li ma huwiex ikkontestat li jista’ jagħti lok għal interpretazzjoni, l-Ordni ma osservatx l-limiti tas-setgħat legali tagħha billi assumiet ċertu setgħa leġiżlattiva u żiedet il-piż tal-obbligi tas-SEL peress li riedet tappella għall-possibbiltajiet legali ta’ ftuħ tal-kapital tagħhom, ma hijiex żbaljata, fuq kollox meta ċerti proċessi jinqraw fid-dawl tal-istrateġija ddokumentata fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-konfront ta’ Labco.

193    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE sa fejn is-sanzjonijiet dixxiplinari deċiżi jsaħħu l-effetti potenzjali jew reali tad‑deċiżjonijiet inkwistjoni

194    L-Ordni ssostni li, anki jekk il-Kummissjoni tgħid li ma tikkunsidrax is‑sanzjonijiet dixxiplinari fost l-ilmenti kkritikati, hija madankollu tikkunsidra li l-bidu ta’ proċeduri dixxiplinari u s-sanzjonijiet deċiżi huma ta’ natura li jsaħħu l-effetti potenzjali jew reali tad-deċiżjonijiet involuti b’tali mod li l-miżuri kkritikati jirrigwardaw ukoll il-bidu ta’ proċeduri dixxiplinari u s-sanzjonijiet deċiżi. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, l‑eżerċizzju ta’ setgħa dixxiplinari hija waħda mill-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal‑kompetizzjoni, u dan ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni. Meta tqis li l-bidu ta’ proċeduri u l-importanza tas‑sanzjonijiet deċiżi jsaħħu n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, il-Kummissjoni tikkontradixxi lilha nnifisha u twettaq żball ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE li jmur kontra s‑sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq.

195    Il-Kummissjoni ssostni li l-motiv huwa ineffettiv, peress li d-deċiżjoni tas-sanzjonijiet dixxiplinari ma tqisitx li hija lment kontra l‑Ordni. Madankollu hija tispeċifika li d-deċiżjoni ta’ sanzjonijiet ma għandhiex tiġi konfuża mat-theddid ta’ sanzjonijiet (jew it-tfakkir tas‑setgħat tal-Ordni f’dan il-qasam) u s-sottomissjoni ta’ lmenti, li kienu jagħmlu parti integrali mill-pjan sħiħ u kienu jiżguraw l‑effikaċja tal-pjan tal-Ordni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, mingħajr ma tiddeċiedi dwar id-deċiżjonijiet dixxiplinari, hija kellha raġun, fid-deċiżjoni kkontestata, tiżvela l-aspetti kollha tal-pjan implementat.

196    Labco jsostni wkoll li l-Ordni użat il-possibbiltà ta’ sanzjonijiet dixxiplinari bħala mezz biex tagħmel pressjoni u sabiex tiżgura l-effikaċja tal-pjan ġenerali.

197    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif imsemmi fil-punt 57 tas‑sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, attività li, min-natura tagħha, permezz tar-regoli li għalihom hija suġġetta u bis-suġġett tagħha, ma taqax fl-isfera tal-attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre, C‑159/91 u C‑160/91, Ġabra p. I‑637, punti 18 u 19, li tirrigwarda l-ġestjoni tas-servizz pubbliku tas-sigurtà soċjali) jew li hija marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, Ġabra p. I‑43, punt 30, li tirrigwarda l-kontroll u s‑superviżjoni tal-ispazju tal-ajru, u tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C‑343/95, Ġabra p. I‑1547, punti 22 u 23, li tirrigwarda s-sorveljanza kontra t-tniġġis tal-ambjent marittimu) ma hijiex suġġetta għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat.

198    L-Ordni tikkunsidra li l-attivitajiet tal-korpi dixxiplinari tagħha huma marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza u ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE b’tali mod li l-Kummissjoni lanqas ma setgħet tikkunsidra li l-eżerċizzju min-naħa tal-Ordni tas-setgħa dixxiplinari tagħha jsaħħaħ l-effetti potenzjali jew reali tad-deċiżjonijiet inkwistjoni.

199    Fil-premessa 514 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi li “l-aġir inkwistjoni hawnhekk huwa magħmul mid-deċiżjonijiet kollha tal-Ordni intiżi sabiex jirrikjedu li l-atturi tas-suq jadottaw ċertu aġir tas-suq, u dan jinkludi b’mod partikolari, is-sottomissjoni tal-ilmenti dwar l‑ispiżeriji jew is-SEL minn diretturi tal-Ordniˮ. Fil-premessa 515, il‑Kummissjoni madankollu żżid li, “min-naħa l-oħra, l-attivitajiet tal‑korpi tal-Ordni li jikkonsistu fil-bidu ta’ proċeduri dixxiplinari li jistgħu jwassalu għal sanzjonijiet dixxiplinari ma ġewx ikkunsidrati fost l‑ilmentiˮ. Madankollu, fil-premessa 516, il-Kummissjoni tispeċifika li s-setgħat dixxiplinari tal-Ordni, iddelegati mill-Istat, huma tali li jsaħħu l-effetti potenzjali jew reali tad-deċiżjonijiet tagħha anki jekk ma jibdlux l‑elementi li jikkostitwixxu l-ksur. Hija tikkonstata, sussidjarjament (premessi 517 sa 520), li, fil-każijiet kollha li jirrigwardaw separazzjonijiet ta’ ishma, ta’ proprjetà tal-kapital jew ta’ bidliet ta’ statut ta’ kumpanniji, il-korp ta’ dixxiplina tat-Taqsima G tal-Ordni jimponi b’mod sistematiku sanzjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ eżerċizzju tal-ispiżerija ftit jew wisq twal.

200    Il-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra d-deċiżjonijiet dixxiplinari fil‑Kapitolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 579 sa 584) billi tirrepeti li l-investigazzjoni ta’ proċeduri dixxiplinari mill-korpi tal‑Ordni ma ġietx ikkunsidrata fost l-aġir akkużat, iżda hija sempliċement ikkonstatat sussidjarjament li l-imsemmija sanzjonijiet dixxiplinari kienu tali li jsaħħu l-effetti potenzjali jew reali tal-aġir antikompetittiv imsemmi billi ċċitat, sussegwentement, ċerti eżempji.

201    Barra minn hekk, mill-premessa 583 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Ordni diġà rrilevat matul il-proċedura amministrattiva li d‑deċiżjonijiet tal-korpi ta’ dixxiplina tagħha ma kinux suġġetti għall‑applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Il-Kummissjoni rrispondiet għal dan fil-premessa 584 billi sostniet li l-kwistjoni tan-natura tas‑setgħat dixxiplinari tal-Ordni setgħet titħalla miftuħa, għaliex hija ma kinitx ikkunsidrat id-deċiżjonijiet dixxiplinari fost l-ilmenti.

202    Finalment, il-Kummissjoni ssemmi l-aġir tal-korpi tal-Ordni fil‑premessa 761 tad-deċiżjoni kkontestata, meta hija tanalizza l-gravità tal-ksur billi tirrimarka li l-bidu sistematiku ta’ proċeduri dixxiplinari billi jitressqu lmenti kontra l-impriżi marbuta ma’ gruppi ta’ laboratorji bil-għan li jissaħħu l-effetti tad-deċiżjonijiet antikompetittivi tagħha huwa fatt li jżid il-gravità tal-aġir inkwistjoni.

203    Minkejja ċerti żviluppi ddettaljati biżżejjed fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżerċizzju mill-Ordni tas-setgħa dixxiplinari tagħha, li dwarha din tal-aħħar issemmi b’mod korrett in-natura xi drabi ambigwa tagħha, madankollu mill-Kapitolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni dwar l-“aġir li huwa s-suġġett ta’ din il-proċeduraˮ, jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-eżerċizzju tas-setgħa dixxiplinari tal-Ordni bħala li jagħmel parti mill-prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni kkunsidrati fir‑rigward tagħha (ara b’mod partikolari l-premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata li l-kontenut tagħha huwa mfakkar fil-punt 199 hawn fuq). Dan huwa rrepetut ukoll fil-Kapitolu 6, b’mod partikolari fil‑premessi 579 sa 584 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 200 hawn fuq).

204    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ordni, dan il-mod li bih imxiet il‑Kummissjoni ma jikkontradixxix il-ġurisprudenza Wouters u ma jirriżultax minn applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE.

205    Dan ikun il-każ li kieku l-Kummissjoni kienet ikkonstatat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ aġir li ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Il-fatt li l-Kummissjoni tinvoka ċerti prattiki bħala provi sabiex tikkwalifika aġir li, min-naħa tiegħu, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma jirriżultax minn applikazzjoni żbaljata tas-sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, jew tal-Artikolu 101 TFUE, għaliex l-eżerċizzju mill-Ordni tas-setgħa dixxiplinari tagħha, jiġifieri d-deċiżjonijiet meħuda f’dan ir-rigward, ma huwiex ikkunsidrat li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal‑Artikolu 101 TFUE.

206    Iktar speċifikatament, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni ddistingwixxiet l-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa dixxiplinari mit-theddid impliċitu jew espliċitu tal-eżerċizzju tagħha jew mill-azzjoni ta’ sottomissjoni ta’ lmenti, imsemmija b’mod partikolari fil‑premessa 761 tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-gravità tal-ksur, bħala li setgħet issaħħaħ l-implementazzjoni tal-pjan ġenerali identifikat minnha. Fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ lmenti, il-Kummissjoni ssostni b’mod korrett li mill-Artikolu R 4234‑1 tal-KSP jirriżulta li din tista’ ssir minn diversi kategoriji ta’ persuni. Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-azzjoni dixxiplinari kontra spiżjar tista’ tiġi introdotta, fost l-oħrajn, minn ċerti ministri u membri tal‑amministrazzjoni li l-kompetenzi tagħhom huma marbuta mas-settur tal-farmaċija kif ukoll mill-prefett, ċerti membri tat-tmexxija tal-Ordni, spiżjar ieħor jew individwu. Għalhekk ma jistax jingħad, kif issostni l‑Ordni, li din l-azzjoni tidħol fl-eżerċizzju tas-setgħa dixxiplinari.

207    Fi kwalunkwe każ, anki jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex meħtieġ li tittieħed pożizzjoni definittiva fuq il-kwistjoni dwar sa fejn l-eżerċizzju mill-Ordni tas-setgħa dixxiplinari huwa marbut mal-eżerċizzju ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika, b’tali mod li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, għad għandu jiġi ppreċiżat li l‑eżistenza ta’ tali prerogattiva ma tistax toffri protezzjoni assoluta kontra kull allegazzjoni ta’ aġir restrittiv ta’ kompetizzjoni, peress li l‑eżerċizzju manifestament mhux xieraq ta’ tali setgħa jikkonsisti, fi kwalunkwe każ, f’użu ħażin ta’ dan il-poter.

208    Għaldaqstant is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motivi relatati mal-ilmenti li jirrigwardaw il-prezzijiet

 Fuq is-seba’ motiv, imqajjem bħala motiv prinċipali, ibbażat, essenzjalment, fuq eċċess ta’ poter li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-limiti tal-mandat ta’ spezzjoni

209    L-Ordni ssostni li l-ilment ta’ Labco li ta lok għall-investigazzjoni ma kienx jirreferi għall-kwistjoni ta’ politika ta’ prezz minimu, iżda sempliċement għall-allegata volontà tagħha li twaqqaf l-iżvilupp ta’ Labco u li tillimita l-kapaċità tiegħu li jikkompeti ma’ laboratorji oħra fis-suq tal-analiżi ta’ bijoloġija medika. Bl-istess mod, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni, l-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2008 u t-talba għal informazzjoni tat-3 ta’ Frar 2009 ma jagħmlux riferiment għall-prattiki li jirrigwardaw il-prezzijiet, peress li din tal-aħħar lanqas ma ssemmi eventwali estensjoni tal-kuntest tal-investigazzjoni f’dan ir‑rigward. It-talba għall-informazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009 kien fiha talbiet sabiex jintbagħtu ittri li jirrigwardaw problemi relatati ma’ tnaqqis, imma dan mingħajr ebda spjegazzjoni partikolari. L-Ordni ssostni li għalhekk huwa biss fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet li hija saret taf li l-investigazzjoni kienet estendiet mill-ispezzjoni għall-aġir fir-rigward ta’ prezzijiet u ta’ tnaqqis. Fl-opinjoni tagħha, minkejja li l-Kummissjoni ma għandhiex tipproċedi għal kwalifikazzjoni rigoruża tal-ksur preżunt li huwa s-suġġett tal‑investigazzjoni fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-ġurisprudenza dwar l‑Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 timponi indikazzjoni ċara tal-każijiet li hija għandha tivverifika, li ma kienx il-każ fil-kawża inkwistjoni li tirrigwarda l-prezzijiet.

210    L-Ordni żżid li jidhrilha li ma huwiex il-każ li r-riferiment fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni għal suġġett wiesa’ ferm tant li “r-riċerka ta’ ksur fis‑settur tal-bijoloġija medikaˮ tista’ tkun konformi mal-ġurisprudenza. Barra minn hekk, l-użu tal-avverbju “b’mod partikolariˮ fl-Artikolu 1 tad‑deċiżjoni ta’ spezzjoni lanqas ma huwa konformi mar-rekwiżiti ta’ preċiżjoni mitluba.

211    L-Ordni taċċetta li l-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni sabiex tivverifika l-eżattezza jew sabiex tikkompleta l‑informazzjoni li hija jkollha konnoxxenza tagħha b’mod inċidentali matul spezzjoni u tirrikonoxxi li xejn ma jipprekludiha milli tiftaħ investigazzjoni ġdida abbażi ta’ din l-informazzjoni ġdida. Madankollu, l-Ordni tallega li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha f’dan il-każ billi użat informazzjoni miġbura matul spezzjoni għal għanijiet differenti minn dawk indikati fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Fl‑opinjoni tagħha, id-dokumenti kollha miksuba matul l-ispezzjoni intiżi sabiex jipprovaw ftehim fuq il-prezzijiet ma jistgħux iservu bħala provi u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fuq dan il-punt.

212    L-Ordni żżid li s-sentenza CNOP u CCG vs Il-Kummissjoni, punt 8 iktar ’il fuq, ma ddeċidietx din il-kwistjoni, peress li l-motiv li tqajjem f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġie miċħud bħala inammissibbli minħabba tardività.

213    Il-Kummissjoni tikkontesta li eċċediet is-setgħat tagħha u ssostni li l-provi kollha miġbura matul l-ispezzjoni kif ukoll ir-risposti mogħtija għat-talbiet ta’ informazzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

214    Dan il-motiv jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, fid-deċiżjoni kkontestata, abbażi ta’ dokumenti fil-fajl, li kien jeżisti ksur marbut mal-impożizzjoni ta’ prezz minimu permezz tal-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ tnaqqis peress li l-provi relatati magħhom inkisbu wara ilment u deċiżjoni ta’ spezzjoni li, skont l-Ordni, kienet intiża għall-prattiki li jirrestrinġu l-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji. Huwa għalhekk jirreferi għall-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni mexxiet il-fażi ta’ inkjesta preliminari wara l-ilment ta’ Labco tat-12 ta’ Ottubru 2007 u l-ftuħ tal-investigazzjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007. L‑istadji importanti ta’ din il-fażi preliminari huma b’mod partikolari l‑ispezzjoni tat-12 u 13 ta’ Novembru 2008 li saret abbażi tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni kif ukoll it-talbiet għal informazzjoni mibgħuta lill-Ordni sussegwentement.

215    Dan il-motiv huwa essenzjalment magħmul minn żewġ ilmenti. L‑ewwel ilment ikopri l-kwistjoni dwar jekk is-suġġett u l-għan tal‑ispezzjoni, li l-Kummissjoni hija obbligata tispeċifika fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ġewx iddefiniti b’mod wisq wiesa’ fid-dawl tal-provi li l-Kummissjoni kellha f’dan l-istadju, li rriżultaw mill-ilment ta’ Labco. It-tieni ilment jirrigwarda, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk id-dokumenti miġbura waqt spezzjonijiet relatati mal-aġir fir-rigward ta’ tnaqqis ġewx miksuba bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Ordni, peress li allegatament ma kinux jidħlu fis-suġġett, u lanqas fil-għan, tagħhom, kif iddefiniti fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ testendi l-kamp ta’ investigazzjoni li tkun diġà fis-seħħ jew għandhiex tiftaħ investigazzjoni ġdida.

–       Fuq l-ewwel ilment

216    F’dak li jirrigwarda l-allegata irregolarità tal-kisba tal-provi dwar it-tnaqqis minħabba assenza ta’ indikazzjonijiet f’dan ir-rigward fl-ilment, l-ilment jirrigwarda, fir-realtà, il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 20(4) tar‑Regolament Nru 1/2003 li jimponi l-obbligu li jiġu indikati s‑suġġett u l-għan tal-ispezzjoni fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, din tal‑aħħar kellhiex natura arbitrarja, sa fejn il-Kummissjoni ma kellhiex indikazzjonijiet serji biżżejjed sabiex tadottaha fir-rigward tal‑aġir dwar it-tnaqqis.

217    Hemm lok li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ntalbet teżamina l-legalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni fil-kuntest tas-sentenza CNOP u CCG vs Il‑Kummissjoni, punt 8 iktar ’il fuq. L-ilment inkwistjoni huwa bbażat fuq provi fattwali li kienu, fl-istadju tal-imsemmija deċiżjoni, fid‑dispożizzjoni tal-partijiet rikorrenti. B’hekk, peress li l-ilment ta’ Labco ntbagħat lill-Ordni fl-10 ta’ Marzu 2008 u din tal-aħħar irrispondiet għalih fil-15 ta’ April 2008, jiġifieri qabel sew l-ispezzjoni tat-12 u tat-13 ta’ Novembru 2008, ma kien hemm xejn li jwaqqafha milli tqajjem l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ konkordanza bejn id‑deċiżjoni ta’ spezzjoni u l-indikazzjonijiet jirriżultaw mill-ilment fil-mument tar-rikors fil-Kawża T‑23/09. Fi kwalunkwe każ, sa fejn ma jirrigwardax kwistjoni marbuta mal-legalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni diġà eżaminata mill-Qorti Ġenerali u issa suġġetta għall-awtorità ta’ res judicata għar-rikorrenti kkonċernati, ma jistax madankollu jibqa’ jitqajjem f’dan l-istadju, inkella jiġu miksura t-termini għal preżentata ta’ rikors previsti fl-Artikolu 263 TFUE.

218    L-ilment huwa għalhekk inammissibbli.

–       Fuq it-tieni ilment

219    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment huwa marbut mal‑applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, fis-sens li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tindika “is-suġġett u l‑għan tal-ispezzjoniˮ sabiex jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati f’dan l-istadju tal-investigazzjoni.

220    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, fis-sentenza CNOP u CCG vs Il-Kummissjoni, punt 8 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-deċiżjoni ta’ spezzjonijiet kienet immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt. Fil-punt 34 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-motivazzjoni tagħha kienet tippermetti, b’mod partikolari, li jiġu identifikati s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni. Fi kwalunkwe każ, kif diġà msemmi fir-rigward tal-ilment dwar l-allegata natura arbitrarja tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni fil-punt 217 hawn fuq, sa fejn ma tistax tiġi opposta kontra l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni l-awtorità ta’ res judicata, madankollu ma jistax jitqajjem f’dan l-istadju inkella jinkisru t-termini għal preżentata ta’ rikors previsti fl-Artikolu 263 TFUE.

221    Għalhekk għal dan il-każ hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, indikat, bl-ikbar preċiżjoni possibbli, il-preżunzjonijiet li hija kellha l-intenzjoni tivverifika, jiġifieri dak li kien imfittex u l-elementi li fuqhom kellha titwettaq l-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. 3137, punt 10; tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 41; u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punt 48).

222    It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Ordni li, essenzjalment, peress li l-provi miksuba dwar il-prattika tagħha fir-rigward ta’ tnaqqis ma kinux parti mis-suġġett tal-ispezzjoni, dawn kienu nġabru illegalment. Għalhekk ma setgħux jintużaw bħala prova. Hija żżid li l-Kummissjoni lanqas ma setgħet tibbaża ruħha fuqhom sabiex tibgħatilha t-talba għal informazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009, iżda hija kellha tiftaħ investigazzjoni ġdida fir-rigward tal‑prattiki ta’ tnaqqis.

223    F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li l-Ordni ma sostnietx fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tat-18 ta’ Ġunju2009, u lanqas fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, li l‑kwistjoni tat-tnaqqis kienet ġdida jew barra mill-kamp tal-ispezzjoni, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, jekk ir-rikonoxximent espliċitu jew impliċitu ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi minn impriża matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi prova addizzjonali matul l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ azzjoni ġudizzjarja, huwa ma jistax jillimita l-eżerċizzju stess tad-dritt għal azzjoni legali quddiem il-Qorti Ġenerali li persuna fiżika jew ġuridika għandha skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 90).

224    Dwar il-mertu, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni kisbet provi dwar it-tnaqqis fi stadji differenti tal-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari. Mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mill-Ordni, il-Kummissjoni tirrileva li ħames ittri li jirrigwardaw it-tnaqqis inġabru waqt l-ispezzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar il-politika tal-Ordni fit-tieni talba għal informazzjoni bid-data tat-18 ta’ Ġunju 2009, li fiha ċerti mistoqsijiet li kienu jittrattaw il-kwistjoni tat-tnaqqis, b’mod partikolari billi jitolbu lill-Ordni tissottometti kopja ta’ ċerta korrispondenza mibgħuta mis-CCG li kienet tinkludi talbiet għal informazzjoni dwar it-tnaqqis ta’ prezzijiet mogħti minn laboratorji. Barra minn hekk, il-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar id‑determinazzjoni li hemm ksur sa fejn din tirrigwarda t-tnaqqis (premessi 133 et seq) hija bbażata wkoll fuq il-minuti tal-laqgħat amministrattivi tas-CCG li kopji tagħhom inkisbu b’mod partikolari wara t-talba għal informazzjoni lill-Ordni tat-3 ta’ Frar 2009 kif ukoll wara talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-laboratorji.

225    Madankollu, il-kwistjoni prinċipali li tqum fil-kuntest ta’ dan l-ilment hija dik dwar jekk is-suġġett tal-ispezzjoni kif iddefinit fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni setax b’mod raġonevoli jinftiehem li jinkludi l-aġir tal-Ordni fil-qasam ta’ tnaqqis.

226    F’dan ir-rigward, l-ewwel premessa tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni tiddikjara li “l-Kummissjoni għandha informazzjoni li ftehim u/jew prattiki miftiehma bejn l-ispiżjara fi Franza magħquda fi ħdan l-[ONP] u/jew deċiżjonijiet tal-[ONP] u/jew tas-[CNOP] u/jew tas-[CCG] li għandhom bħala suġġett u/jew bħala effett li jipprekludu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni b’mod partikolari fis-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika kienu jeżistu mill‑inqas mill-2003ˮ u li “dan l-aġir immanifesta ruħu b’mod partikolari fil-forma ta’ deċiżjonijiet intiżi sabiex jipprekludu lil spiżjara u/jew persuni ġuridiċi milli jaċċedu għas-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika, jirrestrinġu l-attività tagħhom f’dan is-suq jew jeskluduhom minn dan is-suqˮ.

227    Bl-istess mod, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni fl-ewwel paragrafu tiegħu jindika li “l-[ONP], is-[CNOP] u s-[CCG] huma obbligati jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li tirrigwarda s-sehem tagħhom u/jew l-eventwali implementazzjoni tal-ftehim u/jew prattiki miftiehma bejn spiżjara fi Franza magħquda fi ħdan l-[ONP] kif ukoll fir-rigward ta’ manifestazzjonijiet ta’ dawn il-ftehim u/jew prattiki miftiehma fil-forma ta’ deċiżjonijiet kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 [KE] u/jew tal-Artikolu 82 [KE] b’mod partikolari fis-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medikaˮ u li “dan l-aġir immanifesta ruħu b’mod partikolari fil-forma ta’ deċiżjonijiet intiżi sabiex jipprekludu lil spiżjara u/jew persuni ġuridiċi milli jaċċedu għas-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika, jirrestrinġu l-attività tagħhom f’dan is-suq jew jeskluduhom minn dan is-suqˮ.

228    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ordni, din id-deskrizzjoni ma tirrigwardax biss l-aġir tal-Ordni speċifikatament fir-rigward tal‑iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji mill-perspettiva tal-istruttura tagħhom. Ċertament, minnha jista’ jiġi dedott li l-investigazzjoni tirrigwarda b’mod partikolari tali prattiki. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, jekk tiġi kkunsidrata r-raba’ premessa li tirrileva li “l-Kummissjoni għandha informazzjoni li ftehim u/jew prattiki miftiehma bejn l-ispiżjara fi Franza magħquda fi ħdan l-ONP immanifestaw ruħhom fir-rigward ta’ spiżjara u/jew persuni ġuridiċi li jixtiequ jipprovdu servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika fil-forma ta’ deċiżjonijiet li dawn ma jiġux irreġistrati fir-reġistru tat-Taqsima G, li ma tiġix aġġornata r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru u/jew li jiġu pprojbiti milli jeżerċitaw l-attività tagħhom bil‑għan u/jew bl-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medikaˮ, peress li l-prattiki tal-Ordni fir‑rigward tar-reġistrazzjoni fir-reġistru huma marbuta mill-qrib mal‑kwistjoni tal-istruttura tal-gruppi ta’ LABM, kif jirriżulta mill‑eżami mit-tieni sas-sitt motivi hawn fuq.

229    Madankollu, ir-riferiment magħmul fil-kuntest tal-ewwel premessa u tal-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni għad-deċiżjonijiet tal-Ordni u tal-korpi tagħha intiżi sabiex jirrestrinġu l-attività ta’ spiżjara u/jew ta’ persuni ġuridiċi fis-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika jista’ loġikament jinkludi prattiki iktar diversi li għandhom dan l-effett minflok biss dawk relatati mar-reġistrazzjoni fir-reġistru. Fil-fatt, kif il‑Kummissjoni ssostni b’mod rilevanti, fid-dawl tar-regolamentazzjoni qawwija tas-settur, il-prezz kien jikkostitwixxi mingħajr dubju element essenzjali li fuqu l-atturi tas-suq seta’ jkollhom differenzi bejniethom.

230    L-argument tal-Ordni li dan is-suġġett huwa “kompletament estranju għall-ilment tat-tnaqqisˮ għandu għalhekk jiġi miċħud.

231    Fir-rigward tal-argument tal-Ordni li l-użu tal-avverbju “b’mod partikolariˮ fl-ewwel premessa tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni u fl‑Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti ta’ preċiżjoni fformulati mill-ġurisprudenza, dan jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni ta’ spezzjoni hijiex immotivata biżżejjed, kwistjoni li l‑Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet fil-kuntest tas-sentenza CNOP u CCG vs Il-Kummissjoni, punt 8 iktar ’il fuq, kif tfakkar fil-punti 220 u 221 hawn fuq. Madankollu, jista’ jiġi rrepetut, għal finijiet ta’ kompletezza, li, kif l‑Ordni tirrikonoxxi, anki jekk il-Kummissjoni għandha tindika bl-iktar mod preċiż possibbli l-preżunzjonijiet li hija tkun beħsiebha tivverifika, hija ma hijiex obbligata li tipproċedi bi klassifikazzjoni legali eżatta tal-ksur inkwistjoni. Hija mitluba tagħti biss deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-ksur issuspettat, għaliex hija tkun għad ma jkollhiex informazzjoni preċiża sabiex tagħti parir legali speċifiku, iżda għandha l‑ewwel nett tivverifika l-fondatezza tas-suspetti tagħha kif ukoll il‑portata tal-fatti li seħħew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roquette Frères, punt 221 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

232    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrimarka b’mod rilevanti li, fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, hija ma kellhiex l-elementi neċessarji sabiex tiddistingwi bejn l-aspetti differenti tal-aġir antikompetittiv tal-Ordni fuq is-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika. B’hekk, minkejja li huwa minnu li l-Kummissjoni ma semmietx b’mod espliċitu l-oppożizzjoni tal-Ordni għat-tnaqqis, hija lanqas ma ffokat fuq l-oppożizzjoni tagħha għas-separazzjonijiet ta’ azzjonijiet fis-SEL jew għas-sehem minimu tal-bijologu fil-kapital tas-SEL. Ċertament, jidher ċar li, dan l-aħħar aġir huwa iktar qrib il-kwistjoni tar-reġistrazzjoni fir-reġistru, imsemmija speċifikatament fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, mill-aġir dwar it-tnaqqis, iżda dan il-fatt ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi mis-suġġett tal-ispezzjoni aġir ieħor tal-Ordni intiż sabiex jirrestrinġi l-attività ta’ spiżjara u/jew ta’ persuni ġuridiċi fl-istess suq.

233    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni b’mod korrett li, anki jekk l-atti tal-Ordni dwar it-tnaqqis jirrigwardaw ukoll laboratorji jew SEL li ma humiex parti minn grupp ta’ laboratorji, huma kienu jirreferu wkoll għal tali gruppi, peress li dawn huma bla dubju l-iktar li jagħmlu ekonomiji ta’ skala u li joffru, eventwalment, tnaqqis.

234    Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni seta’ b’mod raġonevoli jinkludi l-aġir tal-Ordni fir-rigward tat-tnaqqis b’tali mod li l-provi miksuba f’dan ir-rigward matul l-ispezzjoni huma kkostitwiti legalment. Dan ma huwiex il-każ għal dawk miksuba wara t-talbiet għal informazzjoni tat-3 ta’ Frar u tas-16 ta’ Ġunju 2009, sa fejn dawn huma bbażati b’mod dirett jew indirett fuq dawn il-provi miġbura waqt l-ispezzjoni.

235    It-tielet nett u konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati iktar il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni hija obbligata tiftaħ investigazzjoni ġdida sabiex teżamina ċertu tip ta’ ksur jew li fihom tista’ testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ investigazzjoni diġà mibdija. Din il‑kwistjoni tirrigwarda l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li jekk, bħala regola ġenerali, l-informazzjoni miġbura matul il-verifiki ma tistax tintuża għal għanijiet oħra minbarra dawk indikati fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il‑Kummissjoni ma hijiex ipprojbita milli tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni, sabiex tivverifika l-eżattezza jew sabiex tikkompleta informazzjoni li hija tkun kisbet konoxxenza tagħha b’mod inċidentali matul verifika preċedenti, fil-każ fejn din l-informazzjoni tkun tindika l-eżistenza ta’ aġir kuntrarju għar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, punt 221 hawn fuq, punti 18 u 19).

236    Sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li l-informazzjoni miġbura matul l‑ispezzjonijiet li jirrigwardaw il-prattiki tal-Ordni dwar il-prezzijiet hija konformi mas-suġġett tal-investigazzjoni kif iddefinit fid‑deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiftaħ investigazzjoni oħra fir-rigward tagħhom, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ordni.

237    Finalment, għall-kumplament, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif il‑Kummissjoni sostniet matul is-seduta, mir-rikors jirriżulta li l-Ordni tqis li kienet fehmet waqt it-tieni talba għal informazzjoni bid-data tat-18 ta’ Ġunju 2009 u ċertament meta saret id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l‑inklużjoni fl-investigazzjoni ta’ lmenti fir-rigward tal-prattiki tagħha ta’ tnaqqis. Għalhekk ma jistax jiġi sostnut li ma tpoġġietx f’pożizzjoni li tesprimi ruħha b’mod effettiv matul il-proċedura kontradittorja amministrattiva dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ‑ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

238    It-tieni ilment għandu għalhekk jiġi miċħud kif ukoll, konsegwentement, is-seba’ motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tmien motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni fuq il-portata tal-kuntest ġuridiku applikabbli u l-volontà tal-leġiżlatur

239    Dan il-motiv jirreferi, b’mod partikolari, għall-Kapitolu 5.1 “Intervent fuq il-prezzijiet tas-suqˮ tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ liema l‑Kummissjoni ddeskriviet l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-Ordni bħala numru ta’ deċiżjonijiet li għandhom bħala suġġett l-impożizzjoni ta’ prezz minimu ta’ suq permezz tat-teħid ta’ pożizzjonijiet u interventi fir‑rigward ta’ kuntratti ta’ kollaborazzjoni jew ftehim konklużi minn laboratorji u li jinkludu tnaqqis (premessi 133 sa 221).

240    Dan jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, l-interpretazzjoni tal-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP u, b’mod partikolari, tal-kunċett ta’ “tnaqqisˮ li jinsab fih.

241    L-Artikolu L 6211-6 tal-KSP jipprevedi dan li ġej:

“Mingħajr preġudidzzju għal qbil jew ftehim li jistgħu jsiru ma’ sistemi jew organi ta’ assigurazzjoni għall-mard jew ma’ stabbilimenti ta’ saħħa pubbliċi jew privati u għal [kuntratti ta’ kollaborazzjoni bejn laboratorji] msemmija fl-Artikolu L 6211‑5, il-persuni fiżiċi u l-kumpanniji u l‑organi li joperaw laboratorju ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika ma jistgħux jagħtu lil terzi persuni, taħt kwalunkwe forma, tnaqqis għal analiżi jew eżamijiet li huma inkarigati bihom.

Huma ma jistgħux jidħlu fi qbil jew fi ftehim li jagħtu lil terz, it-totalità jew parti mid-dħul li jirriżulta mill-attività tal-labotaroju ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika.ˮ

242    Kif speċifikat fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, id-digriet Nru 2010‑49, tat-13 ta’ Jannar 2010, li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar 2010, ipprojbixxa l-għoti ta’ tnaqqis mil-laboratorji u dan mingħajr eċċezzjoni. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP f’dak il-mument ġie ssostitwit b’dispożizjzoni li tipprovdi li “laboratorju ta’ bijoloġija medika [kien] jiffattura l-eżamijiet ta’ bijoloġija medika li huwa [kien] iwettaq skont it-tariffa tan-nomenklatura tal-atti ta’ bijoloġija medikaˮ.

243    L-Ordni ssostni li l-Kummissjoni qrat b’mod żbaljat l‑Artikolu L 6211‑6 tal-KSP billi qieset li, qabel id-dħul fis-seħħ tad‑digriet Nru 2010‑49, din id-dispożizzjoni kienet tawtorizza l‑laboratorji jagħtu liberament tnaqqis fuq il-prezz għal servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika rrimborsati sakemm ikunu ddefiniti fil‑kuntest ta’ ftehim jew ta’ kuntratti ta’ kollaborazzjoni konklużi bejn laboratorji jew ma’ stabbilimenti ta’ kura. Fl-opinjoni tagħha, din id‑dispożizzjoni tinkludi projbizzjoni ta’ prinċipju ta’ tali tnaqqis fuq il-prezz, u dan huwa kkonfermat mix-xogħlijiet parlamentari preċedenti għall-vot tal-Liġi Nru 75‑626, tal-11 ta’ Lulju 1975, dwar il-laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika u għad-diretturi u assistenti diretturi, li ġiet introdotta bl-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP, b’mod partikolari permezz tar‑rapport li sar għan-nom tal-Kummissjoni tal-Affarijiet Kulturali, tal‑Familja u Soċjali fuq l-abbozz ta’ liġi (Nru 750) dwar il-laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika minn M. Bichat, deputat, anness mal‑minuti tas-seduta tal-10 ta’ April 1975 tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża (iktar ’il quddiem ir-“rapport Bichatˮ).

244    Barra minn hekk, l-Ordni tikkritika lill-Kummissjoni talli fid-deċiżjoni kkontestata ma tiddefinixxix dak li għandu jfisser it-terminu “tnaqqisˮ, iżda sempliċement affermat b’mod kategoriku li dan kien “mingħajr dubju att kummerċjaliˮ fil-premessa 207 tagħha. Fl-opinjoni tagħha, dan ma jista’ jkun bl-ebda mod att kummerċjali. L-eċċezzjonijiet mill‑projbizzjoni ta’ tnaqqis kienu jirreferu jew għal taqsim ta’ onorarji bejn laboratorji, jew għal tnaqqis għal servizzi mogħtija minn kompetitur.

245    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Ordni.

246    F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 136 tad‑deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tikkunsidra li mill‑Artikolu L 6211‑6 tal-KSP, u b’mod partikolari mill-ewwel paragrafu tiegħu, li l-entità li magħha l-laboratorju jiffirma kuntratt jew ftehim, irrispettivament minn jekk din tkunx fond ta’ assigurazzjoni għall-mard, stabbiliment ta’ kura pubblika jew privata jew laboratorju ieħor, tista’ tagħżel l-aħjar prezz bejn żewġ proposti ta’ laboratorji bi kwalità ekwivalenti ta’ servizz u, għalhekk, tħallas l-imsemmija servizzi bi prezz inqas mill-prezz massimu legali, jiġifieri t-tariffa uffiċjali ta’ rimbors, li tissejjaħ ukoll nomenklatura. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi limitati previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP, li l-kontenut tiegħu huwa mfakkar fil-punt 241 hawn fuq, jiġifieri fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ kollaborazzjoni bejn laboratorji u f’dak ta’ ftehim konklużi bejn laboratorji u organi ta’ assigurazzjoni għall-mard jew stabbilimenti ta’ kura ta’ saħħa pubbliċi jew privati, tnaqqis fis-sens ta’ att ta’ natura kummerċjali ta’ tnaqqis fuq il-prezz ta’ rimbors stipulat min‑nomenklatura jista’ jeżisti.

247    Għandu jiġi kkonstatat li l-qari tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma jikkontestax tali interpretazzjoni.

248    Madankollu l-Ordni tikkunsidra li, fir-realtà, huma biss żewg sitwazzjonijiet li huma awtorizzati fil-kuntest tal-Artikolu L 6211‑6 tal‑KSP: minn naħa, taqsim ta’ onorarji bejn laboratorji li jaqsmu bejniethom il-kompiti fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika jew, min-naħa l-oħra, tnaqqis f’kuntratti bejn laboratorji u stabbilimenti ta’ kura, li jikkorrispondi għal kumpens għal servizzi pprovduti mill-imsemmija stabbiliment. Kull att ta’ natura kummerċjali huwa eskluż.

249    L-ewwel interpretazzjoni ppreżentata mill-Ordni, li t-terminu “tnaqqisˮ fl‑ewwel paragrafu tal-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP jirreferi biss għal taqsim ta’ onorarji fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ kollaborazzjoni bejn laboratorji, hija bbażata fuq ix-xogħlijiet paralmentari qabel l‑introduzzjoni ta’ dan l-artikolu kif jirriżultaw mir-rapport Bichat. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, minn naħa, it-test tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP huwa ċar u, min-naħa l-oħra, ir-rapport Bichat jagħti interpretazzjoni tat-test li ma tikkorrispondix mal-verżjoni adottata tal-imsemmija dispożizzjoni. Jekk l-imsemmi rapport jindika b’mod partikolari li “huwa formalment ipprojbit it-tnaqqis mogħti lil terzi, ħlief fil-każ iġġustifikat ta’ ġbir magħmul minn spiżjar li jaħdem fi spiżerija jew minn laboratorju ieħorˮ, it-test tal-Artikolu L 6221‑6 tal-KSP kif adottat ma huwiex redatt f’dan is-sens.

250    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ordni, ir-rapport Bichat ma jippermettix għalhekk li jiġi dedott li, f’kuntratti ta’ kollaborazzjoni bejn laboratorji, ipoteżi ta’ eċċezzjoni imsemmija espliċitament fl‑ewwel paragrafu tal-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP, att ta’ natura kummerċjali bejn il-laboratorji inkwistjoni, li jmur lil hinn minn taqsim strett tar-remunerazzjoni stipulata min-nomenklatura, huwa eskluż.

251    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP jirreferi għal, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ kollaborazzjoni bejn laboratorji, arranġamenti dwar il-mod kif huma jaqsmu bejniethom l-prezz finali kif iffatturat lill‑klijent, b’hekk il-mod ta’ kif jinqasmu l-onorarji. L-approċċ tagħha jikkonsisti fl-oppożizzjoni tal-mod li bih l-Ordni interveniet ukoll f’dan il‑kuntest, u dan huwa s-suġġett tal-eżami tad-disa’ motiv. Bl-istess mod, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Ordni finalment ħarġet parir favorevoli fuq il-kuntratti inkwistjoni, l-argument ma huwiex rilevanti għas-soluzzjoni li għandha tingħata għal dan il-motiv, li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il‑Kummissjoni interpretatx il-liġi b’mod korrett.

252    Għalhekk ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu L 6211-6 tal-KSP f’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ kollaborazzjoni bejn laboratorji.

253    Fir-rigward tat-tieni interpretazzjoni adottata mill-Ordni fis-sens li, f’kuntratti konklużi bejn laboratorji u stabbilimenti tas-saħħa, it-terminu “tnaqqisˮ jirreferi neċessarjament għal tnaqqis mogħti mil-laboratorju fir‑rigward tal-prezz tan-nomenklatura bħala kumpens ta’ servizz pprovdut fi skambju mill-istabbiliment ta’ kura kkonċernat, il‑Kummissjoni eżaminat u rrifjutat dan l-argument fil-premessi 199 sa 212 tad-deċiżjoni kkontestata.

254    L-argumenti mressqa mill-Ordni f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ġenerali lanqas ma jippermettu li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kuntest legali applikabbli.

255    L-ewwel nett, l-Ordni tinvoka ġurisprudenza Franċiża li tirrigwarda l‑interpretazzjoni ta’ testi leġiżlattivi dwar il-professjoni ta’ tabib.

256    Fil-fatt, is-sentenzi tal-Qorti ta’ Kassazzjoni Franċiża msemmija quddiem il-Qorti Ġenerali jirrigwardaw l-applikazzjoni tal‑Artikolu L 4113‑5 tal-KSP, li jipprovdi li “huwa pprojbit lil kull persuna li ma tissodisfax l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal‑professjoni li tirċievi, bis-saħħa ta’ ftehim, onorarji jew benefiċċji, fl-intier tagħhom jew parzjalment, ġejjin mill-attività professjonali ta’ membru ta’ waħda mill-professjonijiet irregolati minn dan il-Ktiebˮ. Kif l-Ordni tirrileva, din il-ġurisprudenza, fosthom b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti ta’ Kassazzjoni Franċiża tal-21 ta’ Novembru 2006, tispeċifika li l-ħlas ta’ tariffa huwa suġġett għal kundizzjoni doppja, minn naħa, li huwa jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ servizzi pprovduti mill-istabbiliment li jikkorrispondu min-natura tagħhom u mill-ispiża tagħhom għal servizz mogħti lil dawk li jipprattikaw il-professjoni u, min-naħa l-oħra, li l-ispiża ta’ kull servizz jew ta’ wħud minnhom ma tkunx koperta minn organu tas-sigurtà soċjali. Fil-fatt, is-sentenzi tal-Qorti tal-Kassazzjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet l‑oħra invokati mill-Ordni jipprojbixxu, fil-kawżi dwar it‑tnaqqis abbażi tal-Artikolu L 4113‑5 tal-KSP, kull tnaqqis li ma jikkorrispondix mal-korrispettiv effettiv ta’ servizz mogħti lil tobba, għaliex minn din id-dispożizzjoni, li tipproteġi r-remunerazzjoni tal-attività medika, jirriżulta li somma mnaqqsa minn din għandha tikkorrispondi, esklużivament, min-natura tagħha u mill-ispiża tagħha, għal servizz mogħti lil persuna li tipprattika l-professjoni.

257    L-Artikolu L 4113‑5 tal-KSP huwa parti mill-Ktieb I tar-raba’ parti, intitolat “Professjonijiet ta’ saħħaˮ, tal-parti leġiżlattiva tal-KSP li tirrigwarda l-professjonijiet mediċi u jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu L 4113‑1, li dawn il-professjonijiet jinkludu t-tobba, il-professjonisti fid-dentistrija u l-qbiela filwaqt li l-ispiżjara huma rregolati permezz tal-Ktieb II tal-KSP, intitolat “Professjonijiet tal-farmaċijaˮ.

258    Ċertament, kif l-Ordni rrilevat fil-kuntest ta’ tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-formulazzjoni tal-Artikolu L 4113‑5 tal‑KSP tixbah lil dik tat-tieni paragrafu tal-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP, li l-Kummissjoni tidher li ma tiħux inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata sabiex teskludi l-ġurisprudenza inkwistjoni. Madankollu, dan it-tieni paragrafu jirreferi b’mod ċar għall-kwistjoni partikolari tal‑indipendenza finanzjarja ta’ min imexxi laboratorji, bl-istess mod kif l-Artikolu L 4113‑5 tal-KSP jirreferi għall-indipendenza finanzjarja tat‑tobba. Ma huwiex stabbilit li din il-kwistjoni tikkoinċidi neċessarjament ma’ dik tal-possibbiltà li jingħata tnaqqis fil-kuntest ta’ kuntratti speċifiċi, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-ewwel paragrafu, fir-rigward tat-tnaqqis, u t-tieni paragrafu tal‑Artikolu L 6211‑6 tal-KSP jeżistu flimkien, u t-tnaqqis ma jikkompromettix għalhekk neċessarjament, skont il-leġiżlatur, din l‑indipendenza finanzjarja. Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li l‑Ordni ġeneralment ma tagħmilx riferiment għall-kwistjoni tal‑indipendenza finanzjarja ta’ min jopera laboratorji meta hija tifformula osservazzjonijiet dwar it-tnaqqis (ara l-punt 261 et seq iktar ’il quddiem).

259    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad li l-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu L 4113‑5 tal-KSP jawtorizza t-tariffi għandhom japplikaw ukoll meta jkun meħtieġ jiġi stabbilit f’liema ċirkustanzi l‑Artikolu L 6211‑6 tal-KSP jawtorizza tnaqqis.

260    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament ċerti inkoerenzi fl-argument tal-Ordni f’dan ir-rigward. Minn naħa, jekk l‑ammonti mnaqqsa minħabba servizz mogħti kellhom ikunu l‑korrispettiv eżatt tal-valur tiegħu, l-Ordni lanqas ma għandha tirrakkomanda tnaqqis fiss ta’ 10 % (ara wkoll il-punt 263 iktar ’il quddiem). Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet hija awtorizzata fil-kuntest tal-mediċina fil-qasam tax-xogħol, li għaliha ma hemmx rimbors mis-sigurtà soċjali, kif irrilevat fil-premessa 155 tad‑deċiżjoni kkontestata, u dan ma huwiex kontradett mill-Ordni. Finalment, il-każ irrilevat fil-premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda tnaqqis mogħti f’kuntratt bejn laboratorju u sptar pubbliku li l-Ordni aċċettat anki jekk ma kienx biċ-ċar każ ta’ kumpens għal servizzi mogħtija.

261    It-tieni nett, l-Artikolu R 4235‑75 tal-KSP, introdott fil-parti li tirrigwarda r-regoli ta’ etika li japplikaw għall-ispiżjara bijologi jispeċifika fl-ewwel paragrafu tiegħu li “l-ispiżjar bijologu ma għandux inaqqas l-onorarji tiegħu b’intenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali jew għad‑detriment tal-kwalità tas-servizzi li huwa jipprovdi” u li “fil-każ ta’ kuntratt ta’ kollaborazzjoni bejn laboratorji, l-onorarji marbuta mat-trażmizzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti b’moderazzjoniˮ.

262    Din id-dispożizzjoni għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li jiġi ffissat il-prezz fuq livell differenti minn dak tan-nomenklatura bil‑kundizzjoni li ma jkunx hemm kompetizzjoni żleali u bl-osservanza tal-kwalità tal-kura, u, barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l‑kuntratti ta’ kollaborazzjoni bejn laboratorji, b’“moderazzjoniˮ.

263    Kif il-Kummissjoni tirrileva b’mod partikolari fil-premessa 141 tad‑deċiżjoni kkontestata, qabel Jannar 2010 l-Ordni adottat pożizzjoni ta’ prinċipju li timponi prezz minimu permezz tal-politika tagħha ta’ tnaqqis massimu ta’ 10 % mingħajr ma tissemma t-tfittxija ta’ prova ta’ kompetizzjoni żleali jew ta’ possibbli preġudizzju għall-kwalità tal-kura. F’dan ir-rigward, il-premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata tiċċita b’mod partikolari deċiżjoni meħuda fis-seduta amministrattiva tas-CCG tal-14 ta’ Settembru 2005 tgħid li “l-Kunsill jikkonferma l-osservazzjonijiet magħmula fil-korrispondenza preċedenti, jiġifieri li kull tnaqqis għandu jkun stabbilit b’moderazzjoni u li tnaqqis ta’ iktar minn 10 % ma jonorax il-professjoni tagħnaˮ u “ma għandux ikun hemm użanzi fil-qasam tat-tnaqqisˮ.

264    Ċertament, ir-riferiment għal massimu ta’ 10 % jinsab fit-testi li jirregolaw il-professjoni tat-tobba, l-Artikolu R 6141‑35 tal‑KSP, imħassar fil-31 ta’ Marzu 2011, li jawtorizza tariffi li għandhom jitħallsu lil stabbiliment ta’ kura bħala korrispettiv għal servizzi mogħtija lil tobba ġeneralisti. Madankollu, mistoqsija speċifikatament mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-mistoqsijiet bil-miktub u fis-seduta, l‑Ordni ma setgħet tiċċita l-ebda test legali jew regolamentari li kien jirregola fiż-żmien tal-fatti speċifikatament lill-ispiżjara, jew lill-ispiżjara-bijologi, li jsemmi tali limitu massimu ta’ 10 %.

265    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli qieset li r‑riferiment għal maħfra jew għal tnaqqis massimu ta’ 10 % għall-ispiżjara-bijologi jirriżulta minn applikazzjoni estensiva tat-testi leġiżlattivi u regolamentari applikabbli għall-ispiżjara-bijologi.

266    It-tielet nett, il-parir tal-Awtorità tal-kompetizzjoni Franċiża Nru 10‑A‑01, tal-5 ta’ Jannar 2010, dwar abbozz ta’ digriet rigward l-organizzazzjoni tal-bijoloġija medika, li jitkellem dwar il-motivazzjoni tal-leġiżlatur Franċiż li jipprojbixxi l-possibbiltà li jingħata tnaqqis permezz tad-digriet Nru 2010‑49 jindika fil-punti 156 sa 158 dan li ġej:

“156      [Id-dispożizzjoni prevista] tipprojbixxi kull tnaqqis mit-tariffa tan-nomenklatura ta’ atti ta’ bijoloġija medika, ħlief fil-każ partikolari ta’ kuntratti ta’ kooperazzjoni.

157      Din id-dispożizzjoni tirrestrinġi l-parti tal-libertà tariffarja li teżisti llum. Fil-fatt, l-Artikolu L 6211‑6 [tal-KSP] jipprjobixxi t-tnaqqis, iżda ‘mingħajr preġudizzju għal qbil jew ftehim li jistgħu jsiru ma’ sistemi jew organi ta’ assigurazzjoni għall-mard jew stabbilimenti ta’ kura pubbliċi jew privati’.

158      B’hekk, ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn il-laboratorji ta’ analiżi mediċi u l-istabbilimenti ta’ kura, pubbliċi jew privati, ma humiex iddefiniti minn qabel min-nomenklaturi u tariffi relatati mar-rimbors tal-persuni assigurati, li jikkostitwixxu prezz massimu, u jaqgħu, fil-limitu ta’ dan il-limitu massimu, fis-sistema ta’ dritt komuni tal-libertà tal-prezzijiet stipulata bħalissa fl-ewwel paragrafu tal‑Artikolu L 410‑2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ.ˮ

267    Dawn l-osservazzjonijiet tal-Awtorità tal-kompetizzjoni Franċiża jsostnu għalhekk ukoll l-interpretazzjoni li fil-perijodu li fih seħħew il-fatti kien jeżisti marġni ta’ negozjar għal-laboratorji sabiex jagħtu tnaqqis fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP.

268    Ir-raba’ nett, l-adozzjoni tad-digriet Nru 2010‑49 u l-projbizzjoni ta’ kull tnaqqis tal-prezz minn dak stabbilit min-nomenklatura għal eżamijiet ta’ bijoloġija medika li jirriżulta minnha, jippermettu li jiġi dedott li tali projbizzjoni ġenerali ma kinitx teżisti taħt l-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP.

269    Finalment, il-fatt li ċerti dokumenti fil-fajl tal-Kummissjoni jirreferu għal tariffi b’korrispettiv għal servizzi ma jipprovax li din kienet waħda mill-uniċi interpretazzjonijiet ta’ dan it-terminu fil-kuntest tal‑Artikolu L 6211‑6 tal-KSP, u lanqas li għandu jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni li għandu jkun hemm korrispondenza bejn il-valur tat-tnaqqis offrut u dak tas-servizz mogħti.

270    Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li l-Ordni tiddefendi interpretazzjoni mhux imparzjali tal-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP fis-seħħ sal-2010, sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tippermetti ċerta kompetizzjoni fuq il-prezzijiet f’sitwazzjonijiet li ma kinux limitati ghal każijiet ta’ taqsim ta’ ta’ onorarji jew ta’ tariffi li jikkorrispondu neċessarjament għall-valur ta’ servizz mogħti inkambju.

271    Finalment, fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-eżempji msemmija fl-Artikolu L 6211‑6 tal-KSP, dan lanqas ma jippermetti neċessarjament li jiġu vvalidati l‑interventi tal-Ordni fir-rigward tal-livell ta’ perċentwali stipulati f’dan ir-rigward mil-laboratorji fi ftehim speċifiċi. L-argumenti l-oħra li, skont l-Ordni, jiġġustifikaw tali interventi, huma eżaminati fil-kuntest tad-disa’ motiv, b’mod partikolari fit-tieni parti tiegħu, fil-punti 279 et seq iktar ’il quddiem.

272    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq id-disa’ motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti li jwasslu għal żball ta’ liġi

273    Dan il-motiv jirrigwarda, bħat-tmien motiv (ara l-punt 239 hawn fuq), il-Kapitolu 5.1 “Intervent fuq il-prezzijiet tas-suqˮ tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ liema l-aġir tal-Ordni intiż sabiex jiġi impost livell massimu ta’ tnaqqis fuq prezzijiet iffissati mill-Istat ġie eżaminat fid-dettall fil-premessi 133 sa 221. Madankollu, huwa jirreferi, essenzjalment, għall-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni pprovatx b’mod suffiċjenti fid-dritt din il-parti tal-ksur.

274    Il-premessi 662 sa 666 tad-deċiżjoni kkontestata jiddeduċu l-konsegwenzi mill-konstatazzjonijiet fil-Kapitolu 5. Huma jindikaw dan li ġej:

“[…]

(662) F’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tal-ONP intiżi sabiex jiġi impost prezz [minimu] tas-suq, fil-Kapitolu 5.1 ġie muri li l-ewwel waħda minnhom, li tmur lura għal Diċembru 2003, kellha bħala għan li tiddefinixxi ‘ċerti regoli li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet finanzjarji li għandhom ikunu inklużi fil-kuntratti ta’ kollaborazzjoni’.

(663) Id-dokumenti tal-fajl jippermettu barra minn hekk li jiġi stabbilit li l-ONP ipprovat bejn Settembru 2004 u Settembru 2007 timponi b’insistenza dejjem tiżdied prezz [minimu] tas-suq, minħabba li kull tbegħid minn dan il-minimu ma jonorax il-professjoni u jista’ jiżvela aġir mhux denju ta’ ko-fraternità’ […]

(664) L-ONP, bil-għan li timponi prezz [minimu] tas-suq, bagħtet ittri lil numru kbir ta’ laboratorji li kienu nnotifikaw, kif il-liġi tobbligahom, kuntratti ta’ kollaborazzjoni ma’ laboratorji oħra jew ma’ stabbilimenti ta’ kura, kuntratti li kienu jinvolvu tnaqqis meqjus wisq importanti mill-ONP. Fl-ittri kollha, l-ONP tirreferi espliċitament għal kodiċi ta’ etika u għalhekk, b’mod indirett, għas-setgħat tagħha ta’ sanzjoni dixxiplinari. F’diversi każijiet, l-ONP saħansitra bagħtet kopja tal-ittri tagħha lis-servizzi deċentralizzati tal-Istat.

(665) Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonjiet, l-ONP tfakkar korrettament li hija ma bdietx proċedura dixxiplinari relatata mat-tnaqqis abbażi ta’ nuqqas dixxiplinari tal-Artikolu R 4235-75 tal-KSP. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni ma hijiex kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi kkonstatat aġir intiż għall-iffissar tal-prezzijiet tas-suq. L‑Artikolu 101(1) tat-TFUE jsemmi b’mod espliċitu bħala restrittivi tal-kompetizzjoni d-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jikkonsistu ‘fl-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet’.

(666) Konsegwentement, l-għan antikompettitiv ta’ dan it-tip ta’ manifestazzjonijiet tal-ksur ma għandux jiġi kkontestat, u dan iktar u iktar peress li dan l-għan ġie fformalizzat fl-14 ta’ Settembru 2005 b’deċiżjoni tal-ONP li tipprovdi li maħfra ta’ iktar minn 10 % ma tonorax il-professjoni tagħna. Ma għandux ikun hemm użanzi fil‑qasam tal-maħra.ˮ

275    L-argumenti tal-Ordni fir-rigward tal-analiżi żviluppata fid-deċiżjoni kkontestata jinqasmu f’żewġ partijiet.

276    Fil-kuntest tal-ewwel parti, l-Ordni ssostni li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li hija kienet, b’mod sistematiku, sabiex tipproteġi l‑interessi tal-laboratorji ż-żgħar, ipprovat timponi prezz minimu fis-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika.

277    Fil-kuntest tat-tieni parti, l-Ordni ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li l-aġir tagħha fir-rigward tat-tnaqqis ma jaqax fil-kamp tal‑missjonijiet legali tagħha, iżda jirrifletti għanijiet antikompetittivi.

278    Għandna nibdew bl-eżami tat-tieni parti.

–       Fuq it-tieni parti

279    L-Ordni ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li l-aġir tagħha fir-rigward tat-tnaqqis ma jaqax fil-kamp tal-missjonijiet legali tagħha, iżda jirrifletti għanijiet antikompetittivi. Fl-opinjoni tagħha, fil-każijiet kollha rrilevati mill-Kummissjoni, l-aġir tagħha kien intiż sabiex jiġu osservati r-regoli ta’ etika u sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza professjonali bil-għan li tiġi ppreżervata l-kwalità tal-atti kkompletati mill-ispiżjar-bijologu fil-kuntest ta’ stħarriġ a posteriori li jirriżulta mill-missjoni legali tagħha ta’ viġilanza. Hija ma opponietx ruħha kontra l‑prinċipju ta’ tnaqqis inkwantu tali, iżda fformulat osservazzjonijiet meta dawn setgħu jikkawżaw preġudizzju għall-fondi pubbliċi, għall-kwalità tal-provvista ta’ servizzi ta’ kura jew għall-indipendenza tal-professjonist fil-qasam tas-saħħa. Hija tfakkar il-missjonijiet legali tagħha ddefiniti fl‑Artikolu L 4231‑1 KSP (li tiżgura l-osservanza tal-obbligi professjonali u l-indipendenza tal-professjoni, li tikkontribwixxi għall‑promozzjoni tas-saħħa pubblika u tal-kwalità tal-kura) u fl-Artikolu R 4235‑75 tal-KSP (li tiżgura li l-ispiżjar-bijologu ma jnaqqasx l-onorarji tiegħu bl-intenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali jew għad‑detriment tal-kwalità tas-servizzi li huwa jipprovdi). Hija tirreferi wkoll għar‑rapport Bichat kif ukoll għall-Artikolu L 162‑13‑2 tal-Kodiċi tas‑Sigurtà Soċjali Franċiża.

280    Barra minn hekk, l-Ordni ssostni li l-prezz iffissat fin-nomenklatura huwa prezz ta’ ekwilibriju nnegozjat mill-Istat li jieħu inkunsiderazzjoni l‑ispiża reali tal-analiżi, ir-remunerazzjoni tal-att ta’ kura u l-protezzjoni tal-fondi pubbliċi u mhux prezz tas-suq. Fl-opinjoni tagħha, huwa ġeneralment ammess li hemm relazzjoni ċerta bejn il-kwalità tas-servizzi li jirċievu l-morda u n-natura u l-mod ta’ remunerazzjoni. F’dan ir‑rigward, hija tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 67). Għaldaqstant, peress li ġiet inkarigata mil-leġiżlatur sabiex tiżgura l-osservanza tar-regoli ta’ etika, fosthom, b’mod partikolari, l‑Artikolu R 4235‑75 tal-KSP, li huwa speċifiku għall-ispiżjara‑bijologi, hija ma setgħetx, fl-opinjoni tagħha, ma tinkwetax b’ċertu tnaqqis sinjifikattiv (fil-biċċa l-kbira tad-drabi ogħla minn 30 % u li jitla’ sa 50 %) bħala indikazzjoni ta’ prattiki ta’ dumping.

281    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Ordni.

282    Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-Ordni li l-azzjoni tagħha kienet biss applikazzjoni tal-liġi jikkoinċidi ma’ dak imressaq fil-kuntest tat‑tmien motiv, iżda fil-kuntest ta’ din il-parti, l-Ordni tfakkar speċifikatament l-obbligu tagħha li tiżgura l-osservanza tal‑Artikoli L 4231‑1 u R 4235‑75 tal-KSP.

283    Preliminarjament, għandu jiġi eskluż l-argument tagħha bbażat fuq ir‑rapport Bichat għar-raġuni msemmija fil-punti 249 u 250 hawn fuq.

284    Il-kontenut tal-Artikolu L 4231‑1 tal-KSP huwa mfakkar fil-punt 2 hawn fuq. Minn dan jirriżulta li l-missjonijiet tal-Ordni jinkludu b’mod partikolari l-obbligu li tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi professjonali, id‑difiża tal-unur u l-indipendenza tal-professjoni, li tiġi żgurata l‑kompetenza tal-ispiżjara u li ssir kontribuzzjoni għall-promozzjoni tas‑saħħa pubblika u l-kwalità tat-trattamenti, b’mod partikolari s-sigurtà tal-atti professjonali.

285    Il-kontenut tal-Artikolu R 4235‑75 tal-KSP diġà ssemma fil-kuntest tal‑eżami tat-tmien motiv. Sabiex infakkar, din id-dispożizzjoni, fl-ewwel paragrafu tagħha, tispeċifika li “l-ispiżjar bijologu ma għandux inaqqas l-onorarji tiegħu bl-intenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali jew għad‑detriment tal-kwalità tas-servizzi li huwa jipprovdi” u li “fil-każ ta’ kuntratt ta’ kollaborazzjoni bejn laboratorji, l-onorarji li jirrigwardaw it-trażmizzjonijiet għandhom ikunu ffissati b’moderazzjoniˮ.

286    Essenzjalment, fl-opinjoni tal-Ordni, fil-kuntest tal-aġir li hija ġiet ikkritikata bih fil-qasam tat-tnaqqis, hija sempliċement tapplika l-liġi filwaqt li tfakkar in-natura eżorbitanti jew anormali ta’ ċertu tnaqqis sa fejn prattika sistematika ta’ tnaqqis sostanzjali taffettwa l-kwalità tal‑kura, l-indipendenza tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u ġġib magħha riskju ta’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi. Hija tfakkar li għandha wkoll tiżgura li l-onorarji tal-ispiżjar-bijologu ma jitnaqqsux bl‑intenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali. L-aġir tagħha għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

287    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi miċħud li l-aġir tal-Ordni fir-rigward tal‑prezz deskritt fid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex estranju għall‑missjoni tagħha ta’ gwardjana tal-obbligi etiċi tal-ispiżjara‑bijologi, u dan huwa, barra minn hekk, irrikonoxxut ukoll meta hija tindika, fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, li s‑sorveljanza tal-osservanza tar-regoli ta’ etika fir-rigward tal-prezz ipprattikati mill-ispiżjara tidħol fil-kuntest tal-missjonijiet legali tal‑Ordni.

288    Barra minn hekk, l-interventi tal-Ordni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata jirreferu ta’ spiss għall-għoti ta’ tnaqqis sinjifikattiv li jista’ jitla’ sa 30, u saħansitra sa 50 %, tal-prezz tan-nomenklatura għal eżami ta’ bijoloġija medika. Dawn l-interventi jirrigwardaw kuntratti li kienu sottomessi lill-Ordni skont id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu L 6221‑5 tal-KSP, li jipprovdi li s-SEL li joperaw laboratorju kienu obbligati jinnotifikawha bil-“kuntratti u addenda konklużi ma’ dawn il-kumpanniji u li huma intiżi sabiex jiżgurawlhom l-użu tal-materjal jew tal-istabbiliment li huma meħtieġa għall-attività tal-laboratorjuˮ, dispożizzjonijiet msaħħa minn Awwissu 2005 bl‑Artikolu L 4221‑19 tal-KSP, li jimponi n-notifika tagħhom fix-xahar ta’ wara l-konklużjoni tagħhom.

289    Il-Kummissjoni madankollu tispjega fid-dettall fil-premessi 175 sa 221 tad-deċiżjoni kkontestata għaliex, fl-opinjoni tagħha, l-azzjoni tal-Ordni f’dan il-qasam tirriżulta minn interpretazzjoni tal-liġi għal finijiet ekonomiċi iktar milli interpretazzjoni stretta ta’ din.

290    Għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Ordni ma jikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li ġiet ikkritikata bih ma jirriżultax minn sempliċi applikazzjoni tal-liġi. Fil-fatt hija qabżet diversi drabi l-limiti tal-missjoni legali tagħha sabiex timponi l‑interpretazzjoni ekonomika proprja tagħha tal-liġi.

291    L-ewwel nett, kif il-Kummissjoni ssostni korrettament, miċ‑ċitazzjonijiet tal-ittri jew tal-minuti riprodotti fil-premessi 142 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li, fl-interventi tagħha dwar kuntratti konklużi mil-laboratorji, l-Ordni rreferiet għall-kwalità tal-kura, għall-indipendenza tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa jew għar-riskju ta’ użu ħażin tal-fondi pubbliċi. Barra minn hekk, l-Ordni ma tissottometti l-ebda dokument preċiż insostenn tal-argument tagħha f’dan ir-rigward.

292    Dwar ir-rabta bejn l-għoti ta’ tnaqqis u l-kwalità tal-kura, il‑Kummissjoni ssostni, mingħajr ma tiġi kontradetta fuq dan il-punt mill-Ordni, li din fl-ebda mument ma stabbilixxiet li t-tnaqqis mogħti jaffettwa l-kwalità tas-servizz pprovdut mil-laboratorju msemmi. Barra minn hekk, kif irrilevat fil-premessa 218 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Ordni nnifisha tenfasizza li l-istħarriġ tal-kwalità jaqa’ fil‑kompetenza esklużiva tal-Ministeru tas-Saħħa Franċiż.

293    Fir-rigward tas-sentenza Cipolla et, punt 280 iktar ’il fuq, il-Qorti tal‑Ġustizzja, fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, effettivament tirrileva li ma jistax jiġi eskluż li tariffa minima imposta fuq l-avukati tippermetti li jiġi evitat li dawn tal-aħħar ma jiġux imħajra, fil-kuntest speċifiku tas-suq Taljan kompetittiv ferm, li jagħtu offerti ta’ servizzi mraħħsa bir-riskju ta’ deterjorazzjoni tal-kwalità tas-servizzi pprovduti. Minbarra l-fatt li din is-sentenza tirrigwarda l-kwistjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din is-sentenza tirrigwarda servizzi mogħtija ġeneralment f’kuntest ta’ asimetrija bejn il-klijent-konsumatur u l-fornitur, kuntrarjament għas-sitwazzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw relazzjonijiet bejn professjonisti fis-settur. Is-sentenza għalhekk ma tistax tkun determinanti sabiex issostni l-argument tal-Ordni.

294    Fir-rigward ta’ possibbiltà ta’ preġudizzju għall-fondi pubbliċi, l-Ordni tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu L 162‑13‑2 tal-Kodiċi tas‑Sigurtà Soċjali li d-diretturi ta’ laboratorji huma obbligati jagħmlu l‑analiżi u l-eżamijiet ta’ laboratorji filwaqt li jiżguraw l-inqas spejjeż possibbli kompatibbli mal-implementazzjoni eżatta tad-dispożizzjonijiet. Għandu jiġi kkonstatat li qatt ma sar riferiment għall-possibbiltà ta’ preġudizzju għall-fondi pubbliċi fl-ittri tal-Ordni. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ssostni b’mod korrett, minn naħa, li t-tnaqqis mogħti lill-isptarijiet pubbliċi jew ikkontrollati mill-assigurazzjoni għall-mard seta’ biss jibbenefika l-fondi pubbliċi. Min-naħa l-oħra, hija għandha wkoll raġun tafferma li, li kieku kienu jeżistu każijiet ta’ abbuż fil-kuntest ta’ ftehim bejn laboratorji u sptarijiet privati sa fejn dawn tal‑aħħar setgħu jingħataw tnaqqis filwaqt li jiġu rrimborsati skont il‑prezz stabbilit min-nomenklatura, din kienet tkun anomalija fil‑leġiżlazzjoni li kellha tiġi rregolata b’mod ieħor u mhux bl-intervent tal-Ordni f’każijiet fejn il-liġi kienet tawtorizza t-tnaqqis. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif essenzjalment irrimarkat il‑Kummissjoni (premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata), l-Ordni, li kieku tikkunsidra li t-tnaqqis minnu nnifsu kien jikkawża problema ta’ frodi, kellha tirreaġixxi wkoll fir-rigward ta’ dawk li kienu jnaqqsu sa 10 %.

295    Fir-rigward ta’ allegata rabta bejn l-għoti ta’ tnaqqis kbir wisq u l-indipendenza professjonali tal-ispiżjar-bijologu, li tagħhom l‑Ordni hija wkoll garanti, l-argumenti ta’ din tal-aħħar huma limitati għal sempliċi affermazzjonijiet li ma huma bbażati fuq l-ebda prova li tispjega r-rabta bejn iż-żewġ aspetti, li ma tidhirx b’mod evidenti.

296    It-tieni nett, l-estratti ta’ ittri ċċitati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirreferu b’mod sistematiku għall-fatt li t-tnaqqis għandu jkun stabbilit “b’moderazzjoniˮ u li tnaqqis ta’ ċerta perċentwali, ċertament għoli biżżejjed (ta’ spiss minn 30 sa 50 %), “ma jonorax il‑professjoniˮ jew “jista’ jirriżulta f’aġir mhux denju ta’ ko-fraternitàˮ.

297    Kif issostni l-Kummissjoni fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-riferiment għall-Artikolu R 4235‑75 tal-KSP li l-iffissar tal-onorarji għandu jsir “b’moderazzjoniˮ jirrigwarda biss il-kuntratti bejn laboratorji, b’mod partikolari l-“onorarji li jirrigwardaw it-trażmissjonijietˮ, u mhux kuntratti bejn laboratorju u organu ieħor li fil‑kuntest tagħhom l-Ordni madankollu tinvokah diversi drabi.

298    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fil-premessi 175 sa 179 tad-deċiżjoni kkontestata ssostni l-argument li l-kunċett ta’ “b’moderazzjoniˮ jirreferi għar-riskju ta’ onorarji għoljin wisq meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ispiżjara-bijologi fl-artikoli tal-liġi li jkopru professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa, analiżi li ma ġietx speċifikatament kontradetta mill-Ordni.

299    It-tielet nett, fir-rigward tal-fatt li l-Ordni għandha wkoll bħala missjoni li tipprevjeni r-riskju ta’ kompetizzjoni żleali, il-Kummissjoni tirrileva korrettament li ma huwiex biżżejjed li l-Ordni tagħmel riferiment għal dan b’mod astratt. Fil-fatt, tali riskju ma jistax jirriżulta biss mill-ammont tat-tnaqqis, l-iktar f’kuntest fejn ir‑rapporti msemmija mill-Ordni stess, jiġifieri, minn naħa, ir-rapport għal abbozz ta’ riforma tal-bijoloġija medika sottomess lill-Ministru tas-Saħħa, taż-Żgħażagh, tal-Isport u tal-Ħajja Assoċjattiva Franċiża mis-Sur Ballereau fit-23 ta’ Settembru 2008 u, min-naħa l-oħra, ir‑rapport Nru 2006 045, ta’ April 2006, ippreżentat minn Lalande, Yeni u Laconde, membri tal-Ispezzjoni Ġenerali tal-Affarijiet Soċjali Franċiż (IGAS), jirrilevaw li l-prezzijiet iffatturati fi Franza huma ogħla minn dawk fl-Istati Membri l-oħra. Din il-konstatazzjoni tibqa’ valida minkejja li l-Ordni tirrileva korrettament li l-konklużjonijiet tat-tieni rapport jagħmlu iktar differenzi u jammettu li ma jistgħux jiġu kkomparati l-prezz tal-att ta’ bijoloġija medika fi Franza, li jinvolvi diversi stadji u għalhekk huwa iktar kumpless, u l-prezzijiet ġeneralment ipprattikati fil-pajjiżi tal-Unjoni. Fil-fatt, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li jeżisti marġni għal-laboratorji li jippermettilhom jagħtu tnaqqis qabel ma jkunu jistgħu jiġu kkritikati li qed jaħdmu b’telf hija bbażata wkoll, kif irrilevat fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq ir-risposti ta’ diversi spiżjara għall-kwestjonarji tal-Kummissjoni li permezz tagħhom huma indikaw li kienu jkopru sostanzjalment l-ispejjeż tagħhom.

300    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tad-disa’ motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq l-ewwel parti

301    L-ewwel nett, skont l-Ordni, l-interventi identifikati mill-Kummissjoni fil-qasam ta’ tnaqqis huma biss ta’ natura marġinali, għax għall‑perijodu tal-investigazzjoni bejn Diċembru 2003 u l-aħħar tal‑2008, għaldaqstant għal iktar minn ħames snin, il-Kummissjoni identifikat biss 18-il ittra li fir-realtà kienu jirrigwardaw 14-il kuntratt u 3 talbiet għal informazzjoni. Minn 4 270 laboratorji fi Franza, dan jirrappreżenta 0.3 % mil-laboratorji kkonċernati fuq perijodu ta’ ħames snin.

302    It-tieni nett, il-Kummissjoni sostniet b’mod żbaljat, fil-premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għan tal-Ordni fil-qasam tat-tnaqqis huwa li tipproteġi l-laboratorji ż-żgħar billi tindirizza b’mod sistematiku l-gruppi, peress li l-laboratorji kkonċernati kienu strutturi żgħar fi 11‑il każ mit-18-il ittra filwaqt li biss 3 minnhom huma indirizzati għal SEL li kienu parti minn netwerk reġjonali, 1 kien laboratorju speċjalizzat u 3 kienu gruppi ta’ laboratorji. L-għan tal-Ordni fil-qasam tat-tnaqqis għalhekk evidentement ma kienx li tindirizza b’mod sistematiku l-gruppi tal-laboratorji, iżda li tipproteġi s-saħħa pubblika filwaqt li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza professjonali tal‑ispiżjar-bijologu sabiex tippreżerva l-kwalità tal-att ta’ bijoloġija medika.

303    It-tielet nett, l-analiżi tal-aġir tagħha fir-rigward tal-kuntratti inkwistjoni ma tikkonfermax il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-premessi 161 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka kontriha ftehim bejn żewġ laboratorji li jirrigwardaw taqsim ta’ onorarji li fuqhom is-CCG ħareġ parir favorevoli. Sussegwentement, il-Kummissjoni tinvoka kontriha fil-premessi 159, 163 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata tliet ftehim bejn laboratorji u stabbilimenti ta’ kura privata li kienu kuntratti ta’ eżerċizzju privileġġat jew kuntratti ta’ persuna li tippratika l‑professjoni fil-kuntest ta’ liema huma aċċettati t-tariffi, iżda l-prezz ma kienx liberu, għaliex kien suġġett għan-nomenklatura ta’ atti ta’ bijoloġija medika. Billi kkontesta tariffi li kienu minn 15 sa 48 % tal‑prezz iffissat bin-nomenklatura, is-CCG aġixxa fil-kuntest tal‑missjonijiet legali tiegħu sabiex jiġu osservati r-regoli ta’ etika, għaliex kien hemm riskju ta’ preġudizzju għall-fondi pubbliċi. Il-ftehim l-oħra msemmija mill-Kummissjoni relatati ma’ ftehim ma’ stabbilimenti ta’ saħħa pubblika (premessi 147 sa 151 u 153 tad‑deċiżjoni kkontestata) u ma’ organi ta’ assigurazzjoni għall-mard (premessi 144, 145 u 152 tad-deċiżjoni kkontestata) kien fihom tnaqqis li minnu ma kienx jibbenefika l-pazjent u li ma huwiex ta’ natura li jiżgura l-aħjar kwalità ta’ kura, iżda kienu jixhdu potenzjalment atti ta’ kompetizzjoni żleali. Huwa fil-kuntest tal-istħarriġ tiegħu a posteriori li s-CCG ifformula osservazzjonijiet fir-rigward tagħhom filwaqt li fakkar il-prinċipji ddikjarati fl-Artikolu R 4235‑75 tal-KSP, iżda ma bgħatx ittri ta’ “rkupruˮ u qatt ma għamel użu mis-setgħa dixxiplinari tiegħu.

304    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Ordni filwaqt li tfakkar, essenzjalment, li l-ksur tal-Ordni fil-qasam ta’ tnaqqis huwa ksur minħabba l-għan.

305    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċetti ta’ “akkordjuˮ, ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni bejn impriżiˮ u ta’ “prattiċi miftiehmaˮ fl-Artikolu 101(1) TFUE jindikaw, mil-lat suġġettiv, forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li ma jistgħux jiġu distinti ħlief bl-intensità tagħhom u bil-forom li bihom huma jimmanifestaw ruħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

306    Barra minn hekk, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura antikompetittiva tagħhom, għandha tingħata attenzjoni lill-kontenut tad‑dispożizzjonijiet li jistabbilixxuhom, lill-għanijiet li oġġettivi li huma intiżi jilħqu, u lill-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jinsabu (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 305 hawn fuq, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

307    Sussegwentement, il-ġurisprudenza tispeċifika li d-distinzjoni bejn “ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba r-riżultat” tirrigwarda l-fatt li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall‑funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (sentenzi T-Mobile Netherlands et, punt 305 iktar ’il fuq, punt 29, u Allianz Hungária Biztosító et, punt 61 iktar ’il fuq, punt 35).

308    B’hekk, huwa rrikonoxxut li ċertu aġir kollużorju, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali ta’ kartelli, jista’ jkun ikkunsidrat li tant huwa probabbli li jkollu effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità u l-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi li jista’ jitqies li huwa inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jiġi pprovat li għandu effetti konkreti fuq is-suq (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 1985, Clair, 123/83, Ġabra p. 391, punt 22).

309    F’każ li l-analiżi ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma turix livell suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, ikun meħtieġ, bil-kontra, li jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex dan jiġi pprojbit, li jiġu ssodisfatti l-elementi kollha li jistabbilixxu li kien hemm, fil-fatt, ostakolu, jew restrizzjoni, jew distorsjoni, tal-kompetizzjoni b’mod sostanzjali (sentenza Allianz Hungária Biztosító et, punt 61 iktar ’il fuq, punt 34, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

310    Sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jinvolvix livell suffiċjenti ta’ ħsara sabiex jiġi kkunsidrat restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal‑Artikolu 101(1) TFUE jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-kontenut tad‑dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li huwa intiż li jikseb kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li huwa parti minnu. Fil-kuntest tal‑evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas‑swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Allianz Hungária Biztosító et, punt 61 iktar ’il fuq, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

311    F’dan il-każ, l-ewwel nett hemm lok li jitfakkar li mill-eżami tat-tmien motiv jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi qieset li l‑aġir tal-Ordni fil-qasam tat-tnaqqis kien jirriżulta minn interpretazzjoni estensiva tal-kuntest leġiżlattiv applikabbli b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet legalment tevalwah mill-perspettiva tal‑Artikolu 101(1) TFUE.

312    Sussegwentement, mill-Kapitolu 5.1 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-parti tal-Kapitolu 7 tagħha ċċitata fil-punt 274 hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni tistrieħ fuq provi dokumentali sabiex tibbaża l‑konklużjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur minħabba l-għan li jikkonsisti fi ftehim orrizontali fuq il-prezzijiet, minkejja li, fil‑premessa 754 li tirrigwarda l-gravità tal-ksur, hija tikkonċedi li dan ma kienx każ tipiku.

313    B’hekk, dan il-ksur jibda, skont il-Kummissjoni, bid-deċiżjoni meħuda fil-laqgħa amministrattiva tas-CCG tal-11 ta’ Diċembru 2003, imsemmija b’mod partikolari fil-premessi 139 u 662 tad-deċiżjoni kkontestata, li “jiġu ddefiniti ċerti regoli li jirrigwardaw il‑kundizzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratti ta’ kollaborazzjoni konklużi bejn il-laboratorjiˮ. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni tikkunsidra korrettament li ma huwiex parti mill‑missjonijiet ta’ servizzi pubbliċi mogħtija mill-Istat Franċiż lill-Ordni li tieħu deċiżjonijiet f’dan il-qasam.

314    Il-Kummissjoni ssemmi wkoll minuti ta’ laqgħa amministrattiva tas-CCG tal-15 ta’ April 2004 li minnhom jirriżulta li dan iddeċieda li jitlob informazzjoni mingħand ċerti organi speċjalizzati fil-profitabbiltà medja globali ta’ laboratorji ta’ bijoloġija medika “qabel ma jiddeċiedi dwar dawn il-kuntratti u ftehim differentiˮ.

315    Dokument ieħor kruċjali huma l-minuti tal-laqgħa amministrattiva tas‑CCG tal-14 ta’ Settembru 2005 iċċitati fil-premessi 141 u 666 u diġà msemmija fil-kuntest tat-tmien motiv (ara l-punt 263 hawn fuq). Skont il-Kummissjoni, f’din l-okkażjoni, l-Ordni fformalizzat il-politika tagħha. Kif irrilevat fid-deċiżjoni kkontestata, dawn il-minuti jgħidu, fir‑rigward ta’ kuntratt konkluż bejn laboratorju u sptar universitarju, li “l-Kunsill jikkonferma l-osservazzjonijiet magħmula fil-korrispondenza preċedenti, jiġifieri li kull tnaqqis għandu jkun stabbilit b’moderazzjoni u li tnaqqis ta’ iktar minn 10 % ma jonorax il‑professjoni tagħnaˮ u “ma għandux ikun hemm użanzi fil-qasam tat-tnaqqisˮ.

316    Għandu jiġi kkonstatat li, apparti l-argument ta’ portata ġenerali li l-aġir tagħha jirriżulta minn applikazzjoni tal-liġi, l-Ordni ma tressaq l-ebda argument dwar il-minuti inkwistjoni u l-fatt li minnhom toħroġ id‑deċiżjoni tagħha li tintervjeni dwar it-termini ta’ kuntratti ta’ kollaborazzjoni jew ta’ tnaqqis mogħti lil xi klijenti ta’ laboratorji. Madankollu dawn huma dokumenti importanti fil-katina ta’ provi stabbiliti mill‑Kummissjoni, b’mod partikolari għaliex id-deċiżjoni tal-korpi tal‑Ordni li jopponu ruħhom għal tnaqqis ta’ ċertu livell tista’ tiġi dedotta minnhom.

317    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistrieħ fuq sensiela ta’ ittri bejn is-sena 2004 u s-sena 2008 insostenn tal-konklużjoni tagħha tal-eżistenza ta’ prattika li jiġu imposti prezzijiet minimi (jew livell massimu ta’ tnaqqis). Fuq talba tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssottomettiet kopji ta’ wħud minn dawn l-ittri indirizzati lil laboratorji u minuti ta’ laqgħat interni tal‑Ordni fil-kuntest ta’ liema jitfakkar kull darba li tnaqqis, ġeneralment imsejjaħ “maħfra”, ta’ ċertu livell ogħla minn 10 % ma jonorax il-professjoni u jista’ jagħti lok għal aġir antikompetittiv.

318    Barra minn hekk, fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni tirreferi għal ittri tal-Ordni mas-SEL Eimer fil-kuntest ta’ liema l-Ordni wriet tħassib dwar il-livell ta’ tnaqqis mogħti u dwar liema d-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, tal-Konsum u tal-Ġlieda Kontra l-Frodi Franċiż (DGCCRF), adita mill-Ordni, iddikjarat fl-2009 li l-ispedizzjoni tal-ittri inkwistjoni setgħet tiġi analizzata “fis-sens li għandha bħala għan jew bħala effett potenzjali li tillimita l-libertà kummerċjali tal-impriżi, billi tħajjarhom jadottaw aġir tariffarju mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż effettivi tagħhomˮ.

319    Ittri oħrajn imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata jikkonfermaw ukoll l‑analiżi tal-Kummissjoni sa fejn jirrigwardaw sitwazzjonijiet, bħal dawk iċċitati fil-premessi 150 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata, li fil‑kuntest tagħhom l-Ordni ma rreaġġixxietx fir-rigward ta’ tnaqqis stabbilit b’rata inqas minn 10 %.

320    Iktar minn hekk, l-Ordni lanqas ma tressaq argumenti dwar l-ittri skambjati bejnha u bejn il-laboratorji diskussi fil-premessi 155 sa 158 tad‑deċiżjoni kkontestata dwar l-intervent tagħha relatat ma’ kuntratti li jirrigwardaw analiżi ta’ bijoloġija medika magħmula fil‑kuntest tal-mediċina fil-qasam tax-xogħol. Kif il-Kummissjoni tfakkar fil‑premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr kontestazzjoni fuq dan il-punt mill-Ordni, tali analiżi ma humiex irrimborsati mill‑organi ta’ assigurazzjoni għall-mard, b’tali mod li l-prezz tagħhom huwa ffissat liberament u n-negozjar tiegħu jaqa’ fis-sistema komuni tal-libertà tal-prezzijiet prevista mill-KTK.

321    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-provi msemmija fil-punti 313 sa 320 hawn fuq juru deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tista’ tiġi interpretata bħala ftehim orizzontali ta’ ffissar indirett ta’ prezz permezz tal-iffissar ta’ livell massimu ta’ tnaqqis awtorizzat mill-atturi tas-suq, b’mod partikolari ta’ 10 % fir-rigward tal-prezz ta’ rimbors konvenzjonali f’kuntest fejn, sal-2010, il-liġi kienet tawtorizza lill‑laboratorji jipprattikaw prezzijiet irħas.

322    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku deskritt fid‑deċiżjoni kkontestata, jiġifieri b’mod partikolari dak ta’ suq ta’ servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika rregolat u protett li jħalli biss possibbiltà mnaqqsa ta’ kompetizzjoni fuq il-prezzijiet permezz ta’ tnaqqis għall-analiżi magħmula fil-kuntest tal-mediċina fil-qasam tax-xogħol, bejn laboratorji u ma’ stabbilimenti ta’ kura jew organi ta’ sigurtà soċjali, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod korrett li d-deċiżjonijiet u l‑prattiki li bihom ġiet ikkritikata l-Ordni u ddokumentati fid-deċiżjoni kkontestata kienu intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet tas-suq li l-għan antikompetittiv tagħhom ma jistax jiġi kkontestat. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 308 hawn fuq, il-Kummissjoni setgħet tikklassifikahom li jmorru kontra l-Artikolu 101(1) TFUE mingħajr ma turi l-effetti konkreti tagħhom fuq is-suq.

323    Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni qieset, fil-premessi 703 sa 706 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 101(3) TFUE ma kinux japplikaw, peress li l-Ordni, mill-proċedura amministrattiva ’l hawn, ma ressqet l-ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija eċċezzjonijiet japplikaw. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva, sussidjarjament, li r‑restrizzjonijiet imsejħa “ikkaratterizzatiˮ ma joħolqux vantaġġi ekonomiċi oġġettivi u ma jibbenefikawx lill-konsumaturi u li, fi kwalunkwe każ, f’din il-kawża, l-ebda element ma jissuġġerixxi li l‑kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE huma ssodisfatti. L-analiżi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar din id-dispożizzjoni ma hijiex ikkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

324    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tal-Ordni bbażat fuq allegat numru insuffiċjenti ta’ ittri msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex determinanti sabiex tiġi kkontestata l‑konklużjoni li min-naħa tagħha kien hemm aġir partikolarment ta’ ħsara għall-bqija tal-kompetizzjoni, permessa minn leġiżlazzjoni li għall-bqija hija restrittiva.

325    Ċertament, biss 18-il ittra ssemmew fuq perijodu ta’ 5 snin. Madankollu l-Kummissjoni ssostni korrettament fil-premessa 221 tad‑deċiżjoni kkontestata li dan in-numru żgħir ta’ ittri jista’ wkoll ikun spjegat bil-fatt li l-Ordni ħolqot id-dixxiplina.

326    Bl-istess mod, f’dan il-kuntest, ma hijiex determinanti il-kwistjoni dwar jekk, kif sostniet l-Ordni, l-ittri inkwistjoni kienu jsemmu wkoll, jew saħansitra b’mod prinċipali (jiġifieri, fl-opinjoni tagħha, fil-każ ta’ 11-il ittra minn 18) laboratorji żgħar. Anki jekk ir-risposta tal-Kummissjoni għal dan l‑argument, li din tikkostitwixxi sempliċement prova tal-inkoerenza tal‑politika tagħha fir-realtà ma tikkonvinċix, għandu jiġi rrilevat li l‑approċċ konkret tal-Ordni fir-rigward ta’ laboratorji sabiex tipprova timplementa politika restrittiva tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-prezzijiet ma hijiex inqas illegali jekk hija tirreferi għal laboratorji żgħar jew għal laboratorji kbar.

327    Għall-bqija, l-argument tal-Ordni li l-għan tagħha fir-rigward ta’ tnaqqis kien iktar li tipproteġi s-saħħa pubblika billi tiżgura l-osservanza tal‑prinċipju ta’ indipendenza professjonali tal-ispiżjar-bijologu milli li tipproteġi l-laboratorji ż-żgħar, mill-eżami tat-tmien motiv u minn dak tat-tieni parti tad-disa’ motiv hawn fuq jirriżulta li l-azzjoni tal-Ordni fir-rigward ta’ tnaqqis tistrieħ fuq interpretazzjoni estensiva tal-kuntest legali. Fl-assenza ta’ setgħa leġiżlattiva f’dan il-qasam, l-Ordni kellha taġixxi fil-kuntest strett tal-liġi. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-Ordni setgħet issegwi għan leġittimu ma jeskludix li l-azzjoni tagħha fir-rigward ta’ tnaqqis tista’ titqies li għandha għan li jirrestrinġi l‑kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, Ġabra p. I‑8637, punti 19 sa 21), sakemm dan tal-aħħar ikun stabbilit, u dan bla dubju huwa l-każ hawnhekk.

328    Barra minn hekk, il-fatt li l-Ordni finalment ħarġet parir favorevoli f’ċerti każijiet ta’ taqsim ta’ onorarji ma jikkontestax in-natura illeċita tal-intervent inizjali tagħha li jikkonkretizza deċiżjoni li tirrestrinġi l‑kompetizzjoni.

329    Bl-istess mod, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tużax terminu b’saħħtu wisq meta titkellem dwar il-fatt li ntbagħtu “ittri ta’ rkupruˮ, mill-eżempji ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Ordni, f’tal-linqas żewġ każijiet, wara li kisbet spjegazzjonijiet mil‑laboratorju msemmi dwar ċertu tnaqqis mogħti, żammet il-pożizzjoni tagħha (ara l-eżempji ċċitati fil-premessi 150 u 159 tad-­deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, jekk intbagħtux jew le ittri ta’ rkupru, jew ir-rekwiżit espliċitu ta’ bidliet kuntrattwali, lanqas ma huma determinanti sabiex jiġi evalwat jekk kienx hemm ksur minħabba l-għan tal-Artikolu 101 TFUE.

330    L-istess japplika fir-rigward tal-kwistjoni dwar sa fejn l-Ordni heddiet li tuża s-setgħa dixxiplinari sabiex tirreaġixxi għal dak li hija kienet tikkunsidra bħala devjazzjonijiet. Madankollu, għandu jiġi speċifikat li, fid‑dawl tal-provi eżaminati hawn fuq, ma jistax jiġi miċħud li l-Ordni rreferiet impliċitament għall-użu tal-imsemmija setgħa meta semmiet l‑eżistenza ta’ prattiki potenzjalment mhux denji ta’ ko-fraternità.

331    Finalment, fir-rigward tal-fatt li ċerti interventi tal-Ordni jirrigwardaw ftehim li potenzjalment jinkludu atti ta’ kompetizzjoni żleali, l-argument diġà ġiet eżaminat fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv. F’dan ir-rigward, ġie rrilevat li dan l-argument ma ntużax mill-Ordni b’mod astratt, peress li ma ġiet prodotta l-ebda prova konkreta ta’ kompetizzjoni żleali fl-ittri msemmija.

332    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tad-disa’ motiv għandha tiġi miċħuda kif ukoll, konsegwentement, id-disa’ motiv kollu kemm hu.

 Fuq il-kontestazzjoni tan-natura unika u kontinwata tal-ksur

333    Skont il-Kummissjoni, l-Ordni tidher qed tikkontesta għall-ewwel darba fir-replika n-natura unika u kontinwata tal-ksur, u b’hekk tqajjem motiv ġdid inammissibbli. Barra minn hekk, fl-opinjoni tagħha, l-Ordni ma tressaq l-ebda argument insostenn ta’ dan l-allegat motiv, u dan jirrendih ukoll inammissibbli.

334    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal‑Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal‑kawża u għandu jkollu sunt tal-motivi mressqa u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża sa kemm dawn il‑motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi żvilupp ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2008, Alferink et vs Il‑Kummissjoni, T‑94/98, Ġabra p. II‑1125, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

335    F’din il-kawża, fir-replika, l-Ordni tikkontesta l-eżistenza ta’ hekk imsejjaħ pjan ġenerali li “jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwatˮ. Din hija struttura artifiċjali li ma treġix għal analiżi tal-fatti.

336    Hemm lok li jiġi eżaminat jekk, sa fejn huwa possibbli li minn dan l‑argument tiġi dedotta kontestazzjoni tan-natura unika u kontinwata tal‑ksur, dan huwa motiv ġdid.

337    F’dan ir-rigward, żewġ passaġġi tar-rikors jagħmlu riferiment indirett għall-pjan ġenerali, element kruċjali fl-analiżi tal-Kummissjoni fir‑rigward tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat.

338    Minn naħa, fis-seba’ motiv kif iddikjarat fir-rikors, l-Ordni ssostni li l‑Kummissjoni marret lil hinn mill-mandat tal-ispezzjoni billi waqt l‑ispezzjoni ssekwestrat dokumenti li jirrigwardaw il-prezzijiet, u dan kien iwassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Fir-replika l‑Ordni żżid li l-Kummissjoni ppruvat torbot b’mod artifiċjali u a posteriori l-kwistjoni marbuta mal-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji u dik marbuta mat-tnaqqis sabiex tiġġustifika l-użu ta’ provi miġbura matul l-ispezzjoni fi pjan ġenerali.

339    Min-naħa l-oħra, l-Ordni tikkontesta, fil-kuntest tal-ewwel parti tad‑disa’ motiv ippreżentat fir-rikors tagħha, il-kunsiderazzjoni tal‑Kummissjoni li l-għan prinċipali tagħha fil-qasam ta’ tnaqqis kien li tindirizza l-gruppi, fid-dawl tan-numru kbir ta’ laboratorji żgħar ikkonċernati mill-ittri invokati.

340    Id-disa’ motiv imqajjem fir-rikors jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il‑Kummissjoni pprovatx b’mod suffiċjenti fid-dritt il-ksur tal‑Artikolu 101 TFUE fir-rigward tal-politika ta’ tnaqqis tal-Ordni. Huwa sempliċement sabiex issostni, fil-kuntest tal-ewwel parti, li l‑Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li hija kienet b’mod sistematiku, sabiex tipproteġi l-interessi tal-laboratorji ż-żgħar, ipprovat timponi prezz minimu fis-suq tas-servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika, li l-Ordni tirreferi għan-numru kbir ta’ laboratorji żgħar ikkonċernati mill-ittri tagħha dwar tnaqqis.

341    Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors l-Ordni, la bl-argument imqajjem insostenn tas-seba’ motiv, u lanqas fil-kuntest tal-ewwel parti tad-disa’ motiv, ma invokat, anki jekk b’mod indirett, kontestazzjoni tan-natura unika u kontinwata tal-ksur.

342    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv li jikkontesta n-natura unika u kontinwata tal-ksur, imqajjem għall-ewwel darba fir-replika, ma jistax jitqies li huwa l-iżvilupp ta’ motiv imsemmi preċedentement. Fid-dawl tat-tardività tiegħu, huwa għandu, għalhekk, jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Konklużjoni fuq l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Wouters u l-motivi insostenn tat-talba għal annullament

343    F’dan l-istadju tal-eżami, għad hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Wouters għal dan il-każ.

344    Mill-eżami tat-tieni u tat-tielet motivi mwettaq hawn fuq jirriżulta li l‑aġir tal-Ordni dwar l-obbligi ta’ komunikazzjoni tas-SEL jirrigwarda, minn naħa, l-insistenza mhux iġġustifikata min-naħa tagħha fuq l-issuġġettar tad-dħul fis-seħħ ta’ bidliet tas-SEL matul il-ħajja tagħhom għal kundizzjoni sospensiva u l-bidla ta’ dokumenti ta’ ċerti kumpanniji f’dan is-sens u, min-naħa l-oħra, talbiet ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni mhux mitluba mil-liġi b’theddida ta’ sanzjonijiet, b’mod partikolari, fil-konfront tas-SEL tal-grupp Labco, identifikati mill-awtoritajiet ta’ tmexxija tal-Ordni bħala li jikkostitwixxu theddida.

345    Dawn l-atti jmorru lil hinn, fi kwalunkwe każ, mir-rwol konsultattiv tal‑Ordni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ approvazzjoni mill-prefett u lanqas ma huma ġġustifikati bil-fatt li l-Ordni tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjonijiet tal-prefettura għall-ġestjoni tar-reġistru, peress li dan l‑aħħar eżerċizzju huwa bbażat fuq dispożizzjonijiet proprji. L‑Ordni għalhekk ma tistax tippretendi li taġixxi bħala sempliċi estensjoni tas-setgħa tal-prefett f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni ssostni b’mod korrett, l-Ordni ma għandhiex setgħa leġiżlattiva.

346    Barra minn hekk, mill-eżami tat-tielet motiv jirriżulta li l‑interpretazzjoni stretta tar-regoli kkunsidrati mill-Ordni għat-talbiet tagħha għal informazzjoni fir-rigward ta’ movimenti ta’ azzjonijiet fi ħdan is-SEL ma tistax tkun iġġustifikata fid-dawl tal-missjoni tagħha ta’ verifika a posteriori tad-dispożizzjonijiet legali. Sabiex tiġi eskluża l‑applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, ma jistax għaldaqstant jiġi invokat fir-rigward tal-aġir inkwistjoni l-argument li l-eventwali effetti tiegħu li jirrestrinġu l-kompetizzjoni huma meħtieġa għall-eżerċizzju tajjeb tal-professjoni kif irregolata mil-liġi, kif ġie ddikjarat fir-rigward ta’ ċerti regoli tal-Ordni tal-Avukati fil-punti 109 u 110 tas‑sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq.

347    Barra minn hekk, l-aġir tal-Ordni fil-qasam tal-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji, inkwistjoni fir-raba’ u fil-ħames motivi, jew fir-rigward tat‑tnaqqis, jiġu analizzati bl-istess mod. Ċertament, l-Ordni għandha tiżgura l-osservanza tal-obbligi ta’ etika fil-kuntest tal-missjonijiet legali tagħha, fosthom id-difiża tal-indipendenza tal-ispiżjar-bijologu u l‑promozzjoni tas-saħħa pubblika. Madankollu, l-azzjoni tagħha għandha tkun fil-kuntest legali maħluq mil-leġiżlatur u mill-awtoritajiet amministrattivi, peress li l-Ordni stess ma għandhiex setgħa leġiżlattiva. Għalhekk, meta din tal-aħħar taġixxi abbażi ta’ interpretazzjoni kuntrarja għas-sens litterali tat-testi, jew saħansitra tadotta l-interpretazzjoni l-iktar restrittiva tagħhom fil-kuntest ta’ ċerta strateġija, l-aġir tagħha ma jistax jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE abbażi tal-argument li huwa inerenti sabiex jintlaħaq għan leġittimu. Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward u b’mod korrett, li ma huwiex korp li jirrappreżenta persuni privati li għandu jestendi l-kamp ta’ protezzjoni tal-liġi għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ grupp meta l-leġiżlatur ikun stabbilixxa l-limiti tal-protezzjoni offruta u jkun ħalla l-possibbiltà ta’ ċerta kompetizzjoni.

348    Il-prinċipji li joħorġu mis-sentenza Wouters, punt 21 iktar ’il fuq, għalhekk ma jippermettux li jiġi kkunsidrat, b’mod ġenerali, li l-aġir restrittiv tal-Ordni msemmi fid-deċiżjoni kkontestata ma jaqax taħt il‑projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

349    Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

350    Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet għal annullament.

2.     Fuq it-talba sussidjarja għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

351    Għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill‑Kummissjoni jiġi kkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiha, li għandha l‑qorti tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l‑Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew tal-pagamenti ta’ penalità imposti.

352    Għalhekk hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tevalwa, fid-data li fiha tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk ġietx imposta fuq ir-rikorrenti multa li l-ammont tagħha jirrifletti korrettament il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

353    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju ta’ kontradittorju (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 64).

354    F’din il-kawża, kif espost fil-punt 11 hawn fuq, il-Kummissjoni applikat il-punt 37 tal-Linji gwida sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa. Din id-dispożizzjoni tipprovdi kif ġej:

“Għalkemm dawn il-Linji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall‑iffissar tal-multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija jew mal-limiti stabbiliti fil-punt 21.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

355    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tiffissa l-ammont tal-multa fil‑premessa 769 tad-deċiżjoni kkontestata għal EUR 5 miljun b’mod astratt, anki jekk fiha ssemmi l-fatturi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l‑multa. L-iffissar tal-ammont tal-multa huwa diskuss fil-premessi 746 sa 772 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dawn jirriżulta li l-Kummissjoni ffissat il-multa billi ħadet inkunsiderazzjoni n-natura serja ħafna tal-ksur, il-fatt li hija tirrigwarda suq importanti, il-fatt li din il-kawża hija l-ewwel każ li fih l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jista’ jiġi applikat kif ukoll il-fatt li huwa possibbli li l-membri tal-Ordni ma saritx taf b’mod komplet il-portata tad-dispożizzjonijiet applikabbli. Hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll in-natura mhux sigrieta tal-aġir inkwistjoni. Fir-rigward tat-tul tal-ksur uniku u kontinwat, il-Kummissjoni qieset li dan kien perijodu totali ta’ sitt snin, fosthom sentejn u 11-il xahar li matulhom iż‑żewġ manifestazzjonijiet tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ġew stabbiliti. Finalment, il-Kummissjoni ċaħdet iċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mill-Ordni.

356    Il-Qorti Ġenerali tirrileva, preliminarjament, li l-Ordni ma tikkontestax l-iffissar tal-ammont tal-multa b’mod astratt. F’dan ir-rigward, anki li kieku kien mixtieq li l-Kummissjoni tagħti, fid-deċiżjoni kkontestata, motivazzjoni f’ċifri li tippermetti li jiġu bbilanċjati l-parametri differenti rilevanti sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, huwa veru li din madankollu ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni speċifikat il-punti ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tevalwa l-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 463 u 464, u l-ġurisprudenza ċċitata).

357    Filwaqt li ma tikkontestax l-applikazzjoni tal-punt 37 tal-Linji gwida fil‑każ tagħha, l-Ordni titlob tnaqqis tal-ammont tal-multa għal diversi raġunijiet.

358    Fl-ewwel lok, skont l-Ordni, f’dan il-każ messha ġiet ikkunsidrata l-possibbiltà li ma tingħatax multa, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. L-iktar l-iktar, jekk kellha tiġi imposta multa, din kellha tkun waħda simbolika, għaliex din kienet tkun miżura dissważiva biżżejjed u proporzjonali fil-każ ta’ awtorità li ngħatat missjonijiet ta’ servizz pubbliku li ma tagħmilx profitt. Hija tfakkar ukoll li l-effett dissważiv ta’ eventwali multa huwa nnewtralizzat minn meta ġie adottat id‑digriet Nru 2010‑49 dwar it-tnaqqis. Finalment, il-Kummissjoni kellha tapplika fil-konfront tagħha l-istess trattament bħal dak irriżervat għall-Ordni tal-Periti Belġjana fid-deċiżjoni tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2004 (Kawża COMP/A.38549 — Ordni tal-Periti Belġjana), li kienet ġiet ikkundannata multa ta’ EUR 100,000 biss għal ftehim orizzontali fuq il‑prezzijiet.

359    F’dan ir-rigward, anki jekk l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprevedi li l-impożizzjoni ta’ multa hija possibbiltà offruta lill‑Kummissjoni u fl-ebda każ ma hija l-konsegwenza loġika u awtomatika tal-konstatazzjoni ta’ ksur, iħalli fid-diskrezzjoni tagħha d‑deċiżjoni jekk timponix multa jew le meta hija tikkonstata ksur tal‑Artikolu 101 TFUE, multa simbolika, jew saħansitra l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa, ma kinitx meħtieġa f’dan il-każ.

360    Fir-rigward tal-multa ta’ EUR 100 000 imposta fuq l-Ordni tal-Periti Belġjana għaliex ġiegħlet lill-membri tagħha jużaw prezz minimu, għandu jitfakkar li prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li deċiżjonijiet li jirrigwardaw kawżi oħra jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eventwali eżistenza ta’ diskriminazzjoni, peress li ma tantx huwa probabbli li ċ-ċirkustanzi speċifiċi għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, ikunu identiċi (ara s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone-Lorrain vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

361    Barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni kienet l‑ewwel iffissat ammont bażiku tal-multa ta’ EUR 4 500 000, li madankollu tnaqqas għal EUR 100 000 billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija multa ġiet imposta fl-2004, fil-mument li fih il-Kummissjoni kienet fil‑bidu tar-riflessjoni tagħha dwar il-kompetizzjoni fis-settur tal‑professjonijiet liberi. Fid-data tal-ksur imwettaq mill-Ordni, il‑Kummissjoni kienet diġà ppubblikat rapport dwar il-kompetizzjoni fis-settur tal-professjonijiet liberi li kien fih rakkomandazzjonijiet lill‑Istati Membri dwar dan is-suġġett. Ċirkustanza oħra li kienet differenti f’dawn iż-żewġ kawżi huwa l-fatt li l-Ordni tal-Periti Belġjana, kuntrarjament għall-Ordni, kienet immedjatament biddlet il‑prattiki tagħha fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni.

362    Fir-rigward tal-fatt li n-natura dissważiva ta’ multa imposta f’dan il‑każ hija nnewtralizzata bil-bidla leġiżlattiva li seħħet fl-2010, jiġifieri bl‑adozzjoni tad-digriet Nru 2010‑49 li pprojbixxa t-tnaqqis mingħajr eċċezzjoni (ara l-punt 242 hawn fuq), għandu jiġi rrilevat li n-natura dissważiva tirreferi fuq kollox għal eventwali ksur futur tad-dritt tal‑kompetizzjoni li ma għandux neċessarjament jirrigwarda l-istess tip ta’ ksur bħall-aġir imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-aġir tal-Ordni fir-rigward tat-tnaqqis jirrigwarda biss parti mill-ksur uniku u kontinwat ssanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk l‑argument huwa ineffettiv.

363    Bl-istess mod, il-fatt li l-Ordni ma tagħmilx profitt u teżerċita missjonijiet ta’ servizz pubbliku ma jeskludix li hija tista’, fl-eżerċizzju konkret tagħhom, tagħti vantaġġ lil ċerti interessi privati b’tali mod li dan l-argument lanqas ma għandu jiġġustifika l-assenza ta’ multa jew l‑impożizzjoni ta’ multa simbolika. Il-fatt li, skont l-Ordni, wieħed ma jistax jimmaġina li l-ordni professjonali maħluqa mil-liġi ma tirrispettax ordni mogħtija minn istituzzjoni Ewropea huwa, barra minn hekk, argument purament spekulattiv li lanqas ma jista’ jkun determinanti f’dan ir-rigward.

364    Fit-tieni lok, fir-replika l-Ordni ssostni li mir-risposta jirriżulta li l‑Kummissjoni naqset, b’mod żbaljat, milli tieħu inkunsiderazzjoni żewġ punti li jippermettu tnaqqis tal-ammont tal-multa, jiġifieri, minn naħa, il‑kollaborazzjoni spontanja tagħha dwar il-prezz fil-kuntest tar-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 18(2) tar‑Regolament Nru 1/2003, u, min-naħa l-oħra, li marret lil hinn mill‑mandat tal-ispezzjoni, li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Il-Qorti Ġenerali għandha, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni din l-aħħar irregolarità proċedurali, anki fil-każ li hija tiddeċiedi li din ma għandhiex twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

365    Mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tal‑Kummissjoni li dawn l-argumenti huma inammissibbli, għaliex huma tardivi skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, huma għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, mill-eżami tal-motivi insostenn tat-talba għal annullament magħmul hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mill-mandat tal‑ispezzjoni u ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tal-Ordni. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq allegata kooperazzjoni spontanja tal-Ordni fir‑risposta tagħha tal-10 ta’ Frar 2009 għat-talba għal informazzjoni tal‑Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2009, din tal-aħħar issostni b’mod korrett li l-aspett tariffarju tal-ksur ma jirriżultax minn ammissjoni jew minn żvelar magħmul b’mod spontanju mill-Ordni, għaliex kien abbażi ta’ informazzjoni diġà fil-pussess tagħha, b’mod partikolari l-minuti tal‑laqgħat tal-korpi tal-Ordni, li hija talbet iktar informazzjoni fir‑rigward tal-prattiki fil-qasam ta’ tnaqqis.

366    Fit-tielet lok, l-Ordni tinvoka ċerti ċirkustanzi partikolari għal din il‑kawża li jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa.

367    Fl-opinjoni tagħha, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tagħha ċirkustanzi attenwanti fid-dawl tal-fatt li l-aġir tagħha dwar it‑tnaqqis kellu biss effetti marġinali, li ma kinitx l-intenzjoni tagħha li tiffavorixxi l-laboratorji ta’ daqs żgħir, li l-prattika tagħha marbuta mal‑iżvilupp ta’ laboratorji kienet intiża għall-protezzjoni tal-indipendenza tal-ispiżjar u kienet konformi mal-liġi, li l-aġir inkwistjoni kien ta’ natura pubblika u li l-affiljazzjoni tal-membri tagħha kienet obbligatorja.

368    Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura pubblika tal-aġir inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tispeċifika li ħaditha inkunsiderazzjoni fil-premessa 756 tad-deċiżjoni kkontestata billi indikat li dan ma kienx aġir li għandu jitqies li huwa partikolarment serju.

369    Bl-istess mod, fir-rigward tan-natura obbligatorja tal-affiljazzjoni, il‑Kummissjoni tindika fil-premessa 757 tad-deċiżjoni kkontestata li ħaditha inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fl‑iffissar tal-ammont tal-multa għaliex impriżi jistgħu jinżammu responsabbli għall-konsegwenzi tal-atti tal-Ordni irrispettivament mil-livell ta’ involviment reali tagħhom. Fil-fatt, huwa evidenti li dan il-livell ta’ involviment seta’ jvarja u li, kif ġie rrilevat fil‑premessa 754 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti deċiżjonijiet setgħu ġew imposti fuq il-membri tal-Ordni kontra l-volontà tagħhom.

370    Dawn il-punti għandhom madankollu jiġu bbilanċjati bil-karatteristiċi l-oħra tal-ksur. B’hekk, l-aġir li jirrigwarda t-tnaqqis huwa forma ta’ ftehim orizzontali fuq il-prezzijiet li huwa kkunsidrat fost ir-restrizzjonijiet l-iktar serji tal-kompetizzjoni. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet intiżi sabiex jipprekludu l‑iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji, dawn huma ostakoli għall‑produzzjoni, għall-iżvilupp tekniku u għall-investimenti fis-suq li setgħu b’mod raġonevoli jkollhom l-effett li jittardjaw l-azzjoni fis-suq Franċiż minn gruppi internazzjonali u li joħolqu kompartimentalizzazzjoni fis-suq intern, kif il‑Kummissjoni tfakkar fil-premessa 755 tad-deċiżjoni kkontestata. Fid‑dawl ukoll tat-tul tal-ksur (ara l-punt 355 hawn fuq) kif ukoll tad‑daqs tas-suq affettwat, ta’ valur stmat għal EUR 4.4 biljun fl‑2008 (premessa 759 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll tal-fatt li l‑impatt tal-azzjoni tal-Ordni kien kunsiderevoli peress li l‑ispiżjara-bijologi rreġistrati fir-reġistru għandhom parti kumulattiva tas-suq ta’ 95 % tal-provvisti ta’ servizzi ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi invokati ma kinux bidlu n-natura serja tal-ksur.

371    It-tieni nett, fir-rigward tal-fatt li l-ksur dwar it-tnaqqis kellu biss effett żgħir u li, b’mod partikolari, l-aġir dwar it-tnaqqis ma kienx intiż sabiex jipproteġi l-laboratorji ż-żgħar, għandu jitfakkar li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal‑ammont adegwat tal-multa u li elementi oħra, bħall-element intenzjonali, jistgħu jkunu iktar importanti minn dawk relatati mal‑imsemmija effetti f’dan il-kuntest, speċjalment meta l-ksur ikun intrinsikament serju bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, T‑138/07, Ġabra p. II‑4819, punt 222, u l-ġurisprudenza ċċitata).

372    Mill-eżami tat-talbiet għal annullament hawn fuq jirriżulta li l‑Kummissjoni għandha provi dokumentali li juru, minn naħa, l‑intenzjoni tal-awtoritajiet ta’ tmexxija tal-Ordni li jwaqqfu l-iżvilupp ta’ ċerti strutturi ta’ grupp ta’ laboratorji u, min-naħa l-oħra, li jopponu tnaqqis li jaqbeż il-livell ta’ 10 %, għan li ma għandux bażi legali u li għalhekk ma jistax ikun iġġustifikat bir-riferiment għall‑protezzjoni tal-indipendenza tal-ispiżjar-bijologu jew tas-saħħa pubblika.

373    Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Kummissjoni, imfakkra fil‑premessa 761 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prattiki tat-tnaqqis ġew implementati ma setgħetx tiġi kkontestata b’suċċess mill-Ordni, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-eżami tal-ewwel parti tad-disa’ motiv hawn fuq.

374    Il-Kummissjoni għalhekk ma wettqitx żball meta ma tatx piż lil dawn l-elementi fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

375    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument dwar il-fatt li hija kienet biss interpretat il-liġi, l-Ordni ma ressqet l-ebda argument li jippermetti li tintlaħaq konklużjoni differenti minn dik tal-Kummissjoni li l‑interpretazzjoni tagħha tal-liġi kienet tmur kontra t-testi u kienet tagħmel parti minn loġika restrittiva tal-kompetizzjoni għall-maġġoranza l-kbira tal-aspetti tal-ksur uniku u kontinwat allegat fil-konfront tagħha. Il‑Kummissjoni ma wettqitx żball meta fil-premessa 768 tad‑deċiżjoni kkontestata ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti għall-argumenti invokati mill-Ordni bbażati fuq il-fatt li l‑aġir tagħha kien awtorizzat, u saħansitra inkoraġġut, mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-liġi.

376    Madankollu, din il-konklużjoni għandha tiġi kkwalifikata fir-rigward tal-ilmenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 450 et seq) dwar id-dħul fis-seħħ tal-bidliet ta’ statuti u ta’ kuntratti għas-SEL.

377    Fil-fatt, anki jekk mill-eżami tat-tieni motiv magħmul fil-punti 128 sa 157 hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni li jirriżulta minn interpretazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni Franċiża fir-rigward tad-dħul fis-seħħ immedjat tal-bidliet ta’ statuti u ta’ kuntratti għas-SEL matul il-ħajja tagħhom, madankollu fil-punt 155 hawn fuq ġie kkunsidrat li kienet ħasra li d-deċiżjoni ma ssemmi kważi xejn dwar l-impatt taċ-ċirkulari Nru 98‑585 f’dan il-kuntest, apparti r‑riferiment magħmul fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 562 għall-fatt li kien fiha interpretazzjoni differenti tas-sistema applikabbli meta hija tindika li “l-kumpannija għandha l-ewwel nett titlob l-approvazzjoni minħabba l-bidlietˮ.

378    Fil-fatt, anki jekk din iċ-ċirkulari u l-prattika tal-prefetti li tirriżulta minnha li jiġu adottati deċiżjonijiet li jibdlu l-approvazzjoni ma jikkontestawx il-legalità tal-analiżi tal-Kummissjoni, dawn huma ċirkustanzi li seta’ jkollhom influwenza fuq it-teħid ta’ pożizzjoni tal‑Ordni, li bihom ġiet ikkritikata. Indipendentement mill‑kwistjoni dwar il-legalità, fuq dan il-punt speċifiku, taċ-ċirkulari Nru 98‑585 u tal-prattika tal-prefetti, huma jistgħu jispjegaw l-analiżi difiża mill-Ordni ta’ sistema doppja: bidla tal-awtorizzazzjoni tal‑laboratorju suġġetta għal sistema dikjaratorja, iżda neċessità ta’ approvazzjoni ġdida għas-SEL li għandha natura sospensiva. L-ipoteżi ta’ din is-sistema doppja ma hijiex diskussa fid-deċiżjoni kkontestata.

379    Għalhekk, fid-dawl ukoll tal-fatt li mill-premessi 453 et seq tad‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta li diversi teħid ta’ pożizzjoni li bihom ġiet ikkritikata l‑Ordni fil-konfront tas-SEL saru qabel iċ-ċirkulari Nru 2005/206, hemm lok li jiġi kkunsidrat f’dan il-każ li l-Kummissjoni wettqet żball meta ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti għal din il-parti speċifika tal-ksur matul parti mill-perijodu kkonċernat, jiġifieri b’mod partikolari qabel id-dħul fis‑seħħ taċ-ċirkulari Nru 2005/206 fl-14 ta’ Novembru 2005.

380    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jintlaqa’ l-ilment dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti mill-Kummissjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa. Il‑konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan għall-iffissar tal-ammont tal-multa ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem.

381    Għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanza attenwanti identifikata fil‑punti 376 sa 379 hawn fuq tirrigwarda biss waħda mill-erba’ tipi ta’ deċiżjonijiet ikkunsidrati fil-konfront tal-Ordni fir-rigward tal-parti tal-aġir tagħha intiż sabiex jipprekludi l-iżvilupp tal-gruppi ta’ laboratorji. Barra minn hekk, hija tirrigwarda biss parti mill-perijodu li matulu ġew adottati atti ta’ dan it-tip (perijodu mill-aħħar tal-2003 sal-2005). Il‑Kummissjoni għandha provi fir-rigward ta’ deċiżjonijiet oħra meħuda fir-rigward tal-iżvilupp tal-gruppi ta’ laboratorji li jirrigwardaw il‑perijodu qabel l-2005.

382    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżball inkwistjoni jista’, b’mod raġonevoli, jagħti lok biss għal tnaqqis minimu tal-ammont tal-multa. Il‑Qorti Ġenerali tikkunsidra għalhekk li tnaqqis ta’ EUR 250 000 huwa xieraq sabiex dan jittieħed inkunsiderazzjoni, b’tali mod li l-multa imposta fuq l-Ordni għandha tiġi ffissata għal EUR 4 750 000.

383    Finalment, għad hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Ordni fir‑rigward tan-natura sproporzjonata jew mhux xierqa tal-multa, fid‑dawl tal-kapaċità finanzjarja dgħajfa tal-Ordni, b’tali mod li l‑funzjonament tajjeb tagħha jista’ jiġi kkontestat. Dan l‑eżami għandu jsir fid-dawl tal-multa hekk ikkalkolata mill-ġdid.

384    Kif il-Kummissjoni tindika fil-premessa 743 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-metodu tal-kalkolu tal-multa ma jiħux inkunsiderazzjoni l‑kapaċità finanzjarja dgħajfa tal-Ordni ma huwiex determinanti, peress li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul minn kull membru attiv fis-suq affettwat mill-ksur.

385    Mill-premessa 744 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod partikolari li l-Kummissjoni imponiet il-multa billi rreferiet għall‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Id-dispożizzjoni inkwistjoni tistipula, fit‑tielet subparagrafu tagħha, li meta ksur ta’ assoċjazzjoni jaffettwa l‑attivitajiet tal-membri tagħha, il-multa ma tistax tkun iktar minn 10 % tas-somma tad-dħul ta’ bejgħ totali magħmul minn kull membru attiv fis-suq affettwat mill-ksur tal-assoċjazzjoni. Hemm lok li ssir il-verifika prevista fit-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni b’rabta mal‑ammont tal-multa kkalkolat mill-ġdid sabiex jiġi vverifikat jekk l-ammont huwiex eċċessiv.

386    Barra minn hekk l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jindika, fl-ewwel subparagrafu tiegħu li “[m]eta l-multa imposta fuq l‑assoċjazzjoni tal-impriża tieħu kont tal-valur ta’ bejgħ tal-membri tagħha u l-assoċjazzjoni mhiex solventi, l-assoċjazzjoni hi obligata li tgħajjat għal kontribuzzjoni mill-membri tagħha biex jkopru l-ammont immultatˮ.

387    Għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Kummissjoni ppreżentat fid‑deċiżjoni kkontestata jintegra speċifikatament il-kunsiderazzjoni tal‑kapaċità kontributorja tal-membri tal-Ordni. Fil-fatt, fil‑premessi 746 sa 751, il-Kummissjoni tirreferi għan-natura ġdida ta’ din id-dispożizzjoni, introdotta bir-Regolament Nru 1/2033, kif ukoll għall-possibbiltà li l-Ordni jkollha effettivament titlob kontribuzzjonijiet mill-membri tagħha, li madankollu setgħu jeżerċitaw livell ta’ sorveljanza li jvarja fuq id-deċiżjonijiet meħuda mill‑awtoritajiet ta’ tmexxija, sabiex tkun tista’ tħallas il-multa. Il‑Kummissjoni tiġġustifika b’hekk il-fatt li f’din il-kawża hija ma użatx il-metodu ta’ kalkolu stipulat fil-Linji gwida u l-Ordni ma tikkontestax li l-applikazzjoni tal-punt 37 tal-Linji gwida hija iktar favorevoli għaliha mill-applikazzjoni tal-metodu ġenerali stipulat mill-imsemmija Linji gwida kif il-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 751 tad-deċiżjoni kkontestata.

388    Fir-rigward tal-verifika tal-impatt finanzjarju tal-multa, l-Ordni ma tikkontestax id-data finanzjarja użata mill-Kummissjoni. Mill‑premessa 771 tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi dedott li 95 % tal-valur tal-onorarji ffatturati mil-laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika privati fl-2008 fi Franza kien jirrappreżenta EUR 4.2 biljun (u mhux “EUR 4 205 033 miljuni”, kif indikat, li huwa probabbilment żball tal-pinna), peress li ma kienx hemm data iktar reċenti disponibbli dak iż-żmien. Barra minn hekk, mill-imsemmija premessa 771 jirriżulta wkoll li l-perċentwali ta’ 95 % tal-valur tal-onorarji totali huwa meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex teskludi d-dħul mill-bejgħ magħmul mil-laboratorji li għandhom bħala soċju uniku tabib-bijologu, u li jirrappreżentaw madwar 5 % tal-laboratorji privati kollha. Dawn iċ-ċifri huma kkonfermati fil-premessi 23 u 759 tad-deċiżjoni kkontestata li jirreferu għal ċifra ta’ EUR 4.4 biljun magħmula mil-laboratorji privati fl-2008 sabiex jiġi deskritt id-daqs tas‑suq.

389    Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ċifra oħra ta’ dħul mill-bejgħ magħmul mil-laboratorji ta’ bijoloġija medika privati fis-suq affettwat ħlief dik ippreżentata fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li ma ġiex sostnut li din iċ-ċifra ma tistax tibqa’ rappreżentattiva llum. Fi kwalunkwe każ, jista’ jiġi kkunsidrat raġonevolment li ma hijiex stima ogħla mill-valur tas-suq affettwat fid-data tas-sentenza.

390    L-ammont tal-multa imposta, kif imnaqqas mill-Qorti Ġenerali, jikkorrispondi biss għal ftit iktar minn 1 % ta’ din iċ-ċifra. Għalhekk ma huwiex eċċessiv.

391    Barra minn hekk, fid-dawl tad-dokumenti tal-proċess, ma jidhirx li l‑multa kkalkolata mill-ġdid tista’ raġonevolment tikkontesta l‑vijabbiltà tal-membri tat-Taqsima G attivi fis-suq affettwat fil-każ li huma jintalbu jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom fil-futur.

392    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi annullat l‑Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata u l-ammont tal-multa jinġab għal EUR 4.75 miljun, ammont li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, bħala adegwat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, b’mod partikolari dawk relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni kif ukoll tar-riżorsi li għalihom l-Ordni tista’ tirrikorri, u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

393    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il‑partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew iktar tat-talbiet tagħhom.

394    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

395    F’din il-kawża, huwa biss ilment wieħed insostenn tat-talba sussidjarja għat‑tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġie parzjalment milqugħ u l-ammont tal-multa imposta mill-Ordni tnaqqas konsegwentement. Għalhekk, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll parti minn għaxra ta’ dawk sostnuti mill-Ordni, li għandha tbati disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tagħha.

396    Labco għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta in solidum fuq l-Ordre national des pharmaciens (ONP), fuq il-Conseil national de l’Ordre des pharmaciens (CNOP) u fuq il-Conseil central de la section G de l’Ordre national des pharmaciens (CCG) fl‑Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 8952 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2010, dwar proċedura skont l‑Artikolu 101 [TFUE] (Kawża 39510 — LABCO vs ONP) huwa ffissat għal EUR 4.75 miljun.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u parti minn għaxra tal-ispejjeż sostnuti mill-ONP, mis-CNOP u mis-CCG.

4)      L-ONP, is-CNOP u s-CCG għandhom ibatu disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż rispettivi tagħhom.

5)      Labco għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Berardis

Czúcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Diċembru 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba għal annullament

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fid-dawl tas-sentenza Wouters

Fuq il-motivi li jirrigwardaw l-aġir fir-rigward tal-iżvilupp ta’ gruppi ta’ laboratorji

Fuq il-motivi li jirrigwardaw il-kompożizzjoni u l-bidla tal-kapital tas‑SEL

–  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq l-interpretazzjoni żbaljata tar-rwol tas-CCG bħala garanti tal-indipendenza professjonali tas-soċju fir-rigward tas-sehem minimu tiegħu fil-kapital tas-SEL.

–  Fuq il-ħames motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-intenzjoni tal-leġiżlatur fir-rigward tas-separazzjoni tal-ishma ta’ SEL lil hinn minn limitu massimu ta’ 25 % u tal-interpretazzjoni żbaljata tal‑kuntest ġuridiku applikabbli għas-separazzjoni tal-ishma ta’ SEL

Fuq il-motivi li jirrigwardaw l-obbligi ta’ komunikazzjoni tas-SEL matul il-ħajja tagħhom

–  Fuq it-tieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni li jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-liġi Franċiża fir-rigward tar‑rwol tal-prefett u tas-CCG rispettivament waqt il-bidliet li jseħħu matul il-ħajja ta’ SEL

–  Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ komunikazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Franċiża u r-rwol tas-CCG fil-kuntest tal‑missjoni ta’ verifika tiegħu a posteriori tad-dokumenti tal‑kumpannija

Fuq is-sitt motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE sa fejn is-sanzjonijiet dixxiplinari deċiżi jsaħħu l-effetti potenzjali jew reali tad‑deċiżjonijiet inkwistjoni

Fuq il-motivi relatati mal-ilmenti li jirrigwardaw il-prezzijiet

Fuq is-seba’ motiv, imqajjem bħala motiv prinċipali, ibbażat, essenzjalment, fuq eċċess ta’ poter li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-limiti tal-mandat ta’ spezzjoni

–  Fuq l-ewwel ilment

–  Fuq it-tieni ilment

Fuq it-tmien motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni fuq il-portata tal-kuntest ġuridiku applikabbli u l-volontŕ tal-leġiżlatur

Fuq id-disa’ motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti li jwasslu għal żball ta’ liġi

–  Fuq it-tieni parti

–  Fuq l-ewwel parti

Fuq il-kontestazzjoni tan-natura unika u kontinwata tal-ksur

Konklużjoni fuq l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Wouters u l-motivi insostenn tat-talba għal annullament

2.  Fuq it-talba sussidjarja għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.