Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Frar 2011 - Chimei InnoLux vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-91/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Chimei InnoLux Corp. (Zhunan, it-Tajwan), (rappreżentanti: J.-F. Bellis, avukat u R. Burton, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 8761 finali fil-Każ COMP/39.309 - LCD - Liquid Crystal Displays, sa fejn din ikkunsidrat li l-ksur japplika għal skrins LCD initiżi għall-użu tat-televiżjoni;

tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tressaq tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha.

1. L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta' kunċett ġuridikament żbaljat magħruf bħala "bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta' prodotti trasformati" fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur rilevanti tal-bejgħ għall-kalkolu tal-ammont tal-multa.

Fil-kalkolu tal-valur rilevanti tal-bejgħ tar-rikorrenti sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni inkludiet il-valur ta' skrins LCD inkorporati f'prodotti kompluti tat-teknoloġija tal-informatika jew tat-televiżjoni li r-rikorrenti tbigħ fiż-ŻEE. Skont ir-rikorrenti, il-kunċett tal-"bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta' prodotti trasformati" huwa ġuridikament żbaljat u ma jistax iservi għad-determinazzjoni tal-valur rilevanti tal-bejgħ. Ir-rikorrenti ssostni li dan il-kunċett huwa bbażat fuq bejgħ ta' prodotti li ma humiex ikkonċernati la direttament u lanqas indirettament mill-ksur u li hija ċċaqlaq artifiċjalment il-post tal-bejgħ rilevanti tal-iskrins LCD fi ħdan tal-grupp barra miż-ŻEE għal ġewwa ż-ŻEE u viċe versa, skont il-post tal-bejgħ tal-prodotti kompluti li fihom huma inkorporati dawn l-iskrins LCD. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, fih innifsu, dan il-kunċett ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni dwar, b'mod partikolari, it-trattament tal-bejgħ intragruppi għall-kalkolu tal-multi. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li dan il-kunċett, hekk kif applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni, iwassal għal diskriminazzjoni bejn id-destinatarji tad-deċiżjoni, ibbażati illegalment sempliċement fuq il-forma tal-istrutturi soċjali rispettivi tagħhom.

2. It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Kummissjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn hija tikkunsidra li l-ksur jestendi għall-iskrins LCD intiżi għall-użu tat-televiżjoni.

Ir-rikorrenti ssostni li l-iskrins LCD intiżi għall-użu tat-televiżjoni għandhom karatteristiċi speċifiċi u li d-diskussjonijiet dwar dawn l-iskrins huma ta' natura superfiċjali u sporadiċi. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ma kkunsidratx diskussjonijiet bilaterali oħra iktar fil-fond dwar l-iskrins LCD intiżi għal użu tat-televiżjoni li għalihom kienu pparteċipaw terzi. Konsegwentement, l-imġieba rigward l-iskrins LCD intiżi għall-użu tat-televiżjoni kellha tkun is-suġġett ta' analiżi u ta' evalwazzjoni separata mill-imġieba li tirrigwarda l-iskrins LCD għall-użu tat-teknoloġija tal-informatika. Fid-dawl ta' dawn l-elementi, ir-rikorrenti ssostni b'mod partikolari li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li skont din il-ksur jestendi għall-iskrins LCD intiżi għall-użu tat-televiżjoni hija vvizzjata bi ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali u tar-rekwiżiti fundamentali ta' proċedura u li d-deċiżjoni għandha tiġi annullata jew, għall-inqas, li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni kellha tevalwa t-terminu u l-gravità ta' ksur eventwali kkostitwit mill-imġieba fir-rigward ta' skrins LCD għall-użu tat-televiżjoni separatament mill-ksur li jirrigwarda skrins LCD intiżi għall-użu tat-teknoloġija tal-informatika.

3. It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li fil-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni inkludiet b'mod żbaljat il-valur rilevanti tal-bejgħ minbarra dak tal-iskrins LCD intiżi għall-użu tat-teknoloġija tal-informatika u tat-televiżjoni.

Il-bejgħ ta' skrins LCD intiżi għall-użu mediku, li huma użati fil-produzzjoni ta' materjal mediku, ġew inklużi bi żball fil-figuri dwar il-bejgħ li ġew fornuti lill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva. Peress li d-definizzjoni tal-iskrins intiżi għall-użu tat-teknoloġija informatika jew tat-televiżjoni li hija mogħtija fid-deċiżjoni ma tinkludix l-iskrins intiżi għall-użu mediku, ir-rikorrenti ssostni li l-bejgħ tagħha ta' tali skrins għandu jkun eskluż mill-valur rilevanti tal-bejgħ użat għall-kalkolu tal-multa. Il-bejgħ taċ-ċelluli LCD magħrufa bħala miftuħa ġew inklużi wkoll bi żball fil-figuri dwar il-bejgħ li ġew fornuti lill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva. Peress li ċ-ċelluli LCD miftuħa ma humiex prodotti kompluti u li d-deċiżjoni ma tiżvela l-ebda ksur rigward prodotti semikompluti, ir-rikorrenti ssostni li l-bejgħ tagħha ta' ċelluli LCD miftuħa għandhom jiġu esklużi mill-valur rilevanti tal-bejgħ użat għall-kalkolu tal-multa.

____________