Language of document : ECLI:EU:T:2009:30

Kawża T-388/03

Deutsche Post AG u DHL International

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet — Rikors għal annullament — Locus standi – Ammissibbiltà — Diffikultajiet serji”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnua mill‑Istat mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors mill‑partijiet interessati skont l-Artikolu 88(2) KE

(Artikolu 88(2) u (3) KE, u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ammissibbli – Dritt li jiġu invokati l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità kollha indikati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE

(Artikolu 88(2) u (3) KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Pjanijiet ta’ għajnuna – Eżami mill-Kummissjoni – Fażi preliminari u fażi kontradittorja – Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni

(Artikolu 88(2) u (3) KE)

4.      Domandi preliminari – Interpretazzjoni – Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni – Effett retroattiv – Limiti – Ċertezza legali

(Artikoli 87(1) KE u 234 KE)

1.      Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 88(3), li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu jiżguraw ir‑rispett tagħhom biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id‑deċiżjoni quddiem il-qorti Komunitarja.

Għal dawn ir-raġunijiet, rikors intiż għall-annullament ta’ tali deċiżjoni, imressaq minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, jiġi ddikjarat ammissibbli meta l-għan tal-awtur ta’ dan ir-rikors, permezz tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ikun li jipproteġi d-drittijiet proċedurali tiegħu taħt din l-aħħar dispożizzjoni.

Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad‑deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna nfisha, is-sempliċi fatt li huwa jista’ jitqies bħala parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE mhuwiex biżżejjed biex ir‑rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Din il-parti jkollha tipprova li qiegħdha f’pożizzjoni partikolari fis-sens tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, Kawża 25/62. B’hekk dan ikun il‑każ, b’mod partikolari, meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq tkun milquta sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni.

Ma tikkostitwixxix impatt sostanzjali s-sempliċi ċirkustanza li d-deċiżjoni inkwistjoni jista’ jkollha ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li hemm fis-suq rilevanti u li l-impriżi kkonċernati jinsabu f’xi relazzjoni kwalunkwe ta’ kompetizzjoni mal‑benefiċjarju ta’ din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 42, 44, 48)

2.      Rikorrent, meta jfittex li jħares id-drittijiet proċedurali li jagħtih l-Artikolu 88(2) KE, jista’ jinvoka kwalunkwe motiv indikat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE, sakemm ikunu intiżi għall-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata u, b’mod definittiv, għall-ftuħ mill-Kummissjoni tal‑proċedura prevista mill‑Artikolu 88(2) KE. Min-naħa l-oħra, mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan l‑istadju tal‑proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Kummissjoni, li tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna jew fuq il‑kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

Għandhom jinċaħdu bħala inammissibbli l-motivi invokati fir-rikors intiżi sabiex jiksbu deċiżjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat jew fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra huma ammissibbli l-motivi kollha intiżi li jistabbilixxu li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura prevista fl‑Artikolu 88(2) KE.

(ara l-punti 66, 67)

3.      Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE hija indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ‑ċirkustanzi li wasslu għall‑adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil‑kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r-raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni. L-iskadenza ta’ terminu li jeċċedi b’mod sinjifikattiv iż‑żmien li normalment jieħu eżami preliminari magħmul fil‑kuntest tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE tista’ b’hekk, flimkien ma’ elementi oħra, twassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni ltaqgħat ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni li jeżiġu li tinfetaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Bl-istess mod, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

(ara l-punti 88, 92, 94, 95)

4.      L-interpretazzjoni li l-Qorti tal‑Ġustizzja tagħti lil dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju hija limitata sabiex tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata tagħha, hekk kif kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata anki għal relazzjonijiet legali mnissla u stabbiliti qabel is-sentenza inkwistjoni u huwa biss b’mod eċċezzjonali li l‑Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa inerenti għas-sistema legali Komunitarja, tillimita l-possibbiltà għal kull parti interessata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tikkonfuta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fede. Issa, limitazzjoni bħal din tista’ biss tkun ammessa fis-sentenza stess li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni mitluba. Dawn il-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw minn ġurisprudenza li tirrigwarda, b’mod partikolari, id-dmir tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-qorti nazzjonali japplikaw mutatis mutandis għall-istituzzjonijiet Komunitarji meta jiġu msejħa, min-naħa tagħhom, jimplementaw id-dispożizzjonijiet ta’ dritt Komunitarju li kienu s-suġġett ta’ interpretazzjoni sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Issa, minn dan isegwi li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx, ratione temporis, il-portata tas-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2009, Altmark, C-280/00, il-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE li jirriżultaw huma kompletament applikabbli għas‑sitwazzjoni fattwali u ġuridika ta’ kawża kif dehret għall‑Kummissjoni meta adottat id‑deċiżjoni tagħha, qabel l-għoti tal-imsemmija sentenza.

Għaldaqstant, deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, meħuda mingħajr eżami li jippermettilha tiddetermina jekk il-livell tal-kumpens imħallas lill-impriża pubblika kienx ġie stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, ġestita tajjeb u adegwatament mgħammra b’mezzi neċessarji sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku, kien ikollha tonfoq sabiex timplementa dawn l-obbligi, fid-dawl tad-dħul relatat ma dan is-servizz kif ukoll tal-benefiċċju raġonevoli għall-implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi, għandha tiġi annullata.

(ara l-punti 112-114,119)