Language of document : ECLI:EU:C:2020:224

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

19 ta’ Marzu 2020 (*)

[Test irrettifikat permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Mejju 2020]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq – Artikolu 8 – Sistema tranżitorja – Artikolu 8(3) – Skadenza tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku – Kalkolu tat-tul massimu tal-kuntratti ffissat għal 30 sena – Determinazzjoni tad-data li minnha jibda jiddekorri t-tul massimu ta’ 30 sena”

Fil-Kawża C‑45/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 2 A Coruña (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 2 ta’ A Coruña, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

Compañía de Tranvías de La Coruña SA

vs

Ayuntamiento de A Coruña,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Compañía de Tranvías de La Coruña SA, minn D. Rodríguez Siaba, procurador, A. M. Platas Casteleiro u J. Monrabà Bagan, abogados,

–        [Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Mejju 2020] għall-Ayuntamiento de A Coruña, minn M. J. Macías Mourelle, letrada,

–        għall-Gvern Franċiż, minn P. Dodeller u E. de Moustier, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls, G. Gattinara u J. Rius, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Compañía de Tranvías de La Coruña SA (iktar ’il quddiem “Compañía de Tranvías”) u l-Ayuntamiento de A Coruña (il-Kunsill Muniċipali ta’ A Coruña, Spanja) (iktar ’il quddiem il-“Muniċipalità ta’ A Coruña”), dwar it-tmiem ta’ kuntratt ta’ trasport pubbliku mogħti direttament lil Compañía de Tranvías.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessa 31 tar-Regolament Nru 1370/2007 tiddikjara:

“Ġaladarba l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jeħtieġ li jsir provvediment għal arranġamenti tranżitorji. Bil-ħsieb ta’ għoti gradwali ta’ kuntratti għal servizz pubbliku b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni [Ewropea] b’rapport ta’ progress fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta’ transizzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri xierqa abbażi ta’ dawn ir-rapporti.”

4        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament tipprovdi li l-kuntratti ta’ servizz pubbliku għandhom jingħataw skont ir-regoli stabbiliti fl-istess regolament.

5        L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tranżizzjoni”, jipprovdi:

“1.      Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], kif definiti fid-[Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19),] jew [fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)], għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi [2004/17] jew [2004/18], id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku [ta’ trasport] bil-ferrovija u bit-triq għandu jikkonforma ma’ l-Artikolu 5 mit-3 ta’ Diċembru 2019. Matul dan il-perijodu ta’ transizzjoni l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkonformaw gradwalment ma’ l-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji b’mod partikolari relatati mal-kapaċità tat-trasport.

Fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta’ transizzjoni l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta’ progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe għoti gradwali ta’ kuntratti għal servizz pubbliku skond l-Artikolu 5. Abbażi tar-rapporti ta’ progress ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri xierqa ndirizzati lill-Istati Membri.

3.      Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 2, m’għandux jittieħed kont tal-kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond id-dritt [tal-Unjoni] u nazzjonali:

(a)      qabel is-26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

(b)      qabel is-26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

(ċ)      mis-26 ta’ Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

(d)      mis-26 ta’ Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti.

Il-kuntratti msemmija f’(a) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu. Il-kuntratti msemmija f’(b) u (ċ) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, iżda għal mhux għal aktar minn 30 sena. Il-kuntratti msemmija f’(d) jistgħu jibqgħu sakemm jiskadu, kemm-il darba jkollhom tul ta’ żmien limitat meta mqabbel mat-tul ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4.

Kuntratti għal servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu jekk it-tmiem tagħhom ikun ifisser konsegwenzi legali jew ekonomiċi eċċessivi u dment li l-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni tagħha.

[…]”

6        Skont l-Artikolu 12 tiegħu, ir-Regolament Nru 1370/2007 daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009.

7        Ir-Regolament Nru 1370/2007 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 354, p. 22), li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2017. Fir-rigward tal-fatti fit-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 1370/2007 huwa applikabbli fil-verżjoni li tippreċedi l-emenda tiegħu bir-Regolament 2016/2338.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Fl-1 ta’ Diċembru 1986, il-Muniċipalità ta’ A Coruña approvat il-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ Compañía de Tranvías, li hija impriża li tipprovdi servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri, bil-għan li jiġu unifikati f’konċessjoni waħda l-linji kollha ta’ trasport urban li kienu miżmuma minnha. Dan il-kuntratt, li ffissa bħala l-31 ta’ Diċembru 2024 id-data tal-iskadenza unika tas-servizzi kkonċernati kollha, kien ġie ffirmat fis-6 ta’ Frar 1987 minn Compañía de Tranvías u mill-Muniċipalità ta’ A Coruña. Fil-5 ta’ Lulju 1996, dawn l-istess partijiet ikkonkludew kuntratt ieħor bil-għan li fl-imsemmi kuntratt jiġi inkluż servizz ġdid ta’ trasport komuni bi tram, li kellu l-istess data ta’ skadenza.

9        Fit-18 ta’ Ottubru 2016, il-Muniċipalità ta’ A Coruña bagħtet ittra lil Compañía de Tranvías fejn indikat li, konformement mar-Regolament Nru 1370/2007, il-konċessjoni kienet ser tintemm ipso jure fi tmiem perijodu ta’ 30 sena mill-għoti tagħha. Fit-2 ta’ Novembru 2016, Compañía de Tranvías ippreżentat osservazzjonijiet dwar din l-ittra, fejn sostniet b’mod partikolari li, konformement mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza, it-tul massimu ta’ 30 sena stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1370/2007 ma kellux jiġi kkalkolat mid-data tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda mit-3 ta’ Diċembru 2009, id-data li fiha daħal fis-seħħ dan ir-regolament, jew mis-26 ta’ Lulju 2000, li hija d-data oġġettiva prevista fl-imsemmi Artikolu 8.

10      Sussidjarjament, Compañía de Tranvías sostniet li, jekk jitqies li t-tul massimu ta’ 30 sena jiddekorri mill-għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-emenda magħmula f’dan il-kuntratt fl-1996 kienet ekwivalenti għal għoti ġdid, b’tali mod li t-tul tiegħu jestendi sal-2026. B’mod ukoll sussidjarju, Compañía de Tranvías sostniet li din is-sitwazzjoni setgħet taqa’ taħt l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007.

11      Fit-30 ta’ Novembru 2016, il-Muniċipalità ta’ A Coruña ddeċidiet li żżomm il-konċessjoni għal tul massimu ta’ sentejn, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1370/2007, u li tikkonsulta lill-Kummissjoni dwar il-proposta ta’ Compañía de Tranvías li tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament sabiex it-tul tal-konċessjoni jiġi estiż sad-data tal-iskadenza tagħha.

12      Wara li fit-2 ta’ Ġunju 2017 il-Muniċipalità ta’ A Coruña ċaħdet it-talba għal reviżjoni ta’ azzjoni amministrattiva mressqa minnha fil-konfront ta’ din id-deċiżjoni, Compañía de Tranvías ippreżentat rikors għal stħarriġ ta’ azzjoni amministrattiva kontra din l-istess deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

13      Peress li qieset li s-soluzzjoni għat-tilwima mressqa quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 2 A Coruña (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 2 ta’ A Coruña, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Fid-dawl tal-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament [Nru 1370/2007], it-terminu massimu tal-kuntratti stabbilit għal [30] sena minn din id-dispożizzjoni jibda jiddekorri (a) mill-għoti jew mill-konklużjoni tal-kuntratt, (b) mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, (c) mill-ġurnata ta’ wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament (it-3 ta’ Diċembru 2019), jew (d) minn kwalunkwe data oħra stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja?”

 Fuq id-domanda preliminari

14      Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tinstab billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, WB, C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Skont it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kuntratti msemmija fil-punti (b) u (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament “jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, iżda għal mhux għal aktar minn 30 sena”.

16      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li ngħata “qabel is-26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti”, jaqa’ taħt dan il-punt (b).

17      Il-Muniċipalità ta’ A Coruña ssostni li, skont l-interpretazzjoni letterali tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, huwa t-tul ta’ kull kuntratt li jaqa’ taħt l-imsemmi punt (b) li ma għandux jaqbeż it-30 sena.

18      Huwa minnu li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata b’dan il-mod sa fejn il-kelma “jiskadu” li tinsab fiha tiddetermina t-tmiem tal-kuntratti kkonċernati u, għaldaqstant, l-iskop tal-imsemmija dispożizzjoni jista’ jinftiehem fis-sens li ma jippermettix it-tkomplija ta’ dawn il-kuntratti lil hinn minn perijodu ta’ 30 sena mill-għoti tagħhom.

19      Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-formulazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma tispeċifikax b’mod espliċitu l-punt tat-tluq li minnu għandu jiġi kkalkolat it-tul massimu ta’ 30 sena.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li l-punt tat-tluq tat-tul massimu ta’ 30 sena li huwa ffissat fiha jikkorrispondi għad-data tal-għoti tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku tkun tfisser li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi li l-kuntratti koperti minnha jkollhom tul ta’ iktar minn 30 sena.

21      Issa, minn naħa, tali interpretazzjoni tista’ twassal, kif tosserva l-Kummissjoni, sabiex, bid-dħul fis-seħħ tiegħu, dan ir-regolament itemm b’mod retroattiv, f’data preċedenti għal dan id-dħul fis-seħħ, kuntratti ta’ servizz pubbliku konklużi legalment qabel it-3 ta’ Diċembru 1979 li jipprevedu tul ta’ iktar minn 30 sena, b’mod li jkun imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

22      Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku li kienu viġenti meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1370/2007, tali interpretazzjoni tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn il-perijodu ta’ tranżissjoni jkun minimu jew limitat ħafna, kuntrarjament għall-għan tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1370/2007, kif imfakkar fil-premessa 31 tiegħu, jiġifieri li l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ta’ servizz pubbliku jingħataw perijodu tranżitorju adegwat sabiex jadattaw ruħhom għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

23      Barra minn hekk, f’tali sitwazzjonijiet, l-awtorità kompetenti li tibbenefika mis-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 tkun tista’ tagħti direttament, mingħajr ma tkun suġġetta għall-obbligi previsti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, kuntratt ta’ servizz pubbliku għall-istess servizz, għal perijodu ta’ għaxar snin, konformement mal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament. Dan juri nuqqas ta’ koerenza fis-sistema tranżitorja prevista fir-Regolament Nru 1370/2007.

24      Fit-tieni lok, it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 lanqas ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li t-tul massimu ta’ 30 sena jibda jiddekorri mill-jum ta’ wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, għandu jitfakkar, minn naħa, li dan il-paragrafu 2 jibda bil-kliem “[m]ingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3” u, min-naħa l-oħra, li, fil-bidu ta’ dan il-paragrafu 3 jingħad li, fl-applikazzjoni tal-imsemmi paragrafu 2, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntratti ta’ servizz pubbliku msemmija fil-punt (a) sa (d) tal-istess paragrafu 3.

25      Minn dan jirriżulta li l-perijodi tranżitorji previsti fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1370/2007 japplikaw b’mod indipendenti minn xulxin.

26      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi osservat, fit-tielet lok, li, sabiex jitħares l-effett utli tal-perijodu tranżitorju speċifiku previst fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, it-tul massimu ta’ 30 sena previst f’din id-dispożizzjoni għandu jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istess regolament. Barra minn hekk, tali data tippermetti li jiġi ffissat tmiem finali identiku għall-kuntratti kollha li jkunu għadhom viġenti fi tmiem dan il-perijodu tranżitorju, b’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jitqiegħdu fuq livell ugwali.

27      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li t-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tul massimu ta’ 30 sena previst f’din id-dispożizzjoni, għall-kuntratti msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ispejjeż

28      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tul massimu ta’ 30 sena previst f’din id-dispożizzjoni, għall-kuntratti msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.