Language of document : ECLI:EU:T:2017:622

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Settembru 2017 (*)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Ottubru 2017]

“Rikors għal annullament – FEŻR – Tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja – Programm Interreg II/C ‘Għargħar Rhin-Meuse’ – Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni – Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali – Rikors manifestament fondat”

Fil-Kawża T‑119/10,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, inizjalment irrappreżentat minn Y. de Vries, J. Langer u C. Wissels, sussegwentement minn J. Langer u M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Belġju, inizjalment irrappreżentat minn M. Jacobs u T. Materne, sussegwentement minn M. Jacobs u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

u minn

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn G. de Bergues u B. Messmer, sussegwentement minn J. Bousin u D. Colas, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

[Kif rettifikat b’digriet tas-27 ta’ Ottubru 2017] Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Roels u A. Steiblytė, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 10712, tat-23 ta’ Diċembru 2009, li tnaqqas l-għajnuna mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) taħt il-Programm ta’ Inizjattiva tal-Komunità Interreg II/C “Għargħar Rhin-Meuse”, fir-Renju tal-Belġju, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-Repubblika Franċiża, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(97)3742, tat-18 ta’ Diċembru 1997 (FEŻR Nru 970010008),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka (Relatur) u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

1        Għall-perijodi ta’ programmazzjoni 1989‑1993 u 1994‑1999, ir-regoli fil-qasam tal-Fondi Strutturali (b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-għanijiet, il-programmazzjoni, il-pagamenti, il-ġestjoni u l-kontroll u l-korrezzjonijiet finanzjarji) ġew stabbiliti, b’mod partikolari, fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar il-funzjonijiet tal-Fondi Strutturali, l-effettività tagħhom kif ukoll il-koordinament tal-attivitajiet tagħhom bejniethom u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-istrumenti finanzjarji oħra eżistenti (ĠU 1988, L 185, p. 9), li ġie emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU 1993, L 193, p. 5), u bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, dwar dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88, f’dak li jirrigwarda, il-koordinazzjoni bejn l-interventi ta’ Fondi Strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u ta’ strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU 1988, L 374, p. 1), li ġiet emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU 1993, L 193, p. 20).

2        L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 jiddisponi:

“1. Jekk it-twettiq ta’ azzjoni jew ta’ miżura jkun jidher li ma jiġġustifikax l-għajnuna finanzjarja, kollha jew parti minnha, mogħtija lilu, il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami xieraq tal-każ fil-kuntest tas-sħubija, billi titlob b’mod partikolari lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet magħżula minnu għall-implementazzjoni tal-azzjoni, biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu stabbilit.

2. Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew il-miżura kkonċernata jekk l-eżami jikkonferma l-eżistenza ta’ xi irregolarità jew ta’ bdil sostanzjali li jaffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-azzjoni jew tal-miżura u li għaliha ma tkunx intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Ir-Regolamenti Nru 2052/88 u Nru 4253/88 ġew issostitwiti, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).

4        Skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, dan ir-regolament ma jaffettwax it-tkomplija jew il-modifika, inkluż l-annullament totali jew parzjali, ta’ għajnuna approvata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolamenti Nru 2052/88 u Nru 4253/88 jew xi leġiżlazzjoni oħra li kienet tapplika għal din l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 1999.

5        Ir-Regolament Nru 1260/99 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU 2006, L 210, p. 25).

6        L-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1083/2006 intitolat “Proċedura” jiddisponi:

“1. Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura billi tinforma lill-Istat Membru dwar il-konklużjonijiet provviżorji tagħha u titlob lill-Istat Membru jippreżenta l-kummenti tiegħu fi żmien xahrejn.

Fejn il-Kummissjoni tipproponi korrezzjoni finanzjarja abbażi ta’ estrapolazzjoni jew b’rata fissa, l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità li juri, permezz ta’ eżami tad-dokumentazzjoni konċernata, li l-miżura reali ta’ l-irregolarità kienet inqas mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżami għal proporzjon jew kampjun xieraq tad-dokumentazzjoni konċernata. Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, iż-żmien mogħti għal dan l-eżami m’għandux ikun aktar minn perjodu ieħor ta’ xahrejn wara l-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

2. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ kwalunkwe prova provduta mill-Istat Membru fil-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1.

3. Fejn l-Istat Membru ma jaċċettax il-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġi mistieden mill-Kummissjoni għal smigħ, li fih iż-żewġ naħat f’koperazzjoni bbażata fuq is-sħubija għandhom jagħmlu sforz sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu minnhom.

4. F’każ ta’ ftehim, l-Istat Membru jista’ jerġa’ juża l-fondi Komunitarji konċernati konformement mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 98(2).

5. Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-korrezzjoni finanzjarja fi żmien sitt xhur mid-data tas-smigħ b’kont meħud ta’ l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha preżentati matul il-proċedura. Jekk ma jsir l-ebda smigħ, il-perjodu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data ta’ l-ittra ta’ stedina mibgħuta mill-Kummissjoni.”

7        L-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Dispożizzjonijiet Transizzjonali”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, hekk kif ġej:

“Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika, inkluż il-kanċellament sħiħ jew parzjali, ta’ l-għajnuna li tkun ġiet ko-finanzjata mill-Fondi Strutturali jew ta’ proġett li jkun ġie ko-finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni approvat mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolamenti (KEE) Nru 2052/88 […], (KEE) Nru 4253/88 […], (KE) Nru 1164/94 […] u (KE) Nru 1260/1999 jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tkun tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 2006, li konsegwentement għandha tapplika minn hemm ’il quddiem għal dik l-għajnuna jew proġetti konċernati sakemm jingħalqu.”

8        L-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Dħul fis-seħħ”, jipprevedi hekk kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 16, 25 sa 28, 32 sa 40, 47 sa 49, 52 sa 54, 56, 58 sa 62, 69 sa 74, 103 sa 105, u 108 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament biss għal programmi għall-perjodu 2007‑2013. Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2007.”

9        Ir-Regolament Nru 1083/2006 tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU 2013, L 347, p. 320, u r-rettifika ĠU 2016, L 200, p. 140).

10      Għal dak li jikkonċerna l-korrezzjonijiet finanzjarji, l-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 1303/2013 jiddisponi:

“1. Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar il-korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura billi tinforma lill-Istat Membru dwar il-konklużjonijiet provviżorji tal-eżami tagħha u titlob lill-Istat Membru biex jissottometti l-kummenti tiegħu fi żmien xahrejn.

2. Meta l-Kummissjoni tipproponi korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi ta’ estrapolazzjoni jew rata fissa, l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità li juri, permezz ta’ eżami tad-dokumentazzjoni konċernata, li l-livell reali tal-irregolarità huwa inqas mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżami għal proporzjon jew kampjun xieraq tad-dokumentazzjoni kkonċernata. Minbarra f’każijiet debitament iġġustifikati, il-ħin permess għal dak l-eżami m’għandux jaqbeż perjodu ta’ aktar minn xahrejn wara l-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1.

3. Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe prova pprovduta mill-Istat Membru fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

4. Meta Stat Membru ma jaċċettax il-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal seduta ta’ smigħ sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha rilevanti jkunu disponibbli bħala bażi għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja.

5. Fl-eventwalità ta’ ftehim, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru jista’ juża mill-ġdid il-Fondi kkonċernati jew [il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)] f’konformità mal-Artikolu 143(3).

6. Sabiex tapplika l-korrezzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fi żmien sitt xhur mid-data tas-smigħ, jew mid-data tal-wasla ta’ informazzjoni addizzjonali meta l-Istat Membru jaqbel li jissottometti din l-informazzjoni addizzjonali wara s-seduta ta’ smigħ. Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha sottomessi matul il-proċedura. Jekk ma jseħħ l-ebda seduta ta’ smigħ, il-perjodu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data tal-ittra tal-istedina għas-seduta ta’ smigħ mibgħuta mill-Kummissjoni.

7. Meta l-Kummissjoni, filwaqt li twettaq ir-responsabilitajiet tagħha skont l-Artikolu 75, jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jidentifikaw irregolaritajiet li jagħtu xhieda ta’ nuqqas serju fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, il-korrezzjoni finanzjarja li tirriżulta għandha tnaqqas l-appoġġ mill-Fondi jew mill-FEMS għall-programm operazzjonali.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fil-każ ta’ nuqqas serju fil-funzjonament effettiv ta’ sistema ta’ kontroll u ġestjoni li, qabel id-data ta’ identifikazzjoni mill-Kummissjoni jew mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri:

(a)      kien ġie identifikat fid-dikjarazzjoni tal-ġestjoni, fir-rapport ta’ kontroll annwali jew l-opinjoni ta’ awditjar sottomessa lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 59(5) tar-Regolament finanzjarju, jew f’rapporti oħra ta’ awditjar tal-awtorità tal-awditjar sottomessi lill-Kummissjoni u jittieħdu miżuri xierqa; jew

(b)      kien is-suġġett ta’ miżuri ta’ rimedju xierqa mill-Istat Membru.

L-evalwazzjoni ta’ nuqqasijiet serji fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għandha tkun ibbażata fuq il-liġi applikabbli meta ġew sottomessi d-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni rilevanti, ir-rapporti ta’ kontroll annwali u l-opinjonijiet ta’ awditjar.

Meta tiddeċiedi dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha:

(a)      tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità billi tqis in-natura u l-gravità tan-nuqqas serju fil-funzjonament effettiv ta’ sistema ta’ kontroll u ġestjoni u l-implikazzjonijiet finanzjarji tiegħu għall-baġit tal-Unjoni;

(b)      għall-iskop tal-applikazzjoni ta’ rata fissa jew korrezzjoni estrapolata, teskludi nefqiet irregolari li nstabu preċedentement mill-Istat Membru, li kienu s-suġġett ta’ aġġustament fil-kontijiet f’konformità mal-Artikolu 139(10), u nefqiet suġġetti għal evalwazzjoni kontinwa tal-legalità u r-regolarità skont l-Artikolu 137(2);

(c)      tikkunsidra korrezzjonijiet ta’ rati fissi jew estrapolati applikati għan-nefqa mill-Istat Membru għal nuqqasijiet serji oħra li jkunu ġew identifikati mill-Istat Membru meta jiddetermina r-riskju residwu għall-baġit tal-Unjoni.

8. Ir-regoli speċifiċi għall-Fondi għall-FEMS jistgħu jistabbilixxu regoli addizzjonali ta’ proċedura għall-korrezzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 144(7).”

11      Skont l-Artikolu 152 tar-Regolament Nru 1303/2013:

“1. Dan ir-Regolament m’għandu jaffettwa la l-kontinwazzjoni u lanqas il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali ta’ assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, jew ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew tali leġiżlazzjoni applikabbli oħra għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2013 għal din l-għajnuna jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, assistenza għandha tkopri programmi operazzjonali u proġetti maġġuri.

2. L-applikazzjonijiet biex wieħed jirċievi assistenza magħmulin jew approvati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandhom jibqgħu validi.

3. Fejn Stat Membru jagħmel użu mill-opzjoni stabbilita fl-Artikolu 123(3), huwa għandu jippreżenta talba lill-Kummissjoni biex l-awtorità ta’ ġestjoni twettaq il-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni permezz ta’ deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għall-programmi operazzjonali korrispondenti implimentati abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006. It-talba għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni magħmula mill-awtorità tal-awditjar. Fejn il-Kummissjoni hija sodisfatta abbażi tal-informazzjoni magħmula disponibbli mill-awtorità tal-awditjar u mill-awditjar tagħha stess li s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ dawk il-programmi operazzjonali jiffunzjonaw effettivament u li l-funzjonament tagħhom mhux se jkun ippreġudikat mill-awtorità ta’ ġestjoni li twettaq il-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, hija għandha tinforma lill-Istat Membru bil-qbil tagħha fi żmien xahrejn minn meta tasal it-talba.”

12      L-Artikolu 153 tar-Regolament Nru 1303/2013 jistabbilixxi dan li ġej:

“1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 152, ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 huwa revokat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

2. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XIV.”

13      L-Artikolu 154 tar-Regolament Nru 1303/2013 jiddisponi:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 20 sa 24, l-Artikolu 29(3), il-punt (a) tal-Artikolu 38(1), l-Artikoli 58, 60, 76 sa 92, 118, 120, 121 u l-Artikoli 129 sa 147 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2014.

It-tieni sentenza tas-seba’ subparagrafu tal-Artikolu 39(2) u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 76 għandhom japplikaw b’effett mid-data li fiha tkun daħlet fis-seħħ l-emenda għar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tad-diżimpenn ta’ approprjazzjonijiet.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Permezz tad-Deċiżjoni C(97) 3742, tat-18 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej approvat id-dokument uniku ta’ programmazzjoni li jikkonċerna l-għoti ta’ għajnuna mill-Fond Ewropew għall-iżvilupp reġjonali (FEŻR) għal programm operazzjonali fil-kuntest ta’ Inizjattiva tal-Komunità Interreg II/C, favur żoni li jaqgħu fl-objettivi Nri 1, 2 u 5(b) kif ukoll f’żoni oħra fir-Renju tal-Belġju, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-Repubblika Franċiża, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tiffissa ammont massimu għall-FEŻR ta’ EUR 137 118 000.

15      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2000) 300, tal-25 ta’ Frar 2000, żiedet il-limitu massimu għal EUR 141 077 000.

16      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2003, l-awtoritajiet Olandiżi bagħtu t-talba tagħhom għall-ħlas tal-pagament finali.

17      Bejn Ġunju 2004 u Ġunju 2005, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-awditjar konklużiv tagħha tal-programmi kofinanzjati mill-FEŻR matul il-perijodu ta’ programmazzjoni 1994‑1999, wettqet diversi żjarat ta’ kontroll.

18      Permezz ta’ ittri tas-7 ta’ Settembru 2005 u tal-24 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha tal-awditjar. Il-verżjoni bl-Olandiż ġiet trażmessa lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-7 ta’ Frar 2006 u kienet tindika ċerti irregolaritajiet.

19      L-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan ir-rapport tal-awditjar u pproduċew xi dokumenti ġodda.

20      Permezz ta’ posta tal-14 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport finali tal-awditjar lill-awtoritajiet Olandiżi konformement mal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Il-verżjoni Olandiża ġiet mibgħuta lilhom fil-15 ta’ Settembru 2008.

21      Wara seduta li nżammet fit-23 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet Olandiżi pproduċew xi dokumenti ġodda.

22      Permezz tad-Deċiżjoni tagħha C(2009) 10712, tat-23 ta’ Diċembru 2009, li tnaqqas l-għajnuna mogħtija mill-FEŻR taħt il-Programm ta’ Inizjattiva tal-Komunità Interreg II/C “Għargħar Rhin-Meuse”, fir-Renju tal-Belġju, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-Repubblika Franċiża, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(97)3742, tat-18 ta’ Diċembru 1997 (FEŻR Nru 970010008), il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna totali mogħtija mill-FEŻR b’EUR 7 066 643 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Marzu 2010, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ressaq din il-kawża.

24      Fil-11 ta’ Awwissu 2010, il-Qorti Ġenerali interrogat lill-partijiet dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura f’din il-kawża, jew sal-iskadenza tat-termini tal-appell kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li ttemm l-istanza fil-Kawżi T‑265/08, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, u T‑270/08, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, jew sakemm jingħataw id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dawn il-kawżi.

25      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, ġie deċiż li l-proċeduri f’din il-kawża jiġu sospiżi, jew sal-iskadenza tat-termini tal-appell kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li ttemm l-istanza fil-Kawżi T‑265/08, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, u T‑270/08, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, jew sakemm jingħataw id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dawn il-kawżi.

26      Fl-24 ta’ Ġunju 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑549/12 P u C‑54/13 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza wara appell” EU:C:2015:412), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-deċiżjonijiet ta’ korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni f’dawn il-kawżi, dwar programmi ta’ finanzjament preċedenti għas-sena 2000, billi qajmet ex officio l-ksur mill-Kummissjoni tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

27      Permezz tas-sentenza wara appell, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑265/08, EU:T:2012:434), u tal-21 ta’ Novembru 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑270/08, mhux ippubblikat, EU:T:2012:612), ukoll ġew annullati, sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

28      Fit-2 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-effett, f’din il-kawża, tas-sentenza wara appell.

29      Fit-13 u fil-15 ta’ Lulju 2015, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ppreżentaw, rispettivament, l-osservazzjonijiet tagħhom.

30      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn il-Kummissjoni kisret it-terminu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

31      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-appelli kontra s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑111/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:28), u tal-20 ta’ Jannar 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑109/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:29), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kienet annullat id-deċiżjonijiet ta’ korrezzjonijiet finanzjarji inkwistjoni dwar programmi ta’ finanzjament preċedenti għas-sena 2000, minħabba l-ksur mill-Kummissjoni tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

32      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Mejju 2015 u fit-28 ta’ Mejju 2015 rispettivament, ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Franċiża talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-4 ta’ Awwissu 2015, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dawn l-intervenjenti.

33      Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Franċiża ppreżentaw in-noti tagħhom u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn in-noti fit-termini previsti.

34      Fis-16 ta’ Diċembru 2015, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-effett, f’din il-kawża, fid-dawl ta’ sospensjoni eventwali, tal-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni kontra s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑111/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:28) tal-20 ta’ Jannar 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑109/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:29), u tal-15 ta’ Lulju 2015, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (T‑314/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:493).

35      Permezz ta’ ittri tat-22 ta’ Diċembru 2015 u tal-4 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, rispettivament, indikaw li ma jqajmu l-ebda oġġezzjoni għas-sospensjoni ta’ din il-kawża, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjonijiet tagħha fil-Kawżi C‑139/15 P u C‑140/15 P, Il‑Kummissjoni vs Spanja, u C‑495/15 P, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall.

36      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2016, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jissospendi l-proċedura f’din il-kawża sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjonijiet tagħha fil-Kawżi C‑139/15 P u C‑140/15 P, Il‑Kummissjoni vs Spanja, u C‑495/15 P, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall.

37      Permezz ta’ sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑139/15 P, EU:C:2016:707) u tal-21 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑140/15 P, EU:C:2016:708), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli kontra s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑111/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:28), u tal-20 ta’ Jannar 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑109/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:29).

38      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

39      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 2016, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ressaq talba quddiem il-Qorti Ġenerali intiża għat-tkomplija tal-proċedura, li fiha jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu espressa fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2015 u jistieden lill-Qorti Ġenerali sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha f’din il-kawża fuq l-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

40      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑495/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:907), il-Kawża C‑495/15 P tneħħiet mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja wara r-rinunzja għall-atti tal-Kummissjoni.

41      Fil-11 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li ma kellha ebda oġġezzjoni għat-tkomplija tal-proċedura.

42      Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet bit-tkomplija tal-proċedura.

43      Fl-20 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-effett, f’din il-kawża, tas-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑139/15 P, EU:C:2016:707), u tal-21 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑140/15 P, EU:C:2016:708).

44      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2016, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-Qorti Ġenerali kellha l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha f’din il-kawża.

45      Permezz ta’ ittra ppreżentata fl-istess jum, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn naħa, informa lill-Qorti Ġenerali li ma kienx jeħtieġ jissottometti l-osservazzjonijiet orali tiegħu, fil-kuntest ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali, u, min-naħa l-oħra, stieden lill-Qorti Ġenerali għal darb’oħra sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha f’din il-kawża fuq l-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura, billi tikkonstata li l-Kummissjoni ma osservatx it-terminu ta’ sitt xhur, previst fl-Artikolu 100(5) tar-Regolament 1083/2006.

46      Permezz ta’ ittri tal-5 u tad-9 ta’ Jannar 2017, ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Franċiża indikaw li huma jqisu wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx osservat it-terminu previst u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fuq din il-bażi.

47      Fl-10 ta’ Marzu 2017, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eżami ex officio mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura, ta’ motiv ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-forom proċedurali sostanzjali.

48      Fil-21 ta’ Marzu 2017, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

49      Il-Kummissjoni sostniet li l-Qorti Ġenerali setgħat, permezz ta’ digriet, tiddikjara r-rikors bħala manifestament fondat, skont l-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura. Min-naħa tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna wkoll li l-Qorti Ġenerali setgħat tiddeċiedi permezz ta’ digriet, skont l-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tiddikjara r-rikors manifestament fondat.

50      Fl-istess ġurnata, ir-Renju tal-Belġju sostna li l-Qorti Ġenerali kellu jqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-forom proċedurali sostanzjali.

51      Fit-22 ta’ Marzu 2017, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha u sostniet li l-Qorti Ġenerali setgħat, f’dan il-każ, tibbaża fuq l-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura sabiex tiddikjara permezz ta’ digriet li r-rikors huwa manifestament fondat.

52      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sostnut mir-Renju tal-Belġju u mir-Repubblika Franċiża, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

53      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

 Id-dritt

54      L-ewwel nett, għandu jiġi kkunsidrat li t-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernah, sakemm il-miżura jew il-motivi mqajma mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirrigwardaw is-sitwazzjoni speċifika tiegħu.

55      Skont l-Artikolu 132 tar-Regoli ta’ Proċedura, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jkunu diġà ddeċidew dwar punt jew diversi punti ta’ liġi identiċi għal dawk imqajma fil-motivi tar-rikors u meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-fatti huma stabbiliti, hija tista’, wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, wara li jinstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi li tiddikjara r-rikors manifestament fondat permezz ta’ digriet motivat li jinkludi riferimenti għall-ġurisprudenza rilevanti.

56      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura huma ssodisfatti u hija tiddeċiedi li għandha tagħti deċiżjoni mingħajr ma tkompli bil-proċedura.

57      Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sostnut mir-Renju tal-Belġju u mir-Repubblika Franċiża, isostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li ġiet adottata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur, iffissat mill-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

58      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni l-ewwel nett tikkunsidra li r-Regolament Nru 1083/2006 ma jikkostitwixxix il-kuntest ġuridiku rilevanti għall-evalwazzjoni tar-regoli proċedurali applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ korrezzjoni finanzjarja għall-programmi preċedenti għall-perijodu 2007-2013.

59      Hija ssostni li r-regolament rilevanti sabiex tiġi evalwata l-osservanza jew le tal-forom proċedurali sostanzjali huwa r-Regolament Nru 4253/88, li l-Artikolu 24 tiegħu ma jiffissa l-ebda terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja.

60      Imbagħad, fil-każ tal-applikabbiltà fil-kawża tar-Regolament Nru 1083/2006, il-Kummissjoni tippreċiża li t-termini stabbiliti mill-Artikolu 100(5) ta’ dan ir-regolament jikkonċernaw biss il-programmi implementati wara l-1 ta’ Jannar 2007 u ma għandhomx japplikaw għall-programmi qabel din id-data.

61      Hija żżid li jirriżulta mill-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1083/2006 li l-proġetti kofinanzjati approvati fil-kuntest ta’ skema preċedenti jibqgħu taħt din l-iskema sad-data tal-għeluq tagħhom.

62      Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, ir-regoli proċedurali u r-regoli sostantivi huma indiviżibbli u ma jista’ jkun hemm ebda applikazzjoni retroattiva tat-termini ffissati mill-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi innota l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006, mhux fir-rikors iżda fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-impatt f’din il-kawża tas-sentenza fl-appell, b’tali mod li dan il-motiv għandu jiġi kkunsidrat bħala motiv ġdid.

64      Madankollu, indipendentement mill-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ tali motiv, għandu jiġi rrielvat li, skont il-ġurisprudenza, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli proċedurali dwar l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, li huwa għall-qorti tal-Unjoni Ewropea li tqajjem anki ex officio (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, ħlief għal każijiet partikolari bħal, b’mod partikolari, dawk previsti fir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq motiv ta’ dritt imqajjem ex officio, anki ta’ ordni pubbliku, mingħajr ma qabel tistieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmi motiv (ara sentenza fl-appell, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Issa f’din il-kawża, l-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni tat-terminu li fih deċiżjoni għal korrezzjoni finanzjarja għandha tkun adottata, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata wara l-għoti tas-sentenza wara appell, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjonijiet ta’ korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni, dwar programmi ta’ finanzjament preċedenti għas-sena 2000, billi qajmet ex officio l-ksur mill-Kummissjoni tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

67      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali adottat it-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, wara s-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑139/15 P, EU:C:2016:707), u tal-21 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑140/15 P, EU:C:2016:708).

68      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet setgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-applikazzjoni tat-termini previsti mill-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

69      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’din il-kawża, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 4253/88 ġie mħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, mir-Regolament Nru 1260/1999. Dan l-aħħar regolament ġie mħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bir-Regolament Nru 1083/2006, li tħassar bir-Regolament Nru 1303/2013, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

70      Għalhekk, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1303/2013 ma jistax jiġi applikat f’din il-kawża, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-2009.

71      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-Regolament Nru 1083/2006 jekk jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 108 ta’ dan ir-regolament li wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha għandhom japplikaw għall-programmi ta’ finanzjament għall-perijodu 2007-2013, xorta jibqa’ l-fatt li dan tal-aħħar jiddisponi wkoll li l-Artikolu 100 ta’ dan ir-regolament li jiffissa t-termini proċedurali huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007, mingħajr l-ebda preċiżazzjoni dwar il-perijodu ta’ finanzjament kopert.

72      Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1083/2006 japplika wkoll għall-programmi preċedenti għall-perijodu 2007-2013, u dan konformement mal-prinċipju li jgħid li r-regoli proċedurali għandhom jiġu applikati immedjatament wara dħul fis-seħħ (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 98; tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 98; tat-22 ta’ Ottubru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑429/13 P, EU:C:2014:2310, punt 31; tal-4 ta’ Diċembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑513/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2412, punt 48, u tal-24 ta’ Ġunju 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑263/13 P, EU:C:2015:415, punt 53; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza wara appell, punt 84).

73      Din il-ġurisprudenza, barra minn hekk, ġiet ikkonfermata mis-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑139/15 P, EU:C:2016:707, punt 89), u tal-21 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑140/15 P, EU:C:2016:708, punt 89), fatt li l-Kummissjoni ma tikkontestax.

74      F’dan il-każ, il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li temenda l-għajnuna finanzjarja mogħtija lir-Renju tal-Pajjiżi l-baxxi għall-perijodu ta’ finanzjament 1994‑1999 kien fis-seħħ mill-2004 sal-2009.

75      Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tirrispetta, għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-terminu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-korrezzjoni finanzjarja fi żmien sitt xhur mid-data tas-seduta tar-rappreżentanti tal-Istat Membru kkonċernat, fil-każ li dan l-Istat ma jaċċettax il-konklużjonijiet provviżorji tagħha. Fl-assenza ta’ seduta, il-perijodu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data tal-ittra ta’ stedina mill-Kummissjoni.

77      Għalhekk, meta l-Istat Membru ma jaċċettax il-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni, huwa l-mument li fih din tal-aħħar tibgħat l-ittra ta’ stedina għal seduta jew għaż-żamma ta’ seduta, skont il-każ, li jikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza għall-kalkolu tat-terminu.

78      Issa, minn naħa, jirriżulta mill-fajl ta’ din il-kawża li nżammet seduta fi Brussell (il-Belġju) fit-23 ta’ Frar 2009 bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

79      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-23 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri għaxar xhur wara s-seduta, fatt li l-Kummissjoni ma tikkontestax.

80      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma osservatx, f’din il-kawża, it-terminu ta’ sitt xhur iffissat mill-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

81      Konsegwentement, hemm lok li jiġi ddikjarat li dan ir-rikors huwa manifestament fondat u li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, sa fejn din tapplika għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 Spejjeż

82      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

83      Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

tordna:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 10712, tat-23 ta’ Diċembru 2009, li tnaqqas l-għajnuna mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) taħt il-Programm ta’ Inizjattiva tal-Komunità Interreg II/C “Għargħar Rhin-Meuse”, fir-Renju tal-Belġju, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-Repubblika Franċiża, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(97)3742, tat-18 ta’ Diċembru 1997 (FEŻR Nru 970010008), hija annullata, sa fejn din tikkonċerna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2017.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

D. Gratsias


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.