Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Marzu 2010 - Conte et vs Il-Kunsill

(Kawża T-121/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Giovanni Conte (Pomezia, l-Italja), Casa del Pescatore Soc. coop. rl (Civitanova Marche, l-Italja), Guidotti Giovanni & Figli Snc (Termoli, l-Italja), Organizzazione di produttori della pesca di Civitanova Marche Soc. coop. rl (Civitanova Marche, l-Italja), Consorzio gestione mercato ittico Manfredonia Soc. coop. rl (Cogemim) (Manfredonia, l-Italja) (rappreżentanti: P. Cavasola, avukat, G. Micucci, avukat, V. Cannizzaro, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-regolament ikkontestat.

tikkundanna lill-konventu għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors preżenti jirrigwarda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006.

Ir-rikorrenti fil-kawża preżenti huma kollha sajjieda suġġetti għall-obbligi stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat.

Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma jsostnu l-motivi segwenti:

1. L-invalidità tal-Artikolu 9(2) u (3) u l-Artikolu 10(1) u (2) tar-regolament ikkontestat, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu, għal bastimenti tas-sajd b'tul totali ta' 15-il metru jew aktar, l-obbligu inkundizzjonat li jkollhom sistema doppja ta' kontroll: il-kontroll b'satellita, stabbilit bl-Artikolu 9, kif ukoll, addizzjonalment, is-sistema ta' identifikazzjoni awtomatika. Dawn iż-żewġ sistemi ta' kontroll differenti għandhom essenzjalment l-istess funzjoni. Dan l-obbligu mhuwiex motivat b'mod adegwat. Barra minn hekk, dan jidher li jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità fir-rigward tan-neċessità tal-miżura u kemm din hija adegwata. Barra minn hekk, l-obbligu ta' sistema doppja ta' kontroll tinvolvi piż finanzjarju fuq ir-rikorrenti li ma huwa ġġustifikat mill-ebda rekwiżit raġonevoli.

2. L-invalidità tal-Artikolu 15 u l-Artikolu 17 tar-regolament ikkontestat, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu li bastimenti tas-sajd b'tul totali ta' 12-il metru jew aktar għandhom kuljum jibagħtu tagħrif determinat, anki qabel id-dħul fil-port jew saħansitra erba' sigħat qabel id-dħul fil-port. Skont ir-rikorrenti, dan l-obbligu jidher li huwa irraġonevoli, sproporzjonat u saħansitra impossibbli li jiġi osservat. B'mod partikolari għall-bastimenti tas-sajd involuti f'attività ta' qbid ta' ħut fi kwantitajiet żgħar u li jistadu f'żoni b'distanza ta' ftit sigħat ta' navigazzjoni 'l bogħod mill-portijiet, dan l-obbligu huwa impossibbli li jiġi osservat sakemm il-bastimenti tas-sajd ma jinżammux barra l-port sabiex jistennew il-ħin jgħaddi.

3. L-invalidità tas-sistema ta' sorveljanza u spezzjoni, inkwantu r-regolament ikkontestat jistabbilixxi obbligu inkundizzjonat li jingħata aċċess għall-faċilitajiet tal-bastiment, għall-fajls u għad-dokumenti elettroniċi kif ukoll li joqogħdu għal għamliet ta' spezzjonijiet u interrogazzjonijiet minn uffiċjali li joperaw mingħajr l-ebda mandat tal-awtoritajiet ġudizzjarji u li mhumiex suġġetti għall-kontroll mill-korpi tal-pulizija ġudizzjarja. B'hekk, jinkisru d-drittijiet għal kunfidenzjalità, għal post tal-għajxien, għal ħajja privata u personali kif ukoll id-dritt ta' difiża, fid-diversi forom tagħhom. Dan il-kontroll, barra li jikser id-drittijiet fundamentali msemmija iktar 'il fuq, jispiċċa biex iġib fix-xejn, minħabba n-natura invażiva tiegħu, id-dritt tas-sajjied li jeżerċita l-libertà ekonomika tiegħu, kif żgurata mit-Trattati fundaturi. Raġuni partikolari ta' invalidità tirrigwarda l-Artikolu 82, peress li jagħti lill-uffiċjal tal-ispezzjoni s-setgħa li jadotta miżuri ta' protezzjoni tal-provi ta' ksur li jista' jkun hemm.

4. L-invalidità tal-Artikolu 73(8) tar-regolament ikkontestat, inkwantu din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-libertà għall-Istati li jimponu fuq is-sajjieda l-ispejjeż finanzjarji tas-sistema ta' sorveljanza. F'dan ir-rigward, għandu jingħad li d-dispożizzjoni tidher b'mod ċar li hija invalida peress li tikser il-prinċipju tat-tqassim soċjali tal-ispejjeż meħtieġa għat-twettiq tal-interessi pubbliċi.

5. L-invalidità tal-Artikolu 92 tar-regolament ikkontestat, inkwantu din id-dispożizzjoni tistabbilixxi sistema ta' trasferiment tar-responsabbiltà għal istanzi ta' ksur li jista' jkun hemm, imwettqa minn kwalunkwe persuna, li jaslu sabiex jiġu imputati lis-sid tal-bastiment tas-sajd u l-eventwali aventi causa. F'dan ir-rigward, huma jsostnu li r-regola tmur kontra l-prinċipju tar-responsabbiltà personali, il-prinċipju tal-ħarsien tal-proprjetà privata u l-prinċipju ta' proporzjonalità peress li mhijiex razzjonalment intiża sabiex tevita li wieħed jaħrab is-sistema ta' sanzjonijiet.

6. L-invalidità tal-Artikolu 103 tar-regolament ikkontestat, inkwantu din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li n-nuqqas ta' osservanza minn Stat tal-obbligi stabbiliti mill-istess regolament jista' jwassal għas-sospenzoni tal-għajnuna finanzjarja stabbilita mir-Regolament 1198/2006 1 u 861/2006 2. Skont ir-rikorrenti, l-għajnuna twassal sabiex ir-responsabbiltà tal-Istat inkwistjoni tiġi ttrasferita fuq l-individwi li, b'hekk, għandhom ibatu l-konsegwenzi dannużi minħabba aġir tal-Istat. Din il-forma ta' trasferiment tas-sanzjoni tikser il-prinċipju li s-sanzjoni għandha tingħata lil persuna responsabbli u l-prinċipju ta' proporzjonalità.

7. L-invalidità tal-Artikolu 14(1), (2), (3), (4) (5); tal-Artikolu 17(1); tal-Artikolu 58(1), (2), (3) u (5); tal-Artikolu 59(2) u (3); tal-Artikolu 60(4) u (5); tal-Artikolu 62(1); tal-Artikolu 63(1); tal-Artikoli 64, 65 u 66(1) u (3); tal-Artikoli 67(1) u 68 tar-regolament ikkontestat. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-imsemmi regolament huwa bbażat biss fuq l-Artikolu 37 tat-Trattat KE, li jippermetti li tiġi stabbilita politika komuni tas-sajd u li l-miżuri misjuba fir-regolament ikunu leġittimi biss jekk japplikaw għall-politika tas-sajd stabbilita mill-istituzzjonijiet Komunitarji permezz ta' diversi atti. Issa, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq mhumiex marbuta ma' oqsma u suġġetti speċifiċi li jaqgħu taħt il-politika komuni tas-sajd u, għalhekk, ma jaqgħux fl-ambitu ta' applikazzjoni tal-Artikolu 37 KE.

____________

1 - Regolament (KE) Nr 1198/2006 tal-Kunsill, tas- 27 ta Lulju 2006, dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006, tat-22 ta' Mejju 2006, li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar