Language of document : ECLI:EU:T:2024:467

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

10 ta’ Lulju 2024 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati mal-korrispondenza mibgħuta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Ungeriżi dwar abbozz ta’ sejħa għal proposti kofinanzjata mill-Unjoni fil-kuntest tal-Fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Oppożizzjoni manifestata mill-Istat Membru – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Kunċett ta’ ‘dokument relatat ma’ kwistjoni li dwarha l-istituzzjoni tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni’ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża T‑104/22,

LUngerija, irrappreżentata minn M. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Ehrbar, A. Spina u A. Tokár, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn L. Truchot, President, H. Kanninen, E. Buttigieg, M. Sampol Pucurull (Relatur) u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat id-digriet tat‑8 ta’ Ġunju 2022, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (T‑104/22 R, mhux ippubblikat, EU:T:2022:351), li permezz tiegħu l-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż,

wara s-seduta tal‑11 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, l-Ungerija titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑14 ta’ Diċembru 2021 li tagħti lil terz applikant, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għall-korrispondenza mibgħuta mill-awtoritajiet Ungeriżi lill-Kummissjoni dwar abbozz ta’ sejħa għal proposti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Il-Kummissjoni adottat, fil-kuntest tal-programmazzjoni tal-Fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Fondi ESI”) għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2014 sal‑31 ta’ Diċembru 2023, il-programm operazzjonali għall-iżvilupp tar-riżorsi umani għad-deistituzzjonalizzazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà li attwalment jgħixu f’istituzzjonijiet fl-Ungerija (EFOP) fuq proposta tal-Ungerija, skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155).

3        Fil-kuntest tal-programm operazzjonali imsemmi iktar ’il fuq, l-awtorità ta’ ġestjoni nnominata mill-awtoritajiet Ungeriżi għall-implimentazzjoni tal-imsemmi programm fasslet abbozz ta’ sejħa għal proposti bin-numru tal-kodiċi “EFOP 2.2.5”, intitolat “Titjib tat-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura mhux istituzzjonali – sostituzzjoni tal-akkomodazzjoni istituzzjonali sal‑2023” (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal proposti EFOP 2.2.5”).

4        Fit‑30 ta’ April 2021, tressqet talba għal aċċess, bir-referenza GESTDEM 2021/2808, lill-Kummissjoni, li tirrigwarda l-korrispondenza uffiċjali kollha bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi dwar is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

5        Mill-ħdax-il dokument identifikati mill-Kummissjoni bħala li jaqgħu fil-kamp kopert mit-talba għal aċċess, ħamsa kienu joriġinaw mill-awtoritajiet Ungeriżi, jiġifieri d-dokumenti li ġejjin:

–        messaġġ elettroniku tal-awtoritajiet Ungeriżi tal‑11 ta’ Marzu 2020, referenza Ares (2021) 3279157, li jinkludi żewġ annessi;

–        ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi lill-Kummissjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2020, referenza Ares (2020) 3193726;

–        ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi lill-Kummissjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2020, referenza Ares (2020) 4141947;

–        ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi lill-Kummissjoni tal‑5 ta’ Jannar 2021, referenza Ares (2021) 401802;

–        ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi lill-Kummissjoni tal‑14 ta’ April 2021, referenza Ares (2021) 2528382;

6        Fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-awtoritajiet Ungeriżi informaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Mejju 2021, li huma kienu qegħdin jopponu li jingħata aċċess għad-dokumenti li joriġinaw minnhom, abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-awtoritajiet Ungeriżi osservaw li, sa fejn il-proċess deċiżjonali li jikkonċerna s-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5 kien għadu għaddej, l-iżvelar, f’dan l-istadju, tal-imsemmija dokumenti jippreġudika serjament il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza, peress li benefiċjarji potenzjali seta’ jkollhom aċċess għal informazzjoni li setgħet tagħtihom vantaġġ kompetittiv żleali.

7        Fis‑16 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni tat lit-terz applikant, bla ħsara għall-protezzjoni tad-data personali, l-aċċess għal sitta minn ħdax-il dokument identifikati bħala li jaqgħu fil-kamp kopert mit-talba għal żvelar, iżda rrifjutat li tagħtih aċċess għall-ħames dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Ungeriżi skont l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”).

8        Fis‑6 ta’ Lulju 2021, it-terz applikant ippreżenta talba konfermattiva quddiem il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem it-“talba konfermattiva”).

9        Fit‑13 ta’ Ottubru 2021, wara t-talba konfermattiva, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni kkonsulta mill-ġdid lill-awtoritajiet Ungeriżi u informa lil dawn tal-aħħar li, wara li eżamina l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, kien jidhirlu li l-aċċess għad-dokumenti elenkati fil-punt 5 iktar ’il fuq seta’ jiġi rrifjutat biss abbażi tal-protezzjoni tad-data personali.

10      Waqt l-eżami tat-talba konfermattiva, ġew identifikati dokumenti addizzjonali mill-Kummissjoni bħala li jaqgħu taħt it-talba għal aċċess, inklużi erba’ dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Ungeriżi (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mad-dokumenti identifikati fil-punt 5 iktar ’il fuq, id-“dokumenti kontenzjużi”), jiġifieri d-dokumenti li ġejjin:

–        messaġġ elettroniku tal-awtoritajiet Ungeriżi tal‑10 ta’ Marzu 2020, referenza Ares (2020) 1532153;

–        messaġġ elettroniku tal-awtoritajiet Ungeriżi tat‑30 ta’ April 2020, referenza Ares (2020) 2352996, li jinkludi anness;

–        messaġġ elettroniku tal-awtoritajiet Ungeriżi tal‑21 ta’ Ottubru 2020, referenza Ares (2020) 5761728, li jinkludi żewġ annessi;

–        messaġġ elettroniku tal-awtoritajiet Ungeriżi tal‑25 ta’ Novembru 2020, referenza Ares (2020) 7120859, li tinkludi anness.

11      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑28 ta’ Ottubru 2021, l-awtoritajiet Ungeriżi tennew il-pożizzjoni tagħhom li ebda aċċess għad-dokumenti li joriġinaw minnhom ma kellu jingħata abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

12      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar it-talba konfermattiva tat-terz applikant u tat lil dan tal-aħħar l-aċċess, f’forma li minnha tneħħiet id-data personali, għad-dokumenti kontenzjużi, minkejja l-oppożizzjoni murija mill-awtoritajiet Ungeriżi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Ungeriżi u kkonkludiet li l-imsemmija argumenti ma kinux juru, prima facie, l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

13      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni informat lill-Ungerija bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Ittalbiet talpartijiet

14      L-Ungerija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

 Iddritt

16      Insostenn tar-rikors tagħha, l-Ungerija invokat formalment żewġ motivi.

17      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Ungerija, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, tirreferi għall-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr ma tippreċiża jekk il-kwistjoni tirrigwardax l-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew inkella l-paragrafu 3 meħud fl-intier tiegħu. Madankollu, l-argumenti tal-Ungerija juru li hija ma tirreferix għall-imsemmi paragrafu 3 fl-intier tiegħu, peress li l-imsemmija argumenti jirrigwardaw biss, fir-realtà, allegat ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

18      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali għandha tinterpreta l-motivi permezz tas-sustanza tagħhom minflok permezz tal-klassifikazzjoni tagħhom u, konsegwentement, tipproċedi għall-klassifikazzjoni tal-motivi u argumenti tar-rikors (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’dan ir-rigward, iż-żewġ motivi formalment invokati mill-Ungerija jikkostitwixxu, fir-realtà, iż-żewġ partijiet tal-istess motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-eżami tas-sustanza tas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Ungerija, fil-kuntest tal-ewwel motiv, din tal-aħħar tinvoka insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Barra minn hekk, l-Ungerija ssostni li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma japplikax għal dan il-każ, għandu jiġi applikat it-tielet inċiż tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Ungerija tqajjem, essenzjalment, erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni taddeċiżjoni kkontestata

21      L-Ungerija tqis li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettulhiex tevalwa, minn naħa, ir-raġunijiet li għalihom l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hijiex intiża li tapplika f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni realment eżaminatx jekk l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi setax jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-proċess deċiżjonali.

22      Barra minn hekk, l-Ungerija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni kkontestata titbiegħed mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha.

23      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Ungerija.

24      Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Mejju 2018, Malta vs Il‑Kummissjoni, T‑653/16, EU:T:2018:241, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li, meta istituzzjoni tiddeċiedi li tagħti lil terz applikant l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru minkejja l-oppożizzjoni magħmula minn dan l-Istat skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tista’ tirriżulta kemm mid-deċiżjoni ta’ żvelar indirizzata lit-terz applikant kif ukoll mill-att li permezz tiegħu l-istituzzjoni kkonċernata tinforma lill-imsemmi Stat Membru bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, peress li tali att jagħmel parti mill-kuntest li fih id-deċiżjoni ta’ żvelar tkun ġiet adottata.

26      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni eżamina jekk l-Ungerija kinitx ibbażat l-oppożizzjoni tagħha fuq l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jekk kinitx immotivat debitament il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ħadet nota tal-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi għall-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll tar-raġunijiet invokati minn dawn tal-aħħar sabiex jopponu l-imsemmi żvelar. Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Ungeriżi ma kinux jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni invokata minnhom. Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tagħti lit-terz applikant aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, f’forma li minnha tneħħiet id-data personali.

27      Huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix motivazzjoni eżawrjenti dwar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx applikabbli. Madankollu, peress li l-imsemmija deċiżjoni kellha bħala d-destinatarju tagħha t-terz applikant u peress li hija ma kellhiex l-għan li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tispjega f’din id-deċiżjoni, b’mod eżawrjenti, ir-raġunijiet li għalihom, hija qieset li t-talba tal-Ungerija sabiex ma jiġux żvelati dawn id-dokumenti ma kinitx fondata u, b’mod partikolari, li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx applikabbli f’dan il-każ.

28      Barra minn hekk, l-ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2021 li, kif ġie indikat fil-punt 25 iktar ’il fuq, tagħmel parti mill-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, tinkludi espożizzjoni iktar preċiża tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx applikabbli għad-dokumenti kontenzjużi. Għal dan l-għan, qabelxejn, il-Kummissjoni rrilevat li mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament jirriżulta li d-dokumenti li jistgħu jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni kellhom jirrigwardaw kwistjoni li dwarha istituzzjoni kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li d-dokumenti kontenzjużi kienu jikkonċernaw is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, iffinanzjata fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża, u li, konformement mal-Artikolu 34(3)(d) tar-Regolament Nru 1303/2013, l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali kienet inkarigata mill-preparazzjoni u mill-pubblikazzjoni tas-sejħiet għal proposti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li r-Regolament Nru 1303/2013 ma kien jipprevedi ebda teħid ta’ deċiżjoni min-naħa tagħha fil-kuntest tal-preparazzjoni u tal-approvazzjoni ta’ sejħa għal proposti rregolata mir-Regolament Nru 1303/2013.

29      Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet tippresupponi li jintwera li l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi seta’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni u li dan ir-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Issa, f’dan il-każ, l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi ma setax, skont il-Kummissjoni, jippreġudika b’mod konkret u effettiv proċess deċiżjonali eventwali. Għal dan l-għan, hija indikat li l-awtoritajiet Ungeriżi kienu aċċettaw, fil-kuntest ta’ talba oħra għal aċċess, bir-referenza GESTDEM 2020/1513, li tikkonċerna wkoll is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5 u li tkopri dokumenti simili għal dawk li l-iżvelar tagħhom kien mitlub, li hija tagħti aċċess għal dawn id-dokumenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li parti mid-dokumenti mitluba, b’mod partikolari l-abbozz ta’ sejħa għal proposti nnifsu, kienu pubbliċi.

30      Konsegwentement, tali indikazzjonijiet huma ta’ natura li jippermettu lill-Ungerija tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti l-aċċess lit-terz applikant għad-dokumenti kontenzjużi u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ mogħti lilha.

31      L-Ungerija tikkritika wkoll lill-Kummissjoni talli tbiegħdet, mingħajr motivazzjoni partikolari, mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha. B’mod partikolari, l-Ungerija tirrileva li, kemm fit-trattament tat-talba għal aċċess bir-referenza GESTDEM 2020/1513 kif ukoll fid-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tagħti l-aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Ungeriżi abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

32      Huwa minnu, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li hija parti minn prassi deċiżjonali stabbilita tista’ tkun immotivata b’mod sommarju, b’mod partikolari b’riferiment għal din il-prassi, meta din tmur kunsiderevolment lil hinn mid-deċiżjonijiet preċedenti, hija l-Kummissjoni li għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Icap et, C‑39/18 P, EU:C:2019:584, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, Malta vs Il‑Kummissjoni, T‑653/16, EU:T:2018:241, punt 54).

33      Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-Ungerija tillimita ruħha, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali prassi deċiżjonali, li tirreferi, minn naħa, għad-deċiżjoni inizjali u, min-naħa l-oħra, għat-talba għal aċċess preċedenti bir-referenza GESTDEM 2020/1513, billi tindika li l-Kummissjoni kienet inizjalment irrifjutat li tagħti lit-terz applikant l-aċċess għad-dokumenti mitluba wara l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, is-sempliċi invokazzjoni tad-deċiżjoni inizjali u tat-talba għal aċċess preċedenti ma tistax tistabbilixxi l-eżistenza ta’ prassi deċiżjonali stabbilita dwar it-trattament tat-talbiet għal aċċess li jikkonċernaw is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5.

34      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, huwa minnu li, fid-deċiżjoni inizjali, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana tal-Kummissjoni rrifjuta li jagħti l-aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Ungeriżi abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

35      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tweġiba għal talba inizjali għal aċċess, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-istess regolament, tikkostitwixxi biss teħid ta’ pożizzjoni inizjali li tagħti lill-applikant il-possibbiltà li jitlob, f’dan il-każ, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni jeżamina mill-ġdid il-pożizzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑210/15, EU:T:2017:224, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Konsegwentement, hija biss il-miżura adottata mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, li għandha n-natura ta’ deċiżjoni u li tissostitwixxi kompletament it-teħid ta’ pożizzjoni preċedenti, li tista’ tipproduċi effetti legali ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-applikant jew, bħal f’dan il-każ, dawk tal-Istat Membru li minnu joriġinaw id-dokumenti u li oġġezzjona għall-iżvelar tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑210/15, EU:T:2017:224, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għalhekk, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet obbligata tispjega r-raġunijiet li għalihom, fid-deċiżjoni kkontestata li ġiet adottata bi tweġiba għat-talba konfermattiva, hija tbiegħdet mid-deċiżjoni inizjali. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet biss obbligata timmotiva s-soluzzjoni li waslet għaliha.

38      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ kooperazzjoni leali

39      It-tieni motiv jinkludi żewġ ilmenti. L-Ungerija ssostni, minn naħa, li l-Kummissjoni ma tatx lill-awtoritajiet Ungeriżi l-possibbiltà li jesponu aħjar ir-raġunijiet tagħhom jew li jevalwaw mill-ġdid dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma eżaminatx ex officio l-possibbiltà li tapplika l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-“politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru” bħala interess pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, jew ukoll dik relatata mal-kunfidenzjalità tal-“iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

40      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Ungerija.

41      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni li ma tiżvelax dokument li joriġina minnu mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu, jagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jipparteċipa fid-deċiżjoni li l-istituzzjoni għandha tadotta u jistabbilixxi, għal dan l-għan, proċess deċiżjonali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjonijiet materjali li huma elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament jipprekludux li jingħata aċċess għad-dokument ikkunsidrat. Madankollu, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix lil dan l-Istat Membru dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonat b’mod li jipprekludi skont id-diskrezzjoni tiegħu l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu u li jkunu miżmuma minn istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Breyer, C‑213/15 P, EU:C:2017:563, punt 43).

42      Għalhekk, peress li l-implimentazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni hija fdata konġuntament lill-istituzzjoni u lill-Istat Membru li jkun eżerċita l-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, għaldaqstant, tali implimentazzjoni tiddependi mid-djalogu li għandu jiġi stabbilit bejniethom, dawn huma obbligati, konformement mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jaġixxu u jikkooperaw b’tali mod li l-imsemmija regoli jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 85).

43      Qabelxejn, minn dan isegwi li l-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru u dan tal-aħħar għandhom, meta din it-talba tkun ġiet ikkomunikata minn din l-istituzzjoni lill-imsemmi Stat Membru, jibdew mingħajr dewmien djalogu leali dwar l-applikazzjoni eventwali tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 86).

44      Sussegwentement, l-Istat Membru kkonċernat li, fi tmiem dan id-djalogu, jopponi l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni huwa obbligat jimmotiva din l-oppożizzjoni fid-dawl tal-imsemmija eċċezzjonijiet (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 87).

45      L-istituzzjoni ma tistax fil-fatt taċċetta l-oppożizzjoni tal-Istat Membru fir-rigward tal-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk din l-oppożizzjoni ma hijiex motivata jew jekk il-motivazzjoni mressqa ma tingħatax b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta, minkejja l-istedina espressa f’dan is-sens indirizzata mill-istituzzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar jibqa’ ma jipprovdilhiex tali motivazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni għandha, jekk din tqis minn naħa tagħha li ebda waħda mill-imsemmija eċċezzjonijiet ma tapplika, tagħti aċċess għad-dokument mitlub (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 88).

46      Fl-aħħar nett, id-djalogu leali li jikkaratterizza l-proċess deċiżjonali stabbilit mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jimplika wkoll l-obbligu għall-istituzzjoni kkonċernata li tippermetti lill-Istat Membru jesponi aħjar il-motivi tiegħu jew jevalwa mill-ġdid dawn tal-aħħar sabiex ikunu jistgħu jitqiesu, prima facie, bħala difendibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑344/15, EU:T:2017:250, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel ilment, kif jirriżulta mill-ittra tat‑13 ta’ Ottubru 2021, mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi, il-Kummissjoni, wara t-talba konfermattiva tat-terz applikant, bdiet mingħajr dewmien djalogu mal-awtoritajiet Ungeriżi dwar l-applikazzjoni eventwali tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, qabelxejn, hija informat lill-imsemmija awtoritajiet li, prima facie, wara li eżaminat l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, hija qieset li l-aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq seta’ jiġi rrifjutat biss abbażi tal-protezzjoni tad-data personali. Sussegwentement, fid-dawl tal-evalwazzjoni preliminari mwettqa, hija talbet lill-awtoritajiet Ungeriżi jippreċiżaw abbażi ta’ liema eċċezzjoni, fost dawk elenkati fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, huma qiesu li l-aċċess għad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq seta’ jiġi rrifjutat. Fl-aħħar nett, hija talbet lill-awtoritajiet Ungeriżi jimmotivaw l-eventwali oppożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-imsemmija eċċezzjonijiet.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Ungeriżi li hija kienet tqis li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx, prima facie, applikabbli u, min-naħa l-oħra, li hija tat il-possibbiltà lill-imsemmija awtoritajiet li jikkontradixxu din l-analiżi jew li jippreżentaw raġunament alternattiv, billi stednithom jipproduċu ġustifikazzjonijiet iddettaljati u motivati.

49      Għaldaqstant, l-Ungerija ma għandhiex raġun tafferma li l-Kummissjoni ma tathiex il-possibbiltà li tesponi aħjar il-motivi tagħha jew li tinvoka motivi oħra ta’ rifjut possibbli qabel ma adottat d-deċiżjoni kkontestata.

50      Fir-rigward tat-tieni lment, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ittra tat‑13 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ungeriżi li hija kienet eżaminat l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u li minn dan hija kkonkludiet li l-aċċess seta’ jiġi rrifjutat biss abbażi tal-protezzjoni tad-data personali.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Ungerija ma bbażatx l-oppożizzjoni tagħha għall-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) jew (2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

52      Għaldaqstant, l-Ungerija ma għandhiex raġun tikkritika lill-Kummissjoni talli ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tal-“politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru” u tal-“iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki” ma kinux applikabbli f’dan il-każ.

53      Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talewwel inċiż talArtikolu 4(3) tarRegolament Nru 1049/2001

54      It-tielet motiv jinqasam fi tliet partijiet.

55      Fil-kuntest tal-ewwel parti, l-Ungerija tqis, essenzjalment, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 japplika f’din il-kawża, sa fejn għadu għaddej proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni. Sussidjarjament, fil-kuntest tat-tieni parti, l-Ungerija ssostni li, anki fl-assenza ta’ proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproteġi wkoll il-proċess tal-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali inkarigata mill-finalizzazzjoni ta’ abbozz ta’ sejħa għal proposti rregolata mir-Regolament Nru 1303/2013, bħas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tielet parti, l-Ungerija ssostni li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi jippreġudika b’mod effettiv, serju u konkret il-proċess deċiżjonali li għadu għaddej marbut mal-finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5.

 Fuq lewwel parti tattielet motiv, ibbażata fuq leżistenza ta’ proċess deċiżjonali pendenti talKummissjoni

56      Din il-parti hija komposta minn żewġ ilmenti.

57      Insostenn tal-ewwel ilment, l-Ungerija ssostni li, minkejja li hija l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali li għandha tadotta d-deċiżjoni dwar il-finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, ma jistax jiġi injorat il-fatt li din id-deċiżjoni tittieħed fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża tal-Fondi ESI. Għal dan l-għan, l-Ungerija ssostni li, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni s-setgħat ta’ awditu tal-Kummissjoni u l-possibbiltà li din twettaq korrezzjonijiet finanzjarji, huwa fl-interess tal-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali li ssegwi l-linji gwida li hija tirċievi mill-Kummissjoni. Għalhekk, f’qasam li jaffettwa r-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni u li fih il-Kummissjoni tiżgura użu legali u regolari tal-Fondi ESI, id-deċiżjoni ċertament tittieħed mill-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali, iżda fil-qafas iddefinit mill-istituzzjoni u taħt il-kontroll sussegwenti tagħha, li juri parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-proċess deċiżjonali.

58      Insostenn tat-tieni lment, l-Ungerija tallega li l-Kummissjoni għandha prerogattivi fil-qasam tal-emendar tal-programmi operazzjonali rregolati mir-Regolament Nru 1303/2013. Issa, l-Ungerija ssostni li hija tixtieq tippreżenta talba debitament motivata għal emenda tal-programm operazzjonali, li tista’ taffettwa l-allokazzjoni tar-riżorsi marbuta mas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5. L-Ungerija tikkontesta, barra minn hekk, il-fatt li l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni intiż għall-approvazzjoni ta’ talba għal emenda ta’ programm operazzjonali jibda jiddekorri biss wara t-tressiq tat-talba formali għal emenda tal-imsemmi programm. Skont l-Ungerija, huwa mill-mument li jiġi stabbilit djalogu bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni sabiex tiġi ddeterminata l-orjentazzjoni tal-emenda futura li jibda l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

59      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Ungerija.

60      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jirrifletti r-rieda espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Trattat TUE li jiġi mħaddan stadju ġdid fil-proċess ta’ ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod miftuħ, u l-iktar eqreb possibbli lejn iċ-ċittadini (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Dan l-għan fundamentali tal-Unjoni huwa rifless ukoll, minn naħa, fl-Artikolu 15(1) TFUE, li jipprevedi, b’mod partikolari, li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ, prinċipju kkonfermat ukoll fl-Artikolu 10(3) TUE u fl-Artikolu 298(1) TFUE, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mir-rikonoxximent tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti fl-Artikolu 42 tal-Karta (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għal dan l-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, bla ħsara għal sistema ta’ eċċezzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li, b’deroga mill-prinċipju stabbilit f’dan l-artikolu, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Breyer vs REA, C‑135/22 P, EU:C:2023:640, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Fost l-eċċezzjonijiet għal dan l-aċċess hemm dik stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li minnha jirriżulta li l-aċċess għal dokument ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li jkun ġie stabbilit għall-użu intern tagħha jew li ġie rċevut minn din l-istituzzjoni u li jirrigwarda kwistjoni li fuqha l-imsemmija istituzzjoni għadha ma ħaditx deċiżjoni għandu jiġi rifjutat fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax dan l-iżvelar, peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi.

64      F’dan il-każ, id-dokumenti kontenzjużi jikkonċernaw il-korrispondenza li l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu lill-Kummissjoni dwar il-finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5. Dawn jirrigwardaw skambju intern ta’ opinjonijiet fuq l-imsemmi abbozz ta’ sejħa għal proposti li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien għadu ma ġiex ippubblikat b’mod definittiv.

65      Għalhekk, għandu jiġi analizzat il-qafas istituzzjonali ddefinit mir-Regolament Nru 1303/2013, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tal-finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, il-Kummissjoni kellhiex tadotta deċiżjoni.

66      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Fondi ESI jaqgħu taħt il-ġestjoni kondiviża.

67      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 63(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), jirriżulta li, “[f]ejn il-Kummissjoni timplimenta l-baġit b’ġestjoni kondiviża, il-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit għandhom ikunu delegati lill-Istati Membri”.

68      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1303/2013, “[f]’konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll ta’ programmi f’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom stabbiliti f’dan ir-Regolament u fir-regoli speċifiċi għall-Fondi”.

69      B’mod partikolari, l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 1303/2013 jirreferi għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 74(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li “[l]-Istati Membri għandhom iwettqu l-obbligi ta’ ġestjoni, kontroll u awditjar u jassumu r-responsabbiltajiet li huma stabbiliti fir-regoli dwar il-ġestjoni kondiviża stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u r-regoli speċifiċi għall-Fondi”.

70      Barra minn hekk, l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 1303/2013 jiddetermina s-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, mill-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tiżgura ruħha li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew sistemi ta’ kontroll u li dawn is-sistemi jiffunzjonaw b’mod effikaċi matul l-implimentazzjoni tal-programmi.

71      Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1303/2013 jafda lill-Istati Membri, fil-livell territorjali xieraq, skont il-qafas istituzzjonali, legali u finanzjarju tagħhom, u lill-korpi nnominati minnhom għal dan l-għan, it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali u l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom, bi sħubija mal-imsieħba kkonċernati msemmija fl-Artikolu 5 tal-istess regolament.

72      F’dan il-kuntest, mill-Artikolu 34(3)(d) tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta li t-tfassil u l-pubblikazzjoni tas-sejħiet għal proposti jaqgħu taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-Istati Membri.

73      Barra minn hekk, l-Artikolu 125(3) tar-Regolament Nru 1303/2013 jipprovdi li, fir-rigward tal-għażla tal-operazzjonijiet, hija l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali li għandha tistabbilixxi u, wara l-approvazzjoni, għandha tapplika proċeduri u kriterji xierqa ta’ għażla tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi ESI.

74      Kif jirriżulta mill-Artikolu 110(2)(a) tar-Regolament Nru 1303/2013, l-approvazzjoni msemmija fl-Artikolu 125(3) tal-imsemmi regolament tirreferi għall-approvazzjoni tal-metodu u tal-kriterji ta’ għażla tal-operazzjonijiet mill-kumitat ta’ monitoraġġ stabbilit mill-Istat Membru skont l-Artikoli 47 u 48 tal-istess regolament u mhux għal approvazzjoni mill-Kummissjoni.

75      Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq juru li s-sejħiet għal proposti rregolati mir-Regolament Nru 1303/2013, li jiddefinixxu l-kriterji li għandhom jiġu osservati sabiex jintgħażlu l-operazzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fondi ESI, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-Istati Membri.

76      Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 1303/2013 ma jagħtix kompetenza partikolari lill-Kummissjoni fil-proċess ta’ finalizzazzjoni ta’ sejħa għal proposti rregolata minn dan ir-regolament, b’tali mod li din tal-aħħar kellha raġun tqis li, prima facie, hija ma kinitx meħtieġa tieħu deċiżjoni dwar is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5.

77      Madankollu, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-ilmenti invokati mill-Ungerija insostenn ta’ din il-parti.

–       Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq lapplikabbiltà talewwel subparagrafu talArtikolu 4(3) tarRegolament Nru 1049/2001 minħabba linfluwenza talKummissjoni fuq ilfinalizzazzjoni talabbozz ta’ sejħa għal proposti EFOP 2.2.5

78      L-Ungerija ssostni li l-fatt li l-Kummissjoni tista’, fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, tifformula osservazzjonijiet jew, sussegwentement, tikkontrolla l-osservanza tal-osservazzjonijiet tagħha, taħt piena ta’ korrezzjonijiet finanzjarji, jikkundizzjona, fil-parti l-kbira, id-deċiżjoni tal-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali dwar il-finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5. Din l-influwenza tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża, għandha tinftiehem fis-sens li deċiżjoni minn awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali, minkejja li ma hijiex formalment deċiżjoni tal-Kummissjoni, tifforma parti integrali mill-proċess deċiżjonali ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, skont l-Ungerija, il-konsultazzjonijiet u d-deliberazzjonijiet interni bejn l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali u l-Kummissjoni, fil-kuntest tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, għandhom jiġu protetti skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, anki jekk il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tadotta deċiżjoni fis-sens strett tal-kelma.

79      L-argument tal-Ungerija jqajjem il-kwistjoni tal-portata tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali għandha tiddetermina jekk, fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża, meta l-Kummissjoni tibda djalogu mal-awtoritajiet Ungeriżi, fir-rigward tal-finalizzazzjoni ta’ sejħa għal proposti ffinanzjata mill-Fondi ESI, il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni jinkludix ukoll id-djalogu msemmi iktar ’il fuq, mingħajr ma dan tal-aħħar iwassal neċessarjament għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

80      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, G GmbH, C‑134/22, EU:C:2023:567, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jitfakkar li din tirrigwarda d-dokumenti relatati ma’ kwistjoni li dwarha istituzzjoni tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni, fatt li evidentement jirreferi għall-kunċett ta’ “proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni” fil-mument tat-tressiq tat-talba għal aċċess.

82      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li ma kienx possibbli li jiġi rrifjutat l-aċċess għal dokument abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ħlief sa fejn il-proċess ta’ deċiżjoni jkun jirrigwarda t-teħid ta’ deċiżjoni (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, De Masi u Varoufakis vs BĊE, C‑342/19 P, EU:C:2020:1035, punt 73).

83      Fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħmel distinzjoni ċara skont jekk proċedura ngħalqitx jew le. Għalhekk, skont l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali kull dokument stabbilit minn istituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minnha u li jikkonċerna l-kwistjoni li dwarha din tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni. It-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni jipprevedi li, wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, l-eċċezzjoni inkwistjoni tkopri biss id-dokumenti li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 78).

84      Għalhekk, il-protezzjoni mogħtija mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tintemm bit-teħid ta’ deċiżjoni.

85      Fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika, kif jirriżulta mill-punt 64 iktar ’il fuq, kull interpretazzjoni tal-artikolu inkwistjoni li tmur lil hinn mill-formulazzjoni stess twassal sabiex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

86      Għalhekk, mill-punti 81 sa 85 iktar ’il fuq jirriżulta li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija suġġetta għall-identifikazzjoni ta’ proċess li fi tmiemu istituzzjoni tal-Unjoni tingħata s-setgħa mid-dritt tal-Unjoni li tadotta deċiżjoni partikolari.

87      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 76 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex tieħu deċiżjoni speċifika dwar il-finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5.

88      It-tieni nett, għalkemm l-Ungerija ssostni li, fil-kuntest tal-proċess ta’ finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti, isiru konsultazzjonijiet jew deliberazzjonijiet interni bejn l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali u l-Kummissjoni, hija ma ssostnix li l-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni.

89      It-tielet nett, għalkemm il-Kummissjoni setgħet tifformula osservazzjonijiet dwar l-abbozz tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, b’mod partikolari fid-dawl tal-koerenza tagħha mal-programm operazzjonali li jaqa’ taħtu l-imsemmi proġett u sabiex tiżgura li l-Fondi ESI jintużaw mill-awtoritajiet Ungeriżi b’mod legali u regolari, minn dan madankollu ma jirriżultax li dawn l-osservazzjonijiet jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ proċess deċiżjonali speċifiku għall-Kummissjoni u jippermettu li l-imsemmija sejħa tiġi assimilata ma’ deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni. Fil-fatt, dawn l-osservazzjonijiet bl-ebda mod ma jippreġudikaw id-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tista’ tieħu, bħad-deċiżjoni li ssir korrezzjoni finanzjarja jew dik intiża għas-sospensjoni tal-ħlasijiet assoċjati mas-sejħa għal proposti.

90      Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tesprimi dubji jew tħassib dwar ir-regolarità ta’ abbozz ta’ sejħa għal proposti rregolat mir-Regolament Nru 1303/2013, għandu jiġi rrilevat li l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali tista’ tiddeċiedi li timplimenta l-emendi proposti mill-Kummissjoni, u b’hekk tiżgura ruħha li l-imsemmi proġett ikompli jibbenefika minn kofinanzjament tal-Unjoni, mingħajr ma tkun neċessarja ebda deċiżjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali tista’ tiddeċiedi wkoll li ma temendax is-sejħa għal proposti u li tiffinanzja l-proġett biss abbażi ta’ fondi impenjati mill-Istat Membru. Barra minn hekk, fil-każ ta’ inkompatibbiltà ta’ abbozz ta’ sejħa għal proposti mal-programm operazzjonali approvat mill-Kummissjoni, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jisiltu l-konsegwenzi minn dan fid-dawl tad-dritt nazzjonali, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Unjoni.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li xejn ma jipprekludi lill-Istat Membru kkonċernat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni intiża għall-interruzzjoni tat-termini għall-ħlas, għas-sospensjoni tal-ħlasijiet assoċjati ma’ sejħa għal proposti rregolata mir-Regolament Nru 1303/2013 jew għall-annullament tal-kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni jew ta’ parti minnha għal programm operazzjonali milli jiddeċiedi li jassumi mill-fondi tiegħu stess il-parti tal-finanzjament tal-Unjoni mitlufa sabiex jiffinanzja l-proġetti mogħtija skont is-sejħa għal proposti. F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1303/2013, il-Fondi ESI huma maħsuba bħala suppliment għall-azzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali korrispondenti jew bħala kontribuzzjoni għalihom, peress li l-premessa 87 tal-imsemmi regolament tippreċiża wkoll li l-appoġġ mill- Fondi ESI ma għandux jissostitwixxi l-infiq pubbliku jew l-infiq strutturali ekwivalenti mill-Istati Membri (ara d-digriet tat‑2 ta’ Settembru 2020, ENIL Brussels Office et vs Il‑Kummissjoni, T‑613/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:382, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Għaldaqstant, is-sempliċi parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fi proċedura rregolata mir-regoli baġitarji tal-ġestjoni kondiviża ma tistax tiġġustifika li din il-proċedura taqa’ taħt il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 68 sa 74 iktar ’il fuq, id-delega, mill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali, li tikkaratterizza l-ġestjoni kondiviża, tibqa’ mingħajr effett fuq il-kompetenzi rispettivi tagħha u tal-Istati Membri ddefiniti b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1303/2013, b’tali mod li l-proċessi deċiżjonali ta’ kull wieħed minnhom ma jistgħux jiġu konfużi.

93      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċess ta’ finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tadotta deċiżjoni. Għalhekk, id-dokumenti rċevuti mill-Kummissjoni matul il-konsultazzjonijiet u d-deliberazzjonijiet interni li seħħew bejn l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali u l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ tali proċess ma jistgħux jitqiesu li jirrigwardaw proċess deċiżjonali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li għadu għaddej. Konsegwentement, huma ma jistgħux jitqiesu li jirrigwardaw “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx [minn istituzzjoni tal-Unjoni]”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

94      Soluzzjoni kuntrarja tmur kontra r-rekwiżit imfakkar fil-punt 62 iktar ’il fuq li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat b’mod strett.

95      Għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-ewwel parti tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq ittieni lment, ibbażat fuq lapplikabbiltà talewwel subparagrafu talArtikolu 4(3) tarRegolament Nru 1049/2001 minħabba lkompetenza talKummissjoni filqasam talemendar talprogrammi operazzjonali rregolati mirRegolament Nru 1303/2013

96      Insostenn tat-tieni lment, l-Ungerija tirrileva li, minkejja li hija l-awtorità nazzjonali ta’ ġestjoni li għandha tadotta d-deċiżjoni dwar il-finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, il-Kummissjoni hija mitluba, skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1303/2013, tieħu deċiżjoni dwar l-emendar tal-programmi operazzjonali.

97      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta li r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tiżgura li l-emendi tal-programmi operazzjonali proposti mill-Istati Membri josservaw id-dispożizzjonijiet legali u r-rekwiżiti tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-proposti għal emendi ppreżentati mill-Istat Membru kkonċernat u tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet u osservazzjonijiet dwar dawn il-proposti qabel ma tadotta deċiżjoni finali dwar l-approvazzjoni tal-emendi. Għalhekk, jekk proposta għal emenda ta’ programm operazzjonali titqies li hija konformi mar-rekwiżiti tal-Unjoni, il-Kummissjoni tapprovaha formalment.

98      Għaldaqstant, fil-każ ta’ emenda tal-programm operazzjonali li taħtu taqa’ s-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, jista’ jitqies li l-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni u li proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni kien għadu għaddej.

99      Madankollu, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Ungeriżi ma kinux ippreżentaw talba għal emenda tal-programm operazzjonali li taħtu jaqa’ l-abbozz ta’ sejħa għal proposti EFOP 2.2.5.

100    Min-naħa l-oħra, id-dokumenti kontenzjużi ma kinux jikkonċernaw talba ipotetika għal emenda tal-programm operazzjonali li l-Ungerija setgħet tressaq, iżda kienu jirrigwardaw skambju ta’ opinjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali dwar l-abbozz tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5. Barra minn hekk, l-Ungerija baqgħet ma spjegatx kif l-aċċess għall-korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni u l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali dwar il-finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5 seta’ jikkomprometti l-proċess deċiżjonali relatat ma’ proċedura oħra, jiġifieri talba ipotetika għal emenda tal-programm operazzjonali.

101    Minn dan isegwi li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kien għadu għaddej ebda proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni u li, konsegwentement, l-Ungerija ma setgħetx validament tibbaża l-oppożizzjoni tagħha għall-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment tal-ewwel parti tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq ittieni parti tattielet motiv, ibbażata fuq lapplikabbiltà talewwel subparagrafu talArtikolu 4(3) tarRegolament Nru 1049/2001 għallproċess deċiżjonali talawtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali

103    Sussidjarjament, l-Ungerija ssostni li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li ma kinitx il-Kummissjoni, iżda l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali li, f’dan il-każ, kienet awtorizzata tieħu deċiżjoni, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal proposti, il-proċess deċiżjonali tal-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali għandu għalhekk jibbenefika wkoll mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

104    L-Ungerija tirrileva li, huwa minnu li, konformement mal-formulazzjoni tiegħu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipproteġi biss il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet, iżda li, madankollu, fid-dawl tal-ispeċifiċità ta’ din il-kawża, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma għandux jiġi limitat biss għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

105    Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-aġenziji tal-Unjoni jistgħu jinvokaw din l-eċċezzjoni sabiex jipproteġu l-proċess deċiżjonali tagħhom stess.

106    Fit-tieni lok, l-Ungerija tirrileva, essenzjalment, li interpretazzjoni restrittiva tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 twassal sabiex il-possibbiltà għall-Istati Membri li jitolbu, skont l-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament, li jiġi rrifjutat l-iżvelar ta’ dokumenti fid-dawl tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-imsemmi regolament tkun, fil-prattika, nieqsa minn kontenut. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-Istati Membri jistgħu jinvokaw biss l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess regolament u għalhekk ma humiex f’pożizzjoni li jipproteġu l-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet tagħhom stess, fatt li jipperikolah u b’hekk jistabbilixxi, f’qasam li jaffettwa r-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni, diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bbażata fuq il-persuna li tieħu d-deċiżjoni.

107    Barra minn hekk, l-interessi leġittimi tal-Istat Membru, li d-dritt nazzjonali tiegħu jippermetti li jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba, ma humiex protetti, peress li d-dritt tal-Unjoni jippermetti li tiġi evitata r-regola nazzjonali billi tindirizza direttament lill-istituzzjoni tal-Unjoni. L-Ungerija tirrileva li dan jippreġudika l-fiduċja tal-Istati Membri lejn l-istituzzjonijiet u minn dan jirriżulta tnaqqis fl-effikaċja tal-proċess ta’ konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

108    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Ungerija.

109    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-terminu “istituzzjoni” jindika f’dan ir-regolament il-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni, filwaqt li l-Artikolu 3(b) tal-imsemmi regolament jindika, bil-kelma “parti terza”, kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità barra mill-istituzzjoni kkonċernata, inklużi l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet mhux Komunitarji.

110    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li dan l-artikolu ma huwiex intiż sabiex jipproteġi l-proċessi deċiżjonali tal-Istati Membri jew ta’ persuni ġuridiċi minbarra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, il-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi biss għad-dokumenti li jirrigwardaw “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni”.

111    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni abolixxa b’mod partikolari r-regola tal-awtur li kienet tipprevali fl-istat tad-dritt preċedenti għal dak tar-Regolament Nru 1049/2001. Tali regola kienet timplika li, meta dokument miżmum minn istituzzjoni kellu bħala awtur persuna fiżika jew ġuridika, Stat Membru, istituzzjoni oħra jew korp Komunitarju ieħor jew ukoll kull organu nazzjonali jew internazzjonali ieħor, it-talba għal aċċess għad-dokument kellha tiġi indirizzata direttament lill-awtur ta’ dan id-dokument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 56).

112    B’hekk, jekk l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tiġi interpretata fis-sens li tipproteġi wkoll il-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali, dan iwassal sabiex l-imsemmija regola tal-awtur tiġi introdotta mill-ġdid, tal-inqas parzjalment u b’mod ħażin, għal kull dokument li jaffettwa t-teħid ta’ deċiżjoni ta’ Stat Membru. Issa, tali interpretazzjoni la tkun kompatibbli mal-għan u lanqas mal-iskop tal-Artikolu 15 TFUE u tar-Regolament Nru 1049/2001 li huwa li l-pubbliku jingħata dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni li jkun l-iktar wiesa’ possibbli.

113    Fit-tielet lok, kif jirriżulta mill-punt 62 iktar ’il fuq, kull interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li tmur lil hinn mill-formulazzjoni stess twassal sabiex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, din tkun interpretazzjoni estensiva tagħha li ma tippermettix li tiġi limitata l-portata tar-raġuni għal rifjut ikkonċernata.

114    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati mill-argumenti l-oħra tal-Ungerija.

115    Fl-ewwel lok, l-Ungerija ssostni li interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tippermettix lill-aġenziji tal-Unjoni jinvokaw l-imsemmi artikolu sabiex jipproteġu l-proċess deċiżjonali tagħhom stess sa fejn id-dispożizzjonijiet partikolari li jippermettu l-estensjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-aġenziji jikkonċernaw biss il-kamp ta’ applikazzjoni nnifsu ta’ dan ir-regolament, iżda ma jbiddlux il-kontenut tiegħu, fosthom l-Artikolu 4 tal-istess regolament dwar l-eċċezzjonijiet għall-iżvelar tad-dokumenti. Issa, l-Ungerija tirrileva li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2018, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA (T‑729/15, EU:T:2018:67), la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja, li kkonfermat is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq fl-appell, ma kkontestaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-proċess deċiżjonali ta’ aġenzija.

116    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ġiet estiża għall-aġenziji tal-Unjoni, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni partikolari fir-regolamenti kostituttivi tagħhom. B’mod partikolari, fir-rigward tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), l-Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p.229, rettifika fil-ĠU 2023, L 92, p. 31), jipprevedi espressament li r-Regolament Nru 1049/2001 japplika għad-dokumenti miżmuma mill-EMA u li l-Bord Amministrattiv għandu jadotta regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

117    Għalhekk, skont id-dispożizzjonijiet partikolari li jinsabu fir-regolamenti kostituttivi tagħhom, l-aġenziji għandhom id-dritt japplikaw l-eċċezzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 bl-istess mod bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet għad-dokumenti kollha miżmuma minnhom.

118    Minn dan isegwi li, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-proċeduri deċiżjonali tal-EMA u tal-aġenziji l-oħra tal-Unjoni tirriżulta minn regoli ċari u inekwivoċi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni u ma hijiex ir-riżultat ta’ interpretazzjoni wiesgħa, mill-Qorti Ġenerali, tal-kunċett ta’ “istituzzjoni” fis-sens tal-imsemmi regolament.

119    Fit-tieni lok, l-Ungerija tirrileva li interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 twassal sabiex il-possibbiltà għall-Istati Membri li jitolbu, konformement mal-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament, li jiġi rrifjutat l-iżvelar ta’ dokumenti fid-dawl tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tkun, fil-prattika, nieqsa minn kontenut.

120    F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-ġurisprudenza aċċettat li Stat Membru seta’ jinvoka l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punti 76, 83, 81 u 93, u tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punti 62 sa 66).

121    Madankollu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 japplika għal dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri rċevuti minn istituzzjoni tal-Unjoni li jirrigwardaw proċess deċiżjonali tagħha li jkun għadu għaddej. Dan l-artikolu għalhekk ma japplikax għal dokumenti li jirrigwardaw il-proċess deċiżjonali ta’ Stat Membru.

122    Fit-tielet lok, l-argumenti tal-Ungerija bbażati fuq it-tqegħid fil-perikolu tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali u tal-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-Istati Membri, li d-dritt nazzjonali jiżgura l-protezzjoni tagħhom, lanqas ma jistgħu jintlaqgħu.

123    Fil-fatt, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li dan ir-regolament japplika għad-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri miktuba minnha jew li rċeviet u li jkunu fil-pussess tagħha f’kull qasam ta’ attivitajiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, minn dan l-artikolu jirriżulta li, bħala prinċipju, bla ħsara għad-dokumenti kklassifikati bħala sensittivi li huma s-suġġett ta’ trattament partikolari konformement mal-paragrafu 5 ta’ dan l-istess artikolu, dokument trażmess, minn awtorità nazzjonali, lil istituzzjoni tal-Unjoni huwa, minn dan il-mument, esklużivament suġġett għad-dritt tal-Unjoni u taħt ir-responsabbiltà ta’ din l-istituzzjoni fil-kuntest ta’ talba għal aċċess għad-dokument indirizzat lil din l-istituzzjoni.

124    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-interessi leġittimi tal-Istati Membri jistgħu wkoll jiġu protetti bl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

125    Fir-raba’ lok, l-Ungerija tirrileva li l-fatt li ma jiġix protett il-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali jippreġudika l-fiduċja tal-Istati Membri lejn l-istituzzjonijiet u li minn dan jirriżulta tnaqqis fl-effikaċja tal-proċess ta’ konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

126    Għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi riferiment għal riskju ta’ riperkussjonijiet negattivi fuq il-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u għat-tnaqqis tal-effikaċja tal-proċess ta’ konsultazzjoni bejn il-partijiet ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali għandu jiġi protett wkoll mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, dan iwassal sabiex l-Istati Membri jingħataw dritt diskrezzjonali f’dan il-qasam jew, tal-inqas, sabiex il-politika ta’ aċċess għad-dokumenti implimentata minn dan ir-regolament tkun suġġetta għall-politiki nazzjonali relatati miegħu. Issa, dan la huwa kompatibbli mas-sistema ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilita mir-Regolament Nru 1049/2001 u lanqas mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni impost fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Batchelor vs Il‑Kummissjoni, T‑250/08, EU:T:2011:236, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    Minn dan jirriżulta li l-eċċezzjoni bbażata fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipproteġi wkoll il-proċess deċiżjonali ta’ awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ittielet parti tattielet motiv, ibbażata fuq preġudizzju serju, effettiv u konkret għallprotezzjoni talproċess deċiżjonali marbut malfinalizzazzjoni talabbozz ta’ sejħa għal proposti EFOP 2.2.5

128    Insostenn ta’ din il-parti, l-Ungerija ssostni li l-pubblikazzjoni tal-korrispondenza kollha skambjata bejn l-awtoritajiet Ungeriżi u l-Kummissjoni dwar is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5 tista’ tikkomprometti l-finalizzazzjoni tal-imsemmija sejħa, sa fejn l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi jista’ jagħti lil ċerti organizzazzjonijiet informazzjoni minn ġewwa li tippermettilhom jippreparaw aħjar l-applikazzjonijiet tagħhom għas-sejħa għal proposti għad-detriment ta’ organizzazzjonijiet kompetitriċi oħra li ma għandhomx l-istess livell ta’ informazzjoni.

129    Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li għandu jiġi eżaminat, sussidjarjament, jekk il-kundizzjoni msemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq u bbażata fuq preġudizzju serju għall-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali hijiex issodisfatta u b’hekk jiġu analizzati l-motivi mressqa mill-Ungerija sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk jitqies li din id-dispożizzjoni hija applikabbli f’dan il-każ.

130    F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    B’mod iktar preċiż, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tippreżupponi li jintwera li l-aċċess għad-dokumenti mitluba seta’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni u li dan ir-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Barra minn hekk, sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali jrid ikun serju. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-iżvelar tad-dokumenti msemmija jkollu impatt sostanzjali fuq il-proċess deċiżjonali. L-evalwazzjoni tas-serjetà tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, b’mod partikolari fuq l-effetti negattivi ta’ dan l-iżvelar fuq il-proċess deċiżjonali invokati mill-istituzzjoni (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    F’dan il-każ, il-motivi mressqa mill-Ungerija ma jippermettux li jiġi ddeterminat kif l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi jista’ jaffettwa, b’mod effettiv, serju u konkret, il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

134    Fil-fatt, l-Ungerija ssostni sempliċement li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi jista’ jippreġudika serjament il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza, sa fejn benefiċjarji potenzjali tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5 jistgħu jiksbu informazzjoni li tagħtihom vantaġġ kompetittiv żleali.

135    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-affermazzjonijiet tal-Ungerija bl-ebda mod ma huma sostnuti minn argumentazzjoni ddettaljata, u lanqas minn provi ta’ natura li juru li r-riskju reali ta’ vantaġġ kompetittiv żleali kien jeżisti li kieku d-dokumenti kontenzjużi kienu ġew żvelati qabel ma l-awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali adottat b’mod definittiv is-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5.

136    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, is-sempliċi riferiment għal riskju ta’ riperkussjonijiet negattivi marbuta mal-aċċess għal dokumenti interni u mal-possibbiltà li persuni kkonċernati jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq il-proċedura ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi pprovat li l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑60/15 P, EU:C:2017:540, punt 83).

137    Barra minn hekk, l-Ungerija ma pprovdietx preċiżazzjonijiet li jippermettu li tiġi kkontestata l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi ma setax, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jikkomprometti l-proċess deċiżjonali li kien għadu għaddej marbut mal-finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5, sa fejn il-kontenut ta’ din is-sejħa għal proposti kien, f’din id-data, aċċessibbli online għall-pubbliku.

138    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tar-riskju li l-iżvelar ta’ dokument jippreġudika interess protett mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kontenut prinċipali tad-dokument, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ikun diġà sar pubbliku qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta jew le l-aċċess għall-imsemmi dokument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 60).

139    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li d-dokumenti kollha li joriġinaw mill-Kummissjoni ġew ikkomunikati lit-terz applikant. Għalhekk, dan tal-aħħar għandu għarfien preċiż tal-kuntest u tas-suġġett tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward tal-abbozz tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5.

140    Għaldaqstant, l-obbligu stabbilit mill-ġurisprudenza li jiġi evalwat b’mod strett l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 iwassal sabiex jiġi kkonstatat li l-Ungerija ma wrietx li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kien iwassal, fid-data li fiha dan l-iżvelar intalab, għal preġudizzju effettiv u serju għall-proċess deċiżjonali marbut mal-finalizzazzjoni tas-sejħa għal proposti EFOP 2.2.5.

141    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament iddeċidiet li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-motiv invokat mill-Ungerija, dwar riskju ta’ vantaġġ kompetittiv żleali, ma kienx fondat.

142    Konsegwentement, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 4(2) tarRegolament Nru 1049/2001

143    Insostenn ta’ dan l-motiv, l-Ungerija ssostni li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-attività ta’ ġestjoni kondiviża tal-Kummissjoni ma tistax taqa’ taħt il-proċess deċiżjonali ta’ din tal-aħħar, ma hemm l-ebda dubju li din l-attività għandha titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

144    Għandu jiġi indikat li l-Ungerija bl-ebda mod ma ssostni l-allegazzjoni tagħha li tgħid li l-attività ta’ ġestjoni kondiviża tal-Kummissjoni għandha titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

145    Issa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi. B’mod partikolari, kull rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu r-rikors huwa bbażat, b’mod li d-dikjarazzjoni astratta tiegħu biss ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta jiġi invokat argument insostenn ta’ motiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Ayuntamiento de Quart de Poblet vs Il‑Kummissjoni, T‑539/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:123, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Għalhekk, sa fejn l-argument tal-Ungerija li jgħid li t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu japplika għal dan il-każ ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

147    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv u konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq lispejjeż

148    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

149    F’dan il-każ, peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Truchot

Kanninen

Buttigieg

Sampol Pucurull

 

      Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Lulju 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.