Language of document : ECLI:EU:C:2021:182

Kawża C344/19

D. J.

vs

Radjotelevizija Slovenija

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vrhovno sodišče tar-Repubblika tas-Slovenja)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Marzu 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Perijodu ta’ stand by – Xogħol speċifiku li jikkonċerna l-manutenzjoni ta’ trażmettituri tat-televiżjoni li jinsabu ’l bogħod miż-żoni residenzjali – Direttiva 89/391/KEE – Artikoli 5 u 6 – Riskji psikosoċjali – Obbligu ta’ imputazzjoni”

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – Stabbiliment u evalwazzjoni tal-fatti tat-tilwima – Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punt 23)

2.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Ħin tax-xogħol – Kunċett – Perijodu ta’ stand by – Inklużjoni – Kundizzjoni – Restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu li jaffettwa oġġettivament u b’mod sinjifikattiv il-possibbiltà tiegħu li jamministra l-ħin tiegħu u li jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, punt 1 tal-Artikolu 2)

(ara l-punti 32 sa 40, 43 sa 54, 66, u d-dispożittiv)

3.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kamp ta’ applikazzjoni – Remunerazzjoni – Esklużjoni – Portata – Modalitajiet ta’ remunerazzjoni tal-perijodi on call – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88)

(ara l-punti 57-59)

4.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 89/391 dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri intiżi li jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol – Obbligu għal min iħaddem li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha marbutin max-xogħol – Stabbiliment ta’ perijodi on call li jikkostitwixxu riskju minħabba t-tul jew il-frekwenza tagħhom – Inammissibbiltà – Klassifikazzjoni ta’ “perjodu ta’ serħan” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, punt 2 tal-Artikolu 2; Direttiva tal-Kunsill 89/391, Artikoli 5(1) u 6

(ara l-punti 61 sa 65)

Sunt

Perijodu ta’ stand by jikkostitwixxi, fl-intier tiegħu, ħin tax-xogħol biss meta r-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem jaffettwaw b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltà tiegħu li jamministra, matul dan il-perijodu, il-ħin liberu tiegħu

Id-diffikultajiet organizzattivi li perijodu on call jista’ joħloq għall-ħaddiem u li huma l-konsegwenza ta’ elementi naturali jew tal-għażla libera tiegħu ma humiex rilevanti

Fil-kawża C‑344/19, tekniku speċjalizzat kien inkarigat li jiżgura l-funzjonament, għal diversi jiem konsekuttivi, ta’ ċentri ta’ trażmissjoni għat-televiżjoni, li jinsabu fil-muntanja fis-Slovenja. Minbarra t-tnax-il siegħa ta’ xogħol ordinarju tiegħu, huwa kien iwettaq servizzi on call ta’ sitt sigħat kuljum, taħt is-sistema ta’ stand by. Matul dawn il-perijodi, huwa ma kienx obbligat jibqa’ fiċ-ċentru tat-trażmissjoni kkonċernat iżda kellu jiġi kkuntattjat bit-telefon u jkun f’pożizzjoni li jirritorna hemmhekk f’terminu ta’ siegħa jekk ikun hemm bżonn. Fil-fatt, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeografika taċ-ċentri ta’ trażmissjoni, diffiċilment aċċessibbli, huwa kellu jirrisjedi hemmhekk matul is-servizzi on call tiegħu, f’akkomodazzjoni għall-persunal imqiegħed għad-dispożizzjoni mill-persuna li timpjegah, mingħajr possibbiltajiet kbar ta’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni.

Fil-kawża C‑580/19, uffiċjal kien jeżerċita attivitajiet ta’ pumpier fil-belt ta’ Offenbach-sur-le-Main (il-Ġermanja). Għal dan il-għan, huwa kellu, minbarra l-ħin tiegħu ta’ servizz regolatorju, iwettaq regolarment perijodi ta’ stand by. Matul dawn il-fatti, huwa ma kienx obbligat li jkun preżenti f’post iddeterminat mill-persuna li timpjegah iżda kellu jiġi kkuntattjat u jkun jista’ jingħaqad, f’każ ta’ twissija, mal-limiti tal-belt f’terminu ta’ 20 minuti, maż-żamma ta’ intervent tiegħu u bil-vettura ta’ servizz imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu.

Iż-żewġ persuni kkonċernati kienu jqisu li, minħabba r-restrizzjonijiet li kienu jimplikaw, il-perijodi ta’ stand by tagħhom kellhom jiġu rrikonoxxuti, fl-intier tagħhom, bħala ħin tax-xogħol u konsegwentement jitħallsu, indipendentement mill-fatt jekk huma wettqux xogħol konkret matul dawn il-perijodi jew le. Wara ċaħda tat-talba tagħha fl-ewwel u fit-tieni istanza, l-ewwel parti kkonċernata ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja). It-tieni wieħed, min-naħa tiegħu, ressaq kawża quddiem il-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja) wara r-rifjut tal-persuna li timpjegaha li tilqa’ t-talba tiegħu.

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn dawn il-qrati rispettivi, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, b’mod partikolari, f’żewġ sentenzi mogħtija bħala kulleġġ ġudikanti ta’ Awla Manja, sa fejn perijodi ta’ stand by jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħin tax-xogħol” jew, għall-kuntrarju, bħala “perijodu ta’ serħan” fid-dawl tad-Direttiva 2003/88(1).

L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-perijodu on call ta’ ħaddiem għandu jiġi kklassifikat jew bħala “ħin tax-xogħol” jew bħala “perijodu ta’ serħan” fis-sens tad-Direttiva 2003/88, peress li dawn iż-żewġ kunċetti jeskludu lil xulxin. Barra minn hekk, perijodu li matulu ebda attività ma hija effettivament eżerċitata mill-ħaddiem għall-benefiċċju tal-persuna li timpjegah ma jikkostitwixxix neċessarjament “perijodu ta’ mistrieħ”. B’hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod partikolari li perijodu on call għandu awtomatikament jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol” meta l-ħaddiem għandu l-obbligu, matul dan il-perijodu, li jibqa’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu, distint mid-domiċilju tiegħu, u li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah.

Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-ewwel lok li l-perijodi on call inklużi dawk ta’ stand by jaqgħu wkoll, fl-intier tagħhom, taħt il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” meta r-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem matul dawn il-perijodi jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltà tiegħu li jamministra b’mod liberu l-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba u li jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ tali restrizzjonijiet, huwa biss il-ħin marbut mal-prjovvista ta’ xogħol li huwa, jekk ikun il-każ, effettivament imwettaq matul tali perijodi li għandu jitqies bħala “ħin tax-xogħol”.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li, sabiex jiġi evalwat jekk perijodu on call jikkostitwixxix “ħin tax-xogħol”, huma biss ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem, kemm jekk permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, permezz ta’ ftehim kollettiv jew mill-persuna li timpjegah, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet organizzattivi li perijodu on call jista’ joħloq għall-ħaddiem u li huma l-konsegwenza ta’ elementi naturali jew tal-għażla libera tiegħu mhumiex rilevanti. Dan huwa pereżempju l-każ tan-natura ftit favorevoli ta’ rikreazzjoni taż-żona fejn il-ħaddiem ma jistax, fil-prattika, jitbiegħed minnha matul perijodu ta’ stand by.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li huma l-qrati nazzjonali li għandhom iwettqu evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ sabiex jivverifikaw jekk perijodu ta’ stand by għandux jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol”, peress li din il-klassifikazzjoni ma hijiex fil-fatt awtomatika fl-assenza ta’ obbligu li wieħed jibqa’ fuq il-post tax-xogħol. Għal dan il-għan, minn naħa, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura raġonevoli tat-terminu li għandu l-ħaddiem sabiex ikompli bl-attivitajiet professjonali tiegħu mill-mument meta l-persuna li timpjegah titlob l-intervent tiegħu, li, bħala regola ġenerali, jimplika li huwa jilħaq il-post tax-xogħol tiegħu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-konsegwenzi ta’ tali terminu għandhom jiġu evalwati b’mod konkret, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-limitazzjonijiet oħra li huma imposti fuq il-ħaddiem, bħall-obbligu li jkollu tagħmir speċifiku meta jkollu jippreżenta ruħu fil-post tax-xogħol tiegħu, iżda wkoll il-faċilitajiet li jingħatalu. Tali faċilitajiet jistgħu, pereżempju, jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ vettura għal servizz li tippermetti l-użu ta’ drittijiet derogatorji għall-kodiċi tat-triq. Min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali għandhom ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni l-frekwenza medja tal-interventi mwettqa minn ħaddiem matul il-perijodi ta’ on-call tiegħu, meta din tista’ tiġi evalwata oġġettivament.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-mod ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema għall-perijodi ta’ xogħol on-call ma jaqax taħt id-Direttiva 2003/88. Għaldaqstant, din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, ftehim kollettiv ta’ xogħol jew deċiżjoni ta’ persuna li timpjega li, għall-finijiet tar-remunerazzjoni tagħhom, tieħu inkunsiderazzjoni b’mod differenti l-perijodi li matulhom effettivament jitwettqu servizzi ta’ xogħol u dawk li matulhom ebda xogħol effettiv ma jitwettaq, anki meta dawn il-perijodi għandhom jitqiesu, fl-intier tagħhom, bħala “ħin tax-xogħol”. Fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-perijodi on call li, għall-kuntrarju, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ħin tax-xogħol”, id-Direttiva 2003/88 lanqas ma tipprekludi l-ħlas ta’ somma intiża sabiex tikkumpensa l-inkonvenjenzi kkawżati lill-ħaddiem minnhom.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-fatt li perijodu ta’ on-call li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol” jitqies bħala “perijodu ta’ serħan” ma jaffettwax l-obbligi speċifiċi previsti mid-Direttiva 89/391(2) u li jaqgħu fuq min iħaddem. B’mod partikolari, dawn tal-aħħar ma jistgħux jistabbilixxu perijodi on call li jirrappreżentaw, minħabba t-tul jew il-frekwenza tagħhom, riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema u dan, indipendentement mill-fatt li dawn il-perijodi jiġu kklassifikati bħala “perijodi ta’ serħan”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88.


1      Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).


2      Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1989, Vol. 183, p. 1).