Language of document :

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2013/488/UE – Informazzjoni kklassifikata – Approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità (ASF) – Revoka tal-approvazzjoni – Nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni klassifikata li fuqha huwa bbażat l-irtirar – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aċċess għall-fajl – Prinċipju ta’ kontradittorju – Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑185/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (Il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika tas-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

protectus s. r. o., li kienet BONUL s. r. o.,

vs

Výbor Národnej rady Slovenskej republiky na preskúmavanie rozhodnutí Národného bezpečnostného úradu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, T. von Danwitz, F. Biltgen, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, S. Rodin, P. G. Xuereb, J. Passer, D. Gratsias u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal protectus s. r. o., minn M. Mandzák, M. Para u M. Pohovej, advokáti,

–        għall-Výbor Národnej rady Slovenskej republiky na preskúmavanie rozhodnutí Národného bezpečnostného úradu, minn L. Mičinský, M. Nemky u M. Rafajová, advokáti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Larišová, A. Lukáčik u S. Ondrášiková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan,, minn M. Kriisa, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u O. Duprat-Mazaré, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn I. Demoulin, N. Glindová, J. Rurarz u T. Verdi, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn Ș. Ciubotaru, A.-C. Simon, A. Tokár u P.J.O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 51(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn protectus s. r. o., li kienet BONUL s. r. o. u l-Výbor Národnej rady Slovenskej republiky na preskúmavanie rozhodnutí Národného bezpečnostného úradu (il-Kumitat tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka għall-Eżami mill-Ġdid ta’ Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju ta’ Sigurtà Nazzjonali) (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”) fir-rigward taċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tar-rikors ippreżentat minn protectus kontra d-deċiżjoni tan-Národný bezpečnostný úrad (l-Uffiċċju ta’ Sigurtà Nazzjonali, Slovakkja) (iktar ’il quddiem il-“USN”) li tannulla ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali u ċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li protectus hija d-detentriċi tagħhom.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488 tat‑23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU 2013, L 274, p. 1), tistabbilixxi:

“Skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali u safejn huwa meħtieġ għall-funzjonament tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], l-Istati Membri għandhom jirrispettaw din id-Deċiżjoni meta l-awtoritajiet, il-persunal jew il-kuntratturi kompetenti tagħhom jittrattaw [informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni Ewropea] (iktar ’l quddiem ‘IKUE’), sabiex kull wieħed ikun jista’ jkun assigurat li jingħata livell ekwivalenti ta’ protezzjoni lill-IKUE.”

4        L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“1.      Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-IKUE.

2.      Dawn il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi għandhom japplikaw għall-Kunsill u [s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill] (iktar ’il quddiem is-SĠK) u jiġu rispettati mill-Istati Membri skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali rispettivi tagħhom, sabiex kull wieħed minnhom ikun jista’ jiġi assigurat li jingħata livell ekwivalenti ta’ protezzjoni lill-IKUE.”

5        L-Artikolu 11(2), (5) u (7) ta’ l-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

“2.      Is-SĠK jista’ jagħti, permezz ta’ kuntratt, kompiti li jinvolvu jew jimplikaw l-aċċess jew it-trattament jew il-ħżin ta’ IKUE minn entitajiet industrijali jew entitajiet oħrajn reġistrati fi Stat Membru [...].

[...]

5.      [L-awtorità nazzjonali tas-sigurtà] L-ASN, [l-awtorità ta’ sigurtà maħtura] l-ASM jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra ta’ kull Stat Membru għandha tiżgura, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, li kuntratturi jew subkuntratturi reġistrati fl-Istat Membru rispettiv li jipparteċipa f’kuntratti jew subkuntratti klassifikati li jeħtieġu aċċess għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew SECRET UE/EU SECRET fi ħdan il-faċilitajiet tagħhom, fil-prestazzjoni ta’ tali kuntratti jew matul l-istadju prekuntrattwali, ikollhom Approvazzjoni ta’ Sigurtà għal Faċilità (ASF) fil-livell rilevanti ta’ klassifikazzjoni.

[...]

7.      Id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu huma mniżżla fl-Anness V.”

6        L-Artikolu 15(3)(a) sa (c) tal-istess deċiżjoni jispeċifika:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha, skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, biex jiżguraw li meta tiġi ttrattata jew maħżuna IKUE, tiġi rispettata din id-Deċiżjoni:

a)      persunal tar-Rappreżentazzjonijiet Permanenti tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea, u delegati nazzjonali li jattendu għal-laqgħat tal-Kunsill jew tal-korpi preparatorji tiegħu, jew li jipparteċipaw f’attivitajiet oħrajn tal-Kunsill;

b)      persunal ieħor f’amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, inkluż persunal issekondat għal dawk l-amministrazzjonijiet, kemm jekk iservu fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll jekk barra l-pajjiż;

c)      persuni oħrajn fl-Istati Membri debitament awtorizzati, bis-saħħa tal-funzjonijiet tagħhom, biex ikollhom aċċess għal IKUE [...]”.

7        L-Artikolu 16(3)(a)(i) tad-Deċiżjoni 2013/488 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 15(3), l-Istati Membri għandhom:

a)      jaħtru ASN [...] responsabbli għall-arranġamenti ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ IKUE sabiex:

i)      l-IKUE miżmuma minn kwalunkwe dipartiment, korp jew aġenzija nazzjonali, pubblika jew privata, fil-pajjiż jew barra l-pajjiż, hija protetta f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni”.

8        L-Anness V ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Sigurtà industrijali”, jipprovdi fil-punti 8 sa 13 tiegħu:

“8.      ASF għandha tingħata mill-ASN jew l-ASM jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra ta’ Stat Membru biex tindika, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, li entità industrijali jew entità oħra tista’ tipproteġi IKUE fil-livell adatt ta’ klassifikazzjoni (CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew SECRET UE/EU SECRET) fil-faċilitajiet tagħha. Hija għandha tiġi ppreżentata lis-SĠK, bħala l-awtorità kontraenti, qabel kuntrattur jew subkuntrattur jew kuntrattur jew subkuntrattur potenzjali jkun jista’ jingħata aċċess għal IKUE.

9.      Meta tkun qed toħroġ ASF, l-ASN jew l-ASM rilevanti għandha, bħala minimu:

a)      tevalwa l-integrità tal-entità industrijali jew entità oħra;

b)      tevalwa s-sjieda tevalwa s-sjieda, il-kontroll, jew il-potenzjal għal influwenza żejda li tista’ tiġi kkunsidrata bħala riskju għas-sigurtà;

c)      tivverifika li l-entità industrijali jew kwalunkwe entità oħra tkun stabbiliet sistema ta’ sigurtà fil-faċilità li tkopri l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa għall-protezzjoni ta’ informazzjoni jew materjal klassifikat CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew SECRET UE/EU SECRET skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni;

d)      tivverifika li l-istatus ta’ sigurtà tal-persunal għal amministraturi, proprjetarji u impjegati li jkunu meħtieġa li jkollhom aċċess għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew SECRET UE/EU SECRET jkun ġie stabbilit skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni; u

e)      tivverifika li l-entità industrijali jew kwalunkwe entità oħra tkun ħatret Uffiċjal ta’ sigurtà ta’ Faċilità li jkun responsabbli għall-ġestjoni tagħha biex jiġu infurzati l-obbligi ta’ sigurtà f’tali entità.

10.      Fejn rilevanti, is-SĠK, bħala l-awtorità kontraenti, għandu jinnotifika lill-ASN/ASM jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra li tenħtieġ ASF fl-istadju prekuntrattwali jew għall-prestazzjoni tal-kuntratt. ASF[...] għandhom jintalbu fl-istadju prekuntrattwali fejn IKUE klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew SECRET UE/EU SECRET għandha tiġi pprovduta matul il-proċess tal-irkant.

11.      L-awtorità kontraenti m’għandhiex tagħti kuntratt klassifikat lill-offerent preferut qabel ma tkun irċeviet konferma mill-ASN/ASM jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra tal-Istat Membru li fih il-kuntrattur jew is-subkuntrattur ikkonċernat huwa reġistrat, li, fejn meħtieġ, tkun inħarġet ASF adatta.

12.      L-ASN/ASM jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra li ħarġet ASF għandha tinnotifika lis-SĠK bħala awtorità kontraenti dwar kwalunkwe tibdil li jolqot lill-ASF. Fil-każ ta’ subkuntratt, l-ASN/ASM jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra għandha tiġi informata kif adatt.

13.      L-irtirar ta’ ASF mill-ASN/ASM rilevanti jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra għandu jikkostitwixxi raġuni biżżejjed biex is-SĠK, bħala l-awtorità kontraenti, ittemm kuntratt klassifikat jew teskludi offerent mill-kompetizzjoni.”

 Iddritt Slovakk

9        L-Artikolu 46 taż-zákon č. 215/2004 Z. z. o ochrane utajovaných skutočností a o zmene a doplnení niektorých záko (il-Liġi Nru 215/2004 dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata u dwar l-emenda ta’ ċerti liġijiet, tal‑11 ta’ Marzu 2004, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il- “Liġi Nru 215/2004”), jipprovdi:

“Ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali ta’ imprenditur tista’ tinħareġ biss lil imprenditur li huwa [...]

c)      affidabbli f’termini ta’ sigurtà [...]”.

10      L-Artikolu 49(1), u (2)(a) u (b) ta’ din il-liġi tispeċifika:

“(1)      Ma huwiex ikkunsidrat bħala affidabbli f’termini ta’ sigurtà l-imprenditur li fih ġie identifikat riskju ta’ sigurtà.

(2)      Huwa meqjus bħala riskju ta’ sigurtà

a)      kwalunkwe aġir li jmur kontra l-interessi tar-Repubblika Slovakka fil-qasam tad-difiża tal-Istat, tas-sigurtà tal-Istat, tar-relazzjonijiet internazzjonali, tal-interessi ekonomiċi tal-Istat, tal-funzjonament ta’ awtorità tal-Istat, jew li jmur kontra l-interessi li r-Repubblika Slovakka impenjat ruħha li tipproteġi,

b)      kull relazzjoni barranija, kummerċjali jew patrimonjali li tista’ tikkawża dannu għall-interessi tar-Repubblika Slovakka fil-qasam tal-politika barranija jew ta’ sigurtà [...]”.

11      L-Artikolu 50(5) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Jekk l-USN jikkonstata li l-imprenditur ma għadux jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet tas-sigurtà industrijali stabbiliti fl-Artikolu 46 jew li huwa kiser b’mod serju jew diversi drabi l-obbligi marbuta mal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata, huwa jannulla l-validità taċ-ċertifikazzjoni.”

12      L-Artikolu 60(7) tal-istess liġi jipprevedi:

“Il-USN għandu jmexxi l-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà għall-persuna li jkollha għarfien ta’ informazzjoni kklassifikata b’rabta mat-twettiq ta’ kompiti li jirriżultaw minn trattat internazzjonali li jorbot lir-Repubblika Slovakka, u għandu joħroġ ċertifikat ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà lil dan l-individwu; id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10 sa 33 għandhom japplikaw għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tas-sigurtà ta’ persuna [...]”.

13      L-Artikolu 5 tal-vyhláška č. 134/2016 Z. z. o personálnej bezpečnosti (id-Digriet Nru 134/2016, dwar is-Sigurtà fir-Rigward tal-Persunal) tat‑23 ta’ Marzu 2016, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“(1)      Iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà ta’ persuna fiżika msemmi fl-Artikolu 60(7) tal-[Liġi Nru 215/2004] għandu jindika:

[...]

d)      il-livell massimu ta’ klassifikazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-Unjoni [...] li d-detentur tagħha jista’ jkollu aċċess għaliha u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-regoli tal-Unjoni [...] li skonthom huwa awtorizzat l-aċċess tal-individwu għal informazzjoni klassifikata,

[...]

(4)      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji fi trattat internazzjonali li jorbot lir-Repubblika Slovakka,

a)      iċ-ċertifikat għandu jinħareġ għall-perjodu massimu tal-validità taċ-ċertifikat,

b)      qabel ma l-persuna fiżika ssir taf bl-informazzjoni klassifikata, l-awtorità responsabbli għandha tiżgura li tkun infurmata dwar l-obbligi tal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata stabbiliti fil-Liġi [Nru 215/2004] u fir-regolamenti tal-Unjoni [...]

[...]

(6)      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 5 japplikaw mutatis mutandis ukoll għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali ta’ imprenditur.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

14      Fis‑6 ta’ Settembru 2018, il-USN ħareġ lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizzaha tieħu konjizzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata fil-livell “Sigriet ħafna” kif ukoll li tittrażmetti jew toħloq informazzjoni kklassifikata fil-livell “Sigriet”.

15      Fil‑15 ta’ Novembru 2018, il-USN ħarġilha, barra minn hekk, ċertifikat ta’ sigurtà industrijali għal-livell “SECRET UE/EU SECRET”.

16      Sussegwentement, il-USN sar jaf b’informazzjoni mhux ikklassifikata relatata mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tindika, b’mod partikolari, li hija jew id-diretturi tagħha kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali, li hija kienet ikkonkludiet kuntratti ma’ kumpanniji suġġetti għal tali investigazzjoni li lilhom hija kienet ħallset “somom mhux tas-soltu” u li kienu jeżistu suspetti li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u kumpannija oħra, imqiegħda taħt kontroll komuni, kienu wieġbu għall-istess sejħiet għal offerti. Il-USN kiseb ukoll informazzjoni oħra permezz tal-mezzi tiegħu stess jew minn awtoritajiet oħra, informazzjoni li ġiet ikklassifikata bħala “provi bil-miktub klassifikati”.

17      Il-USN offra lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-possibbiltà li tesprimi ruħha dwar l-informazzjoni mhux ikklassifikata li huwa kellu.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Awwissu 2020, l-USN annulla ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali u ċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Insostenn tal-annullament ta’ din iċ-ċertifikazzjoni, il-USN indika li, fir-rigward tal-informazzjoni kklassifikata u mhux ikklassifikata li hija kellha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tippreżenta riskji ta’ sigurtà marbuta mal-eżistenza ta’ relazzjoni kummerċjali li tista’ tippreġudika l-interessi tar-Repubblika Slovakka fil-qasam tas-sigurtà u ta’ aġir li jmur kontra l-interessi ekonomiċi ta’ dan l-Istat Membru. F’din id-deċiżjoni, il-USN ippreċiża wkoll li l-annullament tal-imsemmi ċertifikazzjoni kien jimplika dak taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali, sa fejn il-validità ta’ dan iċ-ċertifikat kienet tiddependi fuq dik tal-istess ċertifikazzjoni.

19      Ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra l-imsemmija deċiżjoni ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-kumitat tal‑4 ta’ Novembru 2020. Din l-aħħar deċiżjoni kienet immotivata b’mod partikolari minn riferiment għal informazzjoni kklassifikata li l-kontenut tagħha ma kienx espost fiha u li għaliha la protectus u lanqas l-avukat tagħha ma kellhom aċċess, peress li t-talba ta’ dan l-avukat sabiex ikun jista’ jikkonsulta din l-informazzjoni ġiet miċħuda mid-direttur tal-USN.

20      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka). Il-kompetenza sabiex jiġi eżaminat dan ir-rikors, wara l-preżentata tal-imsemmi appell, ġiet ittrasferita lin-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka), li hija l-qorti tar-rinviju.

21      Fit‑28 ta’ Settembru 2022, il-USN bagħat lil din il-qorti l-proċess kollu, inklużi l-provi bil-miktub ikklassifikati msemmija fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-USN u tal-kumitat.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2022, il-President tal-Awla adita mir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali eskluda l-konsultazzjoni ta’ dawn il-partijiet ikklassifikati tal-proċess. Fl-istess jum, l-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali talab lill-qorti tar-rinviju li jkun jista’ jikkonsulta l-provi bil-miktub ikklassifikati mibgħuta mill-USN. Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ottubru 2022, il-President tal-Awla adita mir-rikors ċaħad din it-talba, filwaqt li talab lill-USN jeżamina l-possibbiltà li jagħti l-awtorizzazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ dawn il-provi lil dan l-avukat. Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Novembru 2022, il-USN informa lil din il-qorti li kien jawtorizza l-komunikazzjoni ta’ żewġ provi bil-miktub ikklassifikati, iżda li huwa rrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għall-komunikazzjoni ta’ provi oħra bil-miktub ikklassifikati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li din il-komunikazzjoni kienet twassal għall-iżvelar ta’ sorsi ta’ informazzjoni.

23      Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Jannar 2023, l-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali talab mill-ġdid li jkun jista’ jikkonsulta l-provi kollha bil-miktub, billi bbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 47 tal-Karta, kif interpretat fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóságet (C‑159/21, EU:C:2022:708).

24      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-Karta fil-proċedura prinċipali.

25      F’dan ir-rigward, hija tenfasizza, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet ta’ validità taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali jkunu ddeterminati mid-dritt Slovakk, li jissuġġetta l-validità ta’ tali ċertifikat għal dik ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali, mingħajr ma jirregola b’mod iktar dettaljat l-ipproċessar ta’ IKUE, u lanqas l-aċċess għaliha.

26      Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li d-Deċiżjoni 2013/488 timponi fuq l-Istati Membri ċerti obbligi konkreti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom il-kapaċità legali li jikkonkludu kuntratti. Barra minn hekk, hija tqis li l-fatt li l-leġiżlazzjoni Slovakka applikabbli ma ġietx adottata għall-implimentazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni speċifiku u li hija tagħmel rabta bejn il-validità taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali u ċertifikat nazzjonali ta’ sigurtà ma jfissirx li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma tistax tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jimplika li din tal-aħħar hija applikabbli fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

27      Fil-każ li l-Karta tkun applikabbli għall-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 47 tal-Karta tal-leġiżlazzjoni u tal-prassi Slovakka dwar l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata fil-kuntest ta’ proċeduri intiżi sabiex jikkontestaw l-annullament ta’ ċertifikati ta’ sigurtà industrijali jew ta’ ċertifikati ta’ sigurtà industrijali.

28      Skont din il-leġiżlazzjoni u din il-prassi, tali informazzjoni hija aċċessibbli, mingħajr restrizzjonijiet, għall-imħallfin imsejħa sabiex jagħtu deċiżjoni dwar rikorsi kontra deċiżjonijiet ibbażati fuqhom, iżda ma tagħmilx parti mill-fajl aċċessibbli għar-rikorrenti. L-avukat ta’ din tal-aħħar ma jistax jaċċedi għal din l-informazzjoni ħlief wara li jikseb l-awtorizzazzjoni tal-awtorità li identifikat l-informazzjoni kklassifikata inkwistjoni, mingħajr ma l-fondatezza tar-rifjut li tingħata din l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi mistħarrġa minn qorti. Barra minn hekk, dan l-avukat jibqa’ marbut bi dmir ta’ kunfidenzjalità u għalhekk ma jistax jiżvela lill-klijent tiegħu l-kontenut ta’ informazzjoni kklassifikata li għaliha kellu aċċess.

29      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tipprevedi l-eventwalità li l-inkompatibbiltà tal-imsemmija leġiżlazzjoni, kif implimentata mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali, mal-Artikolu 47 tal-Karta tista’ tiġi dedotta mis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (C‑159/21, EU:C:2022:708). Madankollu, ikun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk din is-soluzzjoni hijiex kompletament trasponibbli f’dan il-każ. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq ukoll tikseb preċiżazzjonijiet dwar is-setgħat li hija għandu jkollha sabiex tiggarantixxi d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 51(1) tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni meta waħda mill-qrati tiegħu tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ kumitat speċjali tal-Parlament ta’ dan l-Istat li tkun ikkonfermat, fl-appell, deċiżjoni amministrattiva tal-[ANS] li annullat (irrevokat), fir-rigward ta’ persuna ġuridika:

–        minn naħa, iċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tawtorizzaha taċċedi informazzjoni kklassifikata skont id-dritt nazzjonali,

–        min-naħa l-oħra, u esklużivament bħala konsegwenza tal-annullament ta’ din iċ-ċertifikazzjoni, ukoll iċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali maħruġ lil din il-persuna ġuridika sabiex ikun jista’ jkollha aċċess għal informazzjoni kklassifikata bħala ‘SECRET UE/EU SECRET’ fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-Anness V tad-[Deċiżjoni 2013/488]?

2)       Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħhom

a)      id-deċiżjoni tal-[ANS] li tannulla (tirrevoka) iċ-ċertifikazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija ma tindikax l-informazzjoni kklassifikata li wasslet lil din l-awtorità tikkonkludi li l-kundizzjonijiet għall-annullament (revoka) tagħhom ġew osservati, iżda sempliċiment tirreferi għad-dokument rilevanti tal-fajl tal-imsemmija awtorità li jinkludi l-informazzjoni kklassifikata inkwistjoni,

b)      il-persuna ġuridika kkonċernata la jkollha aċċess għall-fajl tal-[ANS] u lanqas għad-diversi dokumenti li fihom tinsab l-informazzjoni kklassifikata li wasslet lill-istess awtorità tannulla (tirrevoka) iċ-ċertifikazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija,

c)      l-avukat tal-persuna ġuridika kkonċernata jista’ jkollu aċċess għal dan il-fajl u għal dawn id-dokumenti, iżda biss bil-kunsens tad-direttur tal-[ANS], u jekk meħtieġ bil-kunsens ta’ awtorità oħra li tkun ippreżentat l-imsemmija dokumenti lil [ANS], u, wara li kellu aċċess għalihom, dan l-avukat jibqa’ obbligat li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-kontenut tal-imsemmi fajl u tal-istess dokumenti,

d)      madankollu, il-qorti li tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni msemmija fl-ewwel domanda jkollha aċċess sħiħ għall-istess fajl u għal dawn id-dokumenti?

3)       Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu (jew saħansitra jobbligaw) direttament lil qorti li tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni msemmija fuq fl-ewwel domanda li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni u l-prattika deskritti fit-tieni domanda u li tawtorizza lill-persuna ġuridika kkonċernata jew lill-avukat tagħha li jkollhom aċċess għall-fajl tal-[ANS], u jekk meħtieġ għad-dokumenti li fihom tinsab l-informazzjoni kklassifikata, jekk din il-qorti tiddeċiedi li dan huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv u proċedura kontradittorja?

4)       Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għat-tielet domanda]:

L-Artikolu 51(1) u (2) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li s-setgħa ta’ qorti li tawtorizza l-aċċess għall-fajl, u jekk meħtieġ għad-dokumenti, skont il-formulazzjoni tat-tielet domanda, tikkonċerna:

–        biss il-partijiet tal-fajl jew tad-dokumenti li jinkludu l-informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sigurtà industrijali, fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488, jew

–        anki l-partijiet tal-fajl u tad-dokumenti li jinkludu l-informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sigurtà industrijali, fis-sens tad-dritt nazzjonali, jiġifieri lil hinn mir-raġunijiet previsti mid-Deċiżjoni 2013/488?”

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

31      Il-Kumitat jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

32      L-ewwel nett, il-kawża inkwistjoni prinċipali ma għandhiex rabta mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn l-awtoritajiet Slovakki applikaw, f’din il-kawża, leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża biss sabiex tipproteġi l-interessi tar-Repubblika Slovakka u li ġiet adottata qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni, f’qasam li fi kwalunkwe każ jidher li jaqa’ taħt ġurisprudenza esklużiva tal-Istati Membri.

33      It-tieni nett, it-tielet domanda tistieden direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali u tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta u li d-domandi l-oħra, li huma kollha relatati mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Karta, isiru biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta pożittiva għall-ewwel domanda.

35      Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa mill-kumitat dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari kollha kemm hi, kif esposti fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, huma intiżi li jiġu eżaminati waqt l-eżami tal-ewwel domanda u li ma jistgħux iwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba.

36      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda speċifikament it-tielet domanda, għandu ċertament jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Madankollu, mill-kliem stess ta’ din id-domanda jirriżulta li din ma tirrigwardax l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali iżda tal-Karta.

38      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

39      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 51(1) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ, minn qorti nazzjonali, tal-legalità ta’ deċiżjoni dwar, minn naħa, l-irtirar ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tippermetti l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata minn Stat Membru u, min-naħa l-oħra, bħala konsegwenza ta’ dan l-irtirar, dak ta’ ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizza l-aċċess għal IKUE, skont l-Artikolu 11 tal-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488, għandux bħala suġġett atti li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 51(1).

40      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għalihom biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

41      Id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma għalhekk intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 26).

42      Il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali kkonċernata li tmur lil hinn mill-qrubija tas-suġġetti msemmija jew l-effetti indiretti ta’ suġġett fuq ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et, C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 14, kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto”, C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 60).

43      Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax taħt l-“implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, hemm lok li jiġu vverifikati, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex bħala għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk din għandhiex għanijiet oħra minbarra dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk tista’ taffettwa indirettament lil dan tal-aħħar, kif ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwaha (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan is-sens, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-applikabbiltà tal-Karta għall-irtirar ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tippermetti l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata minn Stat Membru, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tiegħu, att li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri sabiex jiġi awtorizzat l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata skont leġiżlazzjonijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 103).

45      B’mod partikolari, id-Deċiżjoni 2013/488, li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju fir-rigward taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizza l-aċċess għal IKUE, tippreċiża, fl-Artikolu 1(1) tagħha, li hija tiddefinixxi l-prinċipji bażiċi kif ukoll l-istandards minimi ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ IKUE. Għall-kuntrarju, din id-deċiżjoni ma tinkludix dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata skont leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

46      F’dan il-kuntest, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan jew l-effett li tikkonforma ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew ukoll li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni taffettwa dik ta’ tali dispożizzjoni.

47      Għaldaqstant, ma jidhirx li l-irtirar ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimplika implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

48      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-applikabbiltà tal-Karta għall-irtirar ta’ ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizza l-aċċess għal IKUE, għandu jiġi rrilevat li istituzzjonijiet tal-Unjoni adottaw atti speċifiċi intiżi sabiex jirregolaw il-protezzjoni tal-IKUE fil-kuntest tal-funzjonament tagħhom.

49      B’mod partikolari, il-Kunsill adotta, għal dan l-għan, id-Deċiżjoni 2013/488, li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju.

50      Mill-premessa 3 u mill-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi li hija tiddefinixxi għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħhom, sabiex kulħadd ikun jista’ jkollu ċ-ċertezza li livell ekwivalenti ta’ protezzjoni huwa żgurat għall-IKUE.

51      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku s-sigurtà industrijali, l-Artikolu 11(2) tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi li s-SĠK jista’, permezz ta’ kuntratt, jafda lil entitajiet industrijali jew kompiti oħra li jinvolvu jew jeħtieġu l-aċċess, l-ipproċessar, il-ħażna jew il-komunikazzjoni ta’ IKUE.

52      Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-IKUE mill-kuntratturi u mis-sottokuntratturi, l-Artikolu 11(5) tal-istess deċiżjoni jirrikjedi li l-ASN, l-ASM jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra ta’ kull Stat Membru tiżgura, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, li l-kuntratturi u s-sottokuntratturi rreġistrati fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, li jipparteċipaw f’kuntratti klassifikati jew f’kuntratti ta’ sottokuntrattar li jeħtieġu aċċess għal IKUE fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħhom, ikunu fil-pussess, fl-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti jew fil-fażi prekuntrattwali, ta’ ASF tal-livell ta’ klassifikazzjoni korrispondenti.

53      L-Artikolu 11(7) tad-Deċiżjoni 2013/488 jipprovdi li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 11 jinsabu fl-Anness V ta’ din id-deċiżjoni.

54      Dan l-Anness V jipprevedi, fil-punti 8 sa 13 tiegħu, standards relatati mal-ASF. Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li ASF tinħareġ mill-awtorità nazzjonali kompetenti, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, sabiex tindika li entità industrijali hija f’pożizzjoni li tiggarantixxi lill-IKUE protezzjoni xierqa, li din l-awtorità għandha tiżgura mill-inqas l-osservanza ta’ sensiela ta’ rekwiżiti previsti fl-imsemmi Anness V u li kull emenda ta’ ASF għandha tiġi nnotifikata lis-SĠK. Il-punt 13 tal-imsemmi Anness V jippreċiża, barra minn hekk, li l-irtirar ta’ ASF mill-awtorità nazzjonali kompetenti jikkostitwixxi, għas-SĠK, raġuni suffiċjenti sabiex jiġi xolt kuntratt ikklassifikat jew sabiex jiġi eskluż offerent mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

55      Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/488, l-Artikolu 15(3)(c) tagħha jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali rispettivi tagħhom, sabiex jiżguraw li, waqt l-ipproċessar jew il-ħażna ta’ IKUE, din id-deċiżjoni tiġi osservata, b’mod partikolari, mill-persuni debitament awtorizzati, minħabba l-funzjonijiet tagħhom, li jkollhom aċċess għall-IKUE. Sabiex jissodisfaw dan l-obbligu, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 16(3)(a)(i) ta’ din id-deċiżjoni, jinnominaw ASN responsabbli għad-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-IKUE, sabiex l-IKUE miżmuma minn kwalunkwe servizz, organu jew aġenzija jkunu protetti konformement mal-imsemmija deċiżjoni.

56      Fid-dawl tar-regoli hekk stabbiliti mid-Deċiżjoni 2013/488 li jimponu obbligi fuq l-Istati Membri, il-miżuri adottati minnhom, bl-għan li jiżguraw is-sigurtà industrijali, billi jirregolaw l-aċċess għall-IKUE marbuta ma’ kuntratti konklużi mill-Kunsill permezz tal-ħruġ u l-kontroll ta’ ASF, għandhom jitqiesu li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

57      B’mod partikolari, l-irtirar, minn awtorità nazzjonali, ta’ ASF, fis-sens tal-punt 13 tal-Anness V ta’ din id-deċiżjoni, jimplika tali implimentazzjoni. Fil-fatt, tali rtirar iqiegħed inkwistjoni awtorizzazzjoni li l-ħruġ tagħha huwa speċifikament previst mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 11(5) tal-imsemmija deċiżjoni, moqri flimkien mal-punt 8 tal-Anness V tagħha. Barra minn hekk, l-effetti ta’ tali awtorizzazzjoni huma ddefiniti, tal-inqas parzjalment, minn dan id-dritt, dan l-Artikolu 11(5) jeħtieġ li kuntrattur jew subkuntrattur li jipparteċipa f’kuntratti jew subkuntratti klassifikati li jeħtieġu aċċess għal IKUE fi ħdan il-faċilitajiet tagħhom, fil-prestazzjoni ta’ tali kuntratti jew matul l-istadju prekuntrattwali, ikollhom ASF fil-livell rilevanti ta’ klassifikazzjoni.

58      Il-fatt li l-kundizzjonijiet li fihom awtorità nazzjonali tista’ tirtira ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, ma humiex direttament iddeterminati minn din id-deċiżjoni jew minn att ieħor tal-Unjoni u għalhekk jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri, fl-osservanza madankollu tal-qafas stabbilit mill-imsemmija deċiżjoni, ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika konklużjoni differenti.

59      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru li jagħmel użu minn libertà ta’ għażla bejn diversi modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ att tal-Unjoni jew setgħa diskrezzjonali jew ta’ evalwazzjoni li tagħmel parti integrali mis-sistema stabbilita minn dan l-att għandu jitqies li jimplementa dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Din is-soluzzjoni hija intiża li tiġi applikata f’dan il-każ, peress li l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri, fil-kuntest iddefinit mid-Deċiżjoni 2013/488, sabiex jirtiraw ASF, fis-sens ta’ din id-deċiżjoni, jagħmel parti mis-sistema ddefinita minnha. L-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni barra minn hekk bl-ebda mod ma timplika li tali ASF hija bbażata fuq id-dritt nazzjonali jew li l-effetti tagħha huma esklużivament iddefiniti mid-dritt nazzjonali.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li l-iskema ta’ protezzjoni tal-IKUE stabbilita bid-Deċiżjoni 2013/488 hija intiża li tiżgura l-funzjonament tajjeb tal-Kunsill, l-argument imressaq mill-Gvern Slovakk, Estonjan u Franċiż li jgħid li l-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jaqa’ taħt ġurisdizzjoni miżmuma mill-Istati Membri, ma jistax jintlaqa’.

62      Sa fejn il-Gvern Slovakk jinvoka, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2) TUE, għandu jitfakkar li, għalkemm huma l-Istati Membri, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, li għandhom jiddefinixxu l-interessi essenzjali tagħhom ta’ sigurtà u li jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali ttieħdet għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ma jistax iwassal għall-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri mill-osservanza neċessarja ta’ dan id-dritt (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Österreichische Datenschutzbehörde, C‑33/22, EU:C:2024:46, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ċertifikat ta’ sigurtà industrijali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jitqies li jikkostitwixxi ASF fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488.

64      Għalhekk, qabelxejn, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, konformement mal-leġiżlazzjoni Slovakka applikabbli, tali ċertifikat jinħareġ bl-uniku għan li jippermetti lill-impriża li tibbenefika minnu li taċċedi għal IKUE, li l-ħruġ tiegħu jimplika li din l-impriża tiġi informata dwar l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li hija għandha tosserva u li d-dritt Slovakk ma jipprevedix awtorizzazzjoni oħra li tippermetti lil impriża taċċedi għal IKUE fil-kuntest iddefinit mid-Deċiżjoni 2013/488.

65      Sussegwentement, għalkemm il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-leġiżlazzjoni Slovakka applikabbli ma ġietx adottata speċifikament sabiex tittrasponi din id-deċiżjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li teskludi li att ibbażat fuq din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-imsemmija deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, sa fejn dan l-att isegwi r-regoli stabbiliti mill-istess deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 28).

66      Fl-aħħar nett, għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistabbilixxix li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet parti f’kuntratt mal-Kunsill jew li pparteċipat fin-negozjati jew fl-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, din iċ-ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/488. Fil-fatt, l-Artikolu 11 u l-Anness V ta’ din id-deċiżjoni jimplikaw li impriża tista’ titlob il-ħruġ ta’ ASF sabiex tkun f’pożizzjoni li tipparteċipa, jekk ikun meħtieġ, f’sejħa għal offerti tal-Kunsill li timplika l-aċċess għal IKUE.

67      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rilevanza li għandha tingħata lill-fatt li d-dritt Slovakk jawtorizza l-irtirar taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali ta’ impriża minħabba s-sempliċi fatt li ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali tagħha ġiet irtirata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-istabbiliment ta’ tali rabta bejn l-irtirar ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà nazzjonali, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Slovakka, u dak ta’ ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, jikkostitwixxi għażla magħmula mir-Repubblika Slovakka fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza u li tali għażla għalhekk ma hijiex ta’ natura li teskludi li l-irtirar ta’ tali ASF tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 51(1) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        l-istħarriġ, minn qorti nazzjonali, tal-legalità ta’ deċiżjoni li tirtira ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tippermetti l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata minn Stat Membru ma għandux bħala suġġett att li jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni;

–        l-istħarriġ, minn tali qorti, tal-legalità ta’ deċiżjoni li tirtira, bħala konsegwenza tal-irtirar ta’ din l-attestazzjoni ta’ sigurtà industrijali, ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizza l-aċċess għal IKUE, skont l-Artikolu 11 u l-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488, għandu bħala suġġett att li jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 51(1).

 Fuq ittieni u ttielet domanda

69      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, jipprekludi leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħhom deċiżjoni li tirtira ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, ma tindikax l-informazzjoni kklassifikata li tiġġustifika dan l-irtirar, filwaqt li tipprevedi li l-qorti b’ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-legalità ta’ dan l-irtirar għandha aċċess għal din l-informazzjoni u li l-avukat tal-ex detentur ta’ din l-ASF jista’ jkollu aċċess għall-imsemmija informazzjoni biss bil-kunsens tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati u bil-kundizzjoni li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tagħha, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li, fil-każ li dan l-artikolu jipprekludi tali leġiżlazzjoni u tali prattika, huwa jawtorizza lil din il-qorti nazzjonali tikkomunika hija stess lill-ex detentur tal-imsemmija ASF, jekk ikun il-każ permezz tal-avukat tiegħu, ċerta informazzjoni kklassifikata meta l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni lil dan l-ex detentur jew lill-avukat tiegħu ma tidhirx iġġustifikata.

70      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta.

71      Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikonoxximent, f’każ partikolari, tad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta jippreżupponi li l-persuna li tinvokah tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jew li din il-persuna tkun suġġetta għal proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan il-każ, għandu ċertament jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni 2013/488 ma tistabbilixxix dritt, għal operatur ekonomiku, li jingħata ASF meta ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti.

73      Madankollu, mill-punt 8 tal-Anness V ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-aċċess għal IKUE minn operatur ekonomiku għall-finijiet tal-konklużjoni jew tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ikklassifikat tal-Kunsill huwa suġġett għaż-żamma ta’ ASF.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, qabelxejn, jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 11(5) tad-Deċiżjoni 2013/488 jirriżulta li l-partijiet kontraenti u s-subappaltaturi li jipparteċipaw f’kuntratti kklassifikati jew f’kuntratti ta’ subappalt li jeħtieġu l-aċċess għal IKUE fi ħdan l-istabbilimenti tagħhom għandhom ikunu fil-pussess, waqt l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti jew matul il-fażi prekuntrattwali, ta’ ASF tal-livell ta’ klassifikazzjoni korrispondenti.

75      Sussegwentement, il-punt 10 tal-Anness V ta’ din id-deċiżjoni jispeċifika li ASF hija meħtieġa fil-fażi prekuntrattwali meta IKUE għandha tiġi pprovduta matul il-fażi tal-preżentazzjoni tal-offerti.

76      Fl-aħħar nett, skont il-punt 11 tal-Anness V tal-imsemmija deċiżjoni, l-awtorità kontraenti ma għandhiex tagħti kuntratt ikklassifikat lill-offerent magħżul sakemm l-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li fih il-kuntrattur jew l-offerent ikkonċernat ikun irreġistrat ma tikkonfermahiex li nħarġet ASF xierqa. Barra minn hekk, il-punt 13 ta’ dan l-anness jipprevedi li l-irtirar ta’ ASF jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex jiġi xolt kuntratt ikklassifikat.

77      Minn dan isegwi li l-irtirar ta’ ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, għandu l-konsegwenza li l-operatur ekonomiku kkonċernat jitlef l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal IKUE għall-finijiet tal-konklużjoni u tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ikklassifikat. Għaldaqstant, tali rtirar jimplika b’mod partikolari li dan jiġi mċaħħad mill-fakultà, li kellu qabel dan l-irtirar, li jipparteċipa fil-fażi prekuntrattwali relatata ma’ kuntratt ikklassifikat tal-Kunsill u li jingħata tali kuntratt minn din l-istituzzjoni jekk l-offerta tiegħu tintgħażel. It-telf ta’ din il-possibbiltà jseħħ anki jekk, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dan l-operatur ekonomiku ma kienx, fil-jum tal-irtirar tal-ASF tiegħu, kontraent jew subappaltatur tal-Kunsill.

78      Tali operatur ekonomiku għandu, konsegwentement, ikun jista’ jkollu, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, rimedju effettiv quddiem qorti sabiex jikkontesta l-irtirar tal-ASF tiegħu, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488.

79      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-garanziji minimi li tali rikors għandu jissodisfa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha jew mill-qari tad-deċiżjoni nnifisha, jew permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-motivi magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex din tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti b’ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-irtirar ta’ ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, huwa bbażat esklużivament fuq l-irtirar ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà oħra, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-irtirar ta’ din l-ASF jista’ jkun effettiv biss sa fejn l-ex detentur tal-imsemmija ASF jista’ jkollu aċċess għar-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat l-irtirar ta’ din l-approvazzjoni ta’ sigurtà l-oħra, peress li huwa biss dan l-aċċess li jippermettilu jifhem in-natura tar-raġunijiet li wasslu, b’mod definittiv, għall-irtirar tal-istess ASF u għalhekk, jekk ikun il-każ, li jikkontesta dawn ir-raġunijiet.

81      Ċertament, kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu b’mod partikolari l-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat jew tar-relazzjonijiet internazzjonali jistgħu jipprekludu l-komunikazzjoni lill-ex detentur ta’ ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, tal-informazzjoni kollha jew ta’ parti minnha li fuqha huwa bbażat l-irtirar ta’ dan l-ASF. F’każ bħal dan, hija madankollu l-qorti nazzjonali kompetenti, li ma tistax tiġi invokata kontriha s-segretezza jew il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni, li għandha timplimenta, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija teżerċita, tekniki li jippermettu li jiġu kkonċiljati, minn naħa, dawn il-kunsiderazzjonijiet imperattivi u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi ggarantit b’mod suffiċjenti lill-parti fil-kawża r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha, bħad-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, IlKummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 125 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

82      Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jipprevedu stħarriġ ġudizzjarju effettiv kemm tal-eżistenza u tal-fondatezza tar-raġunijiet invokati mill-awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward tas-sigurtà tal-Istat sabiex tirrifjuta li tiżvela l-informazzjoni kollha jew parti minnha li fuqha huwa bbażat l-irtirar tal-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, kif ukoll tal-legalità ta’ dan l-irtirar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 58).

83      Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-irtirar tal-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu regoli li jippermettu lill-qorti inkarigata mill-istħarriġ tal-legalità ta’ dan l-irtirar tieħu konjizzjoni kemm tal-motivi kollha kif ukoll tal-provi relatati miegħu li fuqhom ittieħed l-imsemmi rtirar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 59).

84      Fir-rigward tar-rekwiżiti li għandu jissodisfa l-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżistenza u tal-fondatezza tar-raġunijiet invokati mill-awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat, qorti għandha tkun inkarigata li twettaq eżami indipendenti tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha invokati mill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tevalwa, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, jekk kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu, pereżempju, il-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat jew tar-relazzjonijiet internazzjonali jipprekludux effettivament il-komunikazzjoni totali jew parzjali tal-motivi li fuqhom huwa bbażat l-irtirar inkwistjoni kif ukoll tal-provi li huma relatati miegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punti 60 u 62, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, IlKummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 126).

85      Jekk din il-qorti tikkonkludi li s-sigurtà tal-Istat ma tipprekludix il-komunikazzjoni, tal-inqas parzjali, tal-motivi jew tal-provi li jikkostitwixxu l-bażi tal-irtirar tal-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, u li ma ġewx ikkomunikati inizjalment, hija tagħti l-possibbiltà lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-motivi u l-provi neqsin. Jekk din l-awtorità ma tawtorizzax il-komunikazzjoni tagħhom, l-imsemmija qorti għandha twettaq eżami tal-legalità ta’ dan l-irtirar abbażi biss tal-motivi u tal-provi li jkunu ġew ikkomunikati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 63, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, IlKummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 127).

86      Għall-kuntrarju, jekk jirriżulta li kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu pereżempju l-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat jew tar-relazzjonijiet internazzjonali effettivament jipprekludu l-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tal-motivi kollha jew ta’ parti minnhom jew tal-provi li jikkostitwixxu l-bażi tal-irtirar tal-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ dan l-irtirar għandu jsir fil-kuntest ta’ proċedura li tibbilanċja b’mod xieraq ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn il-kunsiderazzjonijiet imperattivi u dawk tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari d-dritt għall-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju filwaqt li jiġi limitat l-eventwali indħil ta’ dan id-dritt għal dak li huwa strettament neċessarju (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 64, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, IlKummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 128).

87      F’dan ir-rigward, minn naħa, fid-dawl tal-osservanza neċessarja tal-Artikolu 47 tal-Karta, l-imsemmija proċedura għandha tiggarantixxi, sa fejn huwa possibbli, l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tikkontesta l-motivi li fuqhom huwa bbażat l-irtirar tal-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, kif ukoll sabiex tippreżenta osservazzjonijiet fir-rigward tal-provi marbuta ma’ dan l-irtirar u, għalhekk, tinvoka b’mod utli l-motivi ta’ difiża tagħha. Għal dan l-għan, huwa possibbli li jintużaw possibbiltajiet bħall-komunikazzjoni ta’ sunt tal-kontenut tal-informazzjoni jew tal-provi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 65, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, IlKummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 129).

88      Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata s-sustanza tal-motivi li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi rtirar, peress li l-protezzjoni neċessarja, b’mod partikolari, tas-sigurtà tal-Istat jew tar-relazzjonijiet internazzjonali ma jistax ikollha l-effett li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mid-dritt għal smigħ tagħha u, għaldaqstant, li tirrendi ineffettiv id-dritt tagħha għal rimedju kontra l-istess irtirar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 65).

89      Jekk ikun il-każ, jekk l-awtorità nazzjonali li rtirat l-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, ikollha l-intenzjoni li tinvoka biss, quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti, uħud mir-raġunijiet wara l-irtirar ta’ dan l-ASF, raġunijiet li hija tqis suffiċjenti sabiex tiġġustifika dan l-irtirar, hija tista’ tikkomunika biss is-sustanza ta’ dawn il-motivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, IlKummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 119, 127 u 130). F’dan il-każ, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, din il-qorti għandha teżamina l-legalità tal-imsemmi rtirar abbażi biss tal-motivi li s-sustanza tagħhom tkun ġiet ikkomunikata.

90      Min-naħa l-oħra, l-ibbilanċjar tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva man-neċessità li tiġi żgurata, b’mod partikolari, il-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat jew tar-relazzjonijiet internazzjonali li fuqha hija bbażata l-konklużjoni stabbilita fil-punti 87 u 88 ta’ din is-sentenza ma japplikax bl-istess mod għall-provi li huma l-bażi tal-motivi prodotti quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, f’ċerti każijiet, l-iżvelar ta’ dawn il-provi jista’ jikkomprometti b’mod dirett u partikolari, b’mod partikolari, is-sigurtà tal-Istat, sa fejn dan jista’ jipperikola l-ħajja, is-saħħa jew il-libertà tal-persuni jew jiżvela l-metodi ta’ investigazzjoni speċifikament użati mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sigurtà u b’hekk jostakola serjament, jew saħansitra jipprekludi, it-twettiq futur tal-kompiti ta’ dawn l-awtoritajiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 66).

91      F’dan il-kuntest, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tevalwa jekk u sa fejn l-assenza ta’ żvelar ta’ informazzjoni jew ta’ provi kunfidenzjali lill-persuna kkonċernata u l-impossibbiltà korrelattiva għaliha li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tagħhom humiex ta’ natura li jinfluwenzaw is-saħħa probatorja ta’ dawn il-provi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, IlKummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 129 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tiżgura li s-sustanza tal-motivi li jikkostitwixxu l-bażi tal-irtirar tal-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata b’mod li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-provi u, jekk ikun il-każ, li tislet, skont id-dritt nazzjonali, il-konsegwenzi ta’ ksur eventwali ta’ dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 68).

93      Fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta, jidher, f’dan il-każ, li s-setgħa tal-qorti nazzjonali kompetenti li taċċedi għall-informazzjoni kklassifikata kollha li fuqha huwa bbażat l-irtirar tal-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, li ssemmi l-qorti tar-rinviju, tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti sabiex jiġi ggarantit rimedju effettiv f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

94      Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika mhux biss li l-qorti b’ġurisprudenza jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi rilevanti kollha sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha, iżda wkoll li l-persuna kkonċernata, jekk ikun il-każ permezz ta’ konsulent, tkun tista’ ssostni l-interessi tagħha billi tesprimi l-opinjoni tagħha dwar dawn l-elementi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóságet, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 58).

95      Barra minn hekk, il-possibbiltà mogħtija lill-avukat tal-ex detentur tal-ASF li jkollu aċċess, bil-kunsens tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, għall-informazzjoni kklassifikata li hija l-bażi tal-irtirar tal-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, ma hijiex biżżejjed sabiex tiżgura l-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta f’sitwazzjoni fejn dawn l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw tali aċċess mingħajr ma l-qorti nazzjonali kompetenti tkun tista’ tislet il-konsegwenzi tan-natura eventwalment inġustifikata ta’ tali rifjut għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità ta’ dan l-irtirar u fejn dan l-avukat għandu jiggarantixxi l-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni, li jimplika li huwa ma jistax jiżvela l-kontenut tagħha lill-klijent tiegħu.

96      Mill-bqija, l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk il-qorti nazzjonali kompetenti għandhiex, skont il-leġiżlazzjoni Slovakka, is-setgħa li tivverifika jekk ir-raġunijiet invokati mill-awtoritajiet nazzjonali jipprekludux effettivament il-komunikazzjoni tal-informazzjoni kklassifikata kollha jew parti minnha li fuqha huwa bbażat l-irtirar tal-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, u li jinsiltu, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi ta’ rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ parti minn din l-informazzjoni li tidher li ma tkunx debitament iġġustifikata.

97      Bl-istess mod, għalkemm mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew l-avukat tagħha setgħu jaċċedu għall-informazzjoni mhux ikklassifikata u għal ċerta informazzjoni kklassifikata li fuqha huwa bbażat l-irtirar tal-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, il-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx jekk l-informazzjoni kkomunikata b’dan il-mod kinitx tippermetti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkollha s-sustanza tal-motivi ta’ dan l-irtirar jew, tal-inqas, is-sustanza tal-motivi li l-awtorità nazzjonali kompetenti kellha l-intenzjoni li tinvoka.

98      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn il-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiggarantixxu l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta, kif jirriżultaw mill-punti 79 sa 92 ta’ din is-sentenza.

99      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ eventwali konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni u ta’ din il-prassi mal-Artikolu 47 tal-Karta, l-Istati Membri jistgħu jirriżervaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti s-setgħa li tikkomunika jew le motivi jew provi kklassifikati, sakemm il-qorti nazzjonali adita bir-rikors kontra l-irtirar ta’ ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, ikollha s-setgħa li tislet il-konsegwenzi tad-deċiżjoni finalment adottata f’dan ir-rigward minn din l-awtorità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 113).

100    Fil-fatt, tali soluzzjoni hija ta’ natura, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tostakola b’mod inġustifikat il-komunikazzjoni tal-elementi kollha jew ta’ parti minnhom li fuqhom huwa bbażat tali rtirar, li tiżgura l-osservanza sħiħa tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn din tiggarantixxi li n-nuqqas ta’ osservanza, minn din l-awtorità, tal-obbligi proċedurali tagħha ma jwassalx sabiex id-deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u dokumenti li l-applikant ma setax jieħu konjizzjoni tagħhom u li dwarhom huwa għalhekk ma kienx f’pożizzjoni li jieħu pożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 114).

101    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li huwa indispensabbli, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva waqt l-evalwazzjoni tal-legalità tal-irtirar ta’ ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, li l-qorti nazzjonali adita bir-rikors kontra dan l-irtirar għandha s-setgħa li tikkomunika hija stess ċerta informazzjoni kklassifikata meta l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni lill-ex detentur ta’ din l-ASF, jekk ikun il-każ permezz tal-avukat tagħha, ma tidhirx iġġustifikata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 115).

102    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        minn naħa, huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li permezz tagħhom deċiżjoni li tirtira ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, ma tindikax l-informazzjoni kklassifikata li tiġġustifika dan l-irtirar, minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu pereżempju l-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat jew tar-relazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li tipprevedi li l-qorti kompetenti sabiex tevalwa l-legalità tal-imsemmi rtirar għandha aċċess għal din l-informazzjoni u li l-avukat tal-ex detentur ta’ din l-ASF jista’ jkollu aċċess għall-imsemmija informazzjoni biss bil-kunsens tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati u bil-kundizzjoni li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tagħha, sa fejn din il-qorti tiżgura li n-nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju u li tiġi kkomunikata lill-ex detentur tal-imsemmija ASF, fi kwalunkwe każ, is-sustanza tal-motivi tal-istess rtirar b’mod li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-provi;

–        min-naħa l-oħra, li, fil-każ li l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludi tali leġiżlazzjoni u tali prassi, ma jeħtieġx li l-qorti nazzjonali kompetenti tikkomunika hija stess lill-ex detentur tal-ASF, jekk ikun il-każ permezz tal-avukat tiegħu, ċerta informazzjoni kklassifikata meta l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni lil dan l-ex detentur jew lill-avukat tiegħu ma tidhirx iġġustifikata. Huwa f’idejn l-awtorità nazzjonali kompetenti li tagħmel dan, jekk ikun meħtieġ. Jekk din ma tawtorizzax din il-komunikazzjoni, din il-qorti teżamina l-legalità tal-irtirar ta’ din l-ASF abbażi biss tal-motivi u tal-provi li ġew ikkomunikati.

 Fuq irraba’ domanda

103    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u t-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

 Fuq lispejjeż

104    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        l-istħarriġ, minn qorti nazzjonali, tal-legalità ta’ deċiżjoni li tirtira ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tippermetti l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata minn Stat Membru ma għandux bħala suġġett att li jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni;

–        l-istħarriġ, minn tali qorti, tal-legalità ta’ deċiżjoni li tirtira, b’konsegwenza ta’ rtirar ta’ din iċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali, ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li tippermetti l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 11 u l-Anness V tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea, għandu bħala suġġett att li jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 51(1).

2)      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        minn naħa, huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li permezz tagħhom deċiżjoni li tirtira approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, ma tindikax l-informazzjoni kklassifikata li tiġġustifika dan l-irtirar, minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu pereżempju l-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat jew tar-relazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li tipprevedi li l-qorti kompetenti sabiex tevalwa l-legalità tal-imsemmi rtirar għandha aċċess għal din l-informazzjoni u li l-avukat tal-ex detentur ta’ din l- approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità jista’ jkollu aċċess għall-imsemmija informazzjoni biss bil-kunsens tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati u bil-kundizzjoni li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tagħha, sa fejn din il-qorti tiżgura li n-nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju u li tiġi kkomunikata lill-ex detentur tal-imsemmija approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità, fi kwalunkwe każ, is-sustanza tal-motivi tal-istess rtirar b’mod li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-provi;

–        min-naħa l-oħra, fil-każ li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprekludi tali leġiżlazzjoni u tali prassi, ma jeħtieġx li l-qorti nazzjonali kompetenti tikkomunika hija stess lill-ex detentur tal-approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità, jekk ikun il-każ permezz tal-avukat tiegħu, ċerta informazzjoni kklassifikata meta l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni lil dan l-ex detentur jew lill-avukat tiegħu ma tidhirx iġġustifikata. Huwa f’idejn l-awtorità nazzjonali kompetenti li tagħmel dan, jekk ikun meħtieġ. Jekk din ma tawtorizzax din il-komunikazzjoni, din il-qorti teżamina l-legalità tal-irtirar ta’ din l-approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità abbażi biss tar-motivi u tal-provi li ġew ikkomunikati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.