Language of document : ECLI:EU:C:2024:363

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑25 ta’ April 2024 (1)

Kawża C159/23

Sony Computer Entertainment Europe Ltd

vs

Datel Design and Development Ltd,

Datel Direct Ltd,

JS

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Protezzjoni ġuridika tal-programmi tal‑kompjuter – Direttiva 2009/24/CE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Atti suġġetti għal restrizzjonijiet – Artikolu 4(1) –Alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter – Bdil tal-kontenut tal‑varjabbli maħżuna fil-memorja lokali u użati matul l-eżekuzzjoni tal‑programm”






 Introduzzjoni

1.        Bis-saħħa kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt internazzjonali li japplika għall-Unjoni (2), il-programmi tal-kompjuter għandhom jiġu protetti bħala xogħlijiet letterarji fis-sens tal‑Konvenzjoni ta’ Berne (3). Din il-klassifikazzjoni tista’ tqajjem xi dubji. Jekk, effettivament, programm tal-kompjuter jista’ jippreżenta ruħu fil‑forma ta’ “test”, jiġifieri lista ta’ istruzzjonijiet li għandhom jiġu eżegwiti mill-kompjuter, huwa test speċifiku f’ħafna modi, li ma jixbah lil ebda kategorija oħra ta’ xogħlijiet letterarji.

2.        L-għan aħħari ta’ tali programm ma huwiex li jiġi moqri jew użat b’xi mod ieħor direttament mill-utent, iżda li jordna l-funzjonament ta’ magna li kapaċi tipproċessa l-informazzjoni, jiġifieri kompjuter. Il-forma utli ta’ programm tal-kompjuter, li fiha dawn il-programmi normalment jiġu mqassma lill-utenti, lanqas ma tista’ tinqara mill-bniedem, għaliex hija intiża li tiġi eżegwita mill-magna. Barra minn hekk, anki il-forma li tista’ tinqara mill-bniedem ta’ programm tal-kompjuter tinftiehem biss mill-persuni kkwalifikati, għaliex hija fformulata f’lingwa artifiċjali (il‑lingwa tal-ipprogrammar), li ħafna drabi ma hijiex aċċessibbli għall‑utenti medji ta’ dawn il-programmi. Minn dan tirriżulta karatteristika partikolarment importanti mill-perspettiva tad-drittijiet tal‑awtur tal-programmi tal-kompjuter bħala xogħlijiet protetti, jiġifieri li, minħabba l-mod kif jiffunzjonaw il-kompjuters, normalment kull użu ta’ programm jeħtieġ att ta’ riproduzzjoni wieħed jew iktar tiegħu, atti li huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal‑awtur fuq dan il-programm.

3.        Għalhekk ma huwiex sorprendenti li l-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter, kif ikkonċepita fid-dritt tal-Unjoni, hija differenti ferm mir-regoli tad-drittijiet tal-awtur “komuni” u teqreb iktar lejn sistema ta’ protezzjoni speċjali (4). Fil-fatt, din is-sistema ta’ protezzjoni toffri lill‑proprjetarji kontroll ikbar, minn naħa waħda, fuq l-aġir tal-utenti fl‑isfera privata tagħhom, sfera li normalment hija barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, u, min-naħa l-oħra, fuq atti li normalment ma jaqgħux taħt il-monopolju tal-awtur, bħall-alterazzjoni tax-xogħol mill-utent għall-bżonnijiet speċifiċi tiegħu. Dan il-kontroll huwa tant estiż li anki s-sempliċi teħid ta’ konjizzjoni tax-xogħol, li huwa fundamentali fil-każ normali ta’ xogħol letterarju, huwa permissibbli biss bis-saħħa ta’ eċċezzjoni, b’mod limitat u taħt kundizzjonijiet. Barra minn hekk, l-eċċezzjonijiet normalment previsti fid-drittijiet tal-awtur, ibda mill-eċċezzjoni magħrufa bħala “kopja privata”, huma esklużi mis‑sistema ta’ protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter.

4.        Il-fatt jibqa’ li l-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji għandha limitazzjoni intrinsika importanti jiġifieri li hija, fil-prinċipju, limitata għall-forma ta’ espressjoni tax-xogħol, fi kliem ieħor tat-test.

5.        F’din il-kawża, il-kwistjoni hija jekk, u, jekk ikun il-każ, sa fejn, il-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni għall-programmi tal‑kompjuter tista’ tapplika lil hinn mit-test tiegħu stess. Fi kliem ieħor, sa fejn tista’ testendi l-kunċett ta’ “test” fil-każ ta’ tali programmi?

6.        B’mod konkret, hija kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest ta’ logħob vidjo, huwiex permess għal terzi li joħolqu u għall-utenti li jużaw, mingħajr awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn il-logħob, programmi li jippermettu li tiġi ffaċilitata logħba filwaqt li jiġu evitati ċerti diffikultajiet ikkonċepiti mill-awtur tagħha, normalment magħrufa bħala “cheat software”. Il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn il-logħob vidjo jridu, fl-opinjoni tiegħi, ikollhom “l-aħjar miż-żewġ oqsma”, jiġifieri jissottomettu għall-protezzjoni l-iktar wiesgħa tal‑programmi tal-kompjuter elementi li, l-iktar l-iktar, jistgħu jkunu intitolati għal protezzjoni ħafna iktar limitata tad-drittijiet tal-awtur “komuni”.

7.        Il-kwistjonijiet f’din il-kawża madankollu jmorru lil hinn mill‑qasam ristrett tal-logħob vidjo, għaliex softwares li jippermettu li programmi tal-kompjuter jintużaw b’mod differenti minn kif oriġinarjament ikkonċepiti jeżistu f’setturi oħra.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

8.        Skont l-Artikolu 4 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal‑Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur, adottat f’Genève fl‑20 ta’ Diċembru 1996 (5):

“Programmi għall-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji fis‑sens ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berne. Din il-protezzjoni tapplika għall-programmi għall-kompjuter, jkunu xi jkunu l-mod u l‑għamla ta’ l-espressjoni tagħhom.”

9.        Dispożizzjoni analogu tinsab fl-Artikolu 10(1) tal-Ftehim dwar l‑Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal‑Kummerċ (6), li jistipula:

“Programmi tal-kompjuter, jekk huma fil-kodiċi tas-sors jew ta’ l-oġġett, għandhom ikunu protetti bħal li kieku kienu xogħolijiet letterarji taħt il‑[Konvenzjoni ta’ Berne].”

 Iddritt talUnjoni

10.      L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE (7) jistipula:

“Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

a)      il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters.”

11.      Skont l-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom.”

12.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/24/KE (8) jistipula:

“1.      Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-[Konvenzjoni ta’ Berne]. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “programmi tal-kompjuter” għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

2.      Protezzjoni skont din id-Direttiva għandha tapplika għall‑espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, m’humiex protetti bid-drittijiet tal-awtur skont din id-Direttiva.

3.      Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis‑sens li jkun il-ħolqien intellettwali tal-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall‑protezzjoni.

[...]”

13.      Skont l-Artikolu 4(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

a)      ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal‑kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. In kwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal‑programm tal-kompjuter ikun hemm bżonn din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni mid‑detentur tad-drittijiet;

b)      it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il‑programm.”

14.      Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva:

“Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.”

 Iddritt Ġermaniż

15.      Id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tad-Direttiva 2009/24 ġew trasposti fid-dritt Ġermaniż, b’mod partikolari, fl-Artikoli 69a u 69c tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ Settembru 1965 (9), kif emendata permezz tal-Liġi tat‑23 ta’ Ġunju 2021 (10).

 Ilfatti, ilproċedura u ddomandi preliminari

16.      Sony Computer Entertainment Europe Ltd (iktar ’il quddiem “Sony”), kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, tikkummerċjalizza, bħala detentur ta’ liċenzja esklużiva għall-Ewropa, consoles ta’ logħob PlayStation u logħob maħsub għal dawn il-consoles. Sal-2014, Sony kienet tikkummerċjalizza b’dan il-mod, b’mod partikolari, il‑PlayStation Portable (PSP) u l-logħba “MotorStorm: Arctic Edge”, maħsuba għal din il-console.

17.      Il-kumpanniji Datel Design and Development Ltd u Datel Direct Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Datel”), stabbiliti wkoll fir-Renju Unit, jiżviluppaw, jipproduċu u jiddistribwixxu softwares, b’mod partikolari prodotti kumplimentari mal-consoles ta’ logħob ta’ Sony, fosthom is‑software “Action Replay PSP”, kif ukoll tagħmir, it-Tilt FX, li jippermetti l-kontroll tal-PSP permezz ta’ moviment fl-ispazju.

18.      Is-software ta’ Datel jiffunzjona esklużivament mal-logħob oriġinali ta’ Sony. L-eżekuzzjoni ta’ dan is-software ssir billi tqabbad il‑PSP ma’ kompjuter u billi ddaħħal fil-PSP USB stick li tiċċarġja l‑imsemmi software. Wara r-reboot tal-PSP, l-utent jista’ jagħżel tab addizzjonali fuq din il-console li tippermetti li jsir tibdil għal-logħob ta’ Sony. Dawn il-bidliet jinkludu, pereżempju, fir-rigward tal-logħba “MotorStorm: Arctic Edge”, għażliet li jippermettu kwalunkwe restrizzjoni fl-użu tat-“turbo” (booster) jew fl-għażla tal-kondutturi, peress li parti minnhom normalment ma tiġix attivata ħlief meta jkunu nkisbu numru ta’ punti.

19.      Fl-ewwel istanza fil-kawża prinċipali, Sony talbet, essenzjalment, li Datel jiġu pprojbiti milli jikkummerċjalizzaw is-softwares tagħha maħsuba sabiex jiffunzjonaw mal-logħob u l-consoles ta’ Sony. Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ Sony. Madankollu, din is-sentenza inbidlet fl-appell mill‑Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), li ċaħdet ir-rikors ta’ Sony kollu kemm hu.

20.      Il-qorti tar-rinviju, li hija adita minn appell għal Reviżjoni kontra s-sentenza tal-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg), tirrileva li s-suċċess ta’ dan l-appell jiddependi mill-punt dwar jekk l-użu tas-software inkwistjoni ta’ Datel jiksirx id-dritt esklużiv ta’ alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter. Dan il-punt iqajjem dubji dwar l-interpetazzjoni tal-Artikolu 1(1) sa (3) u tal‑Artikolu 4(1)(b) tad‑Direttiva 2009/24.

21.      Skont din il-qorti, fil-kawża prinċipali, Sony ssostni b’mod partikolari li, permezz tas-softwares ta’ Datel, l-utenti jibdlu, b’mod illegali fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, il-programmi tal-kompjuter li fuqhom huma bbażati l-logħob tagħha u li Datel hija responsabbli għal dan. Madankollu, hemm qbil bejn il-partijiet li la s-software inkwistjoni ta’ Datel, u lanqas l-utenti tagħha, ma għandhom aċċess jew b’xi mod jibdlu l-kodiċi ta’ dawn il-programmi. Fil-fatt, dan is-software, li jaħdem fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter ta’ Sony, jibdel biss il‑kontenut tal-varjabbli li l-programm tal-kompjuter protett ħoloq fil‑memorja prinċipali u li juża fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-programm.

22.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Hemm ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(1) sa (3) tad‑Direttiva 2009/24[...] jekk ma jkunx il-kodiċi oġġett jew il‑kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter jew ir-riproduzzjoni tiegħu li jiġi mibdul, iżda jkun programm ieħor li jaħdem fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter protett li jbiddel il-kontenut tal‑varjabbli li l-programm tal-kompjuter protett ħoloq fil-memorja prinċipali u juża fl-eżekuzzjoni tal-programm?

2)      Hemm alterazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2009/24 jekk ma jkunx il-kodiċi oġġett jew il-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter jew ir-riproduzzjoni tiegħu li jiġi mibdul, iżda jkun programm ieħor li jaħdem fl-istess ħin mal-programm tal‑kompjuter protett li jbiddel il-kontenut tal-varjabbli li l‑programm tal-kompjuter protett ħoloq fil-memorja prinċipali u juża fl-eżekuzzjoni tal-programm?”

23.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Marzu 2023. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fil‑25 ta’ Jannar 2024.

 Analiżi

24.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-allegat ksur tad-dritt esklużiv ta’ Sony, ibbażat fuq l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2009/24, li jawtorizza kwalunkwe alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter li tiegħu din il‑kumpannija għandha d-drittijiet tal-awtur. Il-qorti tar-rinviju tagħmel żewġ domandi preliminari, skont hi, indipendenti. Madankollu, ir‑risposta għall‑ewwel domanda preliminari hija meħtieġa sabiex tiddetermina r-risposta għat-tieni waħda. Huwa għalhekk li ser nittratta din it-tieni domanda fil-qosor ħafna.

25.      Bħala rimarka preliminari, nosserva li l-proċedura fil-kawża prinċipali u, għalhekk, id-domandi preliminari, jirrigwardaw biss l‑allegat ksur minn Datel tad-drittijiet esklużivi ta’ Sony fuq il‑programmi tal-kompjuter tagħha li jirriżulta mill-użu mill-utenti ta’ dawn il-programmi tas-software ta’ Datel. Dawn id-domandi għalhekk ma jirrigwardawx l-eventwali ksur tad-drittijiet ta’ Sony kommessi minn Datel waqt l-iżvilupp tas-software tagħha, lanqas ir-responsabbiltà ta’ Datel minħabba eventwali ksur ta’ drittijiet oħra ta’ Sony għajr id‑drittijiet tal-awtur, bħall-ksur tat-trade mark jew il-kompetizzjoni żleali, u lanqas ir-responsabbiltà tal-utenti tas-software ikkontestati. Għalhekk m’iniex ser nittratta dawn is-suġġetti f’dawn il-konklużjonijiet.

26.      Min-naħa l-oħra, minkejja li l-kawża prinċipali lanqas ma tirrigwarda, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, eventwali ksur tad‑drittijiet tal-awtur ta’ Sony fuq elementi oħra tal-logħob vidjo tagħha apparti l-programmi tal-kompjuter li huma l-bażi ta’ dawn il-logħob, ser neżamina din il-kwistjoni fil-qosor inkwantu tqajmet mill-Kummissjoni u ġiet diskussa bejn il-partijiet waqt is-seduta.

 Fuq lewwel domanda preliminari

27.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) sa (3) tad‑Direttiva 2009/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni testendix għall-kontenut tal-varjabbli li l-programm tal-kompjuter protett ħoloq fil‑memorja prinċipali tal-kompjuter u li juża fl-eżekuzzjoni tal‑programm, fis-sitwazzjoni fejn programm ieħor li jaħdem fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter protett ibiddel dan il-kontenut, mingħajr ma jinbidel il-kodiċi oġġett jew il-kodiċi sors ta’ dan l-aħħar programm.

28.      Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega s-suġġett tal-protezzjoni mogħtija lill-programmi tal-kompjuters mid-Direttiva 2009/24.

 Fuq issuġġett talprotezzjoni mogħtija midDirettiva 2009/24

29.      Id-Direttiva 2009/24 ma tiddefinixxix il-“programm tal‑kompjuter”. Skont l-espożizzjoni tal-motivi tad‑Direttiva 91/250/KEE (11), direttiva li ġiet ikkodifikata permezz tad‑Direttiva 2009/24, din l-assenza ta’ definizzjoni kienet maħsuba sabiex tevita li eventwalment jgħaddi żmienha (12). Din il-prudenza tidher superfluwa, għaliex xorta jista’ jsir riferiment għad-definizzjoni li tinsab f’din l-espożizzjoni tal-motivi, li tipprevedi li dan il-kunċett jiddefinixxi “kumpless ta’ struzzjonijiet li għandhom bħala għan li jitwettqu funzjonijiet minn sistema li tipproċessa l-informazzjoni, imsejħa kompjuter”[traduzzjoni mhux uffiċjali] (13). Din id-definizzjoni, li r‑rilevanza tagħha ma kienet affettwata bl-ebda mod mill-progress tekniku, hija punt ta’ tluq perfett tal-analiżi tas-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24.

30.      Minkejja l-assenza ta’ definizzjoni legali tal-kunċett ta’ “programm tal-kompjuter”, id-Direttiva 2009/24 tinkludi numru ta’ spjegazzjonijiet dwar is-suġġett u n-natura tal-protezzjoni li hija tagħti.

31.      B’hekk, fl-ewwel lok, l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jistipula li l‑programmi tal-kompjuters huma protetti mid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji. Din id-dikjarazzjoni tinkludi konsegwenzi f’dak li jirrigwarda kemm il-portata kif ukoll in-natura tal-protezzjoni inkwistjoni.

32.      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, il‑protezzjoni għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter, bl-esklużjoni tal-ideat u l-prinċipji kollha li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ tali programm. Peress li dan huwa prinċipju ġenerali tad-drittijiet tal-awtur, huwa sinjifikattiv li l-leġiżlatur qies li huwa neċessarju li jiddikjara dan espressament fil-parti leġiżlattiva tad-direttiva 2009/24.

33.      Finalment, fit-tielet lok, l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-livell ta’ ħtieġa meħtieġ li jintlaħaq sabiex programm ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni, billi jistipula li huwa protett kull programm tal-kompjuter li jkun oriġinali, jiġifieri li jkun ħolqien intellettwali tal-awtur stess, u li l-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati. Minkejja li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix livell ta’ ħtieġa partikolarment għoli sabiex programm tal-kompjuter ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni inkwistjoni, billi jelimina, b’mod partikolari, b’konformità mal-premessa 8 tad-Direttiva 2009/24, kwalunkwe evalwazzjoni tal-kwalità tiegħu jew tal-valur estetiku tiegħu, hija tidher madankollu li teskludi l-protezzjoni tal-elementi, meħuda waħidhom, li ma jikkostitwixxux il-ħolqien intellettwali tal-awtur tal-programm.

34.      Dawn l-elementi tad-definizzjoni tas-suġġett tal-protezzjoni li jinsabu fid-Direttiva 2009/24 stess ġew żviluppati u spjegati fil‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

35.      B’hekk, filwaqt li rreferiet għall-Artikolu 10(1) tal-Ftehim TRIPs, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza Bezpečnostní softwarová asociace (14), li l-protezzjoni mogħtija bid-Direttiva 91/250, li d‑dispożizzjonijiet rilevanti tagħha kienu identiċi għal dawk tad‑Direttiva 2009/24, tkopri l-programm tal-kompjuter fil-forom kollha li jippermettu li jiġi riprodott f’diversi lingwi tal-informatika, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett (15). F’dik is-sentenza, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li interface tal-utent ma jikkostitwixxix tali forma ta’ espressjoni tal-programm tal-kompjuter, iżda sempliċement element ta’ dan il-programm li permezz tiegħu l-utenti jużaw il‑funzjonalitajiet ta’ dan il-programm, u ma jibbenefikax għalhekk mill‑protezzjoni prevista mid-Direttiva 91/250 (16).

36.      Billi bbażat ruħha fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal‑Ġustizzja sussegwentament eskludiet mill-protezzjoni mogħtija mid‑Direttiva 91/250 l-elementi bħall-funzjonalitajiet ta’ programm tal‑kompjuter, il-lingwa tal-ipprogrammar u l-format tal-fajls tad-data użati minn tali programm (17). L-unika eċċezzjoni tikkonċerna s‑sitwazzjoni li fiha jiġu kkoppjati mill-ġdid il-partijiet tal-kodiċi sors jew tal-kodiċi oġġett relatati mal-lingwa tal-ipprogrammar jew mal-format tal-fajls tad-data, f’liema każ ikun hemm riproduzzjoni parzjali tal‑programm tal-kompjuter (18). Din l-ispjegazzjoni madankollu ma tikkonċernax il-funzjonalitajiet ta’ programm, għaliex id-distinzjoni bejn il-kodiċi (sors u oġġett) ta’ programm u l-funzjonalitajiet tiegħu hija ċara u netta.

37.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-prattika, il-forom ta’ espressjoni tal-programmi tal-kompjuter protetti skont id‑Direttiva 2009/24 huma l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett (19), għaliex jippermettu li jiġi riprodott, kollu kemm hu jew parzjalment, il-programm partikolari. Min-naħa l-oħra, elementi oħra ta’ programm tal-kompjuter fis-sens wiesa’, bħal, b’mod partikolari, il-funzjonalitajiet tiegħu, ma humiex protetti minn din id-direttiva.

38.      Tali qari tad-Direttiva 2009/24, jew ta’ dik li ppreċedietha, bħala li jillimita l-protezzjoni għall-kodiċi sors u għall-kodiċi oġġett ta’ programm tal-kompjuter huwa konformi man-natura tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji, sistema ta’ protezzjoni magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Tali protezzjoni tkopri neċessarjament it-test tax-xogħol, sa fejn, fir-rigward ta’ xogħol letterarju, l-espressjoni tal-ħolqien intellettwali tal-awtur tirrifletti ruħha fit-test. Issa, fil-każ ta’ programm tal-kompjuter, it-test huwa l-kodiċi, jiġifieri sensiela strutturata ta’ istruzzjonijiet li permezz tagħhom il‑magna għandha teżegwixxi l-funzjonijiet previsti mill-awtur tal‑programm.

39.      Huwa bla dubju veru li programm tal-kompjuter fis-sens wiesa’ tiegħu ma jistax sempliċement jiġi ristrett għall-kodiċi tiegħu. Fil-fatt, dak li jinteressa lill-utent, u dak li jinċentivah iħallas il-prezz tal-akkwist ta’ programm tal-kompjuter, ma hijiex il-possibbiltà li jikseb konoxxenza tal-kodiċi ta’ dan il-programm, possibbiltà li normalment ma jkollux xorta waħda, peress li l-programm li jingħata lilu jkun biss fil-forma ta’ kodiċi oġġett, iżda l-funzjonalitajiet tal-imsemmi programm li jippermettu li jinkiseb, bl-għajnuna tal-kompjuter, ċertu riżultat.

40.      Madankollu, din hija preċiżament l-ispeċifiċità tal-protezzjoni tal‑programmi tal-kompjuter mid-drittijiet tal-awtur li deliberatament ġiet limitata għall-espressjoni “letterali” tal-programm fil-forma ta’ kodiċi. Fil-każ tad-Direttiva 2009/24, din il-volontà tal-leġiżlatur tal‑Unjoni kienet tidher b’mod ċar ħafna mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, li jipprevedi li l-programmi tal-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji u din il-protezzjoni tapplika biss għall-espressjoni tagħhom, bl‑esklużjoni tal-ideat u tal-prinċipji li fuqhom huma mibnija. Dawn l‑ispjegazzjonijiet ftit iħallu marġni ta’ evalwazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva f’dak li jirrigwarda s-suġġett tal‑protezzjoni u l-limitazzjonijiet tagħha.

41.      Il-limitazzjoni tal-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter għall‑espressjoni tagħhom fil-forma ta’ kodiċi hija konformi wkoll mal‑għan ta’ din il-protezzjoni. Dan huwa li jipproteġi lill-awturi tal‑programmi mir-riproduzzjoni mhux awtorizzata u l-ikkoppjar ta’ dawn il-programmi, li fl-ambjent diġitali huwa ferm faċli u b’nefqa minima, kif ukoll mid-distribuzzjoni tal-kopji “pirati” tagħhom. Min‑naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter ma għandhiex tostakola la l-iżvilupp tas-softwares kompetittivi jew kompatibbli, jekk ma jikkostitwixxux sempliċi kopji tal-programmi eżistenti, u lanqas l-użu tal-programmi mill-utenti leġittimi fl-isfera privata tagħhom (20). Huwa għalhekk loġiku li l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat il-protezzjoni għall-forom ta’ espressjoni li jippermettu r‑riproduzzjoni totali jew parzjali tal-programm tal-kompjuter (21).

42.      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li hemm lok li tiġi analizzata l-problematika mqajma mill-ewwel domanda preliminari.

 Fuq lapplikazzjoni f’din ilkawża

43.      Infakkar li l-ewwel domanda preliminari tkopri l-punt dwar jekk il-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter mogħtija mid‑Direttiva 2009/24 testendix għall-“kontenut tal-varjabbli” li tali programm joħloq fil-memorja tal-kompjuter u juża sussegwentament waqt l-eżekuzzjoni tiegħu. Għalhekk hemm lok li, preliminarjament, jiġi mistoqsi x’ifisser it-terminu “kontenut tal-varjabbli” użat mill-qorti tar‑rinviju.

44.      Kif tispjega Sony fl-osservazzjonijiet tagħha, fil-qasam tal‑informatika, “varjabbli” ifisser post fil-memorja tal-kompjuter li fih informazzjoni, fi kliem ieħor data, hija introdotta matul l-eżekuzzjoni ta’ programm tal-kompjuter u li għalih dan il-programm jista’ jkollu aċċess sabiex juża din l-informazzjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu. Il‑kodiċi tal-programm normalment jiddefinixxi l-parametri tal-varjabbli, bħal postu fil-memorja, ismu, it-tip ta’ data li tista’ tinħoloq fih, eċċ. (22) L‑informazzjoni konkreta maħluqa f’tali post tissejjaħ “valur” tal‑varjabbli. Minkejja li l-parametri tal-varjabbli ma jinbidlux matul l‑eżekuzzjoni tal-programm, il-valur tiegħu jista’, minn naħa tiegħu, jinbidel, skont l-informazzjoni li l-programm jikseb minn barra, pereżempju mingħand l-utent.

45.      Kif indikajt, il-parametri tal-varjabbli jikkostitwixxu elementi integrali tal-kodiċi tal-programm u, suġġett għall-oriġinalità tagħhom, jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24.

46.      Madankollu, mill-espożizzjoni tal-fatti jirriżulta li dawn il‑parametri ma humiex mibdula mis-software inkwistjoni ta’ Datel. Dak li jinbidel huwa l-valur tal-varjabbli, jiġifieri d-data li tinħoloq f’dawn il‑postijiet tal-memorja tal-kompjuter u li l-programm ta’ Sony jieħu inkunsiderazzjoni sussegwentament sabiex jeżegwixxi, skont l‑istruzzjonijiet imniżżla fil-kodiċi tiegħu, funzjonijiet differenti. Bit‑terminu “kontenut tal-varjabbli”, il-qorti tar-rinviju tirreferi għalhekk neċessarjament għall-valur tal-varjabbli. Għalhekk, l-ewwel domanda tkopri l-punt dwar jekk id-Direttiva 2009/24 tippermettix lill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter jopponi li l-valur tal‑varjabbli li jinħoloq fil-memorja tal-kompjuter waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan il-programm jiġi mibdul, minħabba l-funzjonament ta’ programm ieħor, meta mqabbel mal-valur li jkun inħoloq mis-sempliċi fatt tal‑funzjonament tal-ewwel programm.

47.      Din id-domanda titlob, fl-opinjoni tiegħi, risposta negattiva, u dan għal diversi raġunijiet.

48.      Fl-ewwel lok, il-valur tal-varjabbli ma jikkostitwixxix element tal‑kodiċi ta’ programm tal-kompjuter. Hija biss data, esterna għall‑kodiċi, li l-kompjuter jipproduċi u jerġa’ juża waqt l-eżekuzzjoni tiegħu. Bl-istess mod, il-kontenut ta’ dawn il-konklużjonijiet jikkostitwixxu data esterna mill-perspettiva tas-software tat-trattament ta’ test li bl-għajnuna tiegħu ġew redatti. Din id-data ma teżistix fil‑mument tal-ħolqien tal-programm mill-awtur tiegħu, u lanqas waqt li tkun qed titniżżel fil-memorja tal-kompjuter, għaliex hija ġġenerata biss waqt l-eżekuzzjoni tal-programm. Hija għalhekk ma tistax tippermetti li jiġi riprodott il-programm, u lanqas parti minnu. Issa, kif semmejt (23), il‑protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24 hija, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, limitata għall-kodiċi tal‑programmi tal-kompjuter, għaliex huwa l-kodiċi, kemm il-kodiċi sors kif ukoll il-kodiċi oġġett, li jippermetti li jiġi riprodott il-programm.

49.      Fit-tieni lok, il-valur tal-varjabbli ma jissodisfax il-kriterju ta’ oriġinalità previst fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2009/24, għaliex ma jikkostitwixxix ħolqien intellettwali proprju tal-awtur tal-programm. Fil‑fatt, fil-każ ta’ programmi bħal logħob vidjo ta’ Sony, il-valur tal‑varjabbli inkwistjoni huwa r-riżultat tal-perkors tal-logħba u, għalhekk, finalment, ir-riżultat tal-aġir ta’ min jilgħab. Huwa veru li l‑awtur ikkonċepixxa l-kategoriji tal-varjabbli li huma rreġistrati kif ukoll ir-regoli li bihom il-valur tagħhom huwa stabbilit matul il-logħba. Madankollu, dan il-valur innifsu huwa lil hinn mill-kontroll kreattiv tal‑awtur, għaliex jiddependi neċessarjament minn fatturi imprevedibbli minn qabel, bħall-aġir ta’ min jilgħab. L-imsemmi valur għalhekk ma għandux jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

50.      Fit-tielet lok, kif tosserva wkoll il-Kummissjoni, il-valur tal-varjabbli ġġenerat mill-programm huwa ta’ natura instantanja, temporanja u provviżorja, inkwantu jista’ jinbidel matul l-eżekuzzjoni tal‑programm u ħafna drabi jerġa’ jiġi żero waqt l-eżekuzzjoni sussegwenti ta’ dan il-programm. Issa, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l‑espressjoni tal-ħolqien tal-awtur ma għandhiex neċessarjament tkun permanenti sabiex tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid‑Direttiva 2009/24, hija xorta ħtieġet li s-suġġett tal-protezzjoni ikun identifikabbli bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti (24). Fl-opinjoni tiegħi, u kuntrarjament għal dak li ssostni Sony, dan ir-rekwiżit ma huwiex issodisfatt b’element, bħall-valur tal-varjabbli ġġenerat minn programm tal‑kompjuter waqt l-eżekuzzjoni tiegħu, li mhux biss huwa temporanju, iżda wkoll jinbidel b’mod kostanti, kemm waqt din l-eżekuzzjoni kif ukoll waqt kull eżekuzzjoni sussegwenti, iktar u iktar jekk dawn il-bidliet ma jiddependux mill-ħolqien tal-awtur, iżda minn fatturi esterni, bħall-aġir tal-utenti tax-xogħol.

51.      Għandi nirrimarka li, f’din il-kawża, din il-problema ma għandhiex tiġi riżolta billi jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur testendi għall-valuri kollha possibbli tal-varjabbli li jinsabu fi programm tal-kompjuter, għaliex, f’dan il-każ, ma jkunx hemm ksur. Software bħal dak ta’ Datel ma jibdilx il-parametri tal-varjabbli, iżda biss il-valur tagħhom. Konsegwentament, jekk il-valuri kollha possibbli jkunu parti mill-programm protett, ma jkun hemm ebda alterazzjoni.

52.      Madankollu, mill-qari tal-osservazzjonijiet ta’ Sony, jidher li ma humiex tant il-valuri tal-varjabbli meħuda waħidhom li din il-kumpannija tixtieq tipproteġi, iżda pjuttost l-effetti li dawn il-valuri differenti għandhom fuq il-perkors tal-logħba jew, kif tiddeskrivih Sony, “l-esperjenza tal‑logħba maħluqa mill-programmatur”.

53.      Skont Sony, il-kreattività tal-inventur tidher fil-perkors tal‑programm kollu kemm hu. Issa, huwa l-valur tal-varjabbli li jindika, fost il-perkorsi differenti possibbli tal-programm, dak li ser jiġi effettivament magħżul. Dawn l-istadji tal-perkors tal-programm huma neċessarji għat-twettiq tal-forma ta’ espressjoni ta’ dan il‑programm, li l-eżekuzzjoni tiegħu ssegwi b’hekk ċerti regoli tal-logħob li huma maħżuna fil-kodiċi sors bħala riżultat essenzjali tax-xogħol li sar mill-iżviluppatur tal-logħba.

54.      Madankollu, jidhirli li, bit-termini “esperjenza tal-logħob”, “perkors tal-programm”, “ħolqien tal-forma ta’ espressjoni” tal‑programm jew inkella “regoli tal-logħob”, Sony tkopri effettivament l-funzjonament tal-programm jew l-ideat u l-prinċipji abbażi ta’ dan il‑programm. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha, Sony tammetti li, f’dan il-każ, il-bidla tal-varjabbli tirrigwarda l-funzjonament tal-programm u li bidla ta’ varjabbli hija ekwivalenti għal intervent fl‑eżekuzzjoni tal-programm.

55.      Kuntrarjament għal dak li ssostni Sony, il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma tirrigwardax “speċifikatament il-protezzjoni indipendenti tal-funzjonalitajiet [...] u tal‑interfaces tal-utent [...]”, b’tali mod li ċerti bidliet tal-funzjonament tal-programm huma suġġetti għall-monopolju tal-awtur. Din il‑ġurisprudenza tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24 billi teskludi, b’mod partikolari, il‑funzjonalitajiet tal-programmi tal-kompjuter, jiġifieri l-funzjonijiet li dawn il-programmi jistgħu jwettqu permezz ta’ kompjuter u l-mod li bih dawn jitwettqu.

56.      Min-naħa l-oħra, huwa veru li l-ġurisprudenza inkwistjoni ma tirrigwardax l-alterazzjoni, bħal f’dan il-każ, iżda r-riproduzzjoni jew l‑imitazzjoni ta’ elementi li l-protezzjoni tagħhom kienet mitluba. Għalhekk ma nara l-ebda raġuni għal xiex din il-ġurisprudenza ma għandhiex tiġi trasposta għal din il-kawża. Fil-fatt, fl-ewwel lok, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni espressa f’dan is-sens fit-test tad-Direttiva 2009/24, is‑suġġett tal-protezzjoni ma għandux ikun differenti skont id-dritt esklużiv ikkonċernat. Fit-tieni lok, mill-perspettiva tal-għan tal‑protezzjoni, l-alterazzjoni tal-mod li bih jiffunzjona programm tal‑kompjuter mill-utent leġittimu tiegħu hija ferm inqas ta’ preġudizzju għall-interessi tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il‑programm mir-riproduzzjoni tal-funzjonalitajiet ta’ dan il-programm mill-produttur tal-programm kompetitur. Għalhekk ma hemmx raġuni għal xiex il-protezzjoni kontra tali alterazzjoni għandha tkun iktar wiesgħa minn dik prevista kontra r-riproduzzjoni.

57.      Għalhekk jiena tal-opinjoni li, fid-dawl kemm tal-kliem tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/24 kif ukoll tal‑ġurisprudenza rilevanti (25), il-fatt li utent leġittimu ta’ dan il-programm jibdel, waqt l-użu tal-programm u mingħajr ma jibdel il-kodiċi, il-mod li bih l-imsemmi programm jiffunzjona, b’mod mhux konformi mal‑intenzjonijiet ta’ min ħolqu, irrispettivament minn jekk dan ikunx permezz ta’ software terz jew le, ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal‑awtur fuq programm tal-kompjuter. Bl-istess mod, l-awtur ta’ novella polizjeska ma jistax jipprojbixxi lil min jaqraha milli jmur fi tmiemha sabiex jivverifika min huwa l-qattiel, anki jekk dan itellef il-gost tal-qari u jħassar l-isforzi tal-awtur biex iżomm it-tensjoni għolja. Barra minn hekk, il-protezzjoni mitluba minn Sony hija irrealistika: persuna li tilgħab tista’ sempliċement ma tkunx trid jew ma tkunx kapaċi tipprogressa fil-logħba bil-mod maħsub mill-awtur tagħha u l-logħba ma timxix kif ippjanata. Hawnhekk tkun ukoll kwistjoni ta’ interferenza fid-drittijiet tal-proprjetarju?

58.      Fl-aħħar lok, Sony tallega, u, fl-opinjoni tiegħi, hawnhekk huwa l‑punt debboli tal-argument, li l-programm inkwistjoni ta’ Datel “jirkeb fuq dak [ta’ Sony] b’mod parassitiku”. Madankollu, hemm lok li jiġi osservat li dan l-argument ikopri iktar kwistjoni ta’ dritt tal‑kompetizzjoni żleali. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tal‑awtur, minkejja li dan jagħti protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni u l‑piraterija, bl-ebda mod ma jagħti protezzjoni kontra l-użu ta’ xogħol ta’ ħaddieħor bħala bażi tal-ħolqien tiegħu stess, tant li ma hemmx riproduzzjoni illegali tax-xogħol protett.

 Proposta ta’ risposta

59.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/24 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva skont din id‑dispożizzjoni ma tkoprix il-kontenut tal-varjabbli li l-programm tal‑kompjuter protett ħoloq fil-memorja prinċipali tal-kompjuter u li juża matul l-eżekuzzjoni ta’ dan il-programm, fis-sitwazzjoni fejn programm ieħor li jiffunzjona fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter protett jibdel dan il-kontenut, mingħajr madankollu ma jibdel il-kodiċi oġġett jew il-kodiċi sors ta’ dan l-aħħar programm.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

60.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, is-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel domanda preliminari, tirrigwardax att suġġett għad-dritt esklużiv tal-awtur skont l‑Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2009/24, jiġifieri att ta’ alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter. Skont l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, din it-tieni domanda hija indipendenti mir-risposta li ser tingħata għall-ewwel waħda. Għalhekk hija kwistjoni dwar jekk jistax ikun hemm alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter minkejja l-fatt li l-kontenut tal-varjabbli ma huwiex is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24.

61.      Ir-risposta għat-tieni domanda hekk ifformulata ma tistax ma tkunx negattiva. Il-portata tad-drittijiet esklużivi taħt id‑Direttiva 2009/24 ma tistax tkun iktar wiesgħa mis-suġġett tal‑protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva. Fi kliem ieħor, filwaqt li l‑Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva jirreferi għal “alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter”, l-espressjoni “programmi tal-kompjuter” għandha tinftiehem bħala l-elementi protetti skont l-Artikolu 1 tal‑imsemmija direttiva. Ir-risposta għat-tieni domanda preliminari tirriżulta għalhekk direttament minn dik li ser tingħata għall-ewwel waħda, b’tali mod li ma hemmx bżonn li tingħata risposta separata għat‑tieni domanda.

 Osservazzjonijiet addizzjonali

62.      Għal finijiet ta’ kompletezza tal-analiżi tiegħi ta’ din il-kawża nixtieq nagħmel xi rimarki li jirrigwardaw, minn naħa waħda, iċ‑ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, il-mistoqsijiet imqajma fl-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

 Fuq il-persuna responsabbli mill-alterazzjoni

63.      Jekk, minkejja r-risposta li nipproponi li għandha tingħata għall‑ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l‑protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24 tkopri wkoll il-kontenut tal-varjabbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija għandha, fl-opinjoni tiegħi, sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta kompleta u utli għar‑riżoluzzjoni ta’ din il-kawża, tibbaża ruħha fuq il-kwistjoni dwar min huwa responsabbli ta’ eventwali ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn il‑varjabbli minħabba l-użu ta’ software bħal dak ta’ Datel.

64.      Fil-fatt, il-kawża prinċipali hija bejn Sony u Datel u tirrigwarda r‑responsabbiltà ta’ Datel. Madankollu, din ir-responsabbiltà ma tirriżultax minn ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ Sony waqt l-iżvilupp tas‑software minn Datel, iżda mill-alterazzjoni mhux awtorizzata tal‑programm tal-kompjuter ta’ Sony permezz, ċertament, ta’ dan is‑software, iżda mill-utenti tal-imsemmi programm tal-kompjuter, li l‑maġġoranza tagħhom huma, mingħajr dubju, persuni li xtrawh b’mod legali, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24. Huma, għalhekk, bħala regola, dawn l-utenti li għandhom jinżammu responsabbli, għaliex huma jkunu qed iwettqu l-att suġġett għall-awtorizzazzjoni, jiġifieri l‑alterazzjoni tal-programm tal-kompjuter. Kull ma tagħmel Datel huwa li tagħtihom l-għodda neċessarja, fil-forma tas-software tagħha.

65.      Il-partijiet ġew mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta. Sony u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkabbar il-grupp tal-persuni responsabbli sabiex tinkludi l-produtturi tas‑softwares, bħal Datel, b’analoġija mal-ġurisprudenza tagħha stabbilita fid-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, stabbilit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2001/29.

66.      Huwa veru li, f’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet bħala direttament responsabbli tal-ksur tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku ċerti kategoriji ta’ intermedjarji fil-proċess ta’ komunikazzjoni, li jista’ jingħad li kienu, l-iktar, biss indirettament responsabbli (26). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dawn il-persuni, “jintervjen[u], b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir t[agħhom], sabiex jagħt[u] lill-klijenti t[agħhom] aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, jew diffiċilment ikunu jistgħu, igawdu mix-xogħol imxandar”, u dan jikkaratterizza, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “att ta’ komunikazzjoni” (27). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi li qed iwettqu att ta’ komunikazzjoni d-diretturi ta’ stabbilimenti differenti mgħammra b’settijiet tat-televiżjoni aċċessibbli għall‑pubbliku (28), il-persuni li jqiegħdu fuq l-internet hyperlinks li jirreferu għal kontenut li ma huwiex aċċessibbli b’mod liberu, saħansitra jqassmu apparat b’tali hyperlinks installati minn qabel (29), jew inkella persuni li jiġġestixxu siti internet li jqassmu kontenut li jikkontribwixxu għall-atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku illegali (30).

67.      Madankollu, hemm lok li tiġi kkunsidrata n-natura speċifika tad‑dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u tal-atti li jaqgħu taħtu. Fil‑fatt, komunikazzjoni lill-pubbliku titlob il-preżenza ta’ żewġ partijiet, l-awtur tal-komunikazzjoni u l-pubbliku. Intermedjarju (31) li jew jiffaċilita komunikazzjoni, li tkun impossibbli jew estramament diffiċli mingħajru, jew li jkabbar il-grupp tal-membri tal-pubbliku li għandhom aċċess għax‑xogħol, biex b’hekk iwettaq komunikazzjoni sekondarja intiża għal pubbliku ġdid, jagħti b’hekk aċċess għas-suġġetti protetti lil ċertu pubbliku. Hemm għalhekk konfużjoni dwar ir-rwoli rispettivi ta’ atturi differenti u riskju ikbar għall-interessi sostanzjali tal-proprjetarji tad‑drittijiet tal-awtur. Huwa f’dan il-kuntest, u sabiex il-proprjetarji jiġu żgurati livell għoli ta’ protezzjoni mitlub mid-Direttiva 2001/29, li l‑Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ir-responsabbiltà diretta ta’ tali persuni f’ċerti sitwazzjonijiet.

68.      F’din il-kawża, ma hijiex kwistjoni ta’ dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, iżda tad-dritt li tiġi awtorizzata “kull alterazzjoni” ta’ programm tal-kompjuter, dritt speċifiku tad-Direttiva 2009/24 li ma għandux ekwivalenti fid-Direttiva 2001/29. Issa, atti ta’ alterazzjoni, tal-inqas atti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jipprovdux lill-utenti l-aċċess għax-xogħol protett, għaliex dawn tal-aħħar diġà għandhom dan l-aċċess, fil-maġġoranza tal-każi b’mod legali. Dawn l‑atti lanqas jirrikjedu l-preżenza ta’ żewġ partijiet, għaliex l-utenti jwettquhom fil-forum intern tagħhom, fil-qafas tal-użu tal-programmi tal-kompjuter ta’ Sony. Għalhekk ma jistax ikun hemm intermedjarju u Datel ma huwiex wieħed minnhom. Il-fatt li s-software inkwistjoni ta’ Datel huwa kkonċepit b’mod speċjali sabiex jiffunzjona mal-programmi tal-kompjuter ta’ Sony u li jippermetti lill-utenti li jagħmlu alterazzjoni (32) ma jibdilx din il-konstatazzjoni. Ir-rwoli huma mqassma b’mod ċar u l‑interessi tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal‑kompjuter huma suffiċjentament protetti, b’mod partikolari minħabba l-mod ta’ distribuzzjoni tagħhom li llum twessa’ ħafna, jiġifieri l-liċenzji ta’ użu u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jorbtu lill-utenti. Barra minn hekk, kif diġà semmejt, id-Direttiva 2009/24 għandha l-għan li tipproteġi dawn il-proprjetarji mhux kontra l-fabbrikazzjoni u l-użu ta’ softwares kompatibbli ma’ tagħhom iżda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija.

69.      Għalhekk ma hemmx sempliċi analoġija bejn is-sitwazzjoni f’din il-kawża u dawk analizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li jirrigwardaw id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Jiena lanqas nemmen li huwa mixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprova tistabbilixxi tali analoġija, peress li l-kwistjonijiet li jirrigwardaw iż-żewġ drittijiet esklużivi inkwistjoni huma differenti ferm. B’hekk, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li l-protezzjoni mogħtija mid‑Direttiva 2009/24 testendi għall-kontenut tal-varjabbli inkwistjoni fil-kawża, hija jkollha wkoll, fl-opinjoni tiegħi, tiġbed l-attenzjoni tal‑qorti tar-rinviju fuq il-fatt li huma biss l-utenti tas-softwares li jippermettu li dan il-kontenut jiġi mibdul li huma direttament responsabbli ta’ eventwali ksur tad-drittijiet tal-awtur u li l-fabbrikanti tas-softwares bħal Datel jista’ jkollhom biss responsabbiltà sekondarja li madankollu ma hijiex armonizzata fid-dritt tal-Unjoni u għalhekk tista’ tirriżulta biss mid-dritt nazzjonali.

 Fuq il-protezzjoni skont id-Direttiva 2001/29

70.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tqis neċessarju li tanalizza aspett li ma tqajjimx fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri l-eventwali protezzjoni ta’ elementi oħra minbarra l-programm tal‑kompjuter stess tal-logħob vidjo ta’ Sony, bħall-elementi grafiċi, akustiċi, viżwali u testwali, jiġifieri l-“istruttura narrattiva” tagħhom (33). Il‑Kummissjoni tistrieħ fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l‑logħob vidjo jikkostitwixxu materjal kumpless, li l-elementi l-oħra tagħhom apparti l-programm tal-kompjuter stess jistgħu jkunu protetti skont id-Direttiva 2001/29 (34) u li jistgħu jibbenefikaw minn tali protezzjoni, b’mod partikolari l-interfaces tal-utenti tal-programmi tal‑kompjuter (35).

71.      Dan huwa ċertament eżerċizzju intellettwali interessanti li l-Kummissjoni qiegħda tistedinna nagħmlu. Madankollu, nipproponi li dan l-aspett ma għandux jiġi analizzat, u dan għar-raġunijiet segwenti.

72.      L-ewwel nett, is-suġġett tal-kawża prinċipali huwa limitat għal allegat ksur tad-drittijiet li Sony għandha skont id-Direttiva 2009/24, l‑uniku att tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju. Huwa veru li l-kwistjoni dwar jekk dan is-suġġett jistax jiġi estiż sabiex jinkludi d-Direttiva 2001/29 ġiet diskussa bejn il‑partijiet waqt is-seduta. Xorta jibqa’ l-fatt li l-kwistjonijiet kollha relatati ma’ din id-direttiva jibqgħu ipotetiċi u mingħajr utilità ċerta għad‑deċiżjoni tal-kawża.

73.      It-tieni nett, sa fejn il-ksur tad-drittijiet ibbażati fuq id‑Direttiva 2001/29 ma ġiex invokat fil-kawża prinċipali, lanqas nafu liema elementi tal-logħob vidjo ta’ Sony ser ikunu eventwalment ikkonċernati, u lanqas f’hiex ser jikkonsisti l-eventwali ksur. L-ipoteżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward huma għalhekk purament teoretiċi u ma għandhom l-ebda bażi fil-pretensjonijiet u l-argumenti invokati f’din il-kawża.

74.      It-tielet nett, huwa fil-fehma tiegħi probabbli ħafna li, bħal kull eventwali ksur tad‑drittijiet ibbażati fuq id-Direttiva 2009/24, il-ksur ta’ dawk ibbażati fuq id-Direttiva 2001/29, f’arranġament bħal dak inkwistjoni f’dan il‑każ, huwa attribwibbli b’mod dirett għall-utenti tal-logħob vidjo u huwa biss b’mod indirett attribwibbli għall-fabbrikant ta’ software bħal Datel. L-osservazzjonijiet kollha li ppreżentajt fil-punti 63 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet jibqgħu validi.

75.      Fl-aħħar u r-raba’ nett, ma naqbilx mal-konvinzjoni tal‑Kummissjoni li ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni, protett bis-saħħa tal‑Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, jitwettaq bl-użu tas‑software ta’ Datel minn min jixtri b’mod legali logħob vidjo ta’ Sony.

76.      Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-elementi grafiċi ta’ dawn il-logħob, huwa veru li huma riprodotti fuq l-iskrins ta’ kompjuter ta’ utenti waqt l‑eżekuzzjoni tal-programm. Madankollu, b’mod partikolari fil-każ tal-allokazzjoni ta’ din ir-riproduzzjoni lill-utenti (36), ma narax raġuni għaliex għandha tiġi eskluża, kif tagħmel il-Kummissjoni, l-applikazzjoni għal din ir-riproduzzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li riproduzzjoni ta’ xogħol fuq l-iskrin waqt ir-riċezzjoni ta’ trażmissjonijiet tat-televiżjoni fis-settur privat taqa’ taħt din id-dispożizzjoni (37). Issa, l‑istess bħar-riproduzzjoni fuq l-iskrin ta’ trażmissjoni tat-televiżjoni, ir‑riproduzzjoni ta’ elementi grafiċi ta’ logħba vidjo fuq l-iskrin ta’ kompjuter tissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29. Hija effettivament għandha natura provviżorja u tranżitorja, li hija parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku, u għandha bħala għan li tippermetti użu legali tax-xogħol (38) u ma għandhiex sinjifikat ekonomiku indipendenti, peress li min xtara b’mod legali l-logħba vidjo diġà ħallas il-prezz tal-akkwist tiegħu.

77.      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-“istruttura narrattiva” tal‑logħob vidjo, jidher diffiċli anki għalija li nitkellem, f’dawn iċ‑ċirkustanzi, dwar “riproduzzjoni”. Jekk din l-istruttura tista’ forsi tkun mibdula mix-xerrej leġittimu tal-logħob waqt l-użu tiegħu, madankollu dan ma jagħtix drittijiet esklużivi lill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur taħt id-Direttiva 2001/29.

78.      Nipproponi għalhekk li l-analiżi f’din il-kawża tiġi limitata għall‑interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/24 biss.

 Konklużjoni

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta segwenti għad-domandi preliminari tal‑Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

L-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (verżjoni kkodifikata),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva skont din id-dispożizzjoni ma tkoprix il-kontenut tal-varjabbli li l-programm tal-kompjuter protett ħoloq fil-memorja prinċipali tal-kompjuter u li juża matul l-eżekuzzjoni ta’ dan il-programm, fis-sitwazzjoni fejn programm ieħor li jiffunzjona fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter protett jibdel dan il-kontenut, mingħajr madankollu ma jibdel il-kodiċi oġġett jew il-kodiċi sors ta’ dan il-programm tal-aħħar.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Ara l-punti 8, 9 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


3      Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berne fid‑9 ta’ Settembru 1886, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”).


4      Barra minn hekk, tali sistema kienet ippjanata fuq il-livell internazzjonali, qabel ma ntgħażlet il-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur, ara “Dispositions types sur la protection du logiciel”, Le Droit d’auteur, Revue mensuelle de l’Organisation Mondiale de la Propriété Intellectuelle (WIPO), 1978, Nru 1, p. 7.


5      Trattat approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas‑16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat tal‑WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur u tat-Trattat tal-WIPO dwar il‑Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).


6      Ftehim li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80, iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”).


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


8      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il‑protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16).


9      BGBl. 1965 I, p. 1273.


10      BGBl. 2021 I, p. 1858.


11      Direttiva tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114).


12      COM(88) 816, punt 1.1 (ĠU 1989, C 91, p. 4).


13      COM(88) 816, punt 1.1 (ĠU 1989, C 91, p. 4). Definizzjoni simili kienet diġà tinsab fid-dispożizzjonijiet standard għall-protezzjoni tas-software tal-WIPO tal-1978 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


14      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010 (C‑393/09, EU:C:2010:816, punti 33 sa 35 u 38).


15      F’termini sempliċi, il-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter huwa l-forma ta’ dan il-programm miktuba f’lingwa tal-ipprogrammar u li tinqara mill-bniedem. Il-kodiċi oġġett, prodott mill-kodiċi sors permezz tal-proċess imsejjaħ “compilation”, huwa il-forma tal-programm li jista’ jinqara u li jista’ jiġi eżegwit mill-kompjuter. Fil‑kummerċ, il-programmi huma normalment imqassma taħt il-forma ta’ kodiċi oġġett, li għalhekk ma jistax jinqara mill-bniedem.


16      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816, punti 41 u 42).


17      Sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2012, SAS Institute (C‑406/10, EU:C:2012:259, punti 35 sa 39 u l-punt 1 tad-dispożittiv).


18      Sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2012, SAS Institute (C‑406/10, EU:C:2012:259, punt 43).


19      Kif ukoll, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, xi materjal preparatorju, li ma huwiex rilevanti f’din il-kawża.


20      Ara, b’mod partikolari, il-punti 1.3 u 3.6 sa 3.13 tal-espożizzjoni tal-motivi tal‑proposta tad-Direttiva 91/250. L-istess idea hija espressa, b’mod iktar fil-qosor, fil-premessa 2 tad-Direttiva 2009/24.


21      Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Id-dettalji jiddependu, b’mod partikolari, mil-lingwa tal-programm użat.


23      Ara l-punti 35 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo (C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 40).


25      Ara l-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2020:586, punti 66 sa 93).


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 68).


28      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764); tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379); u tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631).


29      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644), u tas‑26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300).


30      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456), u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503).


31      F’din l-analiżi ma inix nieħu inkunsiderazzjoni l-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat atti diretti ta’ komunikazzjoni, peress li huwa paċifiku f’din il-kawża li Datel ma twettaqx hija stess l-atti kontenzjużi.


32      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li hemm alterazzjoni ta’ programm tal‑kompjuter fis-sens tad-Direttiva 2009/24.


33      Dan l-aħħar punt jirrifletti l-pretensjonijiet ta’ Sony li tipproteġi l-“esperjenza tal‑logħob”, il-“perkors tal-programm”, il-“ħolqien tal-forma ta’ espressjoni” tal‑programm jew inkella r-“regoli tal-logħob” (ara l-punti 52 u 53 ta’ dawn il‑konklużjonijiet).


34      Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Nintendo et (C‑355/12, EU:C:2014:25, punt 23).


35      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816, punt 46).


36      Ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 6 tad-dispożittiv).


38      Dan il-punt jista’ jidher kontroversjali, sa fejn, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, il‑kuntratti ta’ liċenzja bejn Sony u min jixtri l-programmi tal-kompjuter tagħha jinkludu klawżola li tipprojbixxi l-użu ta’ softwares bħal dak ta’ Datel. Madankollu, id-Direttiva 2001/29, kuntrarjament għall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, ma tinkludix dispożizzjoni li tippermetti lill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur li jillimita permezz ta’ kuntratt l-użu personali jew fl-isfera privata tiegħu tax-xogħol mix‑xerrej leġittimu tiegħu. Ir-riproduzzjoni fuq l-iskrin tal-kompjuter ta’ elementi grafiċi ta’ logħba vidjo minn tali xerrej hija għalhekk, fil-prinċipju, legali, sakemm lil tali elementi ma tingħatax il-protezzjoni riżervata biss, permezz tad‑Direttiva 2009/24, għall-programmi tal-kompjuter fis-sens ristrett.