Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Jannar 2010 - Akzo Nobel ET. vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-47/10)

Lingwa tal-kawża:L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Akzo Nobel NV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), Akzo Nobel Chemicals GmbH (Düren, il-Ġermanja), Akzo Nobel Chemicals B.V. (Amersfoort, l-Olanda), Akcros Chemicals Ltd (Stratford-upon-Avon, l-Ingilterra) (rappreżentanti: C. Swaak, u Marc van der Woude, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata kollha jew parti minnha, u/ jew

tnaqqas il-multi imposti fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata, u/ jew

tiddikjara li Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals B.V. ma jistgħux jiġu kkundannati għall-ksur li sar qabel l-1993, li Akzo Nobel N.V. ma tistax tiġi kkundannata għal ksur li sar fil-perijodu bejn l-1987 u l-1998, la individwalment u lanqas in solidum ma' impriżi li jagħmlu parti mill-grupp Elementis;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Novembru 2009 (Kawża Nru COMP/38.589-Heat Stabilisers), sa fejn il-Kummissjoni żammet lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur tal-Artikolu 81 KE (issa l-Artikolu 101 TFUE), u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE, billi ftiehmu biex jiffissaw il-prezzijiet, iqassmu s-swieq permezz ta' kwoti ta' bejgħ, iqassmu l-klijenti u jagħmlu skambju ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva, b'mod partikolari dwar klijenti, produzzjoni u bejgħ fis-settur tal-istabbilizzaturi ta' stann. Sussidjarjament, ir-rikorrenti jitolbu t-tnaqqis sostanzjali tal-multa imposta fuqhom.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni għamlet diversi żbalji ta' dritt u ta' fatt meta żammithom responsabbli, u jqajmu tliet motivi insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom.

Fl-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni fil-proċess ta' investigazzjoni tagħha fl-allegati stabilizzaturi tal-landa u l-ksur ta' ESBO/estri, kisret il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, dewmien raġjonevoli u d-drittijiet tad-difiża. Id-dewmien fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni ma tikkostitwix sospensjoni taħt l-Artikolu 25(6) tar-Regolament 1/2003 1. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi ma tathomx aċċess għad-dokumenti li jiskaġunaw u d-dokumenti inkriminanti kollha fil-fajl tagħhom.

Fit-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur u r-responsabbiltà tar-rikorrenti fil-perijodu tal-ksur kollu. Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tipprova l-eżistenza tal-ksur matul parti mill-perijodu tal-ksur li għandu jkollu effett 'l isfel fuq il-kalkoli tal-multa tar-rikorrenti.

It-tielet motiv tar-rikorrenti huwa ta' natura sussidjarja u rilevanti biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-azzjoni tal-Kummissjoni kontra r-rikorrenti mhijiex preskritta, u/jew li l-ksur stabbilit fl-ewwel motiv ma għandhomx iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kollha. L-ewwel nett, il-Kummissjoni b'mod żbaljat żammet responsabbli lil Pure Chemicals Ltd u Akzo Nobel N.V. għall-aġir ta' Akcros J.V., billi din tal-aħħar hija responsabbli waħedha għall-aġir antikompetittiv tagħha. It-tieni nett, l-azzjoni tal-Kummissjoni kontra Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals B.V. hija preskritta għall-perijodu li jiġi qabel J.V. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tattribwixxi r-responsabbiltà tar-rikorrenti u (l-kumpaniji tal-) grupp Elementis separatament għall-perijodu JV. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, hija u tikkalkola l-multi, bi żball għoddiet il-fatturat ta' JV darbtejn.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205