Language of document : ECLI:EU:F:2010:168

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

15 ta’ Diċembru 2010

Kawża F-66/09

Roberta Saracco

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Leave għal raġunijiet personali — Tul massimu — Rifjut ta’ estensjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu R. Saracco essenzjalment titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE, tal-14 ta’ Ottubru 2008, dwar ir-rifjut li tingħatalha estensjoni, sal-31 ta’ Ottubru 2009, tal-leave għal raġunijiet personali li kienet qiegħda tibbenefika minnu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rikorsi — Suġġett

(Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 42)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Leave għal raġunijiet personali — Tul massimu

(Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 11.2; Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 30; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Kundizzjonijiet ġenerali dwar il-mobilità — Kamp ta’ applikazzjoni — Membri tal-persunal b’leave għal raġunijiet personali — Inklużjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 30; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 5.12)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Leave għal raġunijiet personali — Tul massimu — Evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tal-kundizzjonijiet ġenerali dwar il-mobilità — Ammissibbiltà

6.      Uffiċjali — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Portata — Osservanza mill-Bank Ċentrali Ewropew

1.      Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 42 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tagħmel dikjarazzjonijiet fid-dritt.

(ara l-punt 39)

2.      Skont l-Artikolu 11.2 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bord Eżekuttiv jista’ jadotta regoli ta’ organizzazzjoni li jorbtu lill-membri tal-persunal, inkluż fil-qasam tar-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu.

Barra minn hekk, ma hemm ebda dispożizzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal u tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank li tipprekludi limitu tat-tul tal-leave għal raġunijiet personali, previst fl-Artikolu 30 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg. Konsegwentement, il-Bord Eżekuttiv jista’ legalment jistabbilixxi regola li tillimita għal massimu ta’ tliet snin it-tul ta’ leave mhux remunerat fil-każ fejn il-leave jingħata lil membru tal-persunal li jixtieq jaħdem ma’ organizzazzjoni oħra, anki jekk tali regola jista’ jkollha l-effett li tillimita t-tul tal-leave għal raġunijiet personali li jibbenefikaw minnu l-membri tal-persunal, abbażi tal-Artikolu 30 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

(ara l-punti 62, 65, 66 u 82)

3.      Ir-regoli sostantivi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-finalità jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom.

Madankollu, regola ġdida, b’mod partikolari meta tkun regola sostantiva, bħala prinċipju tapplika immedjatament, inkluż għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nibtet qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ att li jistabbilixxi t-tul massimu applikabbli għal leave mhux remunerat, peress li regoli ġodda għandhom effett immedjat u fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ data li qabilha ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ leave, id-dispożizzjonijiet tal-att japplikaw immedjatament, inkluż għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nibtu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom. Dan huwa l-każ ta’ perijodi ta’ leave mhux remunerat li ttieħed qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

(ara l-punti 75 sa 77)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz‑Meyer, C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punti 49 u 50

4.      Il-kundizzjonijiet ġenerali dwar il-mobilità fil-Bank Ċentrali Ewropew jiddeterminaw is-sistema legali applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank li jinsabu f’pożizzjoni ta’ “mobilità esterna”. Tali kundizzjonijiet jippreċiżaw li din il-pożizzjoni tkopri, b’mod partikolari, il-każ ta’ persuni li ngħatalhom leave mhux remunerat sabiex ikunu jistgħu jaħdmu ma’ organizzazzjonijiet oħra.

Madankollu, il-fatt li dan il-leave mhux remunerat jaqa’ taħt l-Artikolu 30 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank, kif ukoll taħt l-Artikolu 5.12 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank, u għaldaqstant jikkostitwixxi leave għal raġunijiet personali, ma għandux bħala effett, fih innifsu, li jeskludi l-benefiċjarju ta’ dan il-leave mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali dwar il-mobilità fil-Bank.

(ara l-punti 79 u 81)

5.      It-teħid inkunsiderazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew tal-perijodu ta’ leave għal raġunijiet personali li jkun ibbenefika minnu wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tal-kundizzjonijiet ġenerali dwar il-mobilità fil-Bank, sabiex jevalwa jekk intlaħaqx it-tul massimu applikabbli għal leave mhux remunerat għal raġunijiet personali, ma jikkonfutax sitwazzjoni kkostitwita jew dritt kweżit sa fejn: l-ewwel nett, il-persuna kkonċernata setgħet tibbenefika mill-perijodu kollu ta’ leave għal raġunijiet personali li ngħatalha; it-tieni nett, l-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali ma jistabbilixxux dritt għall-membri tal-persunal li jibbenefikaw, mid-dħul fis-seħħ tagħhom, minn leave mhux remunerat ta’ tliet snin, iżda sempliċement jistabbilixxu t-tul massimu ta’ dak il-leave, li fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar dan il-punt fit-test, għandu jitqies li ma japplikax biss għal applikazzjonijiet għal leave mhux remunerat li jkunu ġew ippreżentati wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali; it-tielet nett, il-persuna kkonċernata ma kellhiex, qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali, skont regola jew deċiżjoni tal-amministrazzjoni, dritt li tibbenefika minn leave mhux remunerat ta’ iktar minn tliet snin; ir-raba nett, la jkun stabbilit u lanqas allegat li dritt kweżit, għajr id-dritt għal leave, huwa kkonfutat.

(ara l-punti 89 sa 91, 93 u 95)

6.      Il-kunċett tad-dmir tal-premura tal-amministrazzjoni jirrifletti l-bilanċ tad-drittijiet u dmirijiet reċiproċi stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan il-bilanċ jimplika, b’mod partikolari, li meta tiddeċiedi dwar sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni tagħha, u f’tali każ, għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz iżda wkoll dawk tal-uffiċjal ikkonċernat.

Id-dmir ta’ premura, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet meta jadottaw, fir-rigward tal-uffiċjali tagħhom, att li jikkawżalhom preġudizzju, għandu jiġi osservat ukoll mill-Bank Ċentrali Ewropew meta jadotta tali att fir-rigward ta’ membri tal-persunal tiegħu.

(ara l-punti 106 u 107)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, Ġabra. p. 1677, punt 22; 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 38