Language of document : ECLI:EU:T:2016:6

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Jannar 2016 (*)

“Agrikoltura – Ħlas lura fuq l-esportazzjoni – Laħam tat-tjur – Iffissar tal-ħlas lura għal żero euro – Obbligu ta’ motivazzjoni – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tillimita lilha nnifisha għal motivazzjoni standard – Prattika abitwali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-iffissar tal-ħlasijiet lura – Artikolu 164(3), tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Natura mhux limitattiva tal-kriterji previsti”

Fil-Kawża T‑549/13,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas u C. Candat, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Bianchi u K. Skelly, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 689/2013, tat-18 ta’ Lulju 2013 li jiffissa r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 196, p. 13),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika Franċiża titlob l-annullament ta’ att adottat mill-Kummissjoni Ewropea, li bih din tal-aħħar stabbilixxiet b’rata ta’ żero euro l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur għal tliet kategoriji ta’ tiġieġ sħaħ iffriżati.

2        Il-prinċipji li jirregolaw il-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni huma rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament “Waħdieni dwar l-OKS”) (ĠU L 299, p. 1), kif emendat.

3        Il-Kapitolu III, “Esportazzjonijiet”, tal-Parti III, “Kummerċ ma’ pajjiżi terzi”, tar-Regolament Nru 1234/2007 jinkludi Taqsima II, “Rifużjonijiet ta’ esportazzjoni” dedikata lill-imsemmija ħlasijiet lura. L-Artikolu 162 tar-regolament jipprovdi li, sa fejn ikun meħtieġ sabiex l-esportazzjonijiet ikunu jistgħu jseħħu abbażi ta’ kwotazzjonijiet jew prezzijiet fis-suq dinji u fi ħdan il-limiti li jirriżultaw minn ftehim konklużi skont l-Artikolu 218 TFUE, id-differenza bejn dawk il-kwotazzjonijiet jew prezzijiet u prezzijiet fl-Unjoni Ewropea jistgħu jkunu koperti minn rifużjoni ta’ esportazzjoni għal prodotti li jaqgħu, b’mod partikolari, taħt is-settur tal-laħam tat-tjur.

4        Skont l-Artikolu 164(1) tar-Regolament Nru 1234/2007, ir-rifużjonijiet ta’ esportazzjoni għandhom ikunu l-istess għall-Unjoni kollha. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, ir-rifużjonijiet għandhom ikunu ffisati mill-Kummissjoni. Ir-rifużjonijiet jistgħu jkunu ffissati: u jistgħu jkunu f’intervalli regolari jew, għal ċerti prodotti, permezz ta’ sejħa għal appalt. Dan il-paragrafu jipprovdi wkoll li, ħlief fejn iffissati b’appalt, il-lista ta’ prodotti li għalihom tingħata rifużjoni tal-esportazzjoni u l-ammont ta’ din ir-rifużjonijiet għandha tkun stabbilita tal-inqas darba kull tliet xhur.

5        L-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 huwa fformulat kif ġej:

“Wieħed jew aktar mill-aspetti li ġejjin għandu jittieħed in konsiderazzjoni meta jkunu qed jiġu ffissati rifużjonijiet għal ċertu prodott:

(a)       is-sitwazzjoni eżistenti u x-xejra futura fir-rigward ta’:

–        prezzijiet u disponibbiltà ta' dak il-prodott fis-suq Komunitarju,

–        prezzijiet għal dak il-prodott fis-suq dinji.

(b)       l-għanijiet ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni li huma li jkun żgurat l-ekwilibriju u l-iżvilupp naturali ta’ prezzijiet u kummerċ f’dan is-suq;

(ċ)       il-ħtieġa li jiġu evitat disturbi li x’aktarx joħolqu żbilanċ prolungat bejn il-provvista u d-domanda fis-suq Komunitarju;

(d)       l-aspett ekonomiku ta’ l-esportazzjonijiet proposti;

(e)       il-limiti li jirriżultaw minn ftehim konklużi skond l-Artikolu [218 TFUE];

(f)       il-ħtieġa li jkun stabbilit bilanċ bejn l-użu ta’ prodotti bażiċi Komunitarji fil-manifattura ta’ oġġetti pproċessati għal esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, u l-użu ta’ prodotti ta’ pajjiżi terzi li ddaħħlu taħt ftehim ta’ proċessar;

(g)       l-aktar spejjeż favorevoli ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ trasport minn swieq Komunitarji għal portijiet Komunitarji jew postijiet oħra ta’ esportazzjoni flimkien ma l-ispejjeż sabiex jintbagħtu lill-pajjiżi ta’ destinazzjoni;

h)       id-domanda fis-suq Komunitarju;

i)       fir-rigward tas-setturi tal-laħam tal-majjal, bajd u tjur, id-differenza bejn il-prezzijiet fil-Komunità u l-prezzijiet fis-suq dinji għall-kwantità ta’ feed grain input meħtieġ għall-produzzjoni fil-Komunità tal-prodotti ta’ dawk is-setturi.”

6        Konformement ma’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni ffissat perjodikament, permezz ta’ regolamenti ta’ implementazzjoni, l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur.

7        Mill-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 525/2010, tas-17 ta’ Ġunju 2010, li jistabbilixxi r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 152, p. 5), l-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet lura kien is-suġġett ta’ tnaqqis progressiv, fir-rigward tat-tliet kategoriji ta’ tiġieġ iffriżati. L-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni tnaqqsu minn EUR 40/100 kg għal EUR 32.5/100 kg. Dan l-ammont tal-aħħar, wara li nżamm għal tmien regolamenti ta’ implementazzjoni suċċessivi, sussegwentement tnaqqas għal EUR 21.70/100 kg bis-saħħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 962/2012, tat-18 ta’ Ottubru 2012, li jiffissa r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 288, p. 6).

8        Tnaqqis ġdid, li ġab l-ammont tal-ħlasijiet lura għal EUR 10.85/100 kg għat-tliet kategoriji ta’ tiġieġ iffriżati inkwistjoni sar mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 33/2013, tas-17 ta’ Jannar 2013, li jiffissa r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 14, p. 15). Sussegwentement dan l-ammont inżamm mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2013, tat-18 ta’ April 2013, li jiffissa r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 109, p. 27).

9        Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 689/2013, tat-18 ta’ Lulju 2013, li jiffissa r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 196, p. 13, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet b’rata ta’ żero euro l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni għal tliet kategoriji ta’ tiġieġ sħaħ iffriżati, li l-kodiċijiet tagħhom huma 0207 12 10 9900, 0207 12 90 9190 u 0207 12 90 9990.

10      L-ammont tal-ħlasijiet lura għas-sitt prodotti l-oħra – essenzjalment flieles – riprodotti fl-anness tar-regolament ikkontestat, li kien ġie ffissat għal żero mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1056/2011, tal-20 ta’ Ottubru 2011, li jistabbilixxi r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 276, p. 31), ma ġiex emendat.

11      Skont l-anness tar-regolament ikkontestat, id-destinazzjonijiet ikkonċernati mill-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni huma, b’mod partikolari, il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani.

12      Ir-regolament ikkontestat barra minn hekk ħassar ir-Regolament Nru 360/2013 li kien jiffissa sa dak iż-żmien il-livell ta’ ħlasijiet lura għas-settur inkwistjoni.

13      Il-premessi 1 sa 3 tar-regolament ikkontestat huma fformulati kif ġej:

“(1)       Skont l-Artikolu 162(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, id-differenza bejn il-prezzijiet fis-suq dinji tal-prodotti msemmija fil-parti XX tal-Anness I għar-Regolament imsemmi u l-prezzijiet fl-Unjoni għal dawk l-istess prodotti tista’ tkun koperta minn rifużjoni tal-esportazzjoni.

(2)       Fid-dawl tal-qagħda attwali tas-suq tal-laħam tat-tjur, jeħtieġ li jiġu ffissati rifużjonijiet tal-esportazzjoni f’konformità mar-regoli u l-kriterji pprovduti fl-Artikoli 162, 163, 164, 167 u 169 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)       L-Artikolu 164(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li r-rifużjonijiet jistgħu jvarjaw skont id-destinazzjoni, speċjalment fejn dan ikun meħtieġ minħabba fis-sitwazzjoni tas-suq dinji, il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti swieq, jew l-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu [218 TFUE].”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2013, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat dan ir-rikors.

15      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, stiednet lill-partijiet biex jirrispondu bil-miktub għal domandi. Il-partijiet wieġbu għal din it-talba fit-terminu impost.

16      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tirriżerva l-ispejjeż.

 Id-dritt

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Franċiża tqajjem żewġ motivi, bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

19      Ir-Repubblika Franċiża targumenta li, fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunament tagħha b’mod ċar u inekwivoku u, konsegwentement, ma ppermettietx lill-persuni kkonċernati li jiddefendu d-drittijiet tagħhom u għall-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kienet marbuta tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu peress li r-regolament ikkontestat kien imur ferm lil hinn mir-regolament preċedenti.

20      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Franċiża.

 Fuq il-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni

21      Skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni rikjesta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jagħrfu r-raġunijiet wara l-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 1997, Irish Farmers Association et, C‑22/94, Ġabra, EU:C:1997:187, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, Ġabra, EU:C:2003:125, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l‑portata tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min‑natura tal‑att inkwistjoni u li, fir‑rigward ta’ atti li jkollhom portata ġenerali, il‑motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is‑sitwazzjoni globali li wasslet għall‑adozzjoni tiegħu u, min‑naħa l‑oħra, l‑għanijiet ġenerali li dan l‑att huwa intiż li jilħaq (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑304/01, Ġabra, EU:C:2004:495, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Barra minn hekk, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonali mal-possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ terminu li fihom din għandha tittieħed (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1965, Schwarze, 16/65, Ġabra, EU:C:1965:117).

24      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza jirriżulta li r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata deċiżjoni li ssegwi linja ta’ deċiżjonijiet stabbilita sew jistgħu jingħataw fil-qosor, pereżempju b’referenza għal dawk id-deċiżjonijiet (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra, EU:C:1990:71, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Silos, C‑228/99, Ġabra, EU:C:2001:599, punt 28). Fis-sentenza Delacre et vs Il Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (EU:C:1990:71, punt 19), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ir-riferiment tad-deċiżjoni kkontestata għall-bażijiet legali applikabbli kien jissodisfa r-rekwiżit tal-motivazzjoni u li l-emenda tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni meta mqabbla ma’ sejħiet individwali għall-offerti preċedenti ma kellhiex tkun is-suġġett ta’ motivazzjoni speċifika. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 17 ta’ dik is-sentenza, li l-iffissar tal-ammonti massimi tal-għajnuna “[kien] jikkostitwixxi proċedura uniformi li [kienet] tirrepeti lilha nnifisha madwar kull ħmistax-il jum, li fil-kuntest tagħha d-deċiżjonijiet [kienu] jintervjenu fuq il-bażi ta’ kriterji espliċiti ta’ leġiżlazzjoni barra minn hekk perfettament magħrufa mill-ambjenti kkonċernati u ma [kinux] differenti sensibbilment minn xulxin la fir-rigward tal-mod tal-adozzjoni tagħhom lanqas fir-rigward tal-kontenut tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija l-awtorità tal-Unjoni li għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu meta d-deċiżjoni tmur ħafna iktar ’il bogħod mid-deċiżjonijiet preċedenti (ara s-sentenza Delacre et vs Il‑Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, EU:C:1990:71, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Silos, punt 24 iktar ’il fuq, EU:C:2001:599, punt 28).

26      Fis-sentenza Silos, punt 24 iktar ’il fuq (EU:C:2001:599, punt 29), li hija invokata mir-Repubblika Franċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-motivazzjoni ta’ regolament li jiffissa għal żero l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fis-settur taċ-ċereali ma kinitx tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-motivazzjoni ta’ dan ir-regolament, identika għal dik tar-regolament preċedenti li bih il-Kummissjoni kienet żiedet l-ammont tal-ħlasijiet lura dwar il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi ġabithom għal ECU 74.93 għal kull tunnellata, ma kienet ipprovdiet l-ebda spjegazzjoni partikolari fir-rigward tar-raġunijiet li kienu wasslu lill-Kummissjoni, ġimgħa wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, li tħassar de facto l-imsemmija ħlasijiet lura billi tnaqqas l-ammont tagħhom għal ECU 0 għal kull tunnellata. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 30 ta’ dik is-sentenza, li s-sempliċi riferiment għall-possibbiltajiet u għall-kundizzjonijiet ta’ bejgħ fis-suq globali, għan-neċessità li jiġu evitati tfixkiliet fis-suq tal-Unjoni u għall-aspett ekonomiku tal-esportazzjonijiet ma jistax, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti għal regolament li kien waqaf mill-prattika abitwali tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura abbażi tad-differenza bejn il-prezz tal-prodotti kkonċernati fis-suq tal-Unjoni, minn naħa, u dawn il-prezzijiet fis-suq globali, min-naħa l-oħra.

27      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Schwarze, punt 23 iktar ’il fuq, (EU:C:1965:117), li fil-qasam agrikolu, l-użu ta’ motivazzjonijiet standard huwa, taħt ċerti kundizzjonijiet, aċċettabbli.

28      Barra minn hekk, jirriżulta mis-sentenza Delacre et vs Il‑Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, (EU:C:1990:71, punti 15, 17 u 19), li r-riferiment, fil-motivazzjoni ta’ att, “għall-bażijiet legali applikabbli” jista’ jkun suffiċjenti sa fejn dan l-att ikun konformi ma’ prattika deċiżjonali stabbilita.

29      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Silos (C‑228/99, Ġabra, EU:C:2001:196), permezz ta’ prattika tas-soltu, wieħed għandu jifhem l-aġir li l-Kummissjoni tadotta b’mod stabbilit, fid-dawl taċ-ċirkustanzi prevalenti fis-suq.

 Fuq in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat

30      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat tikkorrispondi għal motivazzjoni standard. Kif ir-Repubblika Franċiża tenfasizza, din il-motivazzjoni hija identika għal dik tar-regolamenti preċedenti, li kienu iffissaw l-ammont tal-ħlasijiet lura, rispettivament, għal EUR 32.50/100 kg, għal EUR 21.70/100 kg u għal EUR 10.85/100 kg (ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq).

31      Għandu jiġi kkonstatat li, ladarba n-natura perjodika tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni u l-proċedura uniformi applikabbli għall-adozzjoni tar-regolamenti rispettivi, motivazzjoni standard hija, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq, ammissibbli sa fejn il-Kummissjoni taġixxi konformement mal-prattika tagħha abitwali matul l-iffissar ta’ dan l-ammont. Ir-Repubblika Franċiża tammetti barra minn hekk, fil-punt 31 tal-att, li r-regolament ikkontestat ikun konformi ma’ deċiżjoni stabbilita u li, fuq din il-bażi, jista’ fil-prinċipju jkun motivat fil-qosor. Hija tqis, madankollu, li l-Kummissjoni kienet marbuta tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu peress li r-regolament ikkontestat kien imur ferm lil hinn mir-regolament preċedenti.

32      Għalhekk għandu jiġi analizzat jekk il-Kummissjoni aġixxiet konformement mal-prattika tagħha abitwali, billi ffissat l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjonijiet fir-regolament ikkontestat.

 Fuq il-prattika abitwali tal-Kummissjoni

33      B’risposta għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni spjegat fid-dettall il-prattika abitwali li kienet issegwi, fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur.

34      B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat li l-prattika tagħha abitwali kienet tikkonsisti li jitwettaq, minn naħa, kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, ibbażat fuq id-differenza bejn il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet fis-suq globali u, min-naħa l-oħra, analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq.

35      Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li, fir-rigward tat-tiġieġ sħaħ iffriżati, id-differenza tal-prezz hija kkalkolata, minn naħa, fuq il-bażi tad-differenza bejn il-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid fi Franza kkalkolat fuq bażi fob (frank abbord) u l-prezz tal-bejgħ għal destinazzjoni (prezz dinji miżmum) li huwa l-prezz trażmess mill-operaturi u, min-naħa l-oħra, fuq il-bażi tad-differenza bejn il-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid fi Franza kkalkolat fuq bażi fob u l-prezz Brażiljan, meta huwa disponibbli u aġġornat.

36      Hija rrilevat li l-analiżi tas-suq li hija kienet qed twettaq kienet tikkonsisti f’ġabra l-iktar kompleta possibbli tad-data ekonomika tas-settur li tinkludi b’mod partikolari l-iżvilupp tal-prezz medju ta’ kull ġimgħa tat-tiġieġ fl-Unjoni; il-varjazzjoni fil-perċentwali tal-prezzijiet tat-tiġieġ; il-prezzijiet f’termini ta’ fażola tas-soja, tal-qamħ u tal-qamħ għalf; ir-rati tal-kambju; il-prezzijiet tal-ingredjenti bażiċi; l-iżviluppi tal-għalf ipproċessat; it-tbassir tal-produzzjoni u l-produzzjoni tat-tiġieġ; l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.

37      Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li, fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi kollha, kien possibbli li wieħed jasal għal konklużjonijiet globali fuq is-sitwazzjoni tas-suq li kienu jinkludu: il-produzzjoni fl-Unjoni, il-prezzijiet tal-laħam tat-tjur fis-suq tal-Unjoni, il-marġni tal-produtturi Ewropej abbażi tal-ispejjeż tal-ikel, is-sitwazzjoni tal-esportazzjonijiet u tal-importazzjonijiet għas-suq tal-Unjoni inklużi għall-esportazzjonijiet bi ħlasijiet lura, is-sitwazzjoni u l-prezz fuq is-swieq internazzjonali (il-Brażil u l-Istati Uniti) filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rati tal-kambju.

38      Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, din tal-aħħar kienet tiddeduċi l-ammont tal-ħlas lura mit-taħlita ta’ dawn iż-żewġ elementi, jiġifieri l-kalkolu teoretiku u l-analiżi tas-suq.

39      Fir-rigward tal-konsegwenzi li wieħed għandu jasal għalihom mis-sentenza Silos, punt 24 iktar ’il fuq (EU:C:2001:599), u b’mod partikolari mill-punt 30 tal-imsemmija sentenza, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fir-rigward tas-settur taċ-ċereali, li l-prattika abitwali tal-Kummissjoni li kienet tikkonsisti fl-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura abbażi tad-differenza bejn il-prezz tal-prodotti kkonċernati fis-suq tal-Unjoni, minn naħa, u dawn il-prezzijiet fis-suq globali, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat li hija kienet tiffissa l-ammont tal-ħlasijiet lura “abbażi ta’” din id-differenza ta’ prezz f’dan is-sens li din tal-aħħar kienet tikkostitwixxi element li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni. Hija rrilevat li l-prattika tagħha abitwali ma kienet qatt ikkonsistiet li jittieħed inkunsiderazzjoni esklużivament dan l-element biss u li jiġu ffissati l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni sal-livell tad-differenza bejn il-prezz tas-suq tal-Unjoni u l-prezz tas-suq globali, iżda li hija ħadet dejjem inkunsiderazzjoni l-kriterji l-oħra għall-iffissar tal-ħlasijiet lura indikati mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

40      Interrogata f’dan ir-rigward matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża ma kkontestatx li l-prattika abitwali tal-Kummissjoni kienet tikkonsisti li twettaq, minn naħa, kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni u, min-naħa l-oħra, analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq, konformement mal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni b’risposta għad-domandi bil-miktub li sarulha.

41      Għalhekk għandha tiġi analizzata l-kwistjoni jekk, matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ċċaħdet mill-prattika tagħha abitwali, dik li hija ddeskriviet. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni kienet iċċaħdet, matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, mill-prattika tagħha abitwali, il-motivazzjoni standard li hija pprovdiet fir-regolament ikkontestat ma kinitx suffiċjenti, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq.

 Fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni ċċaħdet mill-prattika tagħha abitwali

42      B’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali magħmula matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża ma kkontestatx li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqet, minn naħa, kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni u, min-naħa l-oħra, analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq. Ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax li l-Kummissjoni segwiet, minn perspettiva formali, il-proċedura tas-soltu għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fir-regolament ikkontestat.

43      Ir-Repubblika Franċiża tibbaża ruħha fuq żewġ elementi biex tiddikjara li r-regolament ikkontestat imur ferm lil hinn mir-regolament preċedenti. L-ewwel nett, hija tiddikjara li l-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura jikkostitwixxi miżura bla preċedent għall-prodotti inkwistjoni. It-tieni nett, hija targumenta li l-Kummissjoni waqfet mill-prattika tagħha abitwali billi bbażat ruħha, matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, fuq il-kuntest intern u fuq il-kuntest internazzjonali.

–       Fuq l-argument fir-rigward tal-eżistenza ta’ miżura bla preċedent

44      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni waqfet mill-prattika deċiżjonali tagħha għaliex l-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni jikkostitwixxi miżura bla preċedent għall-prodotti inkwistjoni.

45      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-fatt biss li dan l-ammont ġie ffissat għall-ewwel darba għal żero għall-prodotti inkwistjoni ma jfissirx awtomatikament li l-Kummissjoni waqfet mill-prattika tagħha abitwali.

46      L-emenda tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni hija inerenti għas-sistema tal-iffissar perjodiku tal-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet lura, b’mod li l-istess motivazzjoni tista’ tkopri ammonti tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni differenti ħafna.

47      Għandu wkoll jiġi rrilevat li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-ammont assolut tat-tnaqqis kien tal-istess portata bħal dak taż-żewġ tnaqqisiet preċedenti (minn EUR 32.50/100 kg għal EUR 21.70/100 kg u sussegwentement għal EUR 10.85/100 kg). Barra minn hekk, għal prodotti oħra tas-settur tat-tjur, essenzjalment il-flieles, l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni kien diġà ġie ffissat għal żero fl-2011.

48      Sa fejn ir-Repubblika Franċiża targumenta li l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fir-regolamenti preċedenti kien jikkonċerna prodotti li jaqgħu taħt il-kategorija tal-annimali ħajjin li ma humiex paragunabbli mal-laħam tat-tjur li huwa s-suġġett tal-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fir-regolament ikkontestat, u li r-regolamenti preċedenti kienu intiżi għall-esportazzjonijiet lejn id-destinazzjonijiet kollha bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti jibbażaw fuq interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kunċett ta’ “miżura bla preċedent”. Ma huwiex possibbli li jiġi ddikjarat li, kull darba li l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni għal prodott u destinazzjoni determinata huwa għall-ewwel darba ffissat għal żero, jirrigwarda miżura bla preċedent. Is-settur tat-tjur ġie kkaratterizzat minn tnaqqis progressiv tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni u, għal parti mill-prodotti li taqa’ taħt dan is-settur, l-ammont tal-ħlasijiet lura kien diġà ġie ffissat għal żero.

49      Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ma jistax għalhekk jiġi kklassifikat f’daqqa. It-tnaqqis tal-ammont tal-imsemmija ħlasijiet lura minn EUR 10.85/100 kg għal 0 euro ma huwiex strutturalment differenti mit-tnaqqisiet preċedenti ta’ EUR 32.50/100 kg għal EUR 21.70/100 kg u sussegwentement għal EUR 10.85/100 kg.

50      Sa fejn ir-Repubblika Franċiża tibbaża fuq is-sentenza Silos, punt 24 iktar ’il fuq (EU:C:2001:599), għandu jiġi rrilevat li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma bbażatx lilha nnifisha fuq l-unika ċirkustanza li l-ammont kien ġie ffissat għal żero sabiex jiġi kkonstatat li r-regolament inkwistjoni kien waqaf mill-prattika abitwali tal-Kummissjoni li kienet tikkonsisti fl-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni abbażi tad-differenza bejn il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet fis-suq globali. Hija bbażat lilha nnifisha wkoll fuq iċ-ċirkustanza li, ġimgħa biss qabel l-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni f’din il-kawża, il-Kummissjoni żiedet l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni biex iġġibu għal ECU 74.93 għal kull tunnellata. F’din il-kawża, għalhekk kien jirrigwarda tnaqqis f’daqqa tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, li apparentement ma setax jiġi spjegat minn emenda tas-sitwazzjoni tas-suq.

51      F’dan il-każ, it-tnaqqis ma jistax jiġi kklassifikat f’daqqa, għaliex huwa kien irreġistrat fil-kuntest ta’ tnaqqis progressiv tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni u għaliex l-ammont assolut tat-tnaqqis kien jikkorrispondi għal dak tat-tnaqqisiet preċedenti.

52      Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża ammettiet, matul is-seduta, li l-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ma kellux ikun motivat speċjalment meta huwa kien ordnat minn data ekonomika. Għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel parti tat-tieni motiv (ara l-punti 87 sa 142 li ġejjin), il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq, ma kienx neċessarju li jiġu ffissati l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv.

53      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Franċiża fir-rigward tal-eżistenza ta’ miżura “bla preċedent” li jmur ferm lil hinn mir-regolamenti preċedenti peress li l-ammont tal-ħlasijiet lura għall-ewwel darba ġie ffissat għal żero għal ċerti prodotti.

–       Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest intern u tal-kuntest internazzjonali.

54      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni waqfet mill-prattika tagħha abitwali billi bbażat lilha nnifisha, matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, fuq il-kuntest intern u fuq il-kuntest internazzjonali, jiġifieri fuq il-perspettiva tad-dħul fis-seħħ futur tal-politika agrikola komuni (PAK) il-ġdida u fuq ir-riżultat mistenni tan-negozjati internazzjonali li jikkonċernaw il-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

55      Il-Kummissjoni ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest intern u tal-kuntest internazzjonali ma jaqax taħt bidla fil-prattika għaliex jirrigwarda elementi li jagħmlu parti mill-kuntest ġenerali u li huma għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul kull iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura abbażi tal-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007.

56      Fir-rigward ta’ din l-aħħar dikjarazzjoni, ir-Repubblika Franċiża ssostni li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa inkoerenti, sa fejn din tal-aħħar tiddikjara, fil-punt 38 tar-risposta, li hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest intern u l-kuntest internazzjonali, filwaqt li, fil-punti 59 u 61 tar-risposta, hija tiddikjara biss li l-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi.

57      Għandu jiġi kkonstatat li ma jeżisti ebda obbligu għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni n-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO jew il-finalizzazzjoni tat-testi legali li jinkludu bidliet ta’ orjentazzjonijiet politiċi. Fil-fatt, xejn ma jobbliga lill-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, il-fatt li n-negozjati li jikkonċernaw it-tneħħija tagħhom huma kontinwi fi ħdan id-WTO, sakemm dawn in-negozjati ma wasslux għall-konklużjoni ta’ ftehim vinkolanti. Fir-rigward tal-iżvilupp tal-PAK, għandu jiġi rrilevat li huwa biss fis-17 ta’ Diċembru 2013 li regolament ġie adottat li jipprovdi, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, li l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv huma biss mogħtija f’każ ta’ kriżi [ara l-Artikolu 196(1) u (3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 232(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u Nru 1234/2007 (ĠU L 347, p. 671)]. Il-Kummissjoni ma kienet b’ebda mod obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-orjentazzjonijiet politiċi l-ġodda, matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, qabel l-1 ta’ Jannar 2014, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda inkwistjoni.

58      Madankollu, kien ċertament possibbli għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura, l-iżvilupp futur tal-PAK u n-negozjati fi ħdan id-WTO, għalkemm dawn l-elementi ma humiex espliċitament previsti mill-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 (ara, għal iktar dettalji, punti 143 sa 158 iktar ’il quddiem).

59      Madankollu għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-Kummissjoni, meta tieħu inkunsiderazzjoni elementi li ma humiex espliċitament previsti mill-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, għandha ssemmi espressament dawn l-elementi fil-motivazzjoni ta’ regolament li jiffissa l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-adozzjoni ta’ atti ta’ portata ġenerali tinsab dejjem f’kuntest politiku u ekonomiku ġenerali. Anki jekk l-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 jipprovdi espliċitament ċerti kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-adozzjoni ta’ regolament li jiffissa l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni sseħħ f’dan il-kuntest li jista’, jekk ikun il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

61      Għandu jiġi rrilevat li ma huwiex dejjem neċessarju li jissemma dan il-kuntest ġenerali fil-motivazzjoni ta’ regolament. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li huwa ċertament normali li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest politiku u ekonomiku ġenerali, l-uniku fatt li hija tagħmel dan ma timplikax li taġixxi barra mill-prattika tagħha abitwali. Barra minn hekk, il-kuntest politiku u ekonomiku ġenerali huwa normalment magħruf tal-operaturi kkonċernati.

62      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

63      Fl-ewwel lok, in-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO li jikkonċernaw tħassir jew limitazzjoni tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni jagħmlu parti mill-kuntest ġenerali li ma għandux neċessarjament jissemma fil-motivazzjoni ta’ regolament li jiffissa l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

64      Fil-fatt, peress li s-sistema tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni hija s-suġġett ta’ kritiki fil-livell internazzjonali u peress li l-Kummissjoni hija impenjata, ikkundizzjonata mill-konklużjoni ta’ ftehim, li tneħħi l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, dan jinvolvi element li jista’ jeżerċita influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni. Għandu jiġi osservat li l-impenn, ikkundizzjonat mill-konklużjoni ta’ ftehim, li jitneħħew il-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni għall-aħħar tas-sena 2013, diġà kien ittieħed fl-2005 fil-kuntest taċ-ċiklu ta’ Doha tad-WTO.

65      Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, essenzjalment, in-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO jagħmlu parti mill-kuntest li huwa magħruf tal-operaturi kkonċernati. Fil-fatt, huwa naturali li l-operaturi attivi fil-qasam tal-esportazzjoni tat-tjur lejn pajjiżi terzi jsegwu mill-qrib in-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO li jikkonċernaw il-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

66      Dawn in-negozjati kontinwi jagħmlu parti minn kuntest ġenerali li jista’ jwassal lill-Kummissjoni li jkollha t-tendenza li turi lilha nnifisha iktar eżitanti matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

67      Fid-dawl tal-fatt li huwa normali li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni tan-negozjati kontinwi ma timplikax li l-Kummissjoni waqfet mill-prattika abitwali tagħha.

68      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-orjentazzjonijiet politiċi futuri, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

69      Fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ir-riforma tal-PAK kien is-suġġett ta’ ftehim politiku u t-testi leġiżlattivi kienu s-suġġett ta’ raffinament.

70      Skont dan il-ftehim politiku, il-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv kien ikollhom biss jingħataw f’każ ta’ kriżi (ara, fir-rigward tar-regolament f’dan is-sens, li ġie adottat fl-20 ta’ Diċembru 2013, punt 57 iktar ’il fuq).

71      Madankollu, ftehim politiku fuq l-orjentazzjonijiet futuri tal-PAK jagħmel parti mill-kuntest politiku u ekonomiku ġenerali li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Fil-fatt, jekk huwa prevedibbli li l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ser ikun f’futur fil-qrib iffissat b’mod permanenti għal żero, ħlief fil-każ ta’ kriżi fis-suq, dan jista’ jwassal lill-Kummissjoni li jkollha tendenza li tbaxxi l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

72      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-orjentazzjonijiet politiċi futuri jagħmlu parti mill-kuntest ġenerali li huwa magħruf tal-operaturi kkonċernati.

73      It-teħid inkunsiderazzjoni tan-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO u orjentazzjonijiet politiċi futuri ma kienx jinneċessita għalhekk li jissemma b’mod espliċitu fil-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, ħlief jekk dawn l-elementi kienu jagħmlu parti mhux biss tal-kuntest politiku u ekonomiku, li ttieħed inkunsiderazzjoni matul l-iffissar tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, iżda kienu l-loġika wara r-regolament ikkontestat.

74      F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża ammettiet, matul is-seduta, li l-Kummissjoni kienet ikkalkolat l-ammont teoretiku tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mill-analiżi tat-tieni motiv li l-Kummissjoni wettqet analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq li ppermettitilha li tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li s-sitwazzjoni fis-suq kienet stabbli u li ma kienx neċessarju li jiġu ffissati ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv (ara l-punti 87 sa 142 iktar l-isfel).

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm ebda raġuni li wieħed jaħseb li n-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO u l-orjentazzjonijiet politiċi futuri kienu l-loġika wara r-regolament ikkontestat.

76      Matul is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li l-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni kien jispjega ruħu bl-analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq u li la n-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO u lanqas l-orjentazzjonijiet futuri tal-PAK ma kienu elementi ewlenin matul dan l-iffissar.

77      Ir-Repubblika Franċiża ddikjarat, matul is-seduta, li l-Kummissjoni kienet ħierġa mill-analiżi ekonomika billi imponiet l-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni biex tkun konformi mal-pożizzjoni tagħha fin-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO, ikun li jkun ir-riżultat tal-analiżi ekonomika.

78      Madankollu r-Repubblika Franċiża ma qajmitx argumenti li jippermettu li tiġi kkonfermata din it-teżi. Sakemm ir-Repubblika Franċiża tiddikjara li l-Kummissjoni kienet hija stess aċċettat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar indikat biss li n-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO u l-orjentazzjonijiet il-ġodda tal-PAK kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, iżda li hija qatt ma ddikjarat li kienu jikkostitwixxu jew il-loġika jew inkella fatturi prinċipali tal-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura. Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid, minn perspettiva ekonomika, li ħlas lura huwa neċessarju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument ma huwiex fondat, kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel parti tat-tieni motiv. Il-fatt biss li l-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta lok għal riżultat pożittiv b’ebda mod ma jeskludi li l-analiżi tas-suq iwassal lill-Kummissjoni li tiffissa għal żero l-ammont tal-ħlasijiet lura (ara punti 94 sa 99 iktar ’il quddiem). Iċ-ċirkustanza li kienet teżisti diverġenza bejn ir-riżultat tal-kalkolu teoretiku u l-ammont li ġie ffissat fir-regolament ikkontestat ma tippermettix għalhekk li jiġi kkunsidrat li n-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO jew l-orjentazzjonijiet futuri tal-PAK ikkostitwixxew jew il-loġika jew inkella element prinċipali tal-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

79      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma ċċaħditx mill-prattika abitwali tagħha u kienet tista’ għalhekk tillimita lilha nnifisha li tipprovdi motivazzjoni standard, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, u li t-teħid inkunsiderazzjoni tan-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO u orjentazzjonijiet politiċi futuri ma kellhomx bżonn li jissemmew b’mod speċifiku fil-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat.

 Fuq l-argumenti l-oħra mqajma mir-Repubblika Franċiża

80      Ir-Repubblika Franċiża tikkritika lill-Kummissjoni li kienet limitata li telenka l-elementi li fuqhom, skont l-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, hija obbligata li tibbaża lilha nnifisha matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, mingħajr ma tispeċifika fuq liema minn dawn l-elementi kienet b’mod iktar partikolari bbażata u lanqas l-evalwazzjoni li kienet setgħet tagħmel. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tosserva ġustament li hija ma hijiex obbligata li telenka f’ordni ta’ importanza l-kriterji li fuqhom ibbażat b’mod iktar partikolari d-deċiżjoni tagħha jew li tindika ipoteżijiet fattwali li żammet insostenn tal-analiżi tagħha.

81      Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li, fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni b’ebda mod ma speċifikat l-elementi li fuqhom kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha u li din il-motivazzjoni hija ekwiparabbli għal assenza ta’ motivazzjoni.

82      Għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-punt 19 tas-sentenza Delacre et vs Il‑Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq (EU:C:1990:71), li, peress li motivazzjoni standard hija biżżejjed għaliex il-Kummissjoni kienet tinsab matul l-adozzjoni tal-att inkwistjoni fi prattika deċiżjonali stabbilita, ir-riferiment fl-att inkwistjoni “għall-bażijiet legali applikabbli” kien jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni semmiet il-bażijiet legali applikabbli għall-iffissar tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fil-premessi tar-regolament ikkontestat, b’mod partikolari fil-premessa 2.

83      Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża targumenta li, fil-każ fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, b’mod partikolari l-obbligu li tkun motivata d-deċiżjoni b’mod suffiċjenti, għandha importanza iktar fundamentali.

84      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sentenzi ċċitati fil-punti 24 u 28 iktar ’il fuq, li jipprovdu li huwa possibbli għall-Kummissjoni li tirrikorri għall-motivazzjonijiet standard meta hija titqiegħed fil-kuntest ta’ prattika deċiżjonali stabbilita, li kienu jikkonċernaw każijiet li jaqgħu taħt il-qasam tal-agrikoltura. Din il-ġurisprudenza ma tistax għalhekk tkun imminata minħabba li l-Kummissjoni għandha ġeneralment, f’dan il-qasam, marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni.

85      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat kienet suffiċjenti. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007

86      It-tieni motiv jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tas-sitwazzjoni tas-suq u, it-tieni waħda, li l-Kummissjoni manifestament qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha billi ħadet inkunsiderazzjoni, għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, l-elementi mhux previsti fl-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tas-sitwazzjoni tas-suq

87      Ir-Repubblika Franċiża tqis li, billi tikkunsidra li s-sitwazzjoni tas-suq kienet tiġġustifika ffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

88      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Franċiża.

89      Għandu preliminarjament jitfakkar, li l‑leġiżlatur tal‑Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar‑responsabbiltajiet politiċi mogħtija lilu taħt l‑Artikoli 40 TFUE sa 43 TFUE. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat għall-verifika ta’ jekk il-miżura inkwistjoni hijiex ivvizzjata bi żball manifest jew b’abbuż ta’ poter jew jekk l-awtorità inkwistjoni qabżitx, b’mod manifest, il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle, C‑545/11, Ġabra, EU:C:2013:169, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq ċerti premessi li fuqhom huwa bbażat ir-raġunament tar-Repubblika Franċiża

90      Għandu jiġi rrilevat li l-argumentazzjoni tar-Repubblika Franċiża hija bbażata fuq premessa żbaljata li tikkonċerna l-loġika wara l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

91      Ir-Repubblika Franċiża ssostni, fir-replika, li mill-Artikolu 162(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 jirriżulta li l-loġika wara l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni hija li tkopri d-differenza bejn il-kwotazzjonijiet jew il-prezzijiet tas-suq globali u l-prezzijiet fl-Unjoni.

92      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-loġika wara l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni hija li tippermetti lill-Unjoni li tbigħ l-eċċessi tagħha, preżenti fis-suq domestiku, tal-prodott inkwistjoni lejn pajjiż terz (ara d-digriet tas-26 ta’ Settembru 2013, Tilly-Sabco vs Il‑Kummissjoni, T‑397/13 R, EU:T:2013:502, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-għan tas-sistema tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ma hijiex li tissussidja esportatur ikun min ikun, iżda li tiffaċilita, jekk ikun meħtieġ, l-esportazzjonijiet fil-kuntest tat-twettiq tal-għanijiet tal-PAK, kif previsti fl-Artikolu 39 TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, biex is-swieq jiġu stabbilizzati u biex jiġi żgurat livell tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola kif ukoll prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi (digriet Tilly-Sabco vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, EU:T:2013:502, punt 30).

93      Il-fatt li tiġi koperta d-differenza bejn il-kwotazzjonijiet jew il-prezzijiet tas-suq globali u l-prezzijiet fl-Unjoni ma hijiex għalhekk il-loġika wara l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, iżda biss motiv li jservi biex jippermetti lill-Unjoni li tbigħ l-eċċessi tagħha lejn pajjiż terz biex tiżgura, b’mod partikolari, l-istabbiltà tas-suq tagħha. B’hekk, l-Artikolu 164(3)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007 jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni “l-għanijiet ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni li huma li jkun żgurat l-ekwilibriju u l-iżvilupp naturali ta’ prezzijiet u kummerċ f’dan is-suq”.

94      L-argumentazzjoni tar-Repubblika Franċiża hija, barra min hekk, ibbażata fuq il-premessa li tipprovdi li l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-prodott ikkunsidrat fi ħdan l-Unjoni u fis-suq globali jikkostitwixxu fattur ewlieni matul l-iffissar tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

95      Matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża żiedet tgħid li l-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, ibbażat fuq id-differenza bejn il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet fis-suq globali, kien jikkostitwixxi fattur ewlieni matul l-iffissar tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni u li l-ammont tal-ħlas lura li jirriżulta mill-kalkolu teoretiku jista’ biss jiġi “aġġustat” minħabba l-analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq. Hija tikkunsidra barra minn hekk li huwa biss f’każ ta’ kriżi gravi fis-suq li l-analiżi tas-suq għandu preċedenza fuq ir-riżultat tal-kalkolu teoretiku. Fil-fehma tagħha, l-analiżi tas-suq jista’ dejjem “jvarja bi ftit” l-ammont tal-ħlas lura, iżda l-unika ipoteżi, li fiha huwa possibbli għall-Kummissjoni li ma tagħtix ħlas lura minkejja li ħlas lura huwa “neċessarju” hija l-ipoteżi ta’ defiċit tal-laħam tat-tjur fis-suq tal-Unjoni.

96      Madankollu, dawn il-premessi huma żbaljati. Fil-fatt, skont il-kliem tal-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni “wieħed jew aktar” mill-elementi previsti minn din id-dispożizzjoni. Skont dawn il-kliem, huwa possibbli wkoll għall-Kummissjoni li tibbaża lilha nnifisha fuq wieħed biss mill-elementi previsti minn din id-dispożizzjoni. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tistabbilixxi ġerarkija bejn dawn l-elementi differenti. Xejn ma jeskludi li l-Kummissjoni tista’ tagħti importanza partikolari, pereżempju, lill-element li jinsab fl-Artikolu 164(3)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007, jiġifieri, “l-għanijiet ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni li huma li jkun żgurat l-ekwilibriju u l-iżvilupp naturali ta’ prezzijiet u kummerċ f’dan is-suq”. Il-Kummissjoni tista’ għalhekk, matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, tagħti iktar importanza lir-riżultat tal-analiżi tas-suq milli lir-riżultat tal-kalkolu teoretiku.

97      Id-dikjarazzjoni tar-Repubblika Franċiża li tgħid li l-analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq tippermetti biss li “jiġi aġġustat” ir-riżultat tal-kalkolu ma ssib ebda sostenn fir-Regolament Nru 1234/2007. Dan japplika wkoll għat-teżi tar-Repubblika Franċiża li tgħid li l-unika ipoteżi li fiha huwa possibbli għall-Kummissjoni li ma tawtorizzax il-ħlas lura minkejja li ħlas lura huwa “neċessarju” hija l-ipoteżi ta’ defiċit fil-laħam tat-tjur fis-suq tal-Unjoni.

98      Għandu jiġi rrilevat li, meta r-Repubblika Franċiża tagħmel riferiment, f’dan il-kuntest, għal “ħlas lura neċessarju”, huwa fir-rigward tar-riżultat tal-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlas lura. Dan il-kalkolu teoretiku jikkonċerna biss il-kwistjoni jekk ħlas lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv huwa “neċessarju” għall-esportaturi tal-laħam tat-tjur sabiex ikunu f’pożizzjoni li jbigħu l-prodotti tagħhom fir-reġjuni kkonċernati permezz ta’ dawn il-ħlasijiet lura. Madankollu, fil-kuntest tal-analiżi globali tas-sitwazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tikkunsidra s-sitwazzjoni partikolari tal-impriżi esportaturi. Anki jekk ħlas lura tal-esportazzjoni huwa “neċessarju” għall-esportaturi sabiex ikunu f’pożizzjoni li jbigħu l-prodotti tagħhom, dan ma jfissirx li huwa “neċessarju” fid-dawl tas-sitwazzjoni globali tas-suq, li jiġu ffissati l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv.

99      Huwa possibbli li l-analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq tippermetti lill-Kummissjoni li tikkunsidra li s-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni hija stabbli u li ma huwiex neċessarju li jiġu ffissati l-ħlasijiet lura ta’ ammont pożittiv biex is-swieq jiġu stabbilizzati u biex jiġi żgurat livell tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola. F’din is-sitwazzjoni, huwa possibbli għall-Kummissjoni li ma tagħtix ħlasijiet lura tal-esportazzjoni jew li tiffissa l-ammont tagħhom għal żero, anki jekk ir-riżultat tal-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni huwa pożittiv. Tali ipoteżi ma hijiex limitata għal sitwazzjonijiet li fihom jeżisti defiċit tal-laħam tat-tjur jew kriżi gravi fis-suq tal-Unjoni.

100    Għandhom jiġu analizzati issa l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha matul l-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet tagħha pprovduti matul din il-proċedura, u, sussegwentement, li jiġu analizzati l-argumenti konkreti mqajma mir-Repubblika Franċiża insostenn tal-argumentazzjoni tagħha li tgħid li l-Kummissjoni evalwat is-sitwazzjoni tas-suq b’mod manifestament żbaljat.

 Fuq l-elementi li fuqhom ibbażat il-Kummissjoni matul l-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni

101    Il-Kummissjoni rrilevat, fir-risposta, li, matul l-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fir-regolament ikkontestat, b’mod partikolari hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin:

–        il-prezzijiet tal-laħam tat-tjur fis-suq domestiku kienu għoljin, sostnuti minn domanda domestika qawwija;

–        il-profitti tal-produtturi abbażi tal-ispiża tal-ikel kienu ’il fuq mill-medju storiku minkejja prezz tal-ikel għoli minn diversi xhur; barra minn hekk, l-ispiża taċ-ċereali, wara li laħqet livelli storiċi, kellha titbaxxa;

–        l-esportazzjonijiet mal-ħlasijiet lura kienu komplew jiżdiedu minkejja tliet tnaqqisiet suċċessivi tal-ammont tal-ħlasijiet lura (minn 7 % għall-ewwel ħames xhur tas-sena 2013);

–        l-esportazzjonijiet tal-laħam tat-tjur kienu żdiedu (minn 0.6 % fil-volum u minn 1 % fil-valur għall-ewwel ħames xhur tas-sena 2013), inklużi dawk tal-prodotti mingħajr ħlasijiet lura li kienu jirrappreżentaw l-ikbar parti mill-esportazzjonijiet, li wera l-kompetittività tas-settur;

–        il-perspettivi ta’ żvilupp tas-suq kienu tajbin bi previżjonijiet ta’ tkabbir Ewropew tal-produzzjoni tal-laħam tat-tjur ta’ 0.7 %, imbuttat miż-żieda tad-domanda fis-suq domestiku u fis-suq internazzjonali;

–        min-naħa l-oħra, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet għoljin tat-tiġieġ fis-suq domestiku, tal-ispiża għolja tal-ikel u tad-devalwazzjoni tar-Real Brażiljan (BRL), id-differenzjali tal-prezzijiet mat-tjur mill-Brażil kien stmat għal EUR 44.73/100 kg;

–        ittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tar-rati tal-kambju.

102    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq u tal-iżvilupp tiegħu, il-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ma kinux neċessarji biex jiżguraw l-ekwilibriju tas-suq, b’mod partikolari fl-Unjoni, kif ukoll l-iżvilupp naturali ta’ prezzijiet.

103    Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni jirriżulta li, għalkemm ir-riżultat tal-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura ġie pożittiv, hija kkunsidrat li s-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni kienet stabbli u li kien neċessarju li jiġu ffissati l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv biex tkun żgurata l-istabbiltà fis-suq u l-iżvilupp naturali ta’ prezzijiet. Għalhekk hija tat importanza partikolari lill-kriterju li jidher fl-Artikolu 164(3)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007.

104    Għandu jiġi rrilevat li l-elementi bħal żieda fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, l-eżistenza ta’ profitt tal-produtturi tal-Unjoni ogħla mill-medja storika u żieda tal-esportazzjonijiet huma elementi li kienu jippermettu fil-prinċipju għall-Kummissjoni li tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li s-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni kienet stabbli u li ma kienx neċessarju li jiġu ffissati l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-suq.

105    Għalhekk għandhom jiġu analizzati l-argumenti konkreti mqajma mir-Repubblika Franċiża dwar żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li wettqet il-Kummissjoni.

 Fuq l-argumenti konkreti mqajma mir-Repubblika Franċiża li jikkonċernaw l-evalwazzjoni manifestament żbaljata tas-sitwazzjoni tas-suq.

106    Ir-Repubblika Franċiża ssostni li, fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet fi ħdan l-Unjoni u tal-prezzijiet fis-suq globali tal-prodott ikkunsidrat, l-analiżi mressqa mill-Kummissjoni matul il-laqgħa tat-18 ta’ Lulju 2013 tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli fuq il-bażi ta’ dokument intitolat “EU Market situation for poultry” (is-sitwazzjoni tas-suq tat-tjur tal-Unjoni; iktar ’il quddiem id-“dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni”) hija manifestament żbaljata.

107    Ir-Repubblika Franċiża tirrileva li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-prezzijiet tal-laħam tat-tjur fis-suq kienu żdiedu. Hija tiddikjara li, b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-varjabbli li jkollha r-rata tal-kambju bejn l-euro u d-dollaru tal-Istati Uniti (USD) u li teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-varjabbli kien iwassal lill-Kummissjoni li tikkonstata li l-prezzijiet globali tal-laħam tat-tjur kienu baqgħu stabbli globalment jew mill-inqas kienu żdiedu biss bi ftit.

108    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tirrileva li l-prezzijiet tal-laħam tat-tjur fis-suq globali għaddew minn xi USD 185/100 kg sa USD 204/100 kg matul is-sena li ppreċediet l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, jiġifieri żieda ta’ 9.3 %, iżda li din iż-żieda ġiet f’parti l-kbira kkumpensata mill-evalwazzjoni ta’ 6.5 % tal-euro kkonfrontat mad-dollaru tal-Istati Uniti matul l-istess perijodu.

109    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, li, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni d-data f’ċifri pprovduta mir-Repubblika Franċiża, ma jidhirx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat żieda tal-prezzijiet fis-suq globali. Ir-Repubblika Franċiża tammetti li ż-żieda fil-prezzijiet ta’ 9.3 % “f’parti l-kbira”, iżda mhux integralment, ġiet ikkompensata mir-rivalutazzjoni tal-euro kkofrontat mad-dollaru tal-Istati Uniti. Għandu jiġi rrilevat li żieda, anki jekk relattivament baxxa, tibqa’ żieda.

110    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċifri li jikkonċernaw il-prezzijiet fis-suq globali li fuqhom tibbaża r-Repubblika Franċiża (żieda minn USD 185/100 kg sa USD 204/100 kg) li tikkorrispondi għaċ-ċifri li ġew ikkomunikati mill-operaturi lill-Kummissjoni, kif ikkonfermat ir-Repubblika Franċiża b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali magħmula matul is-seduta. Huwa fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ għal destinazzjoni, jiġifieri lil-Lvant Nofsani. Għalhekk huwa fir-rigward tad-data biċ-ċifri meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni matul kalkolu tal-ammont teoretiku tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

111    Matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża rrilevat li r-riżultat tal-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura mwettqa mill-Kummissjoni kien jikkorrispondi, fil-konjizzjoni tagħha, ftit fil-qrib taċ-ċifra li għaliha kienu waslu l-operaturi kkonċernati. Għalhekk ir-Repubblika Franċiża ma tiddikjarax li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu teoretiku. B’mod partikolari, hija ma tiddikjarax li l-Kummissjoni kkalkolat b’mod ħażin l-ammont teoretiku tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni minħabba assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-varjazzjonijiet tar-rati tal-kambju, matul il-paragun tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u fis-suq globali.

112    Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li l-Kummissjoni stmat bi żball, fuq il-bażi tad-data li tidher fil-paġna 18 tad-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni, li l-prezz tal-laħam tat-tjur kien żdied fis-suq globali, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

113    Il-paġna 18 tad-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni turi l-iżvilupp tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, tal-Istati Uniti u tal-Brażil. Dawn il-prezzijiet huma kollha espressi f’euros, li jfisser li jieħdu inkunsiderazzjoni l-varjazzjoni tar-rati tal-kambju tad-dollaru tal-Istati Uniti u tar-real Brażiljan fir-rigward tal-euro.

114    Għandu jiġi rrilevat li d-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni jikkonċerna fuq kollox l-analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq. Fil-kuntest tal-analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-impriżi li jesportaw il-prodotti kkonċernati mill-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni lejn id-destinazzjonijiet ikkonċernati, iżda hija tista’ tikkunsidra s-sitwazzjoni globali tas-suq.

115    L-għażla tal-Kummissjoni li ma tippreżentax lill-Kumitat ta’ Ġestjoni l-prezzijiet tal-bejgħ tal-esportaturi lil-Lvant Nofsani tista’ tiġi spjegata bil-fatt li d-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni ma huwiex intiż sabiex jispjega l-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, iżda fuq kollox li jippreżenta s-sitwazzjoni tas-suq. B’risposta għal domanda magħmula f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża kkonfermat li hija kienet konxja tal-prattika tal-Kummissjoni li tikkonsisti li żżomm internament id-dettalji tal-kalkolu tal-ammont teoretiku tal-ħlasijiet lura kif ukoll ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu u li ma tikkomunikax dawn l-elementi lill-Kumitat ta’ Ġestjoni.

116    Matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża qajmet il-kwistjoni għaliex il-Kummissjoni ma tissottomettix lill-Kumitat ta’ Ġestjoni d-data li fuqha hija tibbaża l-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni kif ukoll ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża ma qajmitx motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kumitat ta’ Ġestjoni kien ġie mqarraq fuq punt essenzjali mill-ommissjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni. Barra minn hekk ir-Repubblika Franċiża ma targumentax li hija stess jew Stat Membru ieħor kien għamel domanda fir-rigward tal-kalkolu teoretiku matul il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Ġestjoni u li l-Kummissjoni kienet irrifjutat li tirrispondi għal din id-domanda.

117    Ir-Repubblika Franċiża targumenta barra minn hekk li t-tnaqqis tal-prezzijiet tal-laħam tat-tjur fis-suq Brażiljan matul is-sena preċedenti għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, kif hija tidher fid-data biċ-ċifri li tidher fil-paġna 18 sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni, kellu effett ħafna iktar b’saħħtu fil-prezzijiet globali miż-żieda fil-prezzijiet fis-suq Amerikan, kif hija tidher ukoll fid-data biċ-ċifri li tidher f’din l-istess paġna, b’mod li l-prezzijiet globali tal-laħam tat-tjur ma kinux żdiedu matul is-sena preċedenti għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

118    Dan l-argument ma setax jiġi aċċettat. Jekk huwa eżatt li l-prezzijiet fil-Brażil jittieħdu inkunsiderazzjoni matul il-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, meta huma disponibbli u aġġornati (ara punt 35 iktar ’il fuq), din ma tfissirx li, fil-kuntest tal-analiżi tas-sitwazzjoni globali tas-suq, il-Kummissjoni hija obbligata li tibbaża l-analiżi tagħha li tikkonċerna l-iżvilupp tal-prezz fis-suq globali qabel kollox fuq il-prezzijiet fil-Brażil.

119    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-paġna 18 tad-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni turi l-iżvilupp tal-prezzijiet fuq perijodu twil, jiġifieri fuq il-perijodu mill-2009 sal-2013.

120    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni ma huwiex intiż li jispjega l-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, iżda fuq kollox li jippreżenta s-sitwazzjoni globali tas-suq. Jekk il-kalkolu teoretiku jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-prezzijiet fuq perijodu qasir, huwa possibbli għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, biex tevalwa s-sitwazzjoni tas-suq, l-iżvilupp tal-prezzijiet fuq perijodu twil.

121    Mill-paġna 18 tad-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni jirriżulta ċarament li t-tendenza fuq perijodu twil tal-prezzijiet tat-tiġieġ fl-Unjoni u fl-Istati Uniti kienet għal żieda.

122    Fir-rigward il-prezzijiet tat-tiġieġ fil-Brażil, mill-paġna 18 tad-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni jirriżulta li, fl-aħħar tal-perijodu kkunsidrat, kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet. Madankollu, ma kienx hemm tendenza għat-tnaqqis tal-prezzijiet fil-Brażil, għalkemm il-perijodu kollu kkunsidrat mill-2009 sal-2013 ittieħed inkunsiderazzjoni.

123    Fid-dawl tat-tendenza ċara għaż-żieda fil-prezzijiet tat-tiġieġ fl-Istati Uniti, u fl-assenza ta’ tendenza għat-tnaqqis fil-prezzijiet fil-Brażil fuq perijodu twil, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat li l-prezzijiet fis-suq globali kienu żdiedu.

124    Ir-Repubblika Franċiża tiddikjara li l-Kummissjoni kien imissha pparagunat, minn naħa, il-prezzijiet tal-laħam tat-tjur fis-suq tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-laħam tat-tjur fil-Lvant Nofsani.

125    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ipparagunat dawn il-prezzijiet, u dan fil-kuntest tal-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

126    L-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li tali paragun kien imissu neċessarjament wassal lill-Kummissjoni biex iżżomm inkella li żżid l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-kalkolu teoretiku għandu jikkostitwixxi fattur ewlieni matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni u li tgħid li l-analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq tippermetti biss li “jiġi aġġustat” dan l-ammont.

127    Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża targumenta li, minħabba d-devalwazzjoni tar-real Brażiljan li seħħet fl-2012, il-prezzijiet tal-laħam tat-tjur fil-Lvant Nofsani pjuttost kienu jistgħu jnaqqsu u li, fi kwalunkwe każ, ma kinux jistgħu jżidu u wisq inqas iżidu b’mod ikbar, il-prezzijiet tal-laħam tat-tjur fis-suq tal-Unjoni. Hija ssostni li l-Kummissjoni kien imissha tikkonstata li d-distakk bejn il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet fis-suq tal-Lvant Nofsani ma kienx jista’ jitnaqqas u li kien anki probabbli li tali distakk jiżdied fuq il-perijodu li ġej u li, konsegwentement, it-teħid inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, tal-perspettivi ta’ żvilupp tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u fis-suq globali kien imissu jwassal lill-Kummissjoni, matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, li żżomm, inkella li żżid, l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni għal-laħam tat-tjur.

128    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-distakk bejn, minn naħa, il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-bejgħ lil-Lvant Nofsani jikkonċerna l-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni. L-argument tar-Repubblika Franċiża huwa għalhekk ibbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultat tal-kalkolu teoretiku bħala fattur ewlieni matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

129    Wieħed għandu jżid jgħid li l-argument tar-Repubblika Franċiża jerġa’ jiddikjara li ż-żieda fil-prezzijiet fi ħdan l-Unjoni kienet fattur li kellu jwassal lill-Kummissjoni li żżid l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, għaliex din iż-żieda żiedet id-distakk bejn il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet fil-Lvant Nofsani, u għalhekk ir-riżultat tal-kalkolu teoretiku. Madankollu, din l-argumentazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li żieda fil-prezzijiet tal-prodott inkwistjoni fis-suq tal-Unjoni huwa fattur li jsostni sitwazzjoni stabbli f’dan is-suq u għalhekk jista’ jkun wieħed mill-fatturi li jista’ jwassal lill-Kummissjoni li ma tagħtix ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, jew li tiffissa għal żero l-ammont tagħhom. Fil-fatt, sitwazzjoni diġà stabbli fis-suq tal-Unjoni tista’ twassal lill-Kummissjoni li tikkunsidra li l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv ma humiex neċessarji biex ibigħu l-eċċessi u jiżguraw l-istabbiltà tas-suq.

130    Ir-Repubblika Franċiża tiddikjara barra minn hekk li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ż-żieda sensittiva ħafna tal-prezz taċ-ċereali u tas-soja fis-suq globali, li għandha bħala effett mekkaniku li żżid l-ispiża tal-ikel tat-tjur u, konsegwentement, iżżid b’mod sensittiv ħafna l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-laħam tat-tjur għal dawk li jrabbu fl-Unjoni.

131    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-profitti tal-produtturi abbażi tal-ispiża tal-ikel kienu ’il fuq mill-medja storika minkejja prezz tal-ikel għoli minn diversi xhur; barra minn hekk, l-ispiża taċ-ċereali, wara li laħqet livelli storiċi, fil-fehma tagħha, kellha titbaxxa.

132    Għandu jiġi rrilevat li, fil-paġni 8 u 9 tad-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni, l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-ikel għat-tiġieġ huwa indikat. Barra minn hekk, il-paġna 10 tal-istess dokument tindika l-profitt tal-produtturi abbażi tal-ispiża tal-ikel tat-tiġieġ.

133    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm l-ebda raġuni li wieħed jaħseb li ż-żieda tal-ispiża tal-ikel ma ttiħditx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

134    Mistoqsija fuq dan il-punt matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża llimitat lilha nfisha li tiddikjara li l-fatt biss li l-Kummissjoni kienet indikat iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fit-tabella sottomessa lill-Kumitat ta’ Ġestjoni ma kinitx turi li hija kienet effettivament ħadet inkunsiderazzjoni dan il-fattur.

135    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li huwa l-obbligu tar-Repubblika Franċiża li għandha turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Id-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni, li ġie prodott mir-Repubblika Franċiża fl-anness għar-rikors tagħha u li fuqu hija tibbaża, turi l-analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq magħmula mill-Kummissjoni u għalhekk tagħti informazzjoni fuq il-fatturi li din tal-aħħar ħadet inkunsiderazzjoni matul din l-analiżi. Jekk ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li fattur ma tteħidx inkunsiderazzjoni, għalkemm jidher fid-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni, hija l-obbligu tagħha li tipprovdi fatturi konkreti li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni xorta ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan il-fattur.

136    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanza li l-profitt tal-produtturi abbażi tal-ispiża tal-ikel kienu ’il fuq mill-medja storika, minkejja żieda tal-ispiża tal-ikel, kien preċiżament fattur ewlieni favur sitwazzjoni stabbli fis-suq tal-Unjoni. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali ċirkustanza tfisser li l-Kummissjoni neċessarjament ħadet inkunsiderazzjoni ż-żieda tal-ispiża tal-ikel, li jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi ta’ dan il-kalkolu.

137    It-tielet nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, id-differenza ta’ prezz hija kkalkolata fuq il-bażi tad-differenza bejn il-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid fi Franza kkalkolat fuq bażi fob u l-prezz tal-bejgħ għal destinazzjoni (ara punt 35 iktar ’il fuq). It-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispiża ta’ bejgħ mill-ġdid ifisser li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-ikel. Kif spjegat il-Kummissjoni, b’risposta għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid fi Franza huwa kkalkolat billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispiża tal-ikel, l-ispiża tat-tjur ħajjin, l-ispiża tat-tjur mejta, l-ispiża tal-“biċċerija” u l-ispiża tal-iffissar ta’ fob. Barra minn hekk għandu jitfakkar li r-Repubblika Franċiża ma tiddikjarax li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni (ara punt 111 iktar ’il fuq).

138    B’risposta għall-argument imqajjem mill-Kummissjoni fir-risposta, li jgħid li l-esportazzjonijiet tal-laħam tat-tjur kienu żdiedu, ir-Repubblika Franċiża tiddikjara li, b’żieda tal-esportazzjonijiet tal-laħam tat-tjur ta’ 0.6 % fil-volum u ta’ 1 % fil-valur għall-ewwel ħames xhur tas-sena 2013, il-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat li l-esportazzjonijiet kienu baqgħu stabbli f’dan il-perijodu.

139    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li żieda, anki jekk baxxa, tibqa’ żieda. Kien possibbli għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni żieda, anki baxxa, tal-esportazzjonijiet bħala fattur militanti kontra n-neċessità li jiġu ffissati ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv.

140    Finalment, ir-Repubblika Franċiża argumentat, matul is-seduta, li s-sitwazzjoni tas-suq f’Lulju 2013 kienet l-istess bħal f’April u bħal Jannar 2013.

141    Madankollu, ir-Repubblika Franċiża ma ssostanzjatx din id-dikjarazzjoni permezz ta’ argumenti konkreti. Barra minn hekk, mid-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni jirriżulta li s-sitwazzjoni tas-suq f’Lulju 2013 ma kinitx identika għal dik li kienet tipprevali f’April jew f’Jannar 2013. Pereżempju, mill-paġna 10 tad-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Ġestjoni jirriżulta li l-profitti tal-produtturi abbażi tal-ispiża tal-alimenti kienu ogħla f’Lulju 2013 milli f’April jew f’Jannar 2013.

142    Minn dan kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet manifestament qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha billi ħadet inkunsiderazzjoni, matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, fatturi mhux previsti fl-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007

143    Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l-Kummissjoni hija obbligata, matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod esklużiv fatturi li jidhru fost dawk elenkati fl-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, peress li din il-lista hija limitattiva. Hija tqis li, billi ħadet inkunsiderazzjoni, matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-kuntest domestiku u l-kuntest internazzjonali, jiġifieri l-eżistenza ta’ ftehim politiku fuq ir-riforma tal-PAK u l-eżistenza, fil-kuntest tan-negozjati taċ-ċiklu ta’ Doha tad-WTO, ta’ impenn, ikkundizzjonat mill-konklużjoni ta’ ftehim, li twaqqaf il-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fatturi mhux previsti fl-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 u għalhekk qabżet manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

144    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Franċiża.

145    L-argumentazzjoni tar-Repubblika Franċiża hija bbażata fuq il-premessa li tgħid li l-elenku, li jidher fl-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, ta’ fatturi li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni tagħhom matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura hija limitattiva.

146    Għalhekk għandu jiġi analizzat jekk din il-premessa hija korretta.

147    Għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni adottata fl-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 hija flessibbli biżżejjed. Fil-fatt, skont dan il-paragrafu, “[w]ieħed jew aktar mill-aspetti li ġejjin għandu jittieħed in konsiderazzjoni meta jkunu qed jiġu ffissati rifużjonijiet għal ċertu prodott […]”.

148    Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni mill-inqas wieħed mill-aspetti elenkati minn dan l-artikolu. Madankollu, minn din il-formulazzjoni ma jirriżultax li l-lista ta’ dawn l-aspetti hija limitattiva. Il-formulazzjoni li tgħid li “għandu jittieħed in konsiderazzjoni” ma topponix għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ aspetti oħra.

149    Il-flessibbiltà tal-formulazzjoni magħżula timmilita kontra n-natura limitattiva tal-elenku. Barra minn hekk, din il-flessibbiltà hija kkonfermata minn verżjonijiet lingwistiċi oħra tad-dispożizzjoni inkwistjoni. B’hekk, il-verżjoni Ingliża, “One or more of the following aspects shall be taken into account when refunds for a certain product are being fixed”, u l-verżjoni Ġermaniża, “Die Ausfuhrerstattungen werden je nach Erzeugnis unter Berücksichtigung eines oder mehrerer der folgenden Faktoren festgesetzt”, jikkonfermaw li l-Kummissjoni hija biss marbuta li “tieħu in konsiderazzjoni” wieħed jew iktar mill-aspetti elenkati, liema fatt ma jfissirx li hija għandha tibbaża lilha nnifisha b’mod esklużiv fuq dawn il-fatturi.

150    Barra minn hekk, il-fatt li, skont l-Artikolu 162(1) tar-Regolament Nru 1234/2007, l-għoti stess tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni hija fakultattiva, timmilita favur marġni wiesa’ ħafna ta’ diskrezzjoni u flessibbiltà kbira favur il-Kummissjoni meta tirrigwarda l-iffissar tal-ammont tagħhom.

151    Fil-fatt, huwa ftit konvinċenti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li lanqas xejn ma tagħti ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, u din mingħajr ma tkun kostretta li tibbaża din id-deċiżjoni fuq kriterji determinati, iżda li hija għandha, matul l-iffissar tal-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet lura, tieħu inkunsiderazzjoni b’mod esklużiv aspetti elenkati b’mod limitattiv.

152    Kuntrarjament għal dak li tiddikjara r-Repubblika Franċiża, l-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 ma jiġix mċaħħad mill-effettività tiegħu jekk il-lista ta’ aspetti elenkati minn din id-dispożizzjoni ma kinitx ikkunsidrata bħala limitattiva.

153    Fil-fatt, anki jekk l-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ aspetti oħra, jirriżulta minn dan il-paragrafu li l-Kummissjoni hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni (ukoll) mill-inqas wieħed mill-aspetti elenkati minn din id-dispożizzjoni.

154    Minn dan kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li l-premessa li fuqha r-Repubblika Franċiża tibbaża l-argumentazzjoni tagħha hija żbaljata.

155    B’mod superfluwu, għandu jiġi rrilevat li, kif tirrileva essenzjalment il-Kummissjoni, anki jekk l-elenku ta’ kriterji previsti fl-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 tqies li huwa limitattiv, dan ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest politiku u ekonomiku ġenerali.

156    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-adozzjoni ta’ atti ta’ portata ġenerali tinsab dejjem f’kuntest politiku u ekonomiku ġenerali u li huwa pjuttost normali l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni dan il-kuntest (ara punti 60 u 61 iktar ’il fuq).

157    Peress li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni orjentazzjonijiet politiċi futuri u negozjati kontinwi f’livell internazzjonali, matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni skont il-kriterji flessibbli previsti fl-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, din ma tfissirx li hija taqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, u dan anki jekk il-lista ta’ kriterji previsti mid-dispożizzjoni inkwistjoni tqieset li hija limitattiva. Fil-fatt, il-kuntest ġenerali jista’ dejjem jeżerċita influwenza fuq l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u elenku, anki limitattiv, tal-kriterji li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, ma jistax jipprekludiha li tieħu inkunsiderazzjoni dan il-kuntest ġenerali.

158    Minn dan kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-perspettivi ta’ riforma tal-PAK kif ukoll in-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO ma tistax tiġi kkritikata.

159    Għalhekk għandha tiġi miċħuda wkoll it-tieni parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

160    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

161    F’dan il-każ, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha “tirriżerva l-ispejjeż”. B’dan il-mod, hija ma talbitx validament għall-kundanna tar-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż. Fil-fatt, it-talba ssemmi li l-Qorti Ġenerali tirriżerva l-ispejjeż ma għandha ebda sens f’dan il-każ u hija ekwivalenti għal assenza ta’ talbiet fuq l-ispejjeż min-naħa tal-Kummissjoni.

162    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Jannar 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.