Language of document : ECLI:EU:T:2016:6

Kawża T‑549/13

Ir-Repubblika Franċiża

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Agrikoltura – Ħlas lura fuq l-esportazzjoni – Laħam tat-tjur – Iffissar tal-ħlas lura għal żero euro – Obbligu ta’ motivazzjoni – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tillimita lilha nnifisha għal motivazzjoni standard – Prattika abitwali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-iffissar tal-ħlasijiet lura – Artikolu 164(3) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Natura mhux limitattiva tal-kriterji previsti”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Jannar 2016

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li ssegwi d-direzzjoni ta’ deċiżjonijiet preċedenti – Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja – Deċiżjoni li tiffissa l-ammont tal-ħlasijiet lura għall-esportazzjoni

(Paragrafu 2 tal-Artikolu 296 TFUE)

2.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Iffissar tal-ammonti – Iffissar tal-ammont għal żero għall-ewwel darba għall-prodotti kkonċernati – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 164(3) ; Regolament tal-Kummissjoni Nru 689/2013)

3.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Iffissar tal-ammonti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp futur tal-politika agrikola komuni u tan-negozjati għaddejin fi ħdan id-WTO fir-rigward tal-abolizzjoni jew għal-limitazzjoni tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 164(3) ; Regolament tal-Kummissjoni Nru 689/2013.)

4.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikoli 40 TFUE sa 43 TFUE)

5.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Suġġett

(Artikolu 39 TFUE)

6.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Iffissar tal-ammonti – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 162(1) u Artikolu 164(3)

7.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Iffissar tal-ammonti – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq – Kalkolu teoretiku bbażat fuq id-differenza bejn il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet fis-suq dinji – Obbligu li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari tal-impriżi li jesportaw – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 164(3)(a))

1.      Ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata deċiżjoni li ssegwi linja ta’ deċiżjonijiet stabbilita sew jistgħu jingħataw fil-qosor, pereżempju b’referenza għal dawk id-deċiżjonijiet. Min-naħa l-oħra, hija l-awtorità tal-Unjoni li għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu meta d-deċiżjoni tmur ħafna iktar ’il bogħod mid-deċiżjonijiet preċedenti. B’hekk, peress li motivazzjoni standard hija biżżejjed sa fejn il-Kummissjoni kienet tinsab matul l-adozzjoni tal-att inkwistjoni fi prattika deċiżjonali stabbilita, ir-riferiment fl-att inkwistjoni għall-bażijiet legali applikabbli kien jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni. Permezz ta’ prattika tas-soltu, wieħed għandu jifhem l-aġir li l-istituzzjoni kkonċernata tadotta b’mod stabbilit, fid-dawl taċ-ċirkustanzi prevalenti fis-suq.

F’dan ir-rigward, ladarba n-natura perjodika tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni u l-proċedura uniformi applikabbli għall-adozzjoni tar-regolamenti rispettivi, motivazzjoni standard hija ammissibbli sa fejn il-Kummissjoni taġixxi konformement mal-prattika tagħha abitwali matul l-iffissar ta’ dan l-ammont. Din il-konklużjoni ma tistax għalhekk tkun imminata minħabba li l-Kummissjoni għandha ġeneralment, fil-qasam tal-agrikoltura, marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni.

(ara l-punti 24, 25, 29, 31, 82, 84)

2.      Fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mill-Kummissjoni, l-fatt biss li dan l-ammont ġie ffissat għall-ewwel darba għal żero għall-prodotti inkwistjoni ma jfissirx awtomatikament li l-Kummissjoni waqfet mill-prattika tagħha abitwali. F’dan ir-rigward, l-emenda tal-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni hija inerenti għas-sistema tal-iffissar perjodiku tal-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet lura, b’mod li l-istess motivazzjoni tista’ tkopri ammonti tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni differenti ħafna.

(ara l-punti 45, 46)

3.      Fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mill-Kummissjoni, xejn ma jobbliga lil din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li n-negozjati li jikkonċernaw it-tneħħija tal-imsemmija ħlasijiet lura huma kontinwi fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), sakemm dawn in-negozjati ma wasslux għall-konklużjoni ta’ ftehim vinkolanti. Min-naħa l-oħra, huwa ċertament possibbli għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura, l-iżvilupp futur tal-Politika Agrikola Komuni u n-negozjati fi ħdan id-WTO, għalkemm dawn l-elementi ma humiex espliċitament previsti mill-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli.

Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ atti ta’ portata ġenerali tinsab dejjem f’kuntest politiku u ekonomiku ġenerali. Anki jekk l-imsemmi Artikolu 164(3) jipprovdi espliċitament ċerti kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-adozzjoni ta’ regolament li jiffissa l-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni sseħħ f’dan il-kuntest li jista’, jekk ikun il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, ma huwiex dejjem neċessarju li jissemma dan il-kuntest ġenerali fil-motivazzjoni ta’ regolament. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li huwa ċertament normali li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest politiku u ekonomiku ġenerali, l-uniku fatt li hija tagħmel dan ma timplikax li taġixxi barra mill-prattika tagħha abitwali. Barra minn hekk, il-kuntest politiku u ekonomiku ġenerali huwa normalment magħruf tal-operaturi kkonċernati.

Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tan-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO u orjentazzjonijiet politiċi futuri ma kienx jinneċessita li jissemma b’mod espliċitu fil-motivazzjoni tar-Regolament Nru 689/2013, li jiffissa r-rifużjonijiet [l-ħlasijiet lura] tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur, ħlief jekk dawn l-elementi kienu jagħmlu parti mhux biss mill-kuntest politiku u ekonomiku, li ttieħed inkunsiderazzjoni matul l-iffissar tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, iżda kienu l-loġika wara dan ir-regolament.

F’dan ir-rigward, meta jeżisti ftehim politiku fuq l-orjentazzjonijiet futuri tal-Politika Agrikola Komuni, dan il-ftehim jagħmel parti mill-kuntest politiku u ekonomiku ġenerali li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Dan japplika wkoll għan-negozjati kontinwi fi ħdan id-WTO. Tali teħid inkunsiderazzjoni ma jfissirx li l-Kummissjoni taqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, u dan anki jekk il-lista ta’ kriterji previsti fl-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 tqieset li bħala limitattiva. Fil-fatt, il-kuntest ġenerali jista’ dejjem jeżerċita influwenza fuq l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u elenku, anki limitattiv, tal-kriterji li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, ma jistax jipprekludiha li tieħu inkunsiderazzjoni dan il-kuntest ġenerali.

(ara l-punti 57, 58, 60, 61, 66, 71, 73, 157)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 89)

5.      Il-loġika wara l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni hija li tippermetti lill-Unjoni li tbigħ l-eċċessi tagħha, preżenti fis-suq domestiku, tal-prodott inkwistjoni lejn pajjiż terz. L-għan tas-sistema tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma hijiex li tissussidja esportatur ikun min ikun, iżda li tiffaċilita, jekk ikun meħtieġ, l-esportazzjonijiet fil-kuntest tat-twettiq tal-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni, kif previsti fl-Artikolu 39 TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, biex is-swieq jiġu stabbilizzati u biex jiġi żgurat livell tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola kif ukoll prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi.

(ara l-punt 92)

6.      Fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, skont il-kliem tal-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni wieħed jew aktar mill-elementi previsti minn din id-dispożizzjoni. Skont dawn il-kliem, huwa possibbli wkoll għall-Kummissjoni li tibbaża lilha nnifisha fuq wieħed biss mill-elementi previsti minn din id-dispożizzjoni. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tistabbilixxi ġerarkija bejn dawn l-elementi differenti. Xejn ma jeskludi li l-Kummissjoni tista’ tagħti importanza partikolari, pereżempju, lill-element li jinsab fl-Artikolu 164(3)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007, jiġifieri, l-għanijiet tal-organizzazzjoni tas-suq komuni li huma li jkun żgurat l-ekwilibriju u l-iżvilupp naturali ta’ prezzijiet u kummerċ f’dan is-suq. Il-Kummissjoni tista’ għalhekk, matul l-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, tagħti iktar importanza lir-riżultat tal-analiżi tas-suq milli lir-riżultat tal-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, ibbażat fuq id-differenza bejn il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet fis-suq dinji.

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 164(3) jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni mill-inqas wieħed mill-aspetti elenkati minn dan l-artikolu. Madankollu, minn din il-formulazzjoni ma jirriżultax li l-lista ta’ dawn l-aspetti hija limitattiva. Barra minn hekk, il-fatt li, skont l-Artikolu 162(1) tar-Regolament Nru 1234/2007, l-għoti stess tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni hija fakultattiva, timmilita favur marġni wiesa’ ħafna ta’ diskrezzjoni u flessibbiltà kbira favur il-Kummissjoni meta tirrigwarda l-iffissar tal-ammont tagħhom.

(ara l-punti 96, 148, 150)

7.      Fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, il-kalkolu tal-ammont tal-imsemmija ħlasijiet lura, ibbażat fuq id-differenza bejn il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet fis-suq dinji, jikkonċerna biss il-kwistjoni jekk ħlas lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv huwa neċessarju għall-esportaturi fis-settur ikkonċernat sabiex ikunu f’pożizzjoni li jbiegħu l-prodotti tagħhom fir-reġjuni kkonċernati permezz ta’ dawn il-ħlasijiet lura. Madankollu, fil-kuntest tal-analiżi globali tas-sitwazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tikkunsidra s-sitwazzjoni partikolari tal-impriżi esportaturi. Anki jekk ħlas lura tal-esportazzjoni huwa neċessarju għall-esportaturi sabiex ikunu f’pożizzjoni li jbigħu l-prodotti tagħhom, dan ma jfissirx li huwa neċessarju fid-dawl tas-sitwazzjoni globali tas-suq, li jiġu ffissati l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv.

Għadaqstant, huwa possibbli li l-analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq tippermetti lill-Kummissjoni li tikkunsidra li s-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni hija stabbli u li ma huwiex neċessarju li jiġu ffissati l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv biex is-swieq jiġu stabbilizzati u biex jiġi żgurat livell tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola. F’din is-sitwazzjoni, huwa possibbli għall-Kummissjoni li ma tagħtix ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni jew li tiffissa l-ammont tagħhom għal żero, anki jekk ir-riżultat tal-kalkolu teoretiku tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni huwa pożittiv. Tali ipoteżi ma hijiex limitata għal sitwazzjonijiet li fihom jeżisti defiċit tal-prodott ikkonċernat jew kriżi gravi fis-suq tal-Unjoni.

(ara l-punti 98, 99)