Language of document : ECLI:EU:T:2016:107

Kawżi magħquda T‑546/13, T‑108/14 u T‑109/14

Ante Šumelj et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Adeżjoni tal-Kroazja fl-Unjoni – Tħassir qabel l-adeżjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-ħolqien tal-professjoni ta’ uffiċjal pubbliku ta’ eżekuzzjoni – Dannu subit mill-persuni li ġew preċedentement maħtura uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri maħsuba sabiex jiġu osservati l-obbligi tal-adeżjoni – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Artikolu 36 tal-Att ta’ adeżjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Frar 2016

1.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ksur mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ta’ obbligu legali li jaġixxu – Nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri maħsuba għall-osservanza tal-impenji tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja dwar is-sistema ġudizzjarja tagħha – Nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri li jippermettu t-twaqqif tat-tħassir ta’ liġi dwar l-uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li taġixxi – Assenza – Assenza ta’ illegalità ta’ natura li tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

(Artikolu 17(1) TUE; Artikolu 340 TFUE, it-tieni paragrafu; Att ta’ adeżjoni tal-2012, Artikolu 36 u Anness VII)

2.      Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Osservanza minn pajjiż terz tal-obbligi miftiehma – Kontroll mill-Kummissjoni tal-applikazzjoni korretta tal-ftehim

(Artikolu 17(1) TUE)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri li jippermettu t-twaqqif ta’ Stat Membru aderenti fl-Unjoni milli jħassar liġi li taqa’ taħt il-kuntest tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja prevista mill-att tiegħu ta’ adeżjoni fl-Unjoni – Appoġġ tal-Kummissjoni għall-adozzjoni tal-liġi – Assenza ta’ obbligu tal-Istat aderenti li jżomm il-liġi fis-seħħ – Assenza ta’ aspettattivi leġittimi

(Att ta’ adeżjoni tal-2012, Artikolu 36 u Anness VII)

1.      Fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, l-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni fil-każ biss meta l-istituzzjonijiet ikunu kisru obbligu legali li jaġixxu, naxxenti minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit tal-ksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lil individwi japplika wkoll fil-każ ta’ ommissjoni illegali.

Fir-rigward tal-impenji assunti mir-Repubblika tal-Kroazja fil-kuntest tal-Anness VII tal-Att ta’ adeżjoni tagħha, marbuta mal-implementazzjoni ta’ għodda ġudizzjarja indipendenti u effiċjenti u mar-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, hija biss l-inosservanza ta’ dawn l-impenji li tista’ tagħti lok għall-obbligu tal-Kummissjoni li taġixxi. F’dan ir-rigward, inkonnessjoni mal-impenn Nru 1, li jagħmel riferiment b’mod ġenerali għall-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja u pjan ta’ azzjoni tal-awtoritajiet Kroati, mingħajr ebda speċifikazzjoni oħra, minnu ma jirriżulta l-ebda obbligu għall-awtoritajiet Kroati li jistabbilixxu l-funzjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, l-istrateġija ta’ riforma u l-pjan ta’ azzjoni ċċitati fl-Anness VII tal-Att ta’ adeżjoni ma jagħmlux riferiment għall-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja u għall-pjan ta’ azzjoni fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tat-Trattat ta’ adeżjoni li jipprovdu għall-istabbiliment tal-funzjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni, peress b’mod partikolari li spiss matul il-perijodu ta’ segwitu tal-impenji ta’ adeżjoni, jiġu adottati mill-Istat aderenti, miżuri addizzjonali jew korrettivi, b’mod partikolari fil-każ ta’ riżultati diżappuntanti kkonstatati mill-Kummissjoni. Madankollu minn dan ma jistax jiġi dedott li l-awtoritajiet Kroati għandhom il-libertà sħiħa sabiex jemendaw l-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tat-Trattat ta’ adeżjoni. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Att tal-adeżjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 36 u l-Anness VII tiegħu, dawn l-awtoritajiet huma obbligati li josservaw mhux biss l-impenn Nru 1, iżda wkoll l-impenji l-oħra kollha previsti fl-imsemmi anness, b’mod partikolari l-impenji Nru 2, Nru 3, Nru 6 u Nru 9.

Fir-rigward tal-impenn Nru 3, dan jirrigwarda biss l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u bl-ebda mod ma jimponi l-attribuzzjoni tal-kompetenza ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji lil korp, b’mod partikolari, skont proċeduri ddefiniti minn qabel. Fil-fatt, is-sistema ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fl-Istati Membri ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, ma taqax taħt l-acquis tal-Unjoni li għandu jiġi adottat mill-Istat aderenti. It-Trattati bħall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu ċerti prinċipji li għandhom jirregolaw il-ġustizzja mogħtija fl-Istati Membri, bħall-imparzjalità tal-qrati jew il-preżunzjoni tal-innoċenza, kif ukoll ċerti regoli maħsuba sabiex jiżguraw il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, sa fejn neċessarju permezz tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. B’hekk ma jistax jiġi dedott mill-impenn Nru 3, l-obbligu li jafdaw il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni lil aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni. L-uniku obbligu impost fuq l-awtoritajiet Kroati huwa dak li tiġi żgurata l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni indipendentement mill-motivi stabbiliti sabiex dan jitwettaq.

Konsegwentement ma jirriżulta minn ebda impenn tal-Anness VII tal-Att ta’ adeżjoni, l-obbligu tar-Repubblika tal-Kroazja li tistabbilixxi l-professjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni u, għaldaqstant, lanqas l-obbligu tal-Kummissjoni li tirrikorri, abbażi ta’ dan, għall-azzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tal-Att ta’ adeżjoni bil-għan li twaqqaf it-tħassir ta’ liġi li tipprevedi l-istabbiliment ta’ aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni. Isegwi wkoll li ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni, billi ma rrikorrietx għal dawn l-azzjonijiet, approvat it-tibdil tal-impenji ta’ adeżjoni bi ksur tat-trattat ta’ adeżjoni u tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, intitolat “Pacta sunt servanda”. Bl-istess mod, sa fejn l-imsemmi Artikolu 36 huwa intiż li jispeċifika l-obbligi tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 17 TUE fil-kuntest tal-adeżjoni fl-Unjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ġiet miksura.

(ara l-punti 42, 46-49, 51-54, 57, 71)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 70)

3.      Ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li huwa kien ingħata mill-amministrazzjoni. Tikkostitwixxi tali assigurazzjonijiet, informazzjoni preċiża, inkundizzjonali, konkordanti u li tkun naxxenti minn sorsi awtorizzati u affidabbli.

Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri maħsuba sabiex jiġu osservati l-obbligi tal-adeżjoni minn Stat li jkun ħassar liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni li l-adozzjoni tagħha kienet issegwi il-pjan ta’ azzjoni għar-riforma ġudizzjarja tal-imsemmi Stat, fis-seħħ fil-mument tal-iffirmar tat-Trattat ta’ adeżjoni fl-Unjoni u ċċitata fl-Att ta’ adeżjoni ta’ dan l-Istat, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni kienet ipparteċipat fl-iżvilupp tal-imsemmija liġi, li kienet iffinanzjatha, jekk anki tatha bidu, ma tistax, waħidha, tikkostitwixxi assigurazzjoni preċiża mogħtija mill-Kummissjoni li hija kienet tikkunsidra l-istituzzjoni ta’ aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni bħala l-unika waħda li tosserva l-impenji ta’ adeżjoni. Sabiex tali assigurazzjonijiet ikunu stabbiliti, dawn l-atti ta’ appoġġ inizjali favur il-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni kellhom, fid-dawl tal-assenza tal-obbligu tar-Repubblika tal-Kroazja li toħloq il-professjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni, ikunu kkompletati minn atti ulterjuri konkordanti u espliċiti f’dan is-sens.

(ara l-punti 73, 75)