Language of document : ECLI:EU:T:2011:493

Kawżi T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08

Regione autonoma della Sardegna (l-Italja) et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna favur l-industrija tal-lukandi fir-reġjun ta’ Sardegna — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Għajnuna ġdida — Obbligu ta’ motivazzjoni — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Effett ta’ inċentiv — Regola de minimis”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Intervent — Motivi differenti minn dawk tal-parti li qed tiġi sostnuta — Ammissibbiltà — Kundizzjoni — Rabta mas-suġġett tal-kawża

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 116(4))

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE — Deċiżjoni bbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1) u (7))

3.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat, prevista fl-Artikolu 88(2) KE

(Artikoli 88(2) KE u 230 KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Eżami ta’ skema ta’ għajnuna meħuda fil-globalità tagħha — Ammissibbiltà — Konsegwenza

(Artikoli 87 KE u 88(3) KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali — Terminu massimu ta’ xahrejn — Inapplikabbiltà fil-każ ta’ għajnuna mhux notifikata — Detenzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali — Eżami bla terminu — Portata

(Artikoli 87 KE u 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 10(1))

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Obbligu li tikkonkludi f’terminu raġonevoli l-eżami preliminari mibdi wara li sar ilment

(Artikoli 87 KE u 88 KE)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Artikoli 87 KE, 88 KE u 253 KE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni — Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-persuna li tagħti l-għajnuna u fuq il-benefiċjarju potenzjali tal-għajnuna

(Artilolu 88(2) KE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Implementazzjoni mingħajr notifikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ħlas lura tal-għajnuna — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikoli 88(3) KE u 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(1))

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Miżura li tirrigwarda modifika ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti — Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida — Kriterji — Evalwazzjoni

(Artikolu 87 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b) u (ċ))

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Setgħa diskrezzjonali

(Artikoli 87 KE u 88 KE)

12.    Eċċezzjoni ta’ illegalità — Portata — Atti li għalihom tista’ tiġi eċċepita l-illegalità — Linji gwida tal-Kummissjoni dwar għajnuna reġjonali mill-Istat — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Artikoli 87(3)(a) u (ċ) KE, 230 KE u 241 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 74/06)

13.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna reġjonali mill-Istat — Kriterji

(Artikoli 87 KE u 88 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 74/06, punt 4.2)

14.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni — Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-persuna li tagħti l-għajnuna u fuq il-benefiċjarju potenzjali tal-għajnuna

(Artikolu 88(2) KE)

15.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Aspettattivi leġittimi eventwali tal-persuni interessati — Protezzjoni — Kundizzjonijiet u limiti

(Artikolu 88 KE)

16.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Għajnuna ta’ importanza sekondarja — Tqassim f’partijiet ta’ għajnuna li taqbeż il-limitu applikabbli sabiex parti tkun tista’ tibbenefika mir-regola de minimis — Inammissibbiltà

(Artikolu 88(3) KE; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 69/2001, Artikolu 2(1) u (2), u Nru 1998/2006, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2))

1.      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jagħtu lill-intervenjent id-dritt li jressaq b’mod awtonomu mhux biss argumenti, iżda wkoll motivi, sakemm dawn ikunu intiżi sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali u ma jkunux totalment mingħajr ebda rabta mal-kunsiderazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata l-kawża hekk kif ġiet ikkostitwita bejn ir-rikorrent u l-konvenut, b’mod li jbiddlu s-suġġett tal-kawża.

Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li għandha, sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-motivi invokati minn intervenjent, tivverifika li dawn ikunu relatati mas-suġġett tal-kawża hekk kif iddefinit mill-partijiet prinċipali.

(ara l-punti 42, 43)

2.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri mas-suq komuni, id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni jista’ jkollha xi differenzi fil-konfront tad-deċiżjoni tal-ftuħ, madankollu mingħajr ma jivvizzjaw id-deċiżjoni finali. F’din il-perspettiva, għalhekk ma għandux ikun hemm lok sabiex il-Kummissjoni tipproċedi għal rettifika ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Madankollu, huwa loġiku, u, iktar u iktar, fl-interess tal-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna li, fil-każ fejn il-Kummissjoni tinduna, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din tal-aħħar hija bbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti, hija għandu jkollha l-possibbiltà li tbiddel il-pożizzjoni tagħha, billi tadotta deċiżjoni ta’ rettifika. Fil-fatt, tali deċiżjoni ta’ rettifika, flimkien ma’ stedina ġdida lill-partijiet ikkonċernati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom, tippermettilhom jirreaġixxu għall-bidla fl-evalwazzjoni provviżorja, mill-Kummissjoni, tal-miżura inkwistjoni u jsostnu l-punt tagħhom f’dan ir-rigward.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ wkoll tagħżel li l-ewwel tadotta deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura mingħajr ebda eżitu, u mbagħad deċiżjoni ġdida ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ibbażata fuq l-evalwazzjoni ġuridika emendata tagħha u li jkollha, fis-sustanza, l-istess kontenut tad-deċiżjoni ta’ rettifika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-proċedura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jindikaw li hija preferibbli l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rettifika meta pparagunata mal-għeluq tal-proċedura u l-ftuħ ta’ proċedura ġdida.

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ tali deċiżjoni ta’ rettifika, peress li hija tiżdied mad-deċiżjoni ta’ ftuħ sabiex tifforma flimkien magħha deċiżjoni ta’ ftuħ emendata, għandu jiġi kkunsidrat li din taqsam il-kwalità ġuridika tagħha. Fil-fatt, in-notifika dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija intiża biss sabiex tikseb, mingħand il-partijiet interessati, l-informazzjoni kollha intiża sabiex tiggwida lill-Kummissjoni fl-azzjoni futura tagħha.

(ara l-punti 70-73)

3.      Id-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni sabiex tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 88(2) KE tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat abbażi tal-Artikolu 230 KE. Deċiżjoni bħal din tipproduċi, fil-fatt, effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffettwaw l-interessi tal-partijiet interessati, peress li hija ttemm il-proċedura inkwistjoni u tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-kompatibbiltà tal-miżura investigata mar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-partijiet interessati dejjem għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u f’dan il-kuntest għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-diversi elementi li fuqhom hija bbażata l-pożizzjoni definittivament adottata mill-Kummissjoni.

Din il-possibbiltà hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tinvolvix jew le effetti legali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Ċertament huwa possibbli li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ meta din ikollha effetti legali definittivi li ma jistgħux jiġu rregolarizzati a posteriori mid-deċiżjoni finali. Dan huwa l-każ meta l-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li hija tikklassifika b’mod provviżorju bħala għajnuna ġdida, peress li din id-deċiżjoni ta’ ftuħ ikollha effetti ġuridiċi indipendenti mid-deċiżjoni finali. Fil-fatt, is-sospensjoni tal-implementazzjoni tal-miżura kkonċernata li tirriżulta, skont l-Artikolu 88(3) KE, mill-klassifikazzjoni provviżorja ta’ din il-miżura bħala għajnuna ġdida, hija ta’ natura indipendenti mid-deċiżjoni finali, limitata fiż-żmien sakemm tingħalaq il-proċedura formali.

Madankollu, din il-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ ftuħ ma jistax ikollha bħala konsegwenza li jitnaqqsu d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati billi tipprekludihom milli jikkontestaw id-deċiżjoni finali u milli jinvokaw insostenn tar-rikors tagħhom difetti li jikkonċernaw l-istadji kollha tal-proċedura li wasslet għal din id-deċiżjoni.

Konsegwentement, il-fatt li r-rikorrenti u l-intervenjenti ma ppreżentawx, fit-terminu meħtieġ, rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rettifika tal-Kummissjoni ma jipprekludihomx milli jressqu motivi bbażati fuq l-illegalità ta’ din tal-aħħar fil-konfront tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 77-79)

4.      Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma hijiex, bħala regola ġenerali, obbligata twettaq evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali imma tista’ tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ benefiċjarji individwali ta’ skema ta’ għajnuna jistgħu jiġu evalwati biss fl-istadju ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, il-piż tal-eżami impost fuq il-Kummissjoni kien ikun ikbar fil-każ ta’ skema implementata b’mod illegali, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE milli fil-każ fejn l-Istat Membru inkwistjoni jkun irrispetta l-obbligu ta’ notifika impost mill-imsemmija dispożizzjoni, peress li f’dan l-aħħar każ, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-benefiċjarji potenzjali ma humiex neċessarjament magħrufa fl-istadju tal-eżami.

Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina l-iskema ta’ għajnuna fiha nnifisha u ma hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni la r-relazzjonijiet bejn l-impriżi benefiċjarji u l-Istat ikkonċernat, la d-differenzi li jeżistu bejn id-diversi impriżi kkonċernati, u lanqas l-eventwali aspettattivi leġittimi li jistgħu jiġu invokati minn uħud minn dawn l-impriżi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna individwali.

(ara l-punti 91, 92)

5.      Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] KE, meta l-Kummissjoni jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali, irrispettivament mis-sors, hija għandha teżamina din l-informazzjoni mingħajr dewmien. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tinftiehem fis-sens li tirreferi għall-għeluq tal-fażi ta’ eżami preliminari imma pjuttost bħala li tirreferi għall-bidu tal-eżami preliminari, argument li huwa sostnut mill-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bit-terminu normali fil-każ ta’ eżami preliminari pprovokat minn ilment.

Fil-fatt, it-terminu ta’ xahrejn li matulu l-Kummissjoni għandha tagħlaq il-fażi ta’ eżami preliminari japplika esklużivament fil-każ ta’ għajnuna nnotifikata mill-Istati Membri u mhux fil-każ fejn, pereżempju, il-fażi ta’ eżami preliminari ġiet ipprovokata minn ilment.

(ara l-punti 97, 98)

6.      Sa fejn hija għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta’ lment li jindika l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li għalhekk hija ma tistax ittawwal, indefinittivament, l-eżami preliminari ta’ miżuri tal-Istat li kienu s-suġġett ta’ lment dwar għajnuna mill-Istat.

In-natura raġonevoli tat-tul ta’ tali proċedura amministrattiva għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, tad-diversi stadji proċedurali li l-Kummissjoni għandha ssegwi, kif ukoll tal-kumplessità tal-kawża u tal-importanza tagħha għad-diversi partijiet interessati.

(ara l-punt 99)

7.      L-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni ma japplikax għat-tul tal-proċedura ta’ eżami ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat iżda biss għall-kontenut innifsu tad-deċiżjoni. Fil-fatt, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata, u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet.

Issa, it-tul ta’ proċedura ma jirriżultax minn raġunament tal-istituzzjoni inkwistjoni, li jista’ jiġġustifika dan it-tul, imma huwa fatt purament fattwali li jiddependi esklużivament miż-żmien neċessarju sabiex dik l-istituzzjoni tikkompleta l-imsemmija proċedura. Għalhekk dan ma jifformax parti mill-kontenut tad-deċiżjoni, li jista’ jkun motivat. Dan jeħtieġ biss l-enumerazzjoni purament fattwali tad-diversi stadji tal-proċedura sal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 120-122)

8.      Peress li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE tinkludi analiżi preliminari suffiċjenti tal-Kummissjoni li tispjega r-raġunijiet li wassluha jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, huwa l-Istat Membru u l-benefiċjarju potenzjali li għandhom jipprovdu l-elementi li juru li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni.

Madankollu, dan jikkostitwixxi biss regola relatata mal-oneru tal-prova u mhux mal-obbligu ta’ motivazzjoni, b’mod li hija l-Kummissjoni li eventwalment għandha tindika, fid-deċiżjoni tagħha, il-motivi li wassluha tikkunsidra li, minkejja l-elementi pprovduti lilha mill-Istat Membru jew mill-benefiċjarji, l-għajnuna inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni.

(ara l-punt 132)

9.      Fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, meta, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE, l-għajnuna tkun diġà ngħatat, il-Kummissjoni, li għandha s-setgħa tintima lill-awtoritajiet nazzjonali jordnaw ir-rifużjoni tagħha, ma hijiex obbligata tagħti raġunijiet speċifiċi sabiex tiġġustifika l-eżerċizzju tagħha. Din is-soluzzjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] KE, għadha applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament.

Id-deċiżjoni ta’ rkupru hija għalhekk il-konsegwenza kważi awtomatika f’każ ta’ konstatazzjoni tal-illegalità u tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna – bl-unika riżerva, li tirriżulta mit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, li ordni ta’ rkupru ma tmurx kontra prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Għalhekk il-Kummissjoni ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. F’ċirkustanzi bħal dawn, ladarba hija tkun spjegat ir-raġunijiet għaliex tqis li l-għajnuna inkwistjoni hija illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, hija ma tistax tkun obbligata timmotiva d-deċiżjoni li tordna l-irkupru.

(ara l-punt 152)

10.    Fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, il-miżuri intiżi li jistabbilixxu jew jemendaw għajnuna jikkostitwixxu għajnuna ġdida. B’mod partikolari, meta l-modifika taffettwa l-iskema inizjali fis-sustanza tagħha stess, din l-iskema tiġi ttrasformata fi skema ta’ għajnuna ġdida. Għall-kuntrarju, meta l-modifika ma hijiex sostanzjali, hija biss il-modifika fiha nnifisha li tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida.

B’mod partikolari, meta deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni ssemmi espressament il-kundizzjoni li tgħid li kull talba għal għajnuna għandha neċessarjament titressaq qabel il-bidu tat-twettiq tal-proġetti ta’ investiment u li l-Istat Membru kkonċernat jagħti, abbażi ta’ leġiżlazzjoni adottata wara d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, għajnuna għal proġetti reġjonali li l-implementazzjoni tagħhom bdiet qabel it-tressiq tat-talbiet għal għajnuna, din hija għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] KE. Fil-fatt, tali modifika ma tistax tiġi kklassifikata bħala waħda minima jew ta’ importanza żgħira. Sa fejn il-Kummissjoni regolarment tissuġġetta l-approvazzjoni tagħha ta’ skemi ta’ għajnuna reġjonali għall-kundizzjoni li t-talba għall-għajnuna għandha neċessarjament tippreċedi l-bidu tat-twettiq tal-proġetti, huwa ċar li t-tneħħija ta’ din il-kundizzjoni tista’ tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni.

(ara l-punti 176-179)

11.    Il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni għandha tiġi evalwata esklużivament abbażi tal-karatteristiċi partikolari tagħha, fid-dawl tal-politika li l-Kummissjoni tkun qed issegwi fil-mument ta’ din l-evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni ma tistax tkun influwenzata mill-fatt li hija setgħet kienet ippreċeduta minn skemi oħra li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni aċċettat ċerti modalitajiet. Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, ikun impossibbli għall-Kummissjoni li timmodifika l-kriterji li abbażi tagħhom hija tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat, fakultà li hija għandu jkollha sabiex tkun tista’ tirreaġixxi kemm għall-iżvilupp tal-prattika tal-Istati Membri fil-qasam tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll għall-iżvilupp tas-suq komuni.

(ara l-punt 190)

12.    L-Artikolu 241 KE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti, li, anki jekk ma jkunux fil-forma ta’ regolament, jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jekk din il-parti ma tiddisponix mid-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 230 KE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li tagħhom hija b’hekk tbati l-konsegwenzi mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom.

Għal dak li jikkonċerna l-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat, mill-parti introduttiva tagħhom jirriżulta li huma jiffissaw, b’mod ġenerali u astratt, il-kriterji li l-Kummissjoni għandha tapplika għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna b’għan reġjonali, skont l-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-Istati Membri li jagħtu din l-għajnuna. B’mod partikolari, il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 4.2 tal-imsemmija linji gwida tapplika għall-għajnuna kollha koperta minnhom, irrispettivament mill-għan tagħha, mill-forma tagħha u mill-ammont tagħha.

Peress li, fid-deċiżjoni finali tagħha l-Kummissjoni tibbaża ruħha espressament fuq il-punt 4.2 tal-linji gwida, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni, anki jekk dan il-punt 4.2 ma jikkostitwixxix il-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni, il-kundizzjoni li hija stabbilita fih tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tiddetermina b’mod ġenerali u astratt il-mod li bih il-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. F’dan il-każ, teżisti, rabta ġuridika diretta bejn id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni u l-linji gwida u, peress li parti ma kinitx f’pożizzjoni li titlob l-annullament tal-linji gwida, inkwantu att ġenerali, dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

(ara l-punti 206, 208-210)

13.    L-applikazzjoni tal-kriterju tal-punt 4.2 tal-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat, li jipprovdi li l-iskemi ta’ għajnuna għandhom jipprovdu li t-talba għal għajnuna titressaq qabel il-bidu tal-implementazzjoni tal-proġetti, hija intiża sabiex tistabbilixxi jekk miżura ta’ għajnuna għandhiex effett ta’ inċentiv, f’sitwazzjoni fejn ma huwiex possibbli li jsir eżami komplet tal-aspetti ekonomiċi kollha tad-deċiżjoni ta’ investiment tal-benefiċjarji futuri tal-għajnuna.

F’dan ir-rigward, mit-tieni u mir-raba’ paragrafi tal-punt 2 tal-linji gwida jirriżulta li, bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni tapprova għajnuna reġjonali biss fil-forma ta’ skemi ta’ għajnuna, peress li hija tikkunsidra li l-għajnuna individwali ad hoc ma tissodisfax il-kundizzjoni li għandu jiġi żgurat il-bilanċ bejn id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-għajnuna u l-vantaġġi tal-għajnuna f’termini ta’ żvilupp ta’ reġjun żvantaġġjat.

Issa, waqt l-eżami tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata, iċ-ċirkustanzi partikolari speċifiċi għad-diversi benefiċjarji potenzjali tal-iskema u għall-proġetti konkreti li għalihom dawn jistgħu jitolbu sussidji, bħala regola ġenerali, ma jkunux magħrufa mill-Kummissjoni. Konsegwentement, din tal-aħħar għandha tibbaża ruħha, sabiex tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ skema ta’ għajnuna, fuq kriterji li huma jew indipendenti miċ-ċirkustanzi partikolari speċifiċi għall-benefiċjarji futuri, jew uniformi għall-benefiċjarji futuri kollha.

Il-fatt li huwa meħtieġ li t-talba għal għajnuna tippreċedi l-bidu tat-twettiq tal-proġett issussidjat jippermetti li jiġi żgurat li l-impriża kkonċernata tkun uriet b’mod ċar ir-rieda tagħha li tibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni qabel ma tibda twettaq l-imsemmi proġett. Dan jippermetti għalhekk li jiġi evitat li jiġu ppreżentati ex post talbiet għal proġetti li jkunu diġà bdew jitwettqu rrispettivament mill-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-konstatazzjoni waħedha tal-preċedenza tat-talba għal għajnuna fir-rigward tal-bidu tat-twettiq tal-proġett ta’ investiment tikkostitwixxi kriterju sempliċi, rilevanti u adegwat li jippermetti lill-Kummissjoni tippreżumi l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv.

(ara l-punt 215)

14.    Fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huma l-Istat Membru kkonċernat u l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni li għandhom iressqu l-argumenti tagħhom intiżi sabiex juru li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna jew li din hija kompatibbli mas-suq komuni, peress li l-għan tal-proċedura formali huwa proprju dak li jagħti kjarifika lill-Kummissjoni fir-rigward tal-informazzjoni kollha tal-kawża. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata tifformula b’mod ċar id-dubji tagħha fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna meta hija tiftaħ proċedura formali sabiex tippermetti lill-Istat Membru u lill-persuni interessati jirrispondu bl-aħjar mod, xorta jibqa’ l-fatt li huma dawn tal-aħħar li għandhom ineħħu dawn id-dubji u li jistabbilixxu li l-miżura inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal deroga. B’mod partikolari, bil-għan li jikseb l-approvazzjoni ta’ għajnuna b’deroga mir-regoli tat-Trattat, huwa l-Istat Membru kkonċernat, abbażi tal-obbligu tiegħu ta’ kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, li għandu jipprovdi l-elementi kollha li jistgħu jippermettu lil din l-istituzzjoni tivverifika li l-kundizzjonijiet għad-deroga mitluba huma sodisfatti.

(ara l-punt 246)

15.    Aspettattivi leġittimi fir-regolarità ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu, bħala regola ġenerali, u ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġu invokati biss jekk din l-għajnuna tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu, normalment, ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura ġiet osservata.

Għalhekk, il-benefiċjarji ta’ għajnuna li ma tosservax il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jinvokaw aspettattivi leġittimi dwar ir-regolarità tal-imsemmija għajnuna. Ċertament, il-benefiċjarji ta’ għajnuna legali bl-ebda mod ma huma preklużi milli jinvokaw, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu skont il-liġi jservu ta’ bażi għall-aspettattivi leġittimi tagħhom fir-rigward tal-karattru regolari ta’ din l-għajnuna, sabiex jopponu għall-irkupru tagħha. Madankollu, dawn il-benefiċjarji jistgħu jinvokaw tali ċirkustanzi eċċezzjonali, abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru quddiem il-qrati nazzjonali, li huma l-uniċi li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw, jekk ikun il-każ wara li jkunu għamlu lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari għal interpretazzjoni, iċ-ċirkustanzi tal-każ.

Barra minn hekk, peress li l-prinċipju ġenerali stabbilit mill-Artikolu 87(1) KE huwa dak tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat u peress li d-derogi għal dan il-prinċipju għandhom jiġu interpretati ristrettivament, deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna tirrigwarda biss l-għoti effettiv tal-għajnuna li taqa’ taħt din l-iskema u ma tistax, għalhekk, isservi ta’ bażi għal aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji potenzjali ta’ proġetti futuri ta’ għajnuna simili dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna inkwistjoni.

(ara l-punti 274-277, 283)

16.    Fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, l-għan tar-regola de minimis huwa li jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi, kemm fl-interess tal-benefiċjarji ta’ għajnuna ta’ ammont relattivament żgħir u għalhekk li ma tistax tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll f’dak tal-Kummissjoni, li għandha tkun tista’ tikkonċentra r-riżorsi tagħha fuq il-każijiet li għandhom interess Komunitarju reali.

F’dan ir-rigward, il-fatt li jiġi aċċettat li għajnuna tinqasam sabiex parti tibbenefika mir-regola de minimis ma jikkontribwixxix sabiex jintlaħaq l-għan hawn fuq imsemmi. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li, mill-ammont ta’ għajnuna maħsuba għal impriża, jitnaqqas l-ammont ekwivalenti għal-limitu de minimis ma jiffrankax la lill-Kummissjoni l-kompitu li jkollha teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni fir-rigward tal-ammont li jeċċedi dan il-limitu tal-għajnuna inkwistjoni, u lanqas lill-impriża kkonċernata milli jkollha tistenna l-eżitu ta’ dan l-eżami qabel ma tkun tista’ tibbenefika jew, fil-każ ta’ għajnuna illegali, ma jkollha, jekk ikun il-każ, tirrimborsaha.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ għajnuna de minimis jindika li l-għajnuna għandha tkun ta’ ammont żgħir. Issa, il-fatt li jiġi aċċettat ex post il-qsim f’partijiet tal-għajnuna li teċċedi l-limitu applikabbli f’dan ir-rigward jimplika li għajnuna li ma kinitx ta’ ammont żgħir fil-mument li ngħatat tibbenefika parzjalment mir-regola de minimis.

Huwa veru li, wara l-irkupru tal-ammont totali tal-għajnuna mogħtija illegalment, l-Istat Membru inkwistjoni jista’, bħala regola ġenerali, immedjatament jagħti lill-impriża għajnuna de minimis ġdida sal-limitu ta’ EUR 100 000. Madankollu, dan jeħtieġ deċiżjoni ġdida ta’ għoti ta’ fondi pubbliċi mill-Istat Membru, li jibqa’ liberu fid-deċiżjoni tiegħu, b’mod li l-projbizzjoni tal-qsim f’partijiet ma tistax tiġi kkunsidrata bħala regola purament ta’ forma.

Għalhekk, l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 69/2001, dwar it-tħaddim [l-applikazzjoni] tal-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] dwar [għall-]għajnuna de minimis għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 88(3) KE ma tistax tiġi applikata għal ammonti li jkunu parti minn għajnuna li l-ammont totali tagħha jeċċedi l-limitu ta’ EUR 100 000 fuq perijodu ta’ tliet snin. F’kull każ, l-inklużjoni espliċita ta’ din l-interpretazzjoni restrittiva fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1998/2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] dwar [għal]l-għajnuna de minimis, għandha għalhekk tinftiehem bħala li tintroduċi kjarifika u mhux bħala li żżid kundizzjoni ġdida għall-applikazzjoni tar-regola de minimis.

(ara l-punti 304, 305, 308-311)