Language of document : ECLI:EU:C:2019:892

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

24 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Artikolu 5(1) – Formola li tinsab fl-Anness A – Taqsima J – Assenza ta’ rimedji legali fl-Istat Membru emittenti”

Fil-Kawża C‑324/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Mejju 2017, fil-proċeduri kriminali kontra

Ivan Gavanozov,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot President tal-Awla, M. Safjan u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Brabcová, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-11 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4), tal-Artikolu 6(1)(a) u tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Ivan Gavanozov, akkużat li jmexxi organizzazzjoni kriminali u li wettaq reati fiskali.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 21, 22 u 38 tad-Direttiva 2014/41 huma fformulati kif ġej:

“(21)      Huma meħtieġa limiti taż-żmien biex tiġi żgurata kooperazzjoni rapida, effettiva u konsistenti bejn l-Istati Membri f’materji kriminali. Deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni, u l-eżekuzzjoni proprja ta’ miżura investigattiva, għandhom jittieħdu bl-istess rapidità u prijorità bħal fir-rigward ta’ każ domestiku simili. Għandu jsir provvediment għal skadenzi ta’ żmien biex jiġi żgurat li d-deċiżjoni jew l-eżekuzzjoni jsiru fi żmien raġonevoli jew sabiex jiġu rispettati l-limitazzjonijiet proċedurali fl-Istat emittenti.

(22)      Ir-rimedji legali disponibbli kontra OIE għandhom ikunu tal-inqas ugwali għal dawk disponibbli fil-każ domestiku kontra l-miżura investigattiva kkonċernata. F’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikabbiltà ta’ dawk ir-rimedji legali, anke billi jgħarrfu lill kwalunkwe parti interessata fiż-żmien tajjeb bil-possibbiltajiet u l-modi biex tfittixhom. […]

[…]

(38)      Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet meħuda biex jinkisbu provi, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri […]”

4        L-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali ul-prinċipji legali kif sanċiti fl-Artikolu 6 tat-TUE, inklużi d-drittijiet ta’ difiża ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandux jiġi affettwat.”

5        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-OIE fil-forma stabbilita fl-Anness A għandu jitlesta, jiġi ffirmat, u l-kontenut tiegħu jiġi ċċertifikat bħala preċiż u korrett mill-awtorità emittenti.”

6        L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u

[…]”

7        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/41 huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedji legali ekwivalenti għal dawk disponibbli f’każ domestiku simili jkunu applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati fl-OIE.

2.      Ir-raġunijiet sostantivi għall-ħruġ tal-OIE jistgħu jiġu kkontestati biss f’rikors fl-Istat emittenti, mingħajr preġudizzju għall-garanziji tad-drittijiet fundamentali fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

3.      Fejn dan ma jimminax il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni, taħt l-Artikolu 19(1), l-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jiżguraw li tkun ipprovduta informazzjoni dwar il-possibbiltajiet disponibbli taħt il-liġi nazzjonali għal tfittxija tar-rimedji legali meta dawn isiru applikabbli u fiż-żmien tajjeb biex jippermetti l-eżerċizzju effettiv tagħhom.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskadenzi għat-tfittxija ta’ rimedju legali jkunu l-istess bħal dawk previsti f’kawżi domestiċi simili u li jiġu applikati b’mod li jiggarantixxi l-possibbiltà tal-eżerċizzju effettiv ta’ dawn ir-rimedji legali għal-partijiet konċernati.

5.      L-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar ir-rimedji legali mitluba kontra l-ħruġ, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE.

6.      Kontestazzjoni legali ma għandhiex tissospendi l-eżekuzzjoni tal-miżura investigattiva, ħlief jekk ikollha dak l-effett f’kawżi domestiċi simili.

7.      L-Istat emittenti għandu jieħu kont ta’ kontestazzjoni li jkollha suċċess kontra r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE skont il-liġi nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti kriminali fl-Istat emittenti jkunu rispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal proċedimenti ġusti meta ssir il-valutazzjoni tal-provi miksuba permezz tal-OIE.”

8        L-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-22 ta’ Mejju 2017.”

9        It-Taqsima J tal-formola li tinsab fl-Anness A tal-imsemmija direttiva, intitolata “Rimedji legali”, hija fformulata kif ġej:

“1.      Jekk jogħġbok indika jekk intalabx diġà rimedju legali kontra l-ħruġ ta’ OIE, jekk iva, jekk jogħġbok agħti aktar dettalji (deskrizzjoni tar-rimedju legali, inklużi l-passi li meħtieġ li jittieħdu u l-iskadenzi):

[…]

2.      Awtorità fl-Istat emittenti li tista’ tagħti aktar informazzjoni dwar proċeduri sabiex jiġu mitluba rimedji legali fl-Istat emittenti u jekk l-assistenza legali u l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni humiex disponibbli:

Isem: […]

Persuna ta’ kuntatt (jekk applikabbli): […]

Indirizz: […]

Nru tat-telefown: (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/belt)

Nru tat-telefown: (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/belt)

Indirizz elettroniku: […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      I. Gavanozov huwa suġġett, fil-Bulgarija, għal proċeduri kriminali għal parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali kkostitwita bil-għan li jitwettqu reati fiskali.

11      B’mod partikolari, huwa ssuspettat li importa fil-Bulgarija, permezz ta’ kumpanniji fittizji, zokkor li ġej minn Stati Membri oħra, b’mod partikolari mingħand kumpannija stabbilita fir-Repubblika Ċeka u rrappreżentata minn Y, kif ukoll li sussegwentement biegħ dan iz-zokkor fis-suq Bulgaru mingħajr la ħallas u lanqas illikwida t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), billi ppreżenta dokumenti ineżatti li skonthom dan iz-zokkor ġie esportat lejn ir-Rumanija.

12      F’dan il-kuntest, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet, fil-11 ta’ Mejju 2017, li toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża sabiex l-awtoritajiet Ċeki jagħmlu tfittxijiet u sekwestri ta’ oġġetti kemm fil-bini tal-imsemmija kumpannija stabbilita fir-Repubblika Ċeka kif ukoll fir-residenza ta’ Y, u jipproċedu bis-smigħ ta’ dan tal-aħħar bħala xhud permezz ta’ vidjokonferenza.

13      Wara l-adozzjoni ta’ din l-ordni, din il-qorti ssostni li ltaqgħet ma’ diffikultajiet sabiex timla t-Taqsima J tal-formola li tinsab fl-Anness A tad-Direttiva 2014/41, intiża għar-rimedji legali.

14      L-imsemmija qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li d-dritt Bulgaru ma jipprovdi ebda rimedju kontra d-deċiżjonijiet li jordnaw tfittxijiet, sekwestri ta’ oġġetti jew smigħ ta’ xhieda. Madankollu, l-istess qorti tqis li l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu tali rimedji.

15      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, fid-dritt Bulgaru, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jordnaw tali miżuri ma jidhrux fost il-każijiet li fihom ir-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi stabbilita fil-każ ta’ dannu, sa fejn dawn ma jirrigwardawx direttament l-imputat.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva [2014/41] jipprekludi leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali li ma jippermettux, la permezz ta’ rikors dirett kontra d-deċiżjoni ġudizzjarja u lanqas permezz ta’ talba separata għad-danni, li jiġu kkontestati r-raġunijiet dwar il-mertu tad-deċiżjoni ġudizzjarja li toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropew intiż sabiex titwettaq tfittxija fi proprjetà immobbli residenzjali u fi proprjetà immobbli kummerċjali u sabiex jitwettaq sekwestru ta’ oġġetti partikolari, kif ukoll sabiex jinżamm smigħ ta’ xhieda?

(2)      L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva [2014/41] jagħti, b’mod dirett u immedjat, lill-persuna kkonċernata d-dritt li tikkontesta d-deċiżjoni ġudizzjarja li toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropew, anki jekk id-dritt nazzjonali ma jipprevedix rimedju proċedurali f’dan is-sens?

(3)      Il-persuna li tkun is-suġġett ta’ akkuża kriminali hija, fid-dawl tal-Artikolu 14(2) moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(a) u mal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2014/41, parti kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 14(4) tal-istess direttiva, f’sitwazzjoni fejn il-miżura ta’ ġbir ta’ provi tkun tikkonċerna lil terz?

(4)      Il-persuna li tgħix fi jew li tuża proprjetà immobbli fejn jitwettqu t-tfittxija u s-sekwestru jew il-persuna li ser tinstema’ bħala xhud hija parti kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 14(4), moqri flimkien mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2014/41?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

17      Il-Gvern Ċek isostni, preliminarjament, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħarġet qabel ma skada t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/41 u meta din id-direttiva ma kinitx ġiet trasposta mill-Istat Membru emittenti.

18      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/41, previst fl-Artikolu 36 tagħha, kien skada meta l-qorti tar-rinviju ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

19      Sussegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-direttiva ġiet trasposta kemm fil-Bulgarija kif ukoll fir-Repubblika Ċeka matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

20      Fl-aħħar nett, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea bil-għan li jiġu eżerċitati l-miżuri ta’ investigazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-Repubblika Ċeka, din il-qorti għadha ma pproċedietx bil-ħruġ ta’ din l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea minħabba diffikultajiet li hija għandha sabiex timla t-Taqsima J tal-formola li tinsab fl-Anness A tad-Direttiva 2014/41.

21      Il-qorti tar-rinviju hija għalhekk mitluba, fil-kawża prinċipali, sabiex toħroġ, jekk ikun il-każ, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea rregolata minn din id-direttiva.

22      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

23      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima adita biha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, A et, C‑347/17, EU:C:2019:720, punt 32).

24      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest tal-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, dwar il-mod kif għandha timla t-Taqsima J tal-formola li tinsab fl-Anness A tad-Direttiva 2014/41.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mat-Taqsima J tal-formola msemmija fl-Anness A ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru għandha, meta toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, tindika f’din it-taqsima deskrizzjoni tar-rimedji legali li huma previsti, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru tagħha, kontra l-ħruġ ta’ tali ordni.

26      Għandu qabel kollox jiġi rrilevat li mill-kliem tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jippreżupponi li l-formola msemmija fl-Anness A ta’ din id-direttiva titlesta u tiġi ffirmata u li l-kontenut tagħha jiġi ċċertifikat bħala preċiż u korrett.

27      Il-punt 1 tat-Taqsima J ta’ din il-formola jipprovdi li l-awtorità emittenti tindika “jekk intalabx diġà rimedju legali kontra l-ħruġ ta’ OIE, [u] jekk iva, [hija għandha tagħti] aktar dettalji (deskrizzjoni tar-rimedji legali, inklużi l-passi li meħtieġ li jittieħdu u l-iskadenzi)”.

28      Mill-kliem stess tal-punt 1 tat-Taqsima J tal-imsemmija formola, b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “jekk iva”, jirriżulta li deskrizzjoni tar-rimedji legali għandha tidher f’dan il-punt biss fil-każ fejn rimedju jkun ġie ppreżentat kontra ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

29      Barra minn hekk, l-użu tal-kliem “jekk jogħġbok agħti aktar dettalji”, b’relazzjoni mad-deskrizzjoni tar-rimedji legali li għandha, f’tali ipoteżi, tkun inkluża fl-imsemmi punt, turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tiġi informata bir-rimedji ppreżentati kontra ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li ġiet trażmessa lilha u mhux, b’mod iktar ġenerali, fir-rigward tar-rimedji legali li huma previsti, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru emittenti, kontra l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

30      Bl-istess mod, il-punt 2 tat-Taqsima J tal-formola prevista fl-Anness A tad-Direttiva 2014/41 għandu l-għan li jiżgura li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tkun informata bir-rimedji legali ppreżentati kontra ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropej u mhux li tipprovdilha deskrizzjoni tar-rimedji legali li jeżistu, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru emittenti, kontra l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

31      Fil-fatt, mit-test ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-awtorità emittenti hija obbligata biss li tindika f’dan il-punt tat-Taqsima J tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa minnha l-isem u d-dettalji tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti li tista’ tipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar ir-rimedji legali, l-assistenza legali u s-servizzi ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni f’dan l-Istat Membru.

32      Barra minn hekk, tali informazzjoni ma jkollha ebda utilità jekk l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea diġà tinkludi deskrizzjoni astratta tar-rimedji legali li jeżistu, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru emittenti, kontra l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

33      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, waqt il-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, l-awtorità emittenti ma għandhiex tinkludi, fit-Taqsima J tal-formola li tinsab fl-Anness A tad-Direttiva 2014/41, deskrizzjoni tar-rimedji legali li huma previsti, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru tagħha, kontra l-ħruġ ta’ tali ordni.

34      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2014/41 li jipprovdi li l-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandhom jinformaw lil xulxin bir-rimedji legali mitluba kontra l-ħruġ, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

35      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija ta’ natura li tiżgura t-twettiq sħiħ tal-għan imfittex minn din id-direttiva, u dan kif jirriżulta mill-premessi 21 u 38 tagħha, li huwa dak li l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tiġi ffaċilitata u mħaffa fuq il-bażi tal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproku.

36      Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ formola bħal dik prevista fl-Anness A tad-Direttiva 2014/41, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru li tkun tixtieq toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea għandha timla filwaqt li tipprovdi l-informazzjoni speċifikament meħtieġa, huwa intiż sabiex l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tkun mgħarrfa b’informazzjoni formali minima neċessarja sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tadotta d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea kkonċernata u, jekk ikun il-każ, twettaq il-miżura ta’ investigazzjoni mitluba fit-termini previsti fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali), C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punti 49 u 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Peress li deskrizzjoni tar-rimedji legali li jeżistu, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru emittenti, kontra l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, ma għandhiex tidher fit-Taqsima J tal-formola prevista fl-Anness A tad-Direttiva 2014/41, ma hemmx lok, f’din il-kawża, li jiġi interpretat l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva sabiex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdi ebda rimedju li jippermetti li jiġu kkontestati r-raġunijiet sostantivi li jwasslu għall-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea bl-iskop li ssir tfittxija, jiġu ssekwestrati ċerti oġġetti u tinżamm seduta għas-smigħ ta’ xhud.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domandi magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mat-Taqsima J tal-formola msemmija fl-Anness A ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ma għandhiex, meta toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, tipprovdi f’din it-taqsima deskrizzjoni tar-rimedji legali li huma previsti, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru tagħha, kontra l-ħruġ ta’ tali ordni.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, moqri flimkien mat-Taqsima J tal-formola prevista fl-Anness A ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ma għandhiex, meta toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, tipprovdi f’din it-taqsima deskrizzjoni tar-rimedji legali li huma previsti, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru tagħha, kontra l-ħruġ ta’ tali ordni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.