Language of document : ECLI:EU:T:2024:223

Kawża T654/22

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

M&T 1997, a.s.

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal10 ta’ April 2024

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta pumi ta’ bibien u ta’ twieqi – Disinn preċedenti – Raġuni ta’ invalidità – Karattru individwali – Artikolu 25(1)(b) u Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

1.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Libertà tal-kreatur

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6(1) u (2), u 25(1)(b))

(ara l-punti 19, 34 u 51)

2.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Utent avżat – Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6(1) u 25(1)(b))

(ara l-punti 25 u 26)

3.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Evalwazzjoni globali tal-elementi kollha tad-disinn preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6(1) u 25(1)(b))

(ara l-punti 47 u 48)

4.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Determinazzjoni tal-impressjoni globali fir-rigward tal-mod ta’ użu tal-prodott – Effett tal-karatteristiċi viżibbli tal-prodott fuq il-kumdità tal-użu tiegħu

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6(1) u 25(1)(b))

(ara l-punti 49 u 50)

5.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Rappreżentazzjoni ta’ pumi ta’ bibien u ta’ twieqi

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6(1) u 25(1)(b))

(ara l-punti 55 sa 60)

Sunt

Fil-kuntest tal-annullament ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (1), il-Qorti Ġenerali, f’din is-sentenza, enfasizzat il-prinċipju li jgħid li l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat minn disinn għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-mod kif il-prodott inkwistjoni huwa użat u tal-effett tal-karatteristiċi viżibbli tal-prodott fuq il-kumdità tal-użu tiegħu.

Fis‑17 ta’ Novembru 2012, il-predeċessur legali ta’ M&T 1997, a.s., ir-rikorrenti, ippreżentat quddiem l-EUIPO applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn Komunitarju li jirrappreżenta pumi ta’ bibien u ta’ twieqi (2). Fit‑23 ta’ Ottubru 2020, VDS Czmyr Kowalik sp.k. ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-assenza ta’ karattru individwali ta’ dan id-disinn (3).

Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet din it-talba għar-raġuni li d-disinn ikkontestat ma kellux karattru individwali.

Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ċaħad għall-istess raġuni l-appell minn din id-deċiżjoni peress li d-disinn ma kienx jagħti impressjoni globali differenti lill-utent avżat minn dik tad-disinn preċedenti.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat minn disinn għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-mod kif il-prodott inkwistjoni huwa normalment użat, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attenzjoni tal-utent avżat tiffoka pjuttost fuq l-elementi l-iktar viżibbli u l-iktar importanti tal-prodott waqt l-użu tiegħu. Għaldaqstant, l-importanza tal-karatteristiċi viżibbli tal-prodott hija evalwata abbażi tal-effett tagħhom mhux biss fuq id-dehra tiegħu, iżda wkoll fuq il-kumdità tal-użu tiegħu. Barra minn hekk, grad għoli ta’ libertà tal-kreatur isaħħaħ il-konklużjoni li tgħid li d-disinni mingħajr differenzi sinjifikattivi jagħtu l-istess impressjoni globali lill-utent avżat u, għaldaqstant, li d-disinn ikkontestat ma għandux karattru individwali. Għall-kuntrarju, grad dgħajjef ta’ libertà tal-kreatur jiffavorixxi l-konklużjoni li tgħid li d-differenzi suffiċjentement evidenti bejn id-disinni jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat u li d-disinn ikkontestat għandu karattru individwali

Fir-rigward tad-disinni kunfliġġenti, il-Qorti Ġenerali osservat li meta l-utent avżat jersaq lejn il-pum tal-bieb b’manku tal-liver sabiex jużah normalment, dan tal-aħħar jarah minn fuq. Minħabba f’hekk, l-elementi l-iktar viżibbli tiegħu huma dawk li jikkorrispondu għall-partijiet li jħarsu l-barra, jiġifieri l-partijiet ta’ quddiem, tal-ġenb u ta’ fuq tal-pum. Issa, id-differenzi fuq il-parti ta’ wara, jiġifieri l-kurvatura tat-truf u l-forma tal-għonq, huma viżibbli wkoll għall-utent avżat u ma jiġux injorati minnu, iktar u iktar għaliex il-kurvatura fit-tond tat-truf tad-disinn ikkontestat hija akkumpanjata minn dehra iktar fina u lixxa li l-utent avżat ser jinnota faċilment. Barra minn hekk, il-forom fit-tond u iktar fini tat-truf tad-disinn ikkontestat jikkostitwixxu differenzi mad-disinn preċedenti li ser jiġu pperċepiti mill-utent avżat bħala li jinfluwenzaw il-manipulazzjoni tal-pum u huma, għalhekk, elementi importanti fir-rigward tal-impressjoni globali mogtħija mid-disinn ikkontestat. Fil-fatt, dawn l-aspetti għandhom effett fuq il-kumdità tal-użu tal-pum, peress li jikkorrispondu għall-partijiet tiegħu li jidħlu direttament f’kuntatt mal-idejn tal-utent avżat.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, kif ukoll tal-attenzjoni għolja tal-utent avżat f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset li d-differenzi fir-rigward tal-angoli tal-manku tal-liver u tal-għonq la jikkostitwixxu elementi marġinali u lanqas varjazzjonijiet minuri tal-istess disinn uniku. Fil-fatt, forma iktar tonda toħloq, b’mod ġenerali, tnaqqis tal-linji tal-għonq u tal-manku tal-liver, li għandu effett sinjifikattiv kemm fuq l-apparenza globali kif ukoll fuq il-kumdità ta’ użu tal-pum ta’ bieb, b’tali mod li jikkostitwixxi element li jiġbed l-attenzjoni tal-utent avżat. Konsegwentement, minkejja li l-libertà tal-kreatur hija għolja, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dawn id-differenzi huma suffiċjentement sinjifikattivi sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti tad-disinni kunfliġġenti.


1      Deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad‑29 ta’ Awwissu 2022 (Każ R 29/2022‑3).


2      Id-disinn ġie rreġistrat għal prodotti fil-klassi 08‑06 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifika internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat.


3      Fis-sens tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).