Language of document : ECLI:EU:T:2013:643





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013 – ANKO vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑117/12)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Is-Seba’ Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) – Kuntratti dwar il-proġetti Perform u Oasis – Sospensjoni tal-pagamenti – Irregolaritajiet ikkonstatati fil-kuntest tal-awditi marbuta ma’ proġetti oħra – Interessi moratorji”

Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali ddefinita mill-klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni li tidderoga mid-dritt komuni – Interpretazzjoni restrittiva – Talba intiża sabiex tiġi vverifikata l-osservanza minn parti għall-konklużjonijiet ta’ awditu li ma huwiex marbut mal-kuntratt inkwistjoni – Talba li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ arbitraġġ – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali (Artikolu 272 TFUE) (ara l-punti 59-61)

Suġġett

Talba ppreżentata fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE, intiża li l-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, tikkonstata li s-sospensjoni tar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti marbuta mal-proġetti Perform u Oasis, konklużi fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013), tikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali tal-Kummissjoni, it-tieni nett, tordna lil din tal-aħħar, minn naħa, tagħtiha s-somma ta’ EUR 637 117.17 għall-proġett Perform, flimkien mal-interessi moratorji, u, min-naħa l-oħra, tikkonstata li r-rikorrenti ma għandhiex tirrimborsa s-somma ta’ EUR 56 390 mogħtija lilha għall-proġett Oasis.

Dispożittiv

1)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias is-somom li l-pagament tagħhom ġie sospiż abbażi tal-punt II.5(3)(d) tal-kundizzjonijiet ġenerali annessi mal-ftehimiet ta’ sussidju dwar il-proġetti Oasis u Perform, konklużi fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013), mingħajr ma dan l-għoti jippreġudika n-natura eliġibbli tal-infiq iddikjarat ta’ ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias u l-implementazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapport finali ta’ awditu 11-INFS-0035 mill-Kummissjoni. L-ammont tas-somom li għandhom jingħataw għandhom jidħlu fil-limiti tal-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli fil-mument tas-sospensjoni tal-pagamenti u mal-imsemmija somom għandhom jiżdiedu l-interessi moratorji li għandhom jibdew jiddekorru, għal kull perijodu, mill-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas ta’ 105 jum wara li jiġu riċevuti r-rapporti korrispondenti mill-Kummissjoni. Ir-rata’ ta’ żieda applikabbli għall-interessi hija dik fis-seħħ fl-ewwel jum tat-terminu ta’ ħlas, kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha.

4)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti minn ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias.