Language of document : ECLI:EU:C:2020:194

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

11 ta’ Marzu 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestatura 8901 – Bwieq ta’ bastimenti – Navigazzjoni marittima – Bastimenti maħsuba biex jaqsmu l-ibħra – Kunċett”

Fil-Kawża C‑192/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

Rensen Shipbuilding BV

fil-preżenza ta’:

Inspecteur van de Belastingdienst/Douane district Rotterdam,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, T. von Danwitz u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Rensen Shipbuilding BV, minn B. J. B. Boersma, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros, P. Vanden Heede u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 89 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008 tad‑19 ta’ Settembru 2008 (ĠU 2008, L 291, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Rensen Shipbuilding BV u l-Inspecteur van de Belastingdienst/Douane district Rotterdam (l-Ispettur tat-Taxxi/Dwana tad-distrett ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ bwieq ta’ bastimenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 In-NM

3        In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata ta’ deskrizzjoni u ta’ kodifikazzjoni tal-merkanzija, imfassla mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u adottat bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u ta’ Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4        It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi Taqsima XVII, li fiha hemm, b’mod partikolari, il-Kapitolu 89, intitolat “Bastimenti, dgħajjes u strutturi li jżommu fil-wiċċ”.

5        Il-Kapitolu 89 tan-NM jinkludi l-intestatura 8901, li hija fformulata kif ġej:

“8901      Vapuri ta’ kruċiera, dgħajjes ta’ eskursjoni, laneċ, braken u bastimenti simili għat-trasport ta’ persuni jew oġġetti”.

6        L-intestatura 8901 ta’ dan il-Kapitolu 89 tinkludi s-subintestaturi li ġejjin:

[…]

[…]

8901 20

‐:Tankers

8901 20 10

‐ ‐ Li jaqsmu l-ibħra [Għal navigazzjoni marittima]

8901 20 90

‐ ‐ Oħrajn

[…]

[…]

8901 90

‐ Bastimenti oħrajn għat-trasport ta’ oġġetti u bastimenti oħrajn għat-trasport kemm ta’ persuni kif ukoll ta’ oġġetti:

8901 90 10

‐ ‐ Li jaqsmu l-ibħra [Għal navigazzjoni marittima]


– – Oħrajn:

8901 90 91

– – –Mhux immexxijin b’mod mekkaniku

8901 90 99

– – –Immexxijin b’mod mekkaniku

[…]

[…]


7        In-Nota 1 tal-Kapitolu 89 tan-NM tistipula:

“Buq, bastiment mhux lest jew inkomplet, immuntat, mhux immuntat jew żarmat, jew bastiment komplet mhux immuntat jew żarmat, għandu jkun ikklassifikat f’titlu 8906 jekk ma jkollux il-karatteristiċi essenzjali ta’ bastiment ta’ xi tip partikulari.”

8        In-Nota Addizzjonali 1 ta’ dan il-Kapitolu 89 tipprevedi:

“Subtitli […] 8901 20 10, […] 8901 90 10 […], għandhom jitqiesu li japplikaw biss għal bastimenti, maħsubin biex jaqsmu l-ibħra, b’buq ta’ tul totali (ħlief xi partijiet li jisporġu ‘l barra) ta’ mhux inqas minn 12m. Madankollu dgħajjes tas-sajd u dgħajjes tas-salvataġġ, maħsubin biex jaqsmu l-ibħra, għandhom jitqiesu bħala bastimenti biex jaqsmu l-ibħra mingħajr ma jingħata każ tat-tul tagħhom.”

 In-Noti ta’ Spjega għan-NM

9        Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta Noti ta’ Spjega għan-NM (iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega għan-NM”).

10      In-Noti ta’ Spjega għan-NM, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑30 ta’ Mejju 2008 (ĠU 2008, C 133, p. 1), huma redatti kif ġej f’dak li jirrigwarda n-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 89 tan-NM:

“L-espressjoni ‘vetturi, iddisinjati bħala għall-baħar’ [‘bastimenti, maħsubin biex jaqsmu l-ibħra’] tfisser vetturi [bastimenti] li, minħabba l-kostruzzjoni u t-tagħmir tagħhom, huma kapaċi jaħdmu fil-baħar anki f’temp ħażin (irjieħat ta’ madwar qawwa 7 fuq l-iskala Beaufort). Vetturi [bastimenti] bħal dawn ġeneralment ikunu mgħammrin bi gverti li jifilħu l-ilma u superstrutturi għal kull tip ta’ temp.

[…]

L-espressjoni ‘vetturi għall-baħar’ [‘bastimenti għan-navigazzjoni marittima’] tfisser vapuri jew hovercraft li jżommu mal-kundizzjonijiet t’hawn fuq, kemm jekk dawn jintużaw prinċipalment f’ilmijiet tal-kosta, f’estwarji jew f’għadajjar, eċċ.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Fix-xhur ta’ Mejju u ta’ Settembru 2009, Rensen Shipbuilding għamlet dikjarazzjoni fid-dwana taħt is-subintestatura 8901 90 10 tan-NM, applikabbli għall-bastimenti għat-trasport ta’ merkanzija għan-navigazzjoni marittima, 27 buq li joriġinaw miċ-Ċina.

12      Wara spezzjoni doganali li saret fix-xahar ta’ Marzu 2012, l-Ispettur tat-Taxxi/Dwana tad-distrett ta’ Rotterdam ikkonkluda, abbażi ta’ ċerti dokumenti kummerċjali u ċertifikati misjuba fost ir-rekords kontabbilistiċi ta’ din il-kumpannija, li l-merkanzija ddikjarata kellha titqies bħala bwieq ta’ bastimenti intiżi għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti, mhux għan-navigazzjoni marittima, iżda għan-navigazzjoni fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni. Għaldaqstant, il-bwieq ta’ bastimenti kkonċernati ġew ikklassifikati, rispettivament, fis-subintestatura 8901 20 90 tan-NM, bħala tankers minbarra dawk għan-navigazzjoni marittima, kif ukoll fis-subintestaturi 8901 90 91 u 8901 90 99 tan-NM, bħala bastimenti oħrajn għat-trasport ta’ merkanzija u bastimenti oħrajn maħsuba kemm għat-trasport ta’ persuni kif ukoll ta’ merkanzija, immexxija b’mod mekkaniku jew le, minbarra dawk għan-navigazzjoni marittima. Konsegwentement, il-persuna kkonċernata ngħatat avviż għall-ħlas fis‑27 ta’ April 2012.

13      Adita bit-tilwima li segwiet minn dan, il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkonfermat, permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, is-sentenza tal-ewwel istanza li ddikjarat ir-rikors ippreżentat minn Rensen Shipbuilding mhux fondat.

14      Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2017, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) annullat l-imsemmija sentenza tal-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam).

15      Peress li l-kawża reġgħet kienet pendenti quddiem din il-qorti tal-aħħar, hija ppreċiżat li, f’dan l-istadju tal-proċedura, it-tilwima tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li l-bwieq ta’ bastimenti kkonċernati jiġu kklassifikati bħala bastimenti għan-navigazzjoni marittima, fis-subintestaturi 8901 20 10 u 8901 90 10 tan-NM, jew bħala li ma humiex bastimenti għan-navigazzjoni marittima, fis-subintestaturi 8901 20 90, 8901 90 91 u 8901 90 99 tan-NM. F’dan il-każ, dawn il-bwieq ta’ bastimenti jistgħu jiġu kklassifikati f’dawn it-tliet subintestaturi tal-aħħar, rispettivament, minħabba l-fatt li dawn jistgħu jservu bħala bwieq għan-navigazzjoni fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni. Issa, kieku kien stabbilit li l-imsemmija bwieq ta’ bastimenti jistgħu wkoll iservu bħala buq għal bastiment intiż għan-navigazzjoni marittima, kien ikun hemm lok li ssir il-klassifikazzjoni tagħhom bħala tali.

16      Skont l-imsemmija qorti, filwaqt li ma huwiex ikkontestat li l-bwieq ta’ bastimenti kkonċernati ma jistgħux iservu bħala buq ta’ bastiment li jippermetti li jinqasmu l-oċeani b’tagħbija sħiħa f’temp ħażin, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar id-distanza li bastiment għandu jkun jista’ jivvjaġġa mix-xatt sabiex ikun jista’ jitqies bħala bastiment għan-navigazzjoni marittima. F’dan ir-rigward, Rensen Shipbuilding argumentat prinċipalment li l-bwieq ta’ bastimenti kkonċernati jistgħu jservu bħala bwieq ta’ tali bastimenti, għar-raġuni li dawn jistgħu jinnavigaw fil-baħar ladarba l-kostruzzjoni tagħhom titlesta. Fil-fatt, skont dikjarazzjonijiet ta’ esperti, bastimenti bid-dimensjonijiet tal-imsemmija bwieq ta’ bastimenti għandhom ikunu jistgħu jinnavigaw f’madwar 21 mil nawtiku (madwar 38 kilometru) mill-kosta f’temp ħażin.

17      Sa fejn in-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 89 tan-NM tipprevedi li taħt is-subintestaturi 8901 20 10 u 8901 90 10 tan-NM jaqgħu biss il-bastimenti maħsuba “biex jaqsmu l-ibħra”, il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) qiegħda tistaqsi dwar kif għandu jinftiehem dan il-kliem. Hija tosserva, f’dan il-kuntest, li mill-formulazzjoni tan-nota ta’ spjega tal-Kummissjoni dwar l-imsemmija nota addizzjonali jista’ jiġi dedott li l-ilmijiet kostali, il-bokki tax-xmajjar u l-lagi ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ibħra”. Madankollu, fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “ilmijiet kostali”, id-distanza li għandu jivvjaġġa bastiment sabiex ikun jinsab fl-“ibħra” għadha impreċiża.

18      Din il-qorti żżid li, fid-dawl tal-imsemmija nota ta’ spjega tal-Kummissjoni, skont liema għandhom jitqiesu bħala “‘vetturi, iddisinjati bħala għall-baħar’ [‘bastimenti, maħsubin biex jaqsmu l-ibħra’] […] vetturi [bastimenti] li, minħabba l-kostruzzjoni u t-tagħmir tagħhom, huma kapaċi jaħdmu fil-baħar anki f’temp ħażin (irjieħat ta’ madwar qawwa 7 fuq l-iskala Beaufort)”, jista’ jitqies li ma hijiex id-distanza bejn il-bastiment u l-kosta li hija importanti, iżda biss il-possibbiltà li din tal-aħħar tkun fuq il-baħar fil-maltemp. Madankollu, id-distanza mill-kosta ssaħħaħ l-effetti tat-maltemp minħabba, b’mod partikolari, li l-għoli tal-mewġ jiżdied. Barra minn hekk, anki jekk kellu jitwarrab il-kunċett ta’ “ibħra” u jekk kien hemm lok biss li jiġi vverifikat jekk bastiment, minħabba l-kostruzzjoni u tat-tagħmir tiegħu, jistax jaħdem fil-baħar f’riħ forza 7 fuq l-iskala Beaufort, ikun importanti li wieħed ikun jaf liema distanza mill-kosta bastiment għandu jkun jista’ jimmanuvra f’dawn iċ-ċirkustanzi sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “bastiment li jaqsam l-ibħra [bastiment għan-navigazzjoni marittima]”, fis-sens tal-Kapitolu 89 tan-NM.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“In-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 89 tan-Nomenklatura Magħquda tistabilixxi li taħt is-subintestaturi 8901 20 10 u 8901 90 10 intitolati “bastimenti għall-baħar” jaqgħu (b’mod partikolari) biss bastimenti ddisinjati għall-baħar. X’għandu jinftiehem, bit-terminu ‘għall-baħar’?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-bwieq ta’ bastimenti kkonċernati għandhomx jiġu kklassifikati f’subintestaturi tan-NM dwar il-bastimenti “li jaqsmu l-ibħra [għan-navigazzjoni marittima]”, jiġifieri, skont in-natura ta’ dawn il-bwieq ta’ bastimenti, is-subintestaturi 8901 20 10 u 8901 90 10, jew f’subintestaturi applikabbli għal bastimenti “oħrajn”, jiġifieri s-subintestaturi 8901 20 90, 8901 90 91 u 8901 90 99.

21      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, konformement man-Nota 1 tal-Kapitolu 89 tal-NM, meta ma jkunx hemm dubju dwar it-tip ta’ bastimenti li jirrigwardaw il-bwieq tal-bastimenti, dawn għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestaturi applikabbli għal dawn il-bastimenti.

22      Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-ispezzjonijiet, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jiġi mfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u min-noti ta’ taqsimiet jew ta’ kapitoli (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Amoena, C‑677/18, EU:C:2019:1142, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Dawn il-karatteristiċi u dawn il-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti għandhom ikunu jistgħu jiġu vverifikati fil-mument tar-rilaxx mid-dwana (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Amoena, C‑677/18, EU:C:2019:1142, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Issa, bħalma rrilevat il-Kummissjoni, fl-assenza ta’ informazzjoni fattwali addizzjonali dwar il-bwieq ta’ bastimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li, f’dan il-każ, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi, li abbażi tagħhom dawn il-bwieq ta’ bastimenti għandhom jiġu kklassifikati, rispettivament, fis-subintestatura 8901 20 tan-NM, bħala tankers, u fis-subintestatura 8901 90 tan-NM, bħala bastimenti oħrajn għat-trasport ta’ merkanzija u bastimenti oħrajn maħsuba kemm għat-trasport ta’ persuni kif ukoll ta’ merkanzija, kienu diġà preżenti fil-mument tar-rilaxx mid-dwana u, għaldaqstant, li l-imsemmija bwieq ta’ bastimenti ma humiex identiċi, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

25      Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li hija adita biha. F’dan id-dawl, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Aramex Nederland, C‑145/16, EU:C:2017:130, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, minn naħa, jirriżulta li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax isservi bħala bwieq li jippermettu li jinqasmu l-oċeani b’tagħbija sħiħa f’temp ħażin. Min-naħa l-oħra, skont id-dikjarazzjonijiet tal-esperti prodotti minn Rensen Shipbuilding, il-bastimenti bid-dimensjonijiet tal-merkanzija kkonċernata għandhom ikunu jistgħu jinnavigaw f’madwar 21 mil nawtiku mill-kosta f’temp ħażin.

27      Għalhekk, sabiex tiddeċiedi l-kawża li hija adita biha, hija rilevanti għall-qorti tar-rinviju l-kwistjoni dwar jekk jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “bastimenti [..] maħsubin biex jaqsmu l-ibħra”, li jinsab fin-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 89 tan-NM, bastimenti li jistgħu jinnavigaw f’madwar 21 mil nawtiku mill-kosta f’temp ħażin.

28      Sabiex tingħata tweġiba għal din il-kwistjoni, għandu jitfakkar li minn din in-nota addizzjonali jirriżulta li jaqgħu taħt is-subintestaturi dwar il-bastimenti għan-navigazzjoni marittima biss il-bastimenti li huma, l-ewwel nett, maħsuba biex jaqsmu l-ibħra u, it-tieni nett, li għandhom buq totali (ħlief xi partijiet li jisporġu ’l barra) ta’ mhux inqas minn 12‑il metru, iżda din it-tieni kundizzjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

29      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-imsemmija nota addizzjonali, l-użu tal-kelma “maħsubin” jimplika li huwa l-mod kif il-bastiment inkwistjoni huwa maħsub li jintuża, u mhux l-użu tiegħu, li huwa determinanti. Għalhekk, “bastiment”, fis-sens tal-istess nota addizzjonali, huwa bastiment li, minħabba l-proprjetajiet inerenti fil-kostruzzjoni tiegħu, jista’ “[jaqsam] l-ibħra”, mingħajr ma jkun rilevanti l-fatt li effettivament ma jintużax f’din il-kwalità.

30      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-espressjoni “jaqsmu l-ibħra”, il-verżjonijiet lingwistiċi tan-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 89 tan-NM ivarjaw. Fil-fatt, minkejja li, b’mod partikolari, il-verżjonijiet fil-lingwa Franċiża (“tenir la haute mer”) u fil-lingwa Olandiża (“vaart in volle zee”) jagħmlu riferiment għall-“ibħra internazzjonali”, il-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża (“seetüchtig”) u fil-lingwa Ingliża (“sea-going”) sempliċement jagħmlu riferiment għall-“baħar”.

31      Minkejja dawn id-diverġenzi, minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tan-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 89 tan-NM jista’ jiġi dedott li bastimenti, sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni, għandhom ikunu jistgħu jaħdmu, b’mod ġenerali, kullimkien fil-baħar, inkluż fl-ibħra internazzjonali.

32      Min-naħa l-oħra, bastiment li, minħabba l-proprjetajiet inerenti fil-kostruzzjoni tiegħu, jista’ jaħdem biss f’żona ddeterminata matul il-kosta, ma jistax jitqies li huwa maħsub sabiex “jaqsam l-ibħra”.

33      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-istruttura tal-Kapitolu 89 tan-NM, peress li dan tal-aħħar jinkludi subintestaturi speċifiċi li jikkorrispondu mal-bastimenti “għan-navigazzjoni marittima”, minn naħa, u mal-bastimenti “oħrajn”, min-naħa l-oħra, u dawn is-subintestaturi tal-aħħar jirrigwardaw, a contrario, il-bastimenti għan-navigazzjoni mhux marittima, jiġifieri n-navigazzjoni fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni, bħall-ixmajjar u l-lagi.

34      Issa, bħalma rrileva l-Gvern Olandiż, id-distinzjoni bejn il-bastimenti għan-navigazzjoni marittima u l-bastimenti għan-navigazzjoni interna ma tibqax rilevanti jekk il-bastimenti kollha għan-navigazzjoni interna kellhom jitqiesu bħala bastimenti għan-navigazzjoni marittima għar-raġuni li dawn teknikament jistgħu jaħdmu f’xi mili nawtiċi mill-kosta.

35      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll min-noti ta’ spjega tan-NM, li, filwaqt li ma humiex legalment vinkolanti, jikkostitwixxu għodda importanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-diversi intestaturi tariffarji (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, TDK-Lambda Germany, C‑559/18, EU:C:2019:667, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-fatt, min-noti ta’ spjega dwar in-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 89 tan-NM jirriżulta li jitqiesu bħala “‘vetturi, iddisinjati bħala għall-baħar’ [‘bastimenti, maħsubin biex jaqsmu l-ibħra’]”, il-bastimenti “li, minħabba l-kostruzzjoni u t-tagħmir tagħhom, huma kapaċi jaħdmu fil-baħar anki f’temp ħażin (irjieħat ta’ madwar qawwa 7 fuq l-iskala Beaufort)”. Ċertament, il-fatt li dawn in-noti ta’ spjega jagħmlu riferiment għall-fatt li jkunu kapaċi jaħdmu “fil-baħar” jippermetti interpretazzjoni skont liema jkun biżżejjed li l-bastiment inkwistjoni jkun jista’ jaħdem xi mkien fil-baħar, anki qrib il-kosta biss. Madankollu, jekk din kienet l-interpretazzjoni maħsuba mill-imsemmija noti ta’ spjega, ma kienx ikun neċessarju li jiġi miżjud, f’dawn l-istess noti ta’ spjega, li għadhom jitqiesu bħala “‘vetturi, iddisinjati bħala għall-baħar’ [‘bastimenti, maħsubin biex jaqsmu l-ibħra’]”, dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ippreċitati, iżda li jintużaw prinċipalment matul il-kosta, fil-bokki tax-xmajjar jew fil-lagi.

37      Minn dan isegwi li bastimenti li jistgħu jaħdmu biss f’massimu ta’ xi mili nawtiċi mill-kosta f’temp ħażin ma jistgħux jitqiesu li huma “bastimenti, maħsubin biex jaqsmu l-ibħra”, fis-sens tan-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 89 tan-NM, u, għalhekk, ma jaqgħux taħt is-subintestaturi dwar il-bastimenti “li jaqsmu l-ibħra [għan-navigazzjoni marittima]”.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 89 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “bastimenti, maħsubin biex jaqsmu l-ibħra”, li jinsab f’din in-nota addizzjonali, bastimenti li, minħabba l-proprjetajiet inerenti fil-kostruzzjoni tagħhom, jistgħu jaħdmu biss f’madwar 21 mil nawtiku mill-kosta f’temp ħażin.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

In-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 89 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008 tad19 ta’ Settembru 2008, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “bastimenti, maħsubin biex jaqsmu l-ibħra”, li jinsab f’din in-nota addizzjonali, bastimenti li, minħabba l-proprjetajiet inerenti fil-kostruzzjoni tagħhom, jistgħu jaħdmu biss f’madwar 21 mil nawtiku mill-kosta f’temp ħażin.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.