Language of document : ECLI:EU:C:2021:480

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

10 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2) – Dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali imperattivi – Skadenza antiċipata tat-terminu ta’ kuntratt ta’ self – Kumulu tal-interessi tas-self u tal-interessi moratorji”

Fil-Kawża C‑192/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Mejju 2020, fil-proċedura

Prima banka Slovensko a.s.

vs

HD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Kumin, President tal-Awla, T. von Danwitz u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lindenthal u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 169(1) TFUE, tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU 1993, L 95, p. 29), kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés (C‑96/16 u C‑94/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Banco Santander u Escobedo Cortés”, EU:C:2018:643).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Prima banka Slovensko a.s. u HD dwar il-ħlas ta’ ammonti dovuti wara l-iskadenza antiċipata tat-terminu ta’ kuntratt ta’ self lill-konsumatur konkluż bejn dawn il-partijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        It-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13 hija fformulata kif ġej:

“Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji” fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra”.

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.      Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

 Id-dritt Slovakk

 Il-Kodiċi Ċivili

7        L-Artikolu 54(1) tal-Občiansky zákonník (il-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

“Il-klawżoli kuntrattwali f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma jistgħux jitbiegħdu minn din il-liġi għad-detriment tal-konsumatur. Il-konsumatur b’mod partikolari ma jistax jirrinunzja bil-quddiem għad-drittijiet mogħtija lilu minn din il-liġi u minn dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi, huwa lanqas ma jista’, b’xi mod ieħor, jaggrava l-pożizzjoni kuntrattwali tiegħu.”

8        Skont kliem l-Artikolu 517(2) tal-Kodiċi Ċivili:

“Fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas ta’ dejn fi flus, il-kreditur għandu d-dritt li jitlob mingħand id-debitur, minbarra l-ħlas, interessi moratorji, jekk dan tal-aħħar ma huwiex obbligat, abbażi ta’ din il-liġi, iħallas penalitajiet moratorji; l-ammont tal-interessi moratorji u tal-penalitajiet moratorji huwa stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni.”

9        L-Artikolu 519 tal-Kodiċi Ċivili huwa fformulat kif ġej:

“Id-dritt tal-kreditur li jikseb kumpens għad-danni kkawżati mid-dewmien tad-debitur ma huwiex affettwat; madankollu, fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas ta’ dejn fi flus, il-kumpens għad-danni jista’ jintalab biss jekk dan tal-aħħar ma huwiex kopert mill-interessi moratorji jew mill-penalitajiet moratorji.”

 Id-Digriet tal-Gvern Nru 87/1995

10      L-Artikolu 3a tad-Digriet tal-Gvern Nru 87/1995 jipprevedi:

“(1)      Jekk l-għan tal-kuntratt konkluż ma’ konsumatur huwa t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi, is-sanzjoni għal dewmien fir-rimbors tal-fondi mill-konsumatur ma tistax taqbeż il-valur medju tar-rata annwali effettiva globali, kif ippubblikata l-aħħar b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni speċifika […] qabel ma seħħ id-dewmien fil-ħlas, ta’ iktar minn 10 punti perċentwali fis-sena u fl-istess ħin ma tistax tkun għola minn tliet darbiet l-interessi moratorji stabbiliti minn dan id-digriet tal-gvern; hija meqjusa bħala determinanti r-rata annwali effettiva globali għal tip simili ta’ self lill-konsumatur.

(2)      Huma meqjusa bħal sanzjoni fis-sens tal-paragrafu 1 l-interessi moratorji, il-penalitajiet kuntrattwali u kull ħlas ieħor abbażi tad-dewmien fil-ħlas ta’ fondi mill-konsumatur.

(3)      Jekk is-sanzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 jilħqu l-ammont tal-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni, is-sanzjonijiet ulterjuri abbażi tad-dewmien fir-rimbors tal-fondi ma jistgħux ikunu superjuri għall-interessi moratorji stabbiliti min dan id-digriet tal-gvern.”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fis‑17 ta’ Ġunju 2016, HD ikkonkluda kuntratt ta’ self lill-konsumatur ma’ Prima banka Slovensko għal ammont ta’ EUR 5 700 b’rata tal-interessi ta’ 7.90 %. Dan is-self kien rimborsabbli b’96 il-pagament fix-xahar.

12      Mix-xahar ta’ Settembru 2017, HD ma wettaqx il-ħlas tal-pagamenti fix-xahar għar-rimbors. Konsegwentement, Prima banka Slovensko ddikjarat l-iskadenza antiċipata tat-terminu tas-self, fit‑28 ta’ Diċembru 2017, u eżiġixxiet ir-rimbors immedjat ta’ EUR 5 083.79 li huwa l-kapital li għadu dovut. Barra minn hekk, Prima banka Slovensko talbet, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ self, b’mod partikolari, il-ħlas ta’ interessi moratorji ta’ 5 %, kemm fuq l-ammont prinċipali tas-self kif ukoll fuq l-interessi dovuti, u dan għall-perijodu mid-dikjarazzjoni ta’ skadenza tat-terminu tas-self sar-rimbors effettiv tat-totalità tal-kapital misluf, kif ukoll il-ħlas tal-interessi ordinarji ta’ 7.90 % għal dan l-istess perijodu.

13      L-Okresný súd Kežmarok (il-Qorti Distrettwali ta’ Kežmarok, is-Slovakkja), adita minn Prima banka Slovensko, permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, min naħa, laqgħet ir-rikors ta’ din tal-aħħar intiż sabiex HD jiġi kkundannat iħallas l-interessi moratorji sar-rimbors komplet tal-kapital misluf u, min-naħa l-oħra, ċaħdet dan ir-rikors sa fejn dan kien jitlob li HD jiġi kkundannat iħallas l-interessi ordinarji għall-imsemmi perijodu, minħabba li d-dritt Slovakk ma jippermettix tali kumulu tal-interessi. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti indikat li klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tipprevedi l-kumulu tal-interessi moratorji u ordinarji diġà ġiet ikklassifikata bħala “inġusta” mill-qrati Slovakki.

14      Prima banka Slovensko appellat minn din is-sentenza, billi sostniet li mis-sentenza Banco Santander u Escobedo Cortés jirriżulta li l-persuna li tissellef li ma onoratx l-obbligi kuntrattwali tagħha hija obbligata, fil-każ ta’ skadenza antiċipata tat-terminu tas-self ikkuntrattat minnha, mhux biss li tħallas l-interessi moratorji, iżda wkoll li tħallas l-interessi ordinarji sar-rimbors tal-kapital misluf.

15      Il-qorti tar-rinviju, adita b’dan l-appell, tindika li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, id-dewmien fil-ħlas ta’ dejn li sar eżiġibbli jagħti lill-kreditur dritt għall-ħlas ta’ interessi moratorji, għall-kumpens għad-danni realment subiti u għall-eventwali ħlas ta’ penalitajiet kuntrattwali. Dawn id-drittijiet huma madankollu limitati, fil-kuntest tal-kuntratti konklużi minn konsumatur, mill-Artikolu 54(1), mill-Artikolu 517(2) u mill-Artikolu 519 tal-Kodiċi Ċivili li jiffissaw limitu għall-ammont tas-sanzjonijiet kollha applikabbli u ma jippermettux li d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt iqiegħdu fuq il-konsumatur obbligi li jmorru lil hinn mill-kumpens għad-danni realment subiti mill-kreditur.

16      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-applikazzjoni akkumulata tal-interessi ordinarji u tal-interessi moratorji għall-perijodu mid-dikjarazzjoni ta’ skadenza antiċipata tat-terminu tas-self sar-rimbors effettiv tal-kapital misluf, min naħa, twassal għall-qbiż tal-limitu stabbilit mil-liġi u, min-naħa l-oħra, neċessarjament twassal għal aggravazzjoni tas-sitwazzjoni tal-konsumatur.

17      Issa, għalkemm huwa minnu li l-interessi ordinarji huma l-kontroparti għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kapital misluf u li dan jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-persuna li tissellef sakemm din ma tkunx irrimborsatu kompletament, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kumulu ta’ dawn l-interessi flimkien mal-interessi moratorji jippermetti li l-bank jikseb iktar mill-kumpens għad-danni realment subiti ggarantit lilu mid-dispożizzjonijiet nazzjonali. Fid-dawl ta’ tali vantaġġ, il-bank jista’ jkun imħeġġeġ jiddikjara l-iskadenza antiċipata tat-terminu ta’ self sa mill-inqas dewmien fil-ħlas. Skont il-qorti tar-rinviju, tali sitwazzjoni jidher li hija iktar ta’ tħassib peress li l-banek b’mod ġenerali ma jirrispettawx l-obbligu li jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-kreditur huwiex solventi qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self, hekk kif previst mid-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki fil-ĠU 2011, L 234, p. 46; fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2009, L 207, p. 14). Issa, skont l-imsemmija qorti, f’dan il-każ, li kieku Prima banka Slovensko kienet wettqet din l-evalwazzjoni, hija kienet tkun tista’ tikkonstata l-assenza ta’ solvenza ta’ HD.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva 93/13[…], u b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha, moqrija flimkien mal-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza [Banco Santander u Escobedo Cortés], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni bħad-dispożizzjoni ta’ qafas protettiva li tinsab fl-Artikolu 54(1) tal-Kodiċi Ċivili, li ma tippermettix li s-sitwazzjoni tal-konsumatur tmur għall-agħar permezz ta’ kuntratt bi ksur tal-leġiżlazzjoni li, fil-każ ta’ ħlas tardiv min-naħa tal-konsumatur fir-rimbors tas-self, tirregola d-drittijiet tal-kreditur bil-mod segwenti:

–        il-kreditur għandu dritt għall-interessi moratorji sal-limitu stabbilit permezz ta’ digriet governattiv;

–        il-kreditur għandu dritt għal penalitajiet oħra li huwa jista’ jimponi fuq il-konsumatur u li, flimkien mal-interessi moratorji, ma jistgħux jeċċedu l-ammont prinċipali tas-self dovut, u

–        il-kreditur għandu dritt għall-kumpens għad-dannu jekk dan ikun ikbar mill-interessi moratorji, jiġifieri għall-kumpens mingħajr limitu għad-dannu sal-ammont tad-dannu reali?

2)      Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali […], tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 169(1) TFUE, jipprekludi li l-konsumatur iħallas, bħala riżultat tad-dewmien tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-impenji kuntrattwali, l-ispejjeż b’rata fissa tal-kreditur minflok id-dannu reali tal-kreditur, għalkemm id-dannu reali jkun inqas mill-ispejjeż b’rata fissa?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

 Fuq l-ammissibbiltà

19      Il-Gvern Slovakk jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda, billi jindika, minn naħa, li d-deċiżjoni tar-rinviju la tesponi r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel din id-domanda u la tesponi r-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 li tagħha qiegħda tintalab l-interpretazzjoni u lanqas ma tesponi l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u, min-naħa l-oħra, li din id-domanda hija ipotetika sa fejn din ma hijiex neċessarja sabiex tiġi deċiża t-tilwima fil-kawża prinċipali, sa fejn din tal-aħħar tista’ tiġi solvuta abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

20      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Slovakka u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 54(1) tal-Kodiċi Ċivili, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 huma r-riżultat tas-sentenza Banco Santander u Escobedo Cortés, li kienet is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet li ma jaqblux bejniethom mill-qrati Slovakki.

21      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li mill-imsemmija sentenza jista’ jiġi dedott, hekk kif issostni Prima banka Slovensko, li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludu l-Artikolu 54(1) tal-Kodiċi Ċivili li, moqri flimkien mal-Artikolu 517(2) u mal-Artikolu 519 tal-Kodiċi Ċivili, kif ukoll flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Digriet tal-Gvern Nru 87/1995, li kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur jippermetti lill-kreditur, fil-każ ta’skadenza antiċipata tat-terminu tas-self, milli jitlob, minbarra l-ħlas tal-interessi moratorji, il-ħlas tal-interessi ordinarji sar-rimbors effettiv tal-kapital misluf.

22      Dan espost, il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li l-klawżoli kuntrattwali li jippermettu l-kumulu tal-interessi ordinarji flimkien mal-interessi moratorji joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għall-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

23      Peress li l-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors intiż sabiex il-konsumatur jiġi kkundannat għall-ħlas tal-interessi ordinarji sar-rimbors effettiv tal-kapital misluf, minbarra l-ħlas tal-interessi moratorji, is-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali neċessarjament tiddependi fuq ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda.

24      Konsegwentement, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi suffiċjentement skont id-dritt kemm ir-raġunijiet li wasslu sabiex il-qorti tar-rinviju tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll ir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 li tagħhom l-imsemmija qorti qiegħda titlob l-interpretazzjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u t-tilwima li biha hija adita l-imsemmija qorti.

25      Konsegwentement, l-ewwel domanda hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Banco Santander u Escobedo Cortés, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-konsumatur li kkonkluda kuntratt ta’ self ma’ bejjiegħ jew fornitur ma jistax ikun obbligat, abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, fil-każ ta’ skadenza antiċipata tat-terminu tas-self, iħallas lill-bejjiegħ jew fornitur l-interessi ordinarji għall-perijodu mid-dikjarazzjoni ta’ din l-iskadenza sar-rimbors effettiv tal-kapital misluf, kemm il-darba l-ħlas tal-interessi moratorji u ta’ penalitajiet oħra kuntrattwali dovuti abbażi tal-imsemmi kuntratt jippermetti li jiġu kkumpensati d-danni reali subiti mill-bejjiegħ jew fornitur.

27      Qabel kollox, għandu jiġi speċifikat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, min naħa, li, abbażi tal-Artikolu 519 tal-Kodiċi Ċivili, il-kreditur għandu d-dritt, fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas ta’ dejn fi flus, li jitlob il-kumpens għad-danni li jirriżultaw minn dan id-dewmien, dejjem sakemm dan tal-aħħar ma huwiex kopert mill-interessi moratorji, li l-ammont tagħhom huwa limitat, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ self konklużi minn konsumaturi, mill-Artikolu 3a tad-Digriet tal-Gvern Nru 87/1995.

28      Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 54(1) tal-Kodiċi Ċivili, il-konsumatur la jista’ jirrinunċja minn qabel għad-drittijiet mogħtija lilu minn dan il-kodiċi jew minn dispożizzjonijiet speċifiċi, u lanqas ma jista’, b’xi mod ieħor, jaggrava l-pożizzjoni kuntrattwali tiegħu.

29      Skont il-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali huma intiżi li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-konsumatur, sa fejn dan tal-aħħar ma jistax ikun obbligat, fil-każ ta’ skadenza antiċipata tat-terminu ta’ kuntratt ta’ self li huwa kkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur, iħallas l-interessi ordinarji, peress li l-ħlas tal-interessi moratorji u ta’ eventwali penalitajiet previsti minn dan il-kuntratt kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-ħlas ta’ kumpens, ikopru d-dannu realment subit minn dan il-bejjiegħ jew fornitur.

30      Sa fejn, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludux l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan ta’ din id-direttiva huwa l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

31      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamenti imperattivi ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva.

32      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat diversi drabi, hekk kif jirriżulta mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva prevista fl-imsemmi Artikolu 1(2), testendi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom u għal dawk li huma applikabbli awtomatikament, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti mill-partijiet f’dan ir-rigward. Din l-esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa ekwilibriju bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti, liema ekwilibriju l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippreżerva b’mod espliċitu (sentenza Banco Santander u Escobedo Cortés, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Essenzjalment, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmija esklużjoni tkopri d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew ir-regolamenti imperattivi differenti minn dawk relatati mal-kontroll tal-klawżoli inġusti, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-portata tas-setgħat tal-qorti nazzjonali sabiex tevalwa l-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali (sentenza Banco Santander u Escobedo Cortés, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari huma liġijiet jew regolamenti u ma humiex riprodotti fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35      Fit-tieni lok, minn-naħa, il-qorti tar-rinviju tispeċifika, hekk kif ġie indikat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li, abbażi tal-Artikolu 54(1) tal-Kodiċi Ċivili, il-konsumatur la jista’ jirrinunċja minn qabel għad-drittijiet mogħtija lilu minn dan il-kodiċi jew minn dispożizzjonijiet speċifiċi, b’tali mod li dawn jimponu ruħhom fuq il-partijiet kontraenti, irrispettivament minn jekk dawn ġewx miftiehma fil-kuntratt inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jikkonċernawx il-portata tas-setgħat tal-qorti nazzjonali sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u, b’mod iktar ġenerali, ma jidhirx li huma relatati mal-istħarriġ tal-klawżoli inġusti. Konsegwentement, bla ħsara għal verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

36      Dan espost, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi klawżola li timponi fuq il-konsumatur ikkonċernat, fil-każ ta’ skadenza antiċipata tat-terminu ta’ dan il-kuntratt, l-obbligu li jħallas lill-bejjiegħ jew fornitur, b’mod partikolari, kemm l-interessi moratorji kif ukoll l-interessi ordinarji għall-perijodu mid-dikjarazzjoni ta’ din l-iskadenza sar-rimbors effettiv tal-kapital misluf. Tali kumulu tal-interessi allegatament ġie, skont Prima banka Slovensko, awtorizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Banco Santander u Escobedo Cortés. Skont din il-parti fil-kawża prinċipali, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-finalità tal-interessi ordinarji bħala li huma l-kontroparti għall-użu tal-fondi sar-rimbors tagħhom. Issa, il-konsumatur qiegħed iwettaq tali użu, b’tali mod li huwa għandu, minħabba f’dan, iħallas ukoll l-interessi ordinarji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix kumulu tal-interessi moratorji u tal-interessi ordinarji, hijiex kompatibbli mal-imsemmija sentenza.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fil-kawża li tat lok għall-istess sentenza, il-qorti tar-rinviju xtaqet, b’mod partikolari, tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li l-konsegwenza tan-natura abbużiva ta’ klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tistabbilixxi r-rata tal-interessi moratorji tikkonsisti fl-eliminazzjoni totali ta’ dawn l-interessi, fejn jibqgħu jiddekorru l-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt.

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, b’mod partikolari fil-punt 75 tas-sentenza Banco Santander u Escobedo Cortés, li d-Direttiva 93/13 ma teħtieġx li l-qorti nazzjonali teskludi, minbarra l-klawżola ddikjarata inġusta, dawk li ma ġewx ikklassifikati bħala tali.

39      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fil-punt 76 ta’ dik is-sentenza, li minn din id-direttiva ma jirriżultax li l-esklużjoni jew l-annullament tal-klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tistabbilixxi r-rata tal-interessi moratorji, minħabba tan-natura inġust tagħha, għandu jwassal ukoll għall-esklużjoni jew l-annullament tal-klawżola ta’ dan il-kuntratt li tistabbilixxi r-rata tal-interessi ordinarji u dan peress li għandha ssir distinzjoni ċara bejn dawn il-klawżoli differenti. F’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, f’dan ir-rigward, l-interessi moratorji huma intiżi sabiex jissanzjonaw in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mid-debitur tal-obbligu tiegħu li jwettaq il-ħlasijiet tas-self fl-iskadenzi miftiehma kuntrattwalment, biex jiskoraġġixxu li dan id-debitur jittardja fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu u, jekk ikun il-każ, biex il-persuna li ssellef tiġi kkumpensata għad-danni subiti minħabba d-dewmien fil-ħlas. Fl-istess punt, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-interessi ordinarji għandhom funzjoni ta’ kumpens għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ somma flus mill-persuna li ssellef sad-data tar-rimbors tagħha.

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat is-soluzzjoni tagħha fuq l-għan imfittex mid-Direttiva 93/13 li huwa l-protezzjoni tal-konsumatur u l-istabbiliment mill-ġdid tal-ekwilibriju bejn il-partijiet billi tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-klawżoli meqjusa bħala inġusti, filwaqt li tinżamm, bħala prinċipju, il-validità tal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt inkwistjoni (sentenza Banco Santander u Escobedo Cortés, punt 75).

41      Konsegwentement, b’kuntrast ma’ dak li donnha tissuġġerixxi Prima banka Slovensko, mis-sentenza Banco Santander u Escobedo Cortés ma jirriżultax li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix li bejjiegħ jew fornitur li kkonkluda kuntratt ta’ self ma’ konsumatur jeżiġi, fil-każ ta’ skadenza antiċipata tat-terminu ta’ dan is-self u abbażi tad-dispożizzjonijiet tiegħu, il-ħlas ta’ interessi ordinarji, miżjuda mal-interessi moratorji, għall-perijodu mid-dikjarazzjoni ta’ din l-iskadenza sar-rimbors komplet tal-kapital misluf.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hijiex applikabbli għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li l-konsumatur li kkonkluda kuntratt ta’ self ma’ bejjiegħ jew fornitur ma jistax ikun obbligat, abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, fil-każ ta’ skadenza antiċipata tat-terminu tas-self, iħallas lill-bejjiegħ jew fornitur l-interessi ordinarji għall-perijodu mid-dikjarazzjoni ta’ din l-iskadenza sar-rimbors effettiv tal-kapital misluf, kemm il-darba l-ħlas tal-interessi moratorji u ta’ penalitajiet oħra kuntrattwali dovuti abbażi tal-imsemmi kuntratt jippermetti li jiġu kkumpensati d-danni reali subiti mill-bejjiegħ jew fornitur.

 Fuq it-tieni domanda

43      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimbors.

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hijiex applikabbli għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li l-konsumatur li kkonkluda kuntratt ta’ self ma’ bejjiegħ jew fornitur ma jistax ikun obbligat, abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, fil-każ ta’ skadenza antiċipata tat-terminu tas-self, iħallas lill-bejjiegħ jew fornitur l-interessi ordinarji għall-perijodu mid-dikjarazzjoni ta’ din l-iskadenza sar-rimbors effettiv tal-kapital misluf, kemm il-darba l-ħlas tal-interessi moratorji u ta’ penalitajiet oħra kuntrattwali dovuti abbażi tal-imsemmi kuntratt jippermetti li jiġu kkumpensati d-danni reali subiti mill-bejjiegħ jew fornitur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.