Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-10 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Krajský súd v Prešove - Is-Slovakkja) – Prima banka Slovensko a.s. vs HD

(Kawża C-192/20) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2) – Dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali imperattivi – Skadenza antiċipata tat-terminu ta’ kuntratt ta’ self – Kumulu tal-interessi tas-self u tal-interessi moratorji)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Krajský súd v Prešove

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Prima banka Slovensko a.s.

Konvenut: HD

Dispożittiv

Bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hijiex applikabbli għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li l-konsumatur li kkonkluda kuntratt ta’ self ma’ bejjiegħ jew fornitur ma jistax ikun obbligat, abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, fil-każ ta’ skadenza antiċipata tat-terminu tas-self, iħallas lill-bejjiegħ jew fornitur l-interessi ordinarji għall-perijodu mid-dikjarazzjoni ta’ din l-iskadenza sar-rimbors effettiv tal-kapital misluf, kemm il-darba l-ħlas tal-interessi moratorji u ta’ penalitajiet oħra kuntrattwali dovuti abbażi tal-imsemmi kuntratt jippermetti li jiġu kkumpensati d-danni reali subiti mill-bejjiegħ jew fornitur.

____________

1     ĠU C 329, 05.10.2020.