Language of document : ECLI:EU:C:2022:513

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

30 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE– Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4(1) – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-servizzi pprovduti minn membru tal-persunal mhux permanenti li sar uffiċjal għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tal-grad personali tiegħu – Assimilazzjoni ta’ dawn is-servizzi għal dawk ipprovduti minn uffiċjal tal-karriera – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ servizz għall-finijiet tal-kisba tal-istatus ta’ uffiċjal – Struttura tal-iżvilupp vertikali tal-uffiċjali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali”

Fil-Kawża C‑192/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

M. Clemente

vs

Comunidad de Castilla y León (Dirección General de la Función Pública),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Passer, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Clemente, minn M. Pérez Rodríguez u F. J. Viejo Carnicero, abogados,

–        għal la Comunidad de Castilla y León (Dirección General de la Función Pública), minn D. Vélez Berzosa, bħala letrada,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li lilu l-qorti tar-rinviju tat l-isem fittizju ta’ “Sur Clemente”, u l-Comunidad de Castilla y León (Dirección General de la Función Pública) (Komunità ta’ Castilla y León (Direttorat Ġenerali tas-Servizz Pubbliku), Spanja) (iktar ’il quddiem il-“Komunità”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar ta’ konsolidazzjoni tal-grad personali li ġie attribwit lir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-persunal mhux permanenti qabel il-ħatra tiegħu bħala uffiċjal.

 Ilkuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, b’mod partikolari, li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

4        Skont il-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas, dan japplika għal kull ħaddiem għal żmien determinat li jkollu kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol iddefinit mil-leġiżlazzjoni, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattiċi fis-seħħ f’kull Stat Membru.

5        Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprevedi: “1. Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku. Għall-iskop ta’ dan il-ftehim

1.      ‘ħaddiem għal terminu fiss’ [żmien determinat] ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet […]”

6        Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

 Iddritt Spanjol

7        L-Artikolu 69 tal-Ley 7/2005 de la Función Pública de Castilla y León (il-Liġi 7/2005 dwar is-Servizz Pubbliku tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u Léon), tal‑24 ta’ Mejju 2005 (BOE Nru 162, tat‑8 ta’ Lulju 2005, p. 24200) jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Irrispettivament mill-pożizzjoni okkupata minnu, l-uffiċjal għandu d-dritt li jirċievi, tal-inqas, l-allowance għall-kariga relatata mal-pożizzjonijiet tal-livell li jikkorrispondi għall-grad personali tiegħu.”

8        Id-decreto 17/2018 por el que se regula la consolidación, convalidación y conservación del grado personal (id-Digriet17/2018 li Jirregola l-Konsolidazzjoni, il-Konferma u ż-Żamma tal-Grad Personali), tas‑7 ta’ Ġunju 2018 (BOCyL Nru 113, tat‑13 ta’ Ġunju 2018, iktar ’il quddiem id-“Digriet 17/2018”), li, skont l-Artikolu 2 tiegħu, japplika għall-uffiċjali tal-Komunità, jipprevedi, fl-Artikolu 3 tiegħu:

“1.      Il-konsolidazzjoni tal-grad personali hija suġġetta għall-fatt li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      Il-ħatra f’pożizzjoni b’mod definittiv, ħlief għall-grad ta’ tluq tal-iżvilupp professjonali amministrattiv.

b)      L-okkupazzjoni effettiva ta’ pożizzjoni waħda jew iktar ta’ livell korrispondenti.

2.      Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti skont il-modalitajiet deskritti fid-dispożizzjonijiet li ġejjin.”

9        Skont l-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet:

“1.      Il-konsolidazzjoni tal-grad personali tirrikjedi li jkun inħatar b’mod definittiv f’pożizzjoni ta’ livell daqs jew ogħla għal dak tal-grad li għandu jiġi kkonsolidat.

2.      L-iżvilupp professjonali amministrattiva madankollu jibda mill-grad tat-tluq li jikkorrispondi għal-livell tal-pożizzjoni assenjata lill-uffiċjal wara li jkun għadda mill-proċess ta’ selezzjoni korrispondenti, indipendentement mill-modalità ta’ okkupazzjoni tal-imsemmija pożizzjoni, bla ħsara għal talba volontarja ta’ konsolidazzjoni ta’ grad inferjuri.”

10      L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi digriet jipprevedi li:

“Il-konsolidazzjoni tal-grad personali huwa suġġett għall-okkupazzjoni, b’mod provviżorju jew definittiv, ta’ pożizzjoni jew pożizzjonijiet ta’ livell daqs jew ogħla għal dak tal-grad li għandu jiġi kkonsolidat, għal perijodu mhux interrott ta’ sentejn jew matul perijodu totali ta’ tliet snin fil-każ ta’ interruzzjoni. Meta ż-żewġ ċirkustanzi jkunu ssodisfatti, il-konsolidazzjoni sseħħ fl-iktar data favorevoli għall-uffiċjal.”

11      L-Artikolu 6 ta’ dan l-istess digriet huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-grad li jrid jiġi kkonsolidat jista’ jkun ogħla mill-grad personali diġà miksub sa massimu ta’ żewġ gradi, iżda fl-ebda każ ma jista’ jaqbeż il-livell tal-pożizzjoni miksuba b’mod definittiv, u lanqas l-intervall ta’ livelli li jikkorrispondu għas-sottogrupp jew għall-grupp ta’ klassifikazzjoni professjonali li taħtu taqa’ l-imsemmija pożizzjoni.

2.      It-tul ta’ okkupazzjoni ta’ pożizzjoni fuq bażi temporanja, kemm jekk bħala kollokament jew assenjazzjoni provviżorja, jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konsolidazzjoni biss jekk il-livell tal-pożizzjonijiet okkupati b’mod temporanju jkun daqs jew ogħla minn dak tal-grad li għandu jiġi kkonsolidat.

3.      Il-kisba ta’ grad personali ġdid hija suġġetta għall-mogħdija ta’ perijodu minimu ta’ sentejn mid-data ta’ konsolidazzjoni tal-grad preċedenti.

4.      Il-perijodi ta’ okkupazzjoni huma kkalkolati b’mod kronoloġiku u huma kkalkolati darba biss għall-finijiet tal-konsolidazzjoni.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

12      Mit‑28 ta’ Mejju 2001 sal‑21 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali okkupa, bħala membru tal-persunal mhux permanenti u bis-saħħa ta’ ħatra unika, il-pożizzjoni ta’ veterinarju koordinatur fi ħdan il-Komunità. Skont il-klassifikazzjoni tal-pożizzjonijiet tas-servizz pubbliku applikabbli għal din tal-aħħar, li permezz tagħha l-pożizzjonijiet kollha huma kklassifikati fuq skala li tvarja bejn il‑1 u t‑30, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ngħata l-grad personali 24 għal din il-pożizzjoni.

13      Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Marzu 2006, fil-kuntest tal-proċess intiż sabiex l-impjieg temporanju jsir permanenti u sabiex jiġi stabbilizzat l-impjieg tal-persunal tas-saħħa, infetħu eżamijiet ta’ selezzjoni għad-dħul fil-korp tekniku superjuri universitarju, speċifikament b’rabta mal-ispeċjalità “saħħa” (veterinarji), tal-Komunità. Dan id-digriet kien jipprevedi li s-servizzi pprovduti bħala membru tal-persunal mhux permanenti f’pożizzjonijiet assenjati lill-imsemmi korp kienu jiġu vvalutati sa 0.25 punt għal kull xahar sħiħ ta’ servizz, fil-limitu ta’ massimu ta’ 40 punt.

14      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħa sehem b’suċċess fl-imsemmija eżamijiet u nħatar, fl‑10 ta’ Novembru 2015, b’effett mit‑22 ta’ Jannar 2008, f’pożizzjoni definittiva li fir-rigward tagħha ġie rrikonoxxut lilu l-grad personali 22.

15      Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lill-Komunità sabiex tikkonsolida l-grad personali 24, minħabba li huwa kien okkupa pożizzjoni li tikkorrispondi għal dan il-grad bħala membru tal-persunal mhux permanenti.

16      Il-Komunità ċaħdet din it-talba, minħabba li l-livell tal-pożizzjonijiet okkupati bħala membru tal-persunal mhux permanenti jew provviżorjament ma jistax jiġi kkonsolidat u li l-pożizzjoni permanenti li għaliha nħatar ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kienet tikkorrispondi għal grad inqas għall-grad mitlub.

17      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-qorti tal-ewwel istanza kompetenti, li ddeċidiet li huwa seta’ jippretendi biss il-grad personali 22, li jikkorrispondi għal-livell tal-pożizzjoni permanenti li fiha huwa kien inħatar bħala uffiċjal.

18      Adita bl-appell ippreżentat kontra din is-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León, Spanja), il-qorti tar-rinviju, tirrileva li l-konsolidazzjoni tal-grad tal-persunal 24 tkun implikat il-promozzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fi grad ogħla minn dak — il-grad 22 — li jikkorrispondi għall-pożizzjoni li huwa nħatar b’mod definittiv, bi ksur tal-kundizzjonijiet ta’ konsolidazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tad-Digriet 17/2018.

19      Fir-rigward tal-kompatibbiltà tar-rifjut tal-Komunità li tikkonsolida bil-grad personali 24 tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jikkorrispondi għall-pożizzjoni li huwa kien jokkupa bħala membru tal-persunal mhux permanenti mal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kunċett ta’ “ħaddiem komparabbli għal żmien indeterminat” li jinsab f’din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, meta huwa kien membru tal-persunal mhux permanenti, kienet identika għal dik ta’ uffiċjal li jokkupa l-istess pożizzjoni f’dak li jikkonċerna l-funzjonijiet, il-lawrja rikjesta, ir-reġim, il-post u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol, b’tali mod li, fir-rigward tal-konsolidazzjoni tal-grad personali, dawn huma, bħala prinċipju, ħaddiema paragunabbli. Il-qorti tar-rinviju tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenza 1592/2018 tas‑7 ta’ Novembru 2018 (ES:TS:2018:3744), li permezz tagħha t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), billi ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, fis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557), iddeċidiet li, fid-dawl tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet bejn il-membri tal-persunal mhux permanenti u l-uffiċjali, is-servizzi pprovduti mill-membri tal-persunal mhux permanenti setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tal-grad personali.

20      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jitlobx li l-benefiċċju tal-konsolidazzjoni tal-grad personali 24 jiġi rrikonoxxut lilu b’mod retroattiv, bħala uffiċjal, fid-data tar-reklutaġġ tiegħu bħala membru tal-persunal mhux permanenti, iżda li s-servizzi preċedentement ipprovduti bħala membru tal-persunal mhux permanenti jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tal-grad personali 24 fid-data tal-ħatra tiegħu bħala uffiċjal. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tfakkar li uffiċjal li jokkupa b’mod temporanju, b’mod partikolari fil-każ ta’ kollokament, pożizzjoni ta’ livell ogħla jibbenefika minn konsolidazzjoni mhux tal-grad li jikkorrispondi għal din il-pożizzjoni iżda minn dak li jikkorrispondi għall-pożizzjoni li għaliha huwa nħatar b’mod definittiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fil-kuntest tal-kawża prinċipali u tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat komparabbli” għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa marbut esklużivament man-natura tar-relazzjoni mal-Komunità, jiġifieri skont jekk huwiex uffiċjal jew membru tal-persunal mhux permanenti, jew jekk hemmx lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura definittiva jew temporanja tal-pożizzjoni okkupata mill-uffiċjal.

21      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tressaq żewġ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, li jistgħu jiġġustifikaw li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni s-servizzi pprovduti bħala membru tal-persunal mhux permanenti għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tal-grad personali wara l-ħatra tiegħu bħala uffiċjal. Minn naħa, sa fejn dawn is-servizzi ttieħdu inkunsiderazzjoni waqt il-proċess ta’ selezzjoni għall-kisba tal-istatus ta’ uffiċjal, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tal-grad jagħti lok għal evalwazzjoni doppja li twassal sabiex il-persuni fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jingħataw trattament iktar vantaġġuż minn dak li jibbenefikaw minnu l-uffiċjali li ma kinux membri tal-persunal mhux permanenti.

22      Min-naħa l-oħra, għall-uffiċjali, l-iżvilupp professjonali vertikali u, għaldaqstant, il-kisba ta’ gradi li jikkonsolidaw ikun progressiv, li huwa l-konsegwenza tal-istruttura amministrattiva nnifisha u għandu l-għan li jimmotiva dawn l-uffiċjali u li jtejjeb il-provvista ta’ servizzi tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-membri tal-persunal mhux permanenti ma jintegraw l-ebda korp u ma huma kklassifikati f’ebda grupp, sa fejn jinħatru sabiex ikopru pożizzjonijiet vakanti f’diversi korpi u gruppi skont il-bżonn, u ma jokkupawx pożizzjoni definittiva. Issa, il-konsolidazzjoni tal-grad li jikkorrispondi għall-pożizzjoni okkupata bħala membru tal-persunal mhux permanenti tista’ toħloq “qbiż” u “avvanzi” fl-imsemmi żvilupp professjonali vertikali bħala uffiċjal, mingħajr ma jiġu osservati r-rekwiżiti legali l-oħra, ħaġa li tiżnatura l-istruttura ta’ dan l-iżvilupp.

23      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), fil-passat, ikkunsidrat li l-konsolidazzjoni tal-grad personali kienet possibbli biss meta l-pożizzjoni kienet okkupata b’mod definittiv, fid-dawl tal-importanza tagħha fl-istruttura tas-servizz pubbliku, fis-sentenza tagħha ċċitata fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, applikat il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, mingħajr kunsiderazzjoni tan-natura definittiva tal-pożizzjoni okkupata. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-punti 47 u 50 tas-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui (C‑72/18, EU:C:2019:516), li tikkonċerna remunerazzjoni addizzjonali mogħtija lill-uffiċjali u mhux lill-membri tal-persunal mhux permanenti, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet distinzjoni bejn id-differenza fit-trattament ibbażata biss fuq l-anzjanità u dik ibbażata fuq il-promozzjoni għall-gradi superjuri, li tagħti x’tifhem li din l-aħħar differenza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata minn elementi oħra li jiżdiedu ma’ sempliċi tul ta’ okkupazzjoni tal-pożizzjoni kkonċernata.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla-u-León) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘ħaddiem komparabbli permanenti’ użat fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-konsolidazzjoni tal-grad personali, is-servizz imwettaq bħala impjegat temporanju taċ-ċivil minn impjegat permanenti taċ-ċivil, qabel ma kiseb dan l-istatus, huwa paragunabbli għas-servizz imwettaq minn impjegat permanenti taċ-ċivil ieħor?

|2)      Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas […] għandha tiġi interpretata fis-sens li, kemm il-fatt li dan iż-żmien diġà ġie stmat u kkalkolat għall-ksib tal-istatus ta’ impjegat permanenti taċ-ċivil, kif ukoll l-istruttura tal-karriera vertikali tal-impjegati taċ-ċivil fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw li s-servizz imwettaq bħala impjegat temporanju taċ-ċivil minn impjegat permanenti taċ-ċivil, qabel ma kiseb dan l-istatus, ma jitteħidx inkunsiderazzjoni għall-konsolidazzjoni tal-grad personali?”

 Fuq iddomandi preliminari

25      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tal-grad personali, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni s-servizzi li uffiċjal ikun ipprovda bħala membru tal-persunal mhux permanenti qabel ma jkollu aċċess għall-istatus ta’ uffiċjal.

26      Qabel kollox, għandu jitfakkar li d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li jorbtuhom mal-persuna li timpjegahom (digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Cenceno Meléndez, C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ftehim qafas huma għalhekk intiżi li japplikaw għall-kuntratti u għar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u mal-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku (digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez, C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, bħala membru tal-persunal mhux permanenti mal-Komunità għal iktar minn sitt snin, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ikkunsidrat bħala “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-Ftehim qafas.

29      Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tipprojbixxi li jiġu ttrattati, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli unikament għar-raġuni li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, konformement mal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas, dan japplika għall-ħaddiema għal żmien determinat kif iddefiniti fil-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, il-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali sussegwentement kiseb il-kwalità ta’ uffiċjal u, għaldaqstant, dak ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat, ma jipprekludihx milli jinvoka l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, sa fejn huwa jqiegħed inkwistjoni differenza fit-trattament, għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tiegħu, għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tal-grad tiegħu, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-servizzi li wettaq bħala membru tal-persunal mhux permanenti stabbilit qabel ma ġie maħtur uffiċjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, li l-konsolidazzjoni tal-grad personali fir-rigward tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, skont il-ġurisprudenza stabbilita, li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt dan il-kunċett huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstei, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 25).

32      Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikoli 3 sa 5 tad-Digriet 17/2018 jirriżulta li l-konsolidazzjoni tal-grad personali hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri “l-ħatra f’pożizzjoni b’mod definittiv, ħlief għall-grad ta’ tluq tal-iżvilupp professjonali amministrattiv”, u “l-okkupazzjoni effettiva ta’ pożizzjoni waħda jew iktar ta’ livell korrispondenti” għall-pożizzjoni okkupata preċedentement. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 69(1) tal-Liġi 7/2005 dwar is-Servizz Pubbliku tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u Léon, l-imsemmija konsolidazzjoni tiggarantixxi lill-uffiċjal id-dritt li jirċievi r-remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-grad personali kkonsolidat anki fil-każ ta’ bidla fil-pożizzjoni. Hija tikkostitwixxi wkoll kundizzjoni minn qabel għall-iżvilupp professjonali vertikali tal-uffiċjal.

33      Għaldaqstant, sa fejn mill-formulazzjoni tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dawn huma bbażati fuq il-premessa li l-membri tal-persunal mhux permanenti huma ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-uffiċjali fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-servizzi pprovduti f’dawn il-kwalitajiet rispettivi għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tal-grad personali, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas.

34      Sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-klawżola 3(2) u mal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl tal-fatturi kollha, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstei, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 34).

35      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk l-uffiċjali u l-membri tal-persunal mhux permanenti jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), mid-deċiżjoni tar-rinviju stess jirriżulta li, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, meta huwa kien membru tal-persunal mhux permanenti, kienet identika għal dik tiegħu bħala uffiċjal għal dak li jirrigwarda l-funzjonijiet ta’ veterinarju koordinatur, il-lawrja rikjesta, ir-reġim, il-post u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

36      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li uffiċjal li jokkupa b’mod temporanju, jiġifieri fil-kuntest ta’ kollokament, pożizzjoni ta’ livell ogħla minn dik li fiha nħatar b’mod definittiv jikkonsolida l-grad li jikkorrispondi mhux għall-pożizzjoni okkupata fil-kuntest ta’ kollokament iżda għall-pożizzjoni li għaliha nħatar definittivament. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk il-konsolidazzjoni, minn uffiċjal, tal-grad ogħla li kellu meta huwa kien membru tal-persunal mhux permanenti kinitx tikkostitwixxi diskriminazzjoni inversa għad-detriment tal-uffiċjali.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mill-formulazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas jirriżulta li huwa biżżejjed li l-ħaddiema għal żmien determinat inkwistjoni jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli, sabiex dawn il-ħaddiema tal-ewwel ikunu intitolati li jitolbu l-benefiċċju ta’ din il-klawżola (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 31).

38      Issa, jidher li r-rikorrent fil-kawża prinċipali okkupa għal diversi snin, bħala membru tal-persunal mhux permanenti u bis-saħħa ta’ ħatra unika, il-pożizzjoni ta’ veterinarju koordinatur mal-Komunità, li għaliha ngħata l-grad personali 24 skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-pożizzjonijiet applikabbli għal din tal-aħħar. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha titqabbel ma’ dik ta’ uffiċjal li jokkupa tali pożizzjoni b’mod definittiv.

39      Minn dan isegwi, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-elementi rilevanti kollha, li għandu jitqies li s-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal mhux permanenti, bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali qabel il-kisba minnu tal-istatus ta’ uffiċjal, hija paragunabbli ma’ dik ta’ uffiċjal li jokkupa, b’mod definittiv, l-istess pożizzjoni bħal dik okkupata mill-imsemmi membru tal-persunal.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk hemmx “raġuniijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, sabiex tiġi ġġustifikata tali differenza fit-trattament imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza.

41      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tax-xogħol ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li taqa’ fih u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imħaddan u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi l-kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui, C‑72/18, Montero Mateos, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għall-kuntrarju, l-imsemmi kunċett għandu jinftiehem li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata mill-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali jew astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (ara, s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      L-użu tan-natura temporanja tax-xogħol tal-membri tal-persunal mhux permanenti ma jistax jikkostitwixxi, waħdu, raġuni oġġettiva, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet eventwali tad-differenza fit-trattament ikkonstatata fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirreferi, minn naħa, għall-iżvilupp professjonali vertikali tal-uffiċjali, li hija progressiva u li tirriżulta mill-istruttura amministrattiva stess.

45      F’dan ir-rigward, sa fejn l-iżvilupp professjonali vertikali kif ukoll il-konsolidazzjoni tal-grad personali huma inerenti għar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitfakkar li, id-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istat Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tagħhom, huma jistgħu, bħala prinċipju, mingħajr ma jiksru d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas, jipprevedu għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kwalità ta’ uffiċjali permanenti kif ukoll għall-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ dawn l-uffiċjali (sentenzi tat‑20 ta’ Ġunju 2019, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għalkemm id-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas għalhekk ma jipprekludux, bħala prinċipju, li l-konsolidazzjoni tal-grad personali tkun irriżervata għall-uffiċjali biss, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tistax timponi kundizzjoni ġenerali u astratta li tirrigwarda biss in-natura temporanja tax-xogħol tal-membri tal-persunal mhux permanenti, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-kompiti mwettqa u tal-karatteristiċi inerenti għalihom.

47      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali tipprevedi li s-sempliċi fatt tal-okkupazzjoni temporanja, minn uffiċjal, ta’ pożizzjoni li għaliha jikkorrispondi grad ogħla għal dak li jikkorrispondi għall-pożizzjoni okkupata minnu b’mod definittiv ma jagħtihx awtomatikament id-dritt li jikkonsolida dan il-grad ogħla.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li uffiċjal ikun jista’ jikkonsolida fil-grad ogħla tiegħu li kellu meta huwa kien membru tal-persunal mhux permanenti jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni inversa għad-detriment tal-uffiċjali li ġew ikkollokati b’mod temporanju f’pożizzjoni li għaliha jikkorrispondi grad ogħla minn dak korrispondenti għall-pożizzjoni li għaliha huma nħatru b’mod definittiv.

49      Għaldaqstant, sa fejn, filwaqt li teskludi l-konsolidazzjoni awtomatika tal-grad okkupat b’mod temporanju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-grad li għandu jiġi kkonsolidat, il-perijodu okkupat f’pożizzjoni temporanja, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi applikata b’mod ugwali għall-persuni li jkunu okkupaw din il-pożizzjoni temporanja bħala membri tal-persunal mhux permanenti jew bħala uffiċjali maħtura b’mod definittiv.

50      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li, sa fejn is-servizzi pprovduti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali bħala membru tal-persunal mhux permanenti ttieħdu inkunsiderazzjoni waqt il-proċess ta’ selezzjoni li ppermettielu jikseb l-istatus ta’ uffiċjal, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tal-grad personali jwassal għal evalwazzjoni doppja ta’ dawn is-servizzi, li jwassal sabiex ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jingħata trattament vantaġġuż meta mqabbel ma’ uffiċjali oħra.

51      Madankollu, l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-istatus ta’ uffiċjal u l-benefiċċju minn tali uffiċjal tal-konsolidazzjoni tal-grad personali, li, hekk kif jissemma fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi kundizzjoni tal-impjieg, huma żewġ aspetti distinti tas-sistema applikabbli għall-uffiċjali, b’tali mod li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-servizzi pprovduti mill-persuna kkonċernata bħala membru tal-persunal mhux permanenti abbażi tal-aċċess għall-istatus ta’ uffiċjal jew għall-konsolidazzjoni tal-grad personali ma jistax jitqies li jwassal biss għal evalwazzjoni doppja tal-imsemmija servizzi għall-finijiet tal-konsolidazzjoni biss tal-grad personali.

52      Għaldaqstant, għalkemm, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, huwa leġittimu li jiġu previsti kundizzjonijiet ta’ aċċess għar-regolamenti tal-persunal, l-istabbiliment ta’ tali kundizzjonijiet ta’ aċċess ma jistax jiġġustifika differenza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-imsemmija konsolidazzjoni.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tal-grad personali, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni s-servizzi li uffiċjal ikun ipprovda bħala membru tal-persunal mhux permanenti qabel ma jkollu l-istatus ta’ uffiċjal.

 Fuq lispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [xogħol għal żmien determinat], konkluż fit18 ta’ Marzu 1999, jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, għall-finijiet tal-konsolidazzjoni tal-grad personali, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni s-servizzi li uffiċjal ikun ipprovda bħala membru tal-persunal mhux permanenti qabel ma jkollu l-istatus ta’ uffiċjal.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.