Language of document : ECLI:EU:C:2023:347

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

27 ta’ April 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7(1) – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal-leave annwali mħallas – Estinzjoni ta’ dan id-dritt – Skema ta’ rtirar progressiv mix-xogħol – Ġranet ta’ leave annwali mħallas miksuba matul il-fażi ta’ xogħol imwettqa abbażi ta’ din l-iskema iżda li għadhom ma ttieħdux – Inkapaċità għax-xogħol”

Fil-Kawża C‑192/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

FI

vs

Bayerische Motoren Werke

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal FI, minn A. Köhl, Rechtsanwältin,

–        għal Bayerische Motoren Werke AG, minn A. Nowak, Rechtsanwalt

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, FI, u, min-naħa l-oħra, Bayerische Motoren Werke AG dwar il-kumpens għal-leave li FI jallega li għandu dritt għalih.

 Ilkuntest ġuridiku

3        Skont il-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2003/88:

“(4)      It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.

(5)      Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan. […]”

4        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave annwali”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

 Iddritt Ġermaniż

5        L-Artikolu 7 tal-Bundesurlaubsgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Leave) tat‑8 ta’ Jannar 1963 (BGBl. 1963, p. 2), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, intitolat “Data, trasferiment u kumpens għal leave”, jipprovdi:

“(1)      Waqt id-determinazzjoni tad-dati tal-leave, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni x-xewqat tal-ħaddiem fil-qasam, sakemm dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jmurx kontra l-interessi imperattivi tal-impriża jew ix-xewqat ta’ ħaddiema oħra li, minħabba kunsiderazzjonijiet soċjali, jistħoqqilhom il-prijorità. Il-leave għandu jingħata meta l-ħaddiem jitolbu wara miżura ta’ mediċina preventiva jew riabilitazzjoni.

[…]

(3)      Il-leave għandu jingħata u jittieħed matul is-sena kalendarja kurrenti. Trasferiment tal-leave għas-sena kalendarja sussegwenti huwa permess biss jekk dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi marbutin mal-impriża jew mal-ħaddiem innifsu. F’każ ta’ trasferiment, il-leave għandu jingħata u jittieħed matul l-ewwel tliet xhur tas-sena kalendarja suċċessiva. Madankollu, fuq talba tal-ħaddiem, il-leave parzjali miksub skont l-Artikolu 5(1)(a) għandu jiġi ttrasferit għas-sena kalendarja suċċessiva. […]

(4)      Jekk, minħabba t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-leave ma għadux jista’ jingħata totalment jew parzjalment, għandu jkun hemm dritt għal allowance kumpensatorja.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

6        FI kien impjegat minn Bayerische Motoren Werke mis-sena 1986 sat‑30 ta’ Settembru 2019. FI ilu rtirat mill‑1 ta’ Ottubru 2019.

7        Fl-aħħar tas-sena 2012, fil-kuntest tal-iskema ta’ rtirar progressiv, FI u Bayerische Motoren Werke qablu li jbiddlu r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom f’relazzjoni ta’ xogħol part-time fil-kuntest tal-iskema ta’ rtirar progressiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien previst li FI kellu jaħdem mill‑1 ta’ Frar 2013 sal‑31 ta’ Mejju 2016 u li kien jibbenefika minn perijodu ta’ dispensa mix-xogħol mill‑1 ta’ Ġunju 2016 sat‑30 ta’ Settembru 2019.

8        FI ħa leave mill‑4 sal‑25 ta’ Mejju 2016, sabiex juża l-leave rimanenti tiegħu għas-sena 2016. Madankollu, peress li kien marid matul dan il-perijodu, ma setax jieħu jumejn u żewġ terzi ta’ jum leave qabel it-tmiem ta’ Mejju 2016.

9        Matul is-sena 2019, FI adixxa lill-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali, il-Ġermanja) b’rikors dirett kontra Bayerische Motoren Werke sabiex jikseb kumpens għall-ġranet ta’ leave mhux meħuda, billi sostna f’dan ir-rigward li huwa ma setax jieħu dawn il-ġranet ta’ leave minħabba mard.

10      L-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali) ċaħdet dan ir-rikors għar-raġuni li, kif sostniet Bayerische Motoren Werke, id-dritt għal-leave għas-sena 2016 kien skada fil‑31 ta’ Marzu 2017 f’nofsillejl. Skont din il-qorti, il-fatt li Bayerische Motoren Werke ma avżatx lil FI bil-ħtieġa li juża l-leave tiegħu huwa irrilevanti peress li kien impossibbli għalih li jagħmel dan fid-dawl tad-dispensa mix-xogħol li kien jibbenefika minnha mill‑1 ta’ Ġunju 2016 sat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, fit‑30 ta’ Settembru 2019.

11      FI appella, mingħajr suċċess, mis-sentenza tal-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali) quddiem il-Landesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Superjuri, il-Ġermanja). Sussegwentement, huwa adixxa lill-qorti tar-rinviju, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), b’appell għal reviżjoni.

12      Din il-qorti għandha dubji dwar l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 7(3) tal-Liġi Federali dwar il-Leave, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, li, skont l-istess qorti, tipprevedi l-estinzjoni tad-drittijiet tiegħu għal-leave mhux meħud fl-iskadenza ta’ ċertu terminu meta jsir impossibbli għall-ħaddiem li juża l-ġranet ta’ leave tiegħu minħabba dispensa mix-xogħol. Il-qorti tar-rinviju tfittex b’mod partikolari li tiddetermina sa fejn il-persuna li timpjega effettivament qiegħdet lill-ħaddiem ikkonċernat f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88] jew l-Artikolu 31(2) tal-[Karta] jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 7(3) tal-[Liġi Federali dwar il-Leave], li skontha d-dritt ta’ ħaddiem għal-leave annwali mħallas miksub fil-fażi tax-xogħol ta’ relazzjoni ta’ xogħol part-time fil-kuntest ta’ rtirar progressiv mix-xogħol li jkun għadu ma ġiex eżerċitat jintilef [matul il-]fażi ta’ dispensa mix-xogħol fit-tmiem tas-sena ta’ riferiment tal-leave jew f’data sussegwenti? Fil-każ ta’ risposta negattiva mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda:

2)      L-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88] jew l-Artikolu 31(2) tal-[Karta] jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 7(3) tal-Liġi Federali dwar il-Leave, li skontha d-dritt għal-leave annwali mħallas, li jkun għadu ma ġiex eżerċitat, ta’ ħaddiem li, matul is-sena ta’ riferiment tal-leave, jgħaddi mill-fażi tax-xogħol għall-fażi ta’ dispensa mix-xogħol ta’ relazzjoni ta’ xogħol part-time fil-kuntest ta’ rtirar progressiv mix-xogħol, jintilef fl-aħħar tas-sena ta’ riferiment jew f’data sussegwenti, meta l-persuna li timpjega – mingħajr ma tkun issodisfat minn qabel l-obbligi tagħha ta’ kooperazzjoni għar-realizzazzjoni tad-dritt għal leave – tkun tat lill-ħaddiem, konformement mat-talba tiegħu, il-leave annwali kollu għal perijodu li ppreċeda b’mod immedjat il-bidu tal-fażi ta’ dispensa mix-xogħol, iżda d-dritt għal-leave ma jkunx seta’ jiġi eżerċitat – tal-inqas parzjalment – minħabba inkapaċità għax-xogħol tal-ħaddiem ikkawżata minn marda wara l-għoti tal-leave?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

14      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jew l-Artikolu 31(2) tal-Karta jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ġranet ta’ leave annwali mħallas, miksuba matul il-fażi tax-xogħol imwettaq fil-kuntest tal-iskema ta’ rtirar progressiv mix-xogħol iżda mhux meħud, jistgħu jintilfu peress li ma jistgħux jittieħdu matul il-perijodu ta’ dispensa mix-xogħol.

15      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li kull ħaddiem huwa intitolat għal leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. VincenzKrankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

16      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu, fil-kwalità tiegħu ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt soċjali tal-Unjoni, mhux biss importanza partikolari, iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17      Għalhekk, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jirrifletti u jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 115). Fil-fatt, filwaqt li din l-aħħar dispożizzjoni tiggarantixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, l-ewwel dispożizzjoni tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari it-tul tal-imsemmi perijodu.

18      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar ukoll li d-dritt għal-leave annwali jikkostitwixxi biss wieħed miż-żewġ aspetti tad-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju fundamentali ta’ dritt soċjali tal-Unjoni. Fil-fatt, meta r-relazzjoni ta’ xogħol tkun intemmet u meta, għaldaqstant, it-teħid effettiv tal-leave annwali mħallas ma jkunx iktar possibbli, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-ħaddiem għandu dritt għal kumpens finanzjarju sabiex jiġi evitat li, minħabba din l-impossibbiltà, kull tgawdija mill-ħaddiem ta’ dan id-dritt, anki taħt forma pekunjarja, tiġi eskluża (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punti 29 u 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19      L-imsemmi dritt fundamentali għaldaqstant jinvolvi wkoll dritt għal ksib ta’ ħlas kif ukoll, bħala dritt inerenti għal dan id-dritt għal-leave annwali “imħallas”, id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud meta r-relazzjoni tax-xogħol tiġi fi tmiemha (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-Karta hija meħtieġa, kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tagħha, meta l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Koch Personaldienstleistungen, C‑514/20, EU:C:2022:19, punt 26).

21      Peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tali implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/88, huwa għalhekk fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta li dan l-Artikolu 7 għandu jiġi interpretat sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix tali leġiżlazzjoni.

22      Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jistabbilixxi l-ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dik relatata mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni tax-xogħol tkun intemmet u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ntemmet (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għad-dritt fundamentali għal-leave annwali mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, biss fl-osservanza tal-kundizzjonijiet stretti previsti fl-Artikolu 52(1) tagħha u, b’mod partikolari, il-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      Għalhekk, kwalunkwe deroga mis-sistema tal-Unjoni fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol prevista mid-Direttiva 2003/88 għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardati l-interessi li din id-deroga tippermetti li jiġu protetti (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-kuntest, jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761, punti 38 u 39), li kull perijodu ta’ trasferiment previst mid-dritt ta’ Stat Membru, minbarra li għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom jinsab il-ħaddiem li ma huwiex kapaċi għax-xogħol, huwa intiż ukoll sabiex jipproteġi lill-persuna li timpjega minn riskju ta’ kumulu kbir wisq ta’ perijodi ta’ assenza tal-ħaddiem u diffikultajiet li dawn jistgħu jimplikaw għall-organizzazzjoni tax-xogħol.

26      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li assenza għal raġunijiet ta’ saħħa hija, bħala prinċipju, imprevedibbli u indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz‑Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Issa, huwa biss fil-każ ta’ assenza għal żmien twil għal raġunijiet ta’ saħħa li l-persuna li timpjega għandha tibża’ li l-ħaddiem ma jakkumulax perijodi ta’ assenza fit-tul, li jistgħu jesponuh għal diffikultajiet fir-rigward tal-organizzazzjoni tax-xogħol.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom ikun jinsab ħaddiem li ma huwiex kapaċi jaħdem għal diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl mhux biss tal-protezzjoni tal-ħaddiem imfittxija mid-Direttiva 2003/88, iżda wkoll ta’ dik tal-persuna li timpjega, li tkun affaċċjata bir-riskju ta’ kumulu eċċessivament kbir ta’ perijodi ta’ assenza tal-ħaddiem u bid-diffikultajiet li dan jista’ jinvolvi għall-organizzazzjoni tax-xogħol, l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali, li jillimitaw, għal perijodu ta’ trasferiment tal-leave ta’ ħmistax-il xahar li fl-iskadenza tiegħu d-dritt għal-leave annwali mħallas jiġi estint, il-kumulu tad-drittijiet għal tali leave ta’ ħaddiem li jkun ilu mhux kapaċi li jaħdem għal diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Madankollu, ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li jgħid li dritt għal-leave annwali mħallas miksub ma jistax jintilef mal-iskadenza tal-perijodu ta’ riferiment u/jew ta’ perijodu ta’ trasferiment tal-leave stabbilit mid-dritt nazzjonali, meta l-ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, f’dan il-każ, din ma hijiex assenza twila għal raġunijiet ta’ saħħa jew assenza tali li tkopri diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi, iżda perijodu limitat ħafna, ta’ jumejn u żewġ terzi ta’ jum, li fih FI ma setax jieħu l-leave.

31      It-tieni, l-impossibbiltà li jintuża l-leave miksub ma tirriżultax minn assenza twila tal-ħaddiem minħabba mard, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761), iżda mill-fatt li l-persuna li timpjega kienet iddispensat lill-ħaddiem mix-xogħol.

32      It-tielet, għalkemm l-assenza ta’ ħaddiem għal raġunijiet ta’ saħħa hija, ċertament, imprevedibbli għall-persuna li timpjega, il-fatt li tali assenza tista’, jekk ikun il-każ, tipprekludi lil dan il-ħaddiem milli juża d-dritt tiegħu għal leave annwali, fil-każ ta’ relazzjoni ta’ xogħol part-time fil-kuntest tal-iskema ta’ rtirar progressiv, ma huwiex normalment previst. Fil-fatt, il-persuna li timpjega hija f’pożizzjoni li teskludi jew tnaqqas tali riskju billi tiftiehem mal-ħaddiem li dan jieħu l-leave tiegħu fi żmien xieraq.

33      Ir-raba’, kif tfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-leave annwali jikkostitwixxi biss wieħed miż-żewġ aspetti tad-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju fundamentali tad-dritt soċjali tal-Unjoni, filwaqt li l-aspett l-ieħor huwa l-kumpens finanzjarju li huwa dovut lill-ħaddiem meta dan ma jkunx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu minħabba li r-relazzjoni ta’ xogħol tkun intemmet. Issa, li jiġi rrifjutat lil ħaddiem li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi prekluż milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, minħabba ċirkustanza imprevista, bħall-mard, kull dritt għal tali kumpens finanzjarju jċaħħad mill-kontenut tiegħu stess id-dritt previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-dritt għal-leave annwali mħallas, miksub minn ħaddiem abbażi tal-eżerċizzju tax-xogħol tiegħu fil-kuntest ta’ skema ta’ rtirar progressiv, jintilef, fi tmiem is-sena ta’ riferiment għal-leave jew f’data sussegwenti, meta l-ħaddiem ikun ġie prekluż milli jieħu dan il-leave qabel il-fażi ta’ dispensa mix-xogħol minħabba mard anki fil-każ fejn ma jkunx hemm assenza fit-tul.

 Fuq ittieni domanda

35      It-tieni domanda hija magħmula fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda. Għaldaqstant, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat‑tieni domanda.

 Fuq lispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-dritt għal-leave annwali mħallas, miksub minn ħaddiem abbażi tal-eżerċizzju tax-xogħol tiegħu fil-kuntest ta’ skema ta’ rtirar progressiv, jintilef, fi tmiem is-sena ta’ referenza għal-leave jew f’data sussegwenti, meta l-ħaddiem ikun ġie prekluż milli jieħu dan il-leave qabel il-fażi ta’ dispensa mix-xogħol minħabba mard anki fil-każ fejn ma jkunx hemm assenza fit-tul.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.