Language of document : ECLI:EU:C:2013:252

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-18 ta’ April 2013 (1)

Kawża C‑661/11

Martin y Paz Diffusion SA

vs

David Depuydt

u

Fabriek van Maroquinerie Gauquie SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju)]

“Trade marks — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 5(1) — Drittijiet esklużivi tal-proprjetarju tat-trade mark — Użu kondiviż ta’ trade mark — Kunsens — Revoka tal-kunsens għall-użu ta’ trade mark — Kompetizzjoni inġusta”





1.        Il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jiġi prekluż b’mod permanenti milli jeżerċita d-drittijiet esklużivi ta’ tali trade mark u milli juża t-trade mark għal ċerti prodotti peress li terz ikun uża t-trade mark għal dawn il-prodotti mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju matul perijodu ta’ żmien estiż? Essenzjalment, dan huwa l-qofol tad-domandi li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab twieġeb fil-kuntest ta’ din il-kawża.

2.        Id-domandi nqalgħu f’sitwazzjoni fattwali mhux daqstant komuni. Iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċiali — Martin y Paz Diffusion (“MyP”) minn naħa waħda u Fabriek van Maroquinerie Gauquie (“Gauquie”) flimkien mad-direttur tagħha, David Depuydt, min-naħa l-oħra — huma attivi fl-industrija tal-prodotti tal-ġilda tal-moda. Huma użaw l-istess trade mark, iżda fir-rigward ta’ prodotti differenti. Il-partijiet inizjalment kienu jikkollaboraw bejniethom, u maż-żmien biddlu t-trade mark li kienu jużaw. F’mument partikolari, MyP irreġistrat uħud minn dawk it-trade marks. Iktar tard, ir-relazzjoni bejn il-partijiet iddeterjorat, u rriżultat f’diversi proceduri legali.

I –    Il-kuntest legali

A –    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3.        L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 (“id-Direttiva”), (2) li hija applikabbli f’dan il-każ, ġiet adottata biex tqarreb il-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks.

4.        Is-sitt premessa tad-Direttiva tipprovdi: “din id-Direttiva ma teskludix l-applikazzjoni għal trade marks ta’ disposizzjonijiet tal-liġi ta’ l-Istati Membri barra mil-liġi tat-trade marks, bħad-disposizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni inġusta, ir-responsabbiltà ċivili u l-protezzjoni tal-konsumatur”.

5.        Is-seba’ premessa tad-Direttiva tiddikjara parzjalment li “[i]r-raġunijiet għal rifjut jew invalidità li jikkonċernaw it-trade mark nnifisha, per eżempju, in-nuqqas ta’ kwalunkwe karattru distint, jew li jirrigwarda konflitti bejn it-trade mark u d-drittijiet ta’ preċedenti, għandhom ikunu elenkati b’mod komplet”.

6.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva jelenka raġunijiet għal ċaħda jew invalidità. Skont l-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva meta u sa fejn “l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet magħmula in mala fede mill-applikant”, Stat Membru jista’ jipprovdi li trade mark ma tistax tiġi rreġistrata jew, jekk tkun ġiet irreġistrata, tista’ tiġi ddikjarata invalida. L-Artikolu 4 jelenka raġunijiet oħrajn għal rifjut jew invalidità fir-rigward ta’ kunflitti ma’ drittijiet preċedenti.

7.        L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“1. It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

(a)       kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

(b)       kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.”

8.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva jirrregola l-liċenzjar.

9.        Id-Direttiva tħassret bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (3), li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 2008. Il-premessa 7 tad-Direttiva l-ġdida tirriproduċi l-premessa 6 tad-Direttiva l-antika u l-Artikolu 5(1) tad- Direttiva l-ġdida huwa, ħlief għal xi bidliet żgħar, identiku għall-Artikolu 5(1) tad-direttiva l-antika. Fid-dawl tad-dati ta’ meta seħħew il-fatti inkwistjoni, hija applikabbli id-Direttiva l-antika.

B –    Id-dritt nazzjonali

10.      Il-qorti tar-rinviju għandha tapplika l-Artikoli 2.20.1 u 2.32.1 tal-Konvenzjoni tal-Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trademarks u Disinnji) (“BCIP”), iffirmata f’Den Haag fil-25 ta’ Frar 2005, li jittrasponu l-Artikoli 5(1) u 8(1) tad-Direttiva. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2007 u minn dak iż-żmien ġiet immodifikata.

11.      L‑Artikolu 2.20.1 jipprovdi:

“1. Trademark irreġistrata għandha tipprovdi lill-propretarju tagħha bi dritt esklużiv. Bla ħsara għall-possibbiltà li tiġi applikata l-liġi ordinarja fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili, id-dritt esklużiv għal trademark għandu jippermetti lill-proprjetarju jipprekludi kwalunkwe terz li, mingħajr il-kunsens tiegħu:

(a)       juża fin-negozju sinjal li jkun identiku għat-trade mark għal prodotti jew servizzi li jkunu identiċi għal dawk li għalihom tkun irreġistrata t-trade mark;

(b)       juża fin-negozju sinjal li fir-rigward tiegħu, peress li jkun identiku jew simili għat-trade mark u minħabba li t-trade mark u s-sinjal ikunu identiċi jew simili, ikun hemm riskju ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku li jkun jinkludi r-riskju ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

(c)      …”

12.      L-Artikolu 2.32.1 jipprovdi: “1. Trade mark tista’ tkun is-suġġett ta’ liċenzja għall-prodotti jew servizzi kollha, jew uħud minnhom, li fir-rigward tagħhom tkun ġiet ippreżentata jew irreġistrata trade mark.”

II – Il-fatti u l-kawża prinċipali

A –    Il-fatti

13.      Il-kawża li għandna quddiemna tirrigwarda l-portata tad-drittijiet esklużivi ta’ MyP taħt, f’dan l-istadju, żewġ trade marks irreġistrati minnha mal-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali (“BOIP”): l-ittra “N” imġebbda li ġiet ippreżentata bħala trade mark figurattiva fl-14 ta’ Awwissu 1998 (Nru 636308) għall-prodotti kollha fil-klassijiet 18 (ġilda) u 25 (ilbies) tal-Klassifikazzjoni ta’ Nizza (4) u t-trade mark verbali “NATHAN BAUME” (Nru 712962) ippreżentata għal prodotti fil-klassijiet 18 u 25 fl-24 ta’ Jannar 2002.

14.      Madankollu, l-għeruq tal-kunflitti jinsabu fl-użu kondiviż preċedenti minn MyP u Gauquie ta’ terza trade mark, “NATHAN”, li tmur lura għal Nathan Svitckenbaum, li beda jipproduċi oġġetti tal-ġilda tal-moda fis-snin 1930s bl-isem Nathan Baum. Fl-1990 id-drittijiet għall-isem “Nathan” kienu miżmuma minn Paul Baquet, produttur ieħor ta’ prodotti tal-ġilda tal-moda.

15.      Fis-6 ta’ Ġunju 1990, Baquet biegħ l-isem “NATHAN” lil MyP. Skont il-kuntratt, il-bejgħ sar “bil-għan li tinħoloq linja ta’ prodotti tal-ġilda żgħar”. P. Baquet “iżomm id-drittijiet ta’ proprjetà tal-isem għall-manifattura ta’ basktijiet tal-idejn”. MyP “tintrabat li ma tidħolx f’kompetizzjoni inġusta fir-rigward tal-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ basktjiet bl-użu tal-mudelli u l-isem NATHAN”.

16.      Ħames snin wara, b’kuntratt tat-2 ta’ Mejju 1995, D. Depuydt akkwista l-kumplament tan-negozju ta’ P. Baquet, inkluż “l-isem tan-negozju/isem kummerċjali Paul Baquet “NATHAN” kif ukoll it-trade mark verbali “NATHAN”, li Baquet kien irreġistra mal-BOIP għall-klassijiet 18 u 25 fl-1991. Fid-dawl tal-kuntratt ta’ P. Baquet ma’ MyP, D. Depuydt qabel li ma jipproduċix u ma jiddistribwixxix prodotti tal-ġilda żgħar taħt l-isem “NATHAN”.

17.      Matul l-1995, D. Depuydt ħareġ fuq is-suq basktijiet tal-idejn taħt it-trade mark “NATHAN”, li fuqhom kien hemm l-ittra N f’disinn imġebbed orizzontalment (5). MyP ilha tuża l-ittra mġebbda N minn tal-inqas mill-1996 u tiddikjara li ilha tużaha minn tmiem l-1990 jew mill-bidu tal-1991, li jiċħdu D. Depuydt u Gauquie.

18.      Il-partijiet kellhom jikkunsidraw mill-ġdid l-użu tat-trade mark tagħhom meta fl-1998 il-kumpanija (mhux relatata) Natan allegat li t-trade mark “NATHAN” kienet wisq simili għat-trade mark tagħha “NATAN”.

19.      Sa mill-2002, kemm MyP kif ukoll Gauquie użaw it-trade mark figurattiva “N” u t-terminu l-ġdid “NATHAN BAUME”. Huma jikkondividu l-użu ta’ dawn it-trade marks bl-istess mod kif kienu jikkondividu “NATHAN”. B’hekk, bl-użu tat-trade mark figurattiva “N” u t-trade mark verbali “NATHAN BAUME” (l-uniċi żewġ marki li jibqgħu rilevanti f’dan l-istadju tal-każ) MyP tiddistribwixxi katalgu bi prodotti żgħar tal-ġilda (inklużi pereżempju basktijiet għal oġġetti tal-iġjene personali, kartieri, basktijiet tal-ivvjaġġar, ċinturini) filwaqt li Gauquie tipproduċi basktijiet tal-idejn u żraben. Il-partijiet ibiegħu l-prodotti tagħhom lil xulxin u jesebixxuhom fil-ħwienet rispettivi tagħhom.

20.      Fl-14 ta’ Awwissu 1998, MyP ippreżentat applikazzjoni mal-BOIP kemm għat-trade mark “N” li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża kif ukoll għal “NATHAN” bħala trade mark figurattiva. It-trade mark “NATHAN BAUME” ġiet ippreżentata minn MyP fl-2002. D. Depuydt u Gauquie jiddikjaraw li MyP ma infurmathomx dwar il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. It-trasferiment tat-trade mark verbali “NATHAN”, oriġinarjament irreġistrata minn P. Baquet, lil MyP u lil D. Depuydt ġie rreġistrat fis-17 ta’ Awwissu 1998 u fid-19 ta’ Diċembru 2000 rispettivament.

21.      Minkejja r-reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks, il-partijiet komplew bir-relazzjoni tagħhom bħal qabel. Madankollu, eventwalment ir-relazzjonijiet tagħhom bdew jiddeterjoraw, skont id-deċiżjoni appellata minħabba l-fatt li MyP bdiet tpoġġi prodotti oħrajn fuq is-suq u bdiet teżiġi konsultazzjonijiet ma’ Gauquie fir-rigward tal-għażla ta’ materjali, kuluri u komunikazzjoni. Sa minn Lulju 1998, MyP kienet diġà bdiet tilmenta lil Gauquie minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni bejniethom għad-detriment tax-xbiha tat-trade, b’suġġerimenti mtennija (ukoll f’Diċembru 2001, f’Ġunju u f’Diċembru 2003) ta’ kollaborazzjoni iktar mill-qrib. F’Diċembru 2004, MyP ilmentat, skont il-qorti tar-rinviju, “li hemm ksur tar-regoli ta’ koproprjetà tat-trade mark “NATHAN BAUME”. Tentattiv sabiex jintlaħaq ftehim ma rnexxiex.

B –    Il-kawża prinċipali

22.      Fl-24 ta’ Mejju 2005, D. Depuydt u Gauquie fittxew mingħajr suċċess lil MyP quddiem it-tribunal de commerce de Nivelles, fejn talbu li t-trade marks figurattivi “N” u “NATHAN” u t-trade mark verbali “NATHAN BAUME” jiġu ddikjarati nulli jew ta’ mill-inqas validi biss fir-rigward ta’ prodotti tal-ġilda żgħar.

23.      B’risposta għat-tentattiv ta’ D. Depuydt u Gauquie sabiex it-trade mark tagħhom tiġi ddikjarata nulla, MyP iddeċidiet li ttemm l-użu kondiviż tat-trade marks u fil-11 ta’ Jannar 2007 fetħet kawża kontra D. Depuydt u Gauquie quddiem l-istess qorti sabiex twaqqafhom milli jużaw it-trade mark figurattiva “N” u t-trade mark verbali “NATHAN BAUME” għal prodotti fil-klassijiet 18 u 25. D. Depuydt u Gauquie ressqu kontrotalba, fejn talbu digriet li jordna lil MyP ma titħalliex tuża t-trade marks “N”, “NATHAN” u “NATHAN BAUME” għal prodotti tal-ġilda oħra apparti prodotti tal-ġilda żgħar, b’mod partikolari, basktijiet tal-idejn. It-talba ta’ MyP ġiet miċħuda mill-qorti u MyP ġiet ordnata tieqaf tipproduċi, tpoġġi fuq is-suq, tbigħ jew tiddistribwixxi basktijiet tal-idejn li huma identiċi jew simili għal dawk ta’ D. Depuydt u Gauquie.

24.      Iż-żewġ sentenzi ġew appellati. Il-Cour d’appel de Bruxelles iddeċidiet dwar l-appelli fit-8 ta’ Novembru 2007.

25.      Din il-qorti ddeċidiet li t-tliet trade marks irreġistrati inkwistjoni, jiġifieri ż-żewġ trade marks figurattivi “NATHAN” u “N” kif ukoll it-trade mark verbali “NATHAN BAUME” miżmuma minn MyP, huma validi. B’mod partikolari, it-talba sabiex jiġu annullati għal reġistrazzjoni in mala fede kienet preskritta.

26.      Gauquie u D. Depuydt ġew preklużi milli jużaw t-tliet trade marks mill-prodotti kollha ħlief għal basktijiet tal-idejn u żraben ibbażati fuq id-drittijiet esklużivi mogħtija mit-trade mark. Il-qorti ġġustifikat dawn l-eċċezzjonijiet permezz tad-duttrina tal-abbuż tad-drittijiet, jiġifieri użu ħażin tal-proċedura. Hija ddikjarat li MyP kienet użat id-dritt esklużiv tagħha b’mod tant kategoriku bħala vendetta. Fil-passat, MyP dejjem kienet irrikonoxxiet id-dritt ta’ Gauquie li tuża t-trade marks “N” u “NATHAN BAUME” għal basktijiet tal-idejn u żraben. Il-qorti ddikjarat li ma kien hemm ebda liċenzja (mingħajr limitu, rinnovabbli taċitament) bejn il-partijiet. Għall-kuntrarju, MyP saħansitra rrikonoxxiet forma ta’ koproprjetà tat-trade marks. Il-qorti kkunsidrat li dan jikkostitwixxi “kunsens irrevokabbli” għall-użu tat-trade marks minn Gauquie fir-rigward ta’ basktijiet tal-idejn u żraben.

27.      Min-naħa l-oħra, MyP ġiet prekluża milli tuża t-trade marks għall-kummerċ ta’ basktijiet tal-idejn u żraben. Il-qorti kkunsidrat li tali użu jkun jikkostitwixxi kompetizzjoni inġusta. Fl-ewwel lok, MyP minn dejjem kienet irrikonoxxiet volontarjament li l-obbligu tagħha li ma tidħolx f’kompetizzjoni inġusta ma’ P. Baquet fir-rigward tal-użu u d-distribuzzjoni ta’ basktijiet bl-isem “NATHAN” kien jestendi għat-trade marks “N” u “NATHAN BAUME” għal basktijiet tal-idejn u żraben. Fit-tieni lok, għal numru ta’ snin Gauquie kien għamel investimenti sinjifikanti fil-pubbliċità tal-prodotti tiegħu u MyP kienet tibbenefika inġustament minnhom.

28.      Sentenza interpretattiva tat-12 ta’ Settembru 2008 iddefinixxiet f’iktar dettall it-termini “basktijiet tal-idejn” u “użu għall-finijiet tal-kummerċ”.

29.      MyP appellat mis-sentenza u mis-sentenza interpretattiva tal-Cour d’appel sa fejn dawn jikkonċernaw it-trade marks “N” u “NATHAN BAUME” lill-Cour de cassation. Hija ssollevat żewġ aggravji.

30.      Hija argumentat fl-ewwel aggravju tagħha li jirrigwarda l-limitazzjoni tal-miżuri kawtelatorji meħuda kontra Gauquie u D. Depuydt li terz jista’ biss juża trade mark permezz ta’ liċenzja li tikkostitwixxi l-kunsens meħtieġ skont l-Artikolu 2.20.1. Kunsens irrevokabbli, jiġifieri obbligu irrevokabbli, ma jeżistix bħala kwistjoni ta’ ordre public u jmur kontra d-drittijiet esklużivi pprovduti minn trade mark. It-terminazzjoni tal-kunsens u l-eżerċitar ta’ drittijiet ta’ trade mark ma jistgħux, skont MyP, jikkostitwixxu abbuż ta’ drittijiet u anki jekk jikkostitwixxu tali abbuż, ir-rimedju korrett ikun li jitnaqqas l-eżerċizzju tad-dritt għal-livell normali tiegħu u li jingħataw id-danni u mhux li jiġi pprojbit l-użu tat-trade mark.

31.      Rigward il-fatt li hija stess ġiet prekluża milli tuża t-trade marks fir-rigward ta’ ċertu aspetti, MyP tinvoka, permezz tat-tieni aggravju, il-fatt li t-trade marks jagħtuha dritt esklużiv li tipprekludi lil ħaddieħor milli juża t-trade marks mingħajr il-kunsens tagħha. Skont MyP, dan id-dritt jimplika d-dritt għall-użu tat-trade marks minnha stess, għaliex inkella l-proprjetarju jirriskja li jiġu revokati. Malli tiġi tterminata liċenzja (anki jekk tkun akkumpanjata b’impenn tal-proprjetarju tat-trade mark li ma tintużax it-trade mark infisha) id-detentur tat-trade mark jirkupra l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tiegħu. Kull vantaġġ li l-proprjetarju jista’ jikseb mill-pubbliċità li ssir mill-parti li tkun awtorizzat tuża t-trade mark, kif ukoll kull probabbiltà ta’ konfużjoni li tirriżulta mill-ikrupru tad-dritt huma konsegwenzi neċessarji tal-eżerċizzju legali tad-drittijiet esklużivi. Bħala alternattiva, il-qorti ma setgħetx tipprekludi l-użu tat-trade mark b’mod permanenti u kien messha adottat rimedju inqas restrittiv.

III – Id-domandi rrinvjati għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.      Fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2011, il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-argument ta’ MyP li t-tentattiv tagħha li tipprekludi lil Gauquie milli tuża t-trade marks kien sempliċement l-eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi tagħha tat-trade mark u għalhekk ma setax jitqies bħala abbuż ta’ drittijiet peress li kien ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Il-qorti ddeċidiet li d-deċiżjoni appellata mhux biss ikkunsidrat il-perijodu twil ta’ użu kondiviż, iżda wkoll il-motivazzjoni ta’ vendetta kif ukoll il-mod kif kienet ifformulata t-talba ta’ MyP.

33.      Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat ukoll li ż-żewġ aggravji tal-appell ta’ MyP iqajmu diversi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 89/104/KEE. Għaldaqstant, il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u rrinvjat dawn id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.1. L-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 8(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark irreġistrata ma jistax iktar jiġi invokat b’mod definittiv mill-proprjetarju tiegħu fir-rigward ta’ terz, għall-prodotti kollha koperti matul ir-reġistrazzjoni:

- meta, għal perijodu twil, il-proprjetarju qasam l-użu ta’ din it-trade mark ma’ dan it-terz fil-kuntest ta’ forma ta’ koproprjetà għal parti mill-prodotti koperti?

- meta, fl-okkażjoni ta’ dak il-qsim, il-proprjetarju ta lil dan it-terz il-kunsens irrevokabbli tiegħu sabiex dan jagħmel użu minn din it-trade mark għal dawn il-prodotti?

1.2. L-imsemmija artikoli għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali, bħal dik li skontha l-proprjetarju ta’ dritt ma jistax jeżerċita dan id-dritt b’mod ħazin jew abbużiv, tista’ twassal għal projbizzjoni definittiva tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt esklużiv għal parti mill-prodotti koperti, jew fis-sens li din l-applikazzjoni għandha tkun limitata sabiex tissanzjona b’mod ieħor l-imsemmi użu ħażin jew abbużiv tad-dritt?

2.1. L-Artikolu 5(1), u l-Artikolu 8(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jtemm l-impenn tiegħu lejn terz li ma jużax din it-trade mark għal ċerti prodotti, u għaldaqstant għandu fi ħsiebu li jerġa’ jibda jużaha, il-qorti nazzjonali tista’ xorta waħda b’mod definittiv tipprojbixxi dan il-bidu mill-ġdid ta’ użu għar-raġuni li dan jikkostitwixxi kompetizzjoni inġusta minħabba li minn dan jirriżulta għall-proprjetarju vantaġġ miksub mir-reklamar imwettaq qabel fir-rigward tat-trade mark mill-imsemmi terz u konfużjoni possibbli f’moħħ il-klijentela, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tadotta sanzjoni differenti li ma tipprojbixxix b’mod definittiv dan il-bidu mill-ġdid ta’ użu mill-propjetarju?

2.2. L-imsemmija artikoli għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni definittiva ta’ użu mill-proprjetarju hija ġġustifikata meta t-terz, matul bosta snin, investa sabiex il-pubbliku jsir jaf bil-prodotti li fir-rigward tagħhom huwa ġie awtorizzat mill-proprjetarju sabiex juża t-trade mark?”

34.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Jannar 2012.

35.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn MyP, D. Depuydt u Gauquie (koġuntament), mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni.

36.      Fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2013 il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

IV – Evalwazzjoni

A –    Ammissibbiltà

37.      D. Depuydt u Gauquie jissollevaw żewġ argumenti sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju. Fl-ewwel lok, peress li d-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali, kull kwistjoni ta’ interpretazzjoni taqa’, fil-fehma tagħhom, taħt id-dritt nazzjonali. L-istess għandu japplika għall-kwistjoni dwar jekk id-dritt nazzjonali jistax jillimita drittijiet ta’ trade mark. Il-Kummissjoni wkoll tipperċepixxi biss relazzjoni remota tal-kunflitt mal-liġi tal-UE dwar it-trade marks.

38.      Fit-tieni lok, D. Depuydt u Gauquie jsostnu li d-domandi ma humiex rilevanti għall-każ. L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, fil-fehma tagħhom, ma jkoprix il-kwistjoni dwar jekk id-dritt nazzjonali jistax jillimita d-drittijiet esklużivi tal-proprjetarju ta’ trade mark. Peress li l-qrati nazzjonali ddikjaraw espliċitament li ma kien hemm ebda liċenzja, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva lanqas ma huwa rilevanti (6) Barra minn hekk, D. Depuydt u Gauquie jikkunsidraw li l-ewwel domanda tikkonċerna miżura li ma hijiex relatata mal-fatti tal-każ.

39.      L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ argumenti ma jikkonvinċini. Naturalment, skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet preliminari biss fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE u ma tistax tinterpreta d-dritt nazzjonali (7). Madankollu, il-Cour de cassation staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-Direttiva u mhux id-dritt nazzjonali li jimplementa d-Direttiva. Il-fatt li d-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali ma jfissirx li l-qrati nazzjonali ma għandhomx jieħdu iktar inkunsiderazzjoni d-Direttiva. Huma għandhom pjuttost l-obbligu li jinterpretaw id-dritt nazzjonali fid-dawl tal-kliem u tal-iskop tad-Direttiva (8).

40.      Rigward ir-rilevanza tad-domandi rrinvjati mill-qorti nazzjonali, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju huma l-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun pendenti l-kawża li għandhom jiddeterminaw ir-rilevanza tad-domandi li jirrinvijaw lill-Qorti tal-Ġustizzja (9). Huwa biss meta jkun “pjuttost ovvju” (10) li l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni tkun irrelevanti għall-każ li jkollha quddiemha, li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi mod ieħor.

41.      Rigward l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva, il-qorti tar-rinviju nfisha ddikjarat li ma kien hemm ebda liċenzja bejn il-partijiet. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta b’din id-dikjarazzjoni fattwali, jidher tabilħaqq li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva ma huwiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-każ. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, id-domandi jridu jiġu fformulati mill-ġdid b’tali mod li ma jinkludux referenza għall-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (11).

B –    Analiżi sostantiva

42.      Il-qorti tar-rinviju sostniet numru ta’ fatti li huma importanti għall-każ tagħna. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta bihom, uħud minn dawn għandhom jiġu enfasizzati. Fl-ewwel lok, MyP hija l-proprjetarju tat-trade marks validi rreġistrati inkwistjoni għall-prodotti kollha inkwistjoni. Fit-tieni lok, Gauquie u D. Depuydt ilhom jużaw it-trade marks inkwistjoni sa minn meta MyP irreġistrathom, bil-kunsens ta’ din tal-aħħar. Fit-tielet lok, huwa inkontabbli li l-partijiet ma kkonkludewx liċenzja. Fir-raba’ lok, xejn ma jindika li Gauquie u D. Depuydt huma wkoll il-proprjetarji tat-trade marks inkwistjoni. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ssemmi “forma ta’ koproprjetà” hija ma ssostnix li huma rreġistraw it-trade marks, u lanqas li għandhom drittijiet ta’ trade mark ibbażati fuq użu (12).

43.      Ħlief għan-nuqqas ta’ liċenzja, dawn il-fatti huma, prima facie, simili għal sitwazzjoni normali ta’ liċenzjar bil-konsegwenzi kollha, jiġifieri l-fatt li liċenzja tista’ tiġi tterminata. Hija l-istorja partikolari tal-partijiet li tpoġġi dan l-eżitu f’dubju: oriġinarjament il-partijiet kellhom jedd ekwivalenti għas-sinjali. Huma kkondivew l-użu tagħhom matul perijodu twil. Madankollu, kif diġà ntqal, f’punt partikolari MyP irreġistrat il-marki, allegatament “b’mod sigriet”, għalkemm għandu jitqies il-fatt li t-trade marks huma ppubblikati u s-superviżjoni tagħhom hija possibbli. It-tentattiv sabiex ir-reġistrazzjonijiet jiġu annullati għal mala fede ma rnexxiex għaliex l-azzjoni kienet preskritta.

44.      Minkejja l-fatti kkonstatati msemmija hawn fuq, is-sentenza tal-Cour d’appel reġgħet stabbilixxiet l-użu konġunt li l-partijiet għamlu mit-trade marks matul perijodu twil. Hija kisbet dak ir-riżultat billi, minn naħa waħda, illimitat d-drittijiet tat-trade mark, filwaqt li, min-naħa l-oħra, ipprekludiet lill-proprjetarju tat-trade marks milli juża s-sinjali għal uħud mill-prodotti. Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk u b’liema għodda tista’ tinżamm is-sitwazzjoni ta’ użu konġunt. Peress li bosta mill-għodda legali ssuġġeriti huma bbażati fuq id-dritt nazzjonali, kwistjoni importanti f’dan il-każ hija l-kwistjoni dwar sa liema grad id-dritt nazzjonali jista’ jillimita d-dritt tal-UE dwar it-trade marks. Għandu jiġi osservat li r-regoli nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti mill-qrati nazzjonali. Il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward huwa biss li tiddefinixxi l-limiti imposti fuq id-dritt nazzjonali bid-Direttiva.

1.      L-ewwel domanda

45.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-limiti li jiġu invokati drittijiet esklużivi ta’ trade mark f’sitwazzjoni bħall-każ inkwistjoni, fejn l-użu tat-trade mark ikun ġie kondiviż matul perijodu twil. Il-qorti tar-rinviju qasmet id-domanda f’żewġ sottodomandi.

a)      Is-suġġett tal-ewwel sottodomanda

46.      L-ewwel sottodomanda hija dwar jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jipprojbixxix b’mod definittiv lill-proprjetarju ta’ trade mark milli jinvoka d-drittijiet esklużivi tiegħu kontra terz fir-rigward tal-prodotti kollha koperti mir-reġistrazzjoni meta l-proprjetarju jkun ikkondivida l-użu għal parti mill-prodotti koperti ma’ dak it-terz “fil-forma ta’ koproprjetà” u fejn it-terz ikun uża t-trade mark bil-“kunsens irrevokabbli” tal-proprjetarju.

47.      Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju huwa ċar li l-qorti tixtieq tkun taf jekk hemmx bażi fil-liġi dwar it-trade marks sabiex il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jiġi prekluż b’mod permanenti milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu kontra terz li miegħu l-proprjetarju jkun ikkondivida l-użu tat-trade mark matul perijodu twil. Ir-referenzi tal-qorti għal “forma ta’ koproprjetà” u “kunsens irrevokabbli” jeħtieġu spjegazzjoni f’iktar dettall.

48.      Qabel xejn, jidhirli li t-terminu “forma ta’ koproprjetà” jista’ faċilment jinftiehem fil-kuntest tas-sentenza tal-Cour d’appel iċċitata mill-qorti tar-rinviju. Dik il-qorti bniet l-argument tagħha fuq l-użu kondiviż tat-trade marks mill-partijiet, billi sostniet li MyP saħansitra waslet li tirrikonoxxi “forma ta’ koproprjetà”, u waslet għall-konklużjoni li MyP tat il-“kunsens irrevokabbli tagħha” għall-użu tat-trade mark. Hija ma ssuġġerixxietx li D. Depuydt u Gauquie rreġistraw it-trade marks jew huma proprjetarji ta’ drittijiet ta’ trade marks ibbażati fuq l-użu. Għaldaqstant, it-terminu ma jintużax f’sens legali. Huwa pjuttost intiż bħala dikjarazzjoni ta’ fatti li jirreferu għall-użu kondiviż kunsenswali li sar mit-trade marks.

49.      It-terminu “kunsens irrevokabbli” li ntuża mill-qorti tar-rinviju — ukoll fi kwotazzjoni mill-Cour d’appel — jidher bħala dikjarazzjoni ta’ fatti, dedotta mill-imġiba ta’ MyP. Matul is-seduta, D. Depuydt u Gauquie sostnew li din il-konstatazzjoni ta’ “kunsens irrevokabbli” kienet f’idejn il-qorti nazzjonali. Il-Kummissjoni aċċettat l-eżistenza ta’ kunsens irrevokabbli bħala dikjarazzjoni ta’ fatt. Madankollu, id-dikjarazzjoni fattwali li kien ingħata il-“kunsens irrevokabli” tippresupponi li l-kunsens mogħti mill-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jkun irrevokabbli bħala kwistjoni ta’ dritt. Ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk il-kunsens imsemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jistax jingħata b’mod irrevokabbli trid tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

50.      Mingħajr dubju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex prekluża milli tirrispondi din id-domanda. Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-fatti tal-każ — u b’hekk, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk ingħatax kunsens — il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta bil-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ kategoriji legali użata mill-qorti tar-rinviju. Bl-istess mod, il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina s-suġġett li hija tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex prekluża milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bil-fatturi kollha għal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jkunu ta’ għajnuna fid-deċiżjoni tal-kawża pendenti, irrispettivament minn jekk il-qorti tar-rinviju tkunx irreferiet għalihom b’mod espliċitu (13).

51.      Kien fuq din il-bażi li meta l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistosqija dwar in-natura definittiva ta’ kulur speċifiku bħala trade mark fil-kawża Libertel, hija setgħet tiddetermina jekk kulur minnu nnifsu setax jikkostitwixxi trade mark (14). L-istess prinċipju japplika hawnhekk.

52.      Id-domanda li trid tingħata risposta speċifika mill-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant hija dwar jekk skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jistax jagħti l-kunsens tiegħu għall-użu tat-trade mark tiegħu b’mod irrevokabbli, fis-sens li d-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark irreġistrata ma jistax defittivament jiġi invokat kontra l-parti li tirċievi dan il-kunsens u li magħha l-proprjetarju kkondivida l-użu tat-trade mark matul perijodu twil, kemm qabel kif ukoll wara r-reġistrazzjoni tat-trade marks.

b)      Analiżi tal-ewwel sottodomanda

53.      F’tali formulazzjoni, id-domanda l-ewwel nett tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza n-natura tal-“kunsens” fil-kuntest tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva.

54.      Naturalment, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss taċċetta din l-istedina jekk it-terminu “kunsens” użat fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea u għalhekk l-interpretazzjoni tiegħu ma tistax titħalla f’idejn il-qrati nazzjonali.

55.      Bħala regola ġenerali, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta’ ugwaljanza jeħtieġu li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jiġu interpretati b’mod awtonomu fir-rigward tal-kuntest tad-dispożizzjoni u l-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ħlief jekk id-dispożizzjoni tirreferi espliċitament għad-dritt tal-Istati Membri (15).

56.      Ċertament, din ir-regola titlef ħafna mill-forza tagħha fir-rigward ta’ direttivi li ma jarmonizzawx bis-sħiħ qasam ta’ liġi. Madankollu, għalkemm id-Direttiva, skont it-tielet premessa tagħha, ma twettaqx approssimazzjoni fuq skala sħiħa tal-liġijiet tat-trade marks tal-Istati Membri, hija tarmonizza wħud mill-oqsma ta’ din il-liġi. F’dan ir-rigward, id-disa’ premessa tindika li trade marks irreġistrati għandhom igawdu mill-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali tal-Istati Membri kollha sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-prodotti. Għaldaqstant, il-Qorti ddeċidiet b’mod kostanti li l-Artikoli 5 sa 7 tad-Direttiva jwettqu armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli relati mad-drittijiet mogħtija minn trade mark (16).

57.      Il-kunċett ta’ “kunsens” użat fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva għalhekk jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha għadd kbir ta’ okkażjonijiet sabiex tikkjarifika diversi aspetti tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva fil-ġurisprudenza tagħha. Madankollu, ma nsib ebda gwida f’din il-ġurisprudenza dwar in-natura tal-“kunsens” fl-Artikolu 5(1).

59.      Madankollu, jista’ jinsilet ħafna mill-kuntest tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. It-terminu “kunsens” jidher diversi drabi fid-Direttiva: fl-Artikolu 5(1) u (2) dwar il-portata tad-drittijiet esklużivi mogħtija mit-trade marks, fl-Artikolu 7(1) fir-rigward tal-eżawriment tad-drittijiet ta’ trade mark, fl-Artikolu 10(3) dwar ir-rekwiżit ta’ użu u fl-Artikolu 12(2) fil-kuntest tar-raġunijiet għal revoka. L-użu tat-terminu fid-Direttiva b’ebda mod ma huwa straordinarju. Ir-Regolament tal-Kunsill dwar it-trade mark Komunitarja jirreferi għal “kunsens” f’kuntest simili (17), u t-terminu jintuża wkoll fil-Ftehim TRIPS (18) u fid-dritt Amerikan dwar it-trade marks (19).

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kella tinterpreta l-kunċett ta’ kunsens fil-kuntest ta’ eżawriment, jiġifieri l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva. Skont din id-dispożizzjoni (20), il-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax jopponi l-użu tat-trade mark fir-rigward tal-prodotti li jitpoġġew fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) taħt din it-trade mark mill-proprjetarju nnifsu jew bil-kunsens tiegħu.

61.      Fil-kawża Zino Davidoff u Levi Strauss, il-proprjetarji tat-trade marks rilevanti kienu poġġew il-prodotti tagħhom fis-suq barra miż-ŻEE u l-prodotti kienu ġew sussegwentement importati f’din iż-żona minn persuna oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar taħt liema ċirkustanzi l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jitqies li jkun ta l-“kunsens” tiegħu għall-prodotti li jitpoġġew fis-suq fiż-ŻEE. Hija ddeċidiet li t-terminu kunsens kien jeħtieġ interpretazzjoni uniformi mill-Qorti tal-Ġustizzja (21). Il-kunsens jista’, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jingħata espliċitament, jew inkella jkun impliċitu u jista’ sussegwentement jinsilet minn fatti u ċirkustanzi li jippreċedu, li jikkoinċidu, jew li jseħħu wara t-tqegħid tal-prodotti fis-suq barra ż-ŻEE. Minħabba l-effetti serji tal-kunsens fil-kuntest tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, jiġifieri l-eżawriment ta’ drittijiet esklużivi li jippermettu lill-proprjetarju jikkontrolla l-kummerċjalizzazzjoni inizjali fiż-ŻEE, “il-kunsens għandu jkun espress b’mod li juri b’ċertezza r-rieda ta’ rinunzja ta’ dan id-dritt” (22). Għalkemm il-kunsens fl-Artikolu 7(1) jirreferi għat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq (23) u l-kunsens fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva huwa relatat mal-użu tat-trade mark (jew ma’ trade mark li tkun tant simili li toħloq konfużjoni) fil-kummerċ, jidher li d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura tal-kunsens japplikaw ukoll fir-rigward tal-kunċett ta’ kunsens fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva.

62.      Id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jissuġġerixxu li l-kunsens jeħtieġ l-espressjoni (inekwivoka) tal-intenzjoni li jiġu rrinunzjati d-drittijiet tat-trade mark. Hija tranżazzjoni legali volontarja bejn il-proprjetarju u l-persuna li tirċievi l-kunsens.

63.      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-qari tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva fil-kuntest tal-Artikolu 8 li jirregola l-liċenzjar. Liċenzja hija l-iktar mod komuni li permezz tiegħu jingħata l-kunsens għall-użu tat-trade mark għall-kummerċ. Fil-fatt, ċirkustanzi bħal dawk sottomessi f’dan il-każ fejn jingħata kunsens għall-użu tat-trade mark, iżda fejn ma jkun hemm ebda liċenzja (espliċita jew impliċita) huma rari.

64.      L-Artikolu 10(3) tad-Direttiva jikkonferma wkoll l-interpretazzjoni tiegħi tan-natura tal-kunsens. Skont din id-dispożizzjoni, l-użu tat-trade mark bil-kunsens tal-proprjetarju għandu jitqies li jikkostitwixxi użu mill-proprjetarju u b’hekk jissodisfa r-rekwiżit ta’ użu (24). L-attribuzzjoni tal-użu minn ħaddieħor lill-proprjetarju hija ġġustifikata permezz ta’ forma ta’ aġenzija maħluqa bil-kunsens tal-proprjetarju. Dik il-finzjoni legali hija ġġustifikata biss jekk tkun seħħet tranżazzjoni legali bejn il-proprjetarju u t-terz.

65.      Id-distinzjoni bejn “aċċettazzjoni taċita” użata fl-Artikolu 9(1) u “kunsens” hija wkoll indikattiva. Għalkemm l-ewwel terminu jimplika passività fis-sens li ma jipprekludix l-użu ta’ trade mark sussegwenti, dan tal-aħħar jeħtieġ l-espressjoni ta’ intenzjoni ta’ rinunzja tad-dritt (25).

66.      Bħala tranżazzjoni legali volontarja bejn il-proprjetarju u l-utent tat-trade mark, il-kunsens huwa suġġett għall-prinċipji ġenerali li jkopru tranżazzjonijiet legali. Sa punt estensiv, dawn ir-regoli jkunu identiċi għar-regoli applikabbli għall-iktar forma prominenti ta’ kunsens, il-liċenzja. Għaldaqstant, il-kunsens jista’ jingħata għal perijodu determinat jew indeterminat. Anki f’dan l-aħħar każ, huwa possibbli li l-kunsens jintemm (26). Madankollu, tali terminazzjoni trid tirrispetta l-aspettattivi leġittimi tal-utent tat-trade mark u b’hekk teħtieġ, pereżempju, avviż jew kawża raġonevoli. Kunsens irrevokabbli ma huwiex permissibli.

67.      Għalkemm il-kunsens irrevokabbli, għalhekk, ma jeżistix, xorta jista’ ma jkunx permissibli li jiġu eżerċitati d-drittijiet esklużivi ta’ trade mark kontra l-persuna li magħha kien kondiviż l-użu fuq perijodu ta’ żmien estiż kemm qabel kif ukoll wara r-reġistrazzjoni tat-trade marks.

68.      Il-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax jipprekludi kull użu tat-trade mark. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-objettiv tal-liġi dwar it-trade marks li jistgħu jiġu preklużi biss dawk il-forom ta’ użu tat-trade mark minn terz li jaffettwaw jew li jistgħu jaffettwaw il-funzjoni tat-trade mark (27).

69.      Il-Polonja ssottomettiet li użu kondiviż preċedenti bħal dak ta’ MyP u Gauquie jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn il-funzjoni tat-trade mark ma tkunx affettwata aktar. Hija tipproponi li meta l-użu tat-trade mark ikun ġie kondiviż b’tali mod li l-konsumaturi jkunu draw grupp partikolari ta’ prodotti mmanifatturati mhux mill-proprjetarju tat-trade mark iżda minn terz, il-konsumatur jista’ jistenna li dan l-użu ser ikompli. Il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti għalhekk tista’ ma tiġix affettwata.

70.      Ma ninsabx konvint li dan l-argument huwa applikabbli għall-każ inkwistjoni. L-użu kontinwu tat-trade mark minn D. Depuydt u Gauquie wara li ntemm il-kunsens ta’ MyP jista’ jaffettwa l-funzjoni essenzjali tat-trade mark li huwa li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti.

71.      Il-kawża Budějovický Budvar hija eżempju tajjeb tal-kundizzjonijiet li taħthom użu estiż simultanju ta’ trade mark jirriżulta f’sitwazzjoni fejn il-kontinwazzjoni ta’ dan l-użu ma tibqax taffettwa l-funzjoni tat-trade mark li tiggarantixxi l-oriġini tal-prodotti. Minkejja li d-domanda ġiet magħmula fil-kuntest tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva f’dan il-każ, l-istess prinċipji japplikaw għall-Artikolu 5(1) (28).

72.      Il-fatti tal-każ kienu eċċezzjonali. Totalment indipendenti minn xulxin, Anheuser-Busch u Budvar kienu ilhom ibigħu birra taħt is-sinjal fil-forma tal-kelma “Budweiser” fir-Renju Unit għal kważi 30 sena qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade marks. Fis-sena 2000 iż-żewġ kumpaniji ġew awtorizzati jirreġistraw it-trade marks konġuntament u simultanjament. Il-partikolarità tal-każ wassal lill-konsumaturi sabiex ikunu konxji sew mid-differenzi bejn iż-żewġ birer minkejja li t-tnejn kienu msemmija “Budweiser”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti sabet li l-użu ġenwin simultanju taż-żewġ trade marks identiċi ma għandux effett negattiv fuq il-funzjoni li tiġi ggarantita l-oriġini tal-prodotti lill-konsumaturi (29).

73.      Il-fatti f’dan il-każ ivarjaw b’mod sinjifikanti minn dawk fil-kawża Budějovický Budvar. Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju b’ebda mod ma indikat li l-konsumaturi huma konxji mill-użu kondiviż tat-trade marks inkwistjoni minn MyP u Gauquie u li għalhekk il-garanzija tal-oriġini tista’ ma tiġix affettwata jekk jissokta tali użu.

74.      B’mod iktar importanti, madankollu, fil-kawża Budějovický Budvar żewġ kumpanniji mhux relatati użaw l-istess trade mark. F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, parti waħda tuża t-trade marks validi ta’ parti oħra bil-kunsens tal-proprjetarju u tixtieq tkompli tużahom anki wara li jintemm tali kunsens. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-suġġeriment li l-funzjoni tat-trade mark tista’ ma tkunx affettwata mill-kontinwazzjoni tal-użu kondiviż jikkostitwixxi fehma żbaljata tal-funzjoni tat-trade marks.

75.      Il-funzjoni ewlenija tat-trade marks hija li l-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw l-oriġini tal-prodotti (30). Għal dawn il-finijiet, il-punt rilevanti għall-finijiet tal-oriġini tal-prodotti, madankollu, huwa l-proprjetarju tat-trade mark u mhux (neċessarjament) min ikun il-manifattur fir-realtà. F’ekonomija moderna diversi prodotti huma mmanifatturati taħt liċenzja (jew bil-kunsens tal-proprjetarju) minn terzi u/jew fi proċessi ta’ produzzjoni kumplessi. Il-konsumaturi spiss ma jkunux jafu b’dawn l-arranġamenti. Għalkemm il-bidla tal-manifattur tista’ taffettwa l-kwalità tal-prodott, il-konsumaturi ġeneralment ma jkollhomx interess protett li l-arranġamenti li jsiru bejn il-proprjetarju tat-trade mark u l-manifattur ikomplu. Hija r-responsabbiltà tal-proprjetarju li jorganizza l-użu tat-trade mark. Bħala parti minn din ir-responsabbiltà, il-proprjetarju jista’ jittermina liċenzji u jagħti liċenzji ġodda u jirranġa mill-ġdid il-proċessi tiegħu ta’ manifattura jew ta’ bejgħ. Il-garanzija tal-oriġini għalhekk tkun affettwata jekk parti tkompli tuża t-trade mark anki jekk ma tkunx għadha tgawdi l-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark.

c)      Analiżi tat-tieni sottodomanda

76.      Permezz tat-tieni sottodomanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk regola tal-liġi nazzjonali bħal dik li tipprekludi l-eżerċizzju żbaljat jew abbużiv ta’ drittijiet mill-proprjetarju tagħhom tistax twassal għal projbizzjoni definittiva tal-eżerċizzju ta’ drittijiet esklużivi ta’ trade mark għal parti mill-prodotti li għalihom tkun irreġistrata t-trade mark jew jekk tali regola jkollhiex tagħti rimedju differenti.

77.      D. Depuydt u Gauquie jargumentaw favur il-permissibbiltà ta’ projbizzjoni definittiva tal-eżerċizzju ta’ drittijiet esklużivi ta’ trade mark permezz ta’ liġi nazzjonali. Min-naħa tagħha, MyP hija tal-opinjoni li tali dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali jistgħu jipprovdu biss għal rimedji li ma jipprekludux b’mod definittiv l-eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi tat-trade mark. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Polonja sostanzjalment jaqblu.

78.      Bħala regola ġenerali, skont is-sitt premessa tad-Direttiva, l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali oħra għajr il-liġi dwar it-trade marks, bħal-liġi dwar il-kompetizzjoni inġusta u r-responsabbiltà ċivili, ma hijiex eskluża mid-Direttiva. Dan jgħodd ukoll, kif argumentaw ġustament D. Depuydt u Gauquie, għal liġi nazzjonali li tipprojbixxi l-eżerċitar żbaljat jew abbużiv ta’ drittijiet (31).

79.      Madankollu, hemm limiti għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali f’dan il-kuntest. Id-dritt nazzjonali ma jistax jiprekludi l-effettività sħiħa tad-Direttiva. Ma jistax jiddevja minn armonizzazzjoni sħiħa li tkun saret fid-Direttiva. Dan huwa minnu kemm għall-imġiba meqjusa żbaljata jew abużiva kif ukoll għas-sanzjoni għal imġiba żbaljata jew abbużiva.

80.      Rigward l-imġiba meqjusa żbaljata, id-dritt nazzjonali ma jistax iqis l-eżerċitar ta’ dritt pprovdut mid-dritt tal-UE bħala żbaljat jew abbużiv fih innifsu. Peress li d-Direttiva tippermetti t-terminazzjoni ta’ kunsens, tali terminazzjoni u l-eżerċitar ta’ drittijiet esklużivi ta’ trade mark kontra l-persuna li qabel kienet tibbenefika mill-kunsens ma jistgħux jitqiesu bħala abbużivi fihom infushom. Madankollu, in-nuqqas ta’ avviż u ċirkustanzi simili jistgħu jkunu suġġetti għal sanzjonijiet taħt id-dritt nazzjonali.

81.      Rigward is-sanzjoni, il-projbizzjoni definittiva tal-eżerċitar ta’ dritijiet esklużivi ta’ trade mark għal parti mill-prodotti li għalihom tkun irreġistrata t-trade mark tmur ukoll kontra l-għanijiet tad-Direttiva.

82.      Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ripetutament li l-Artikoli 5 sa 7 tad-Direttiva jwettqu armonizzazzjoni sħiħa tad-drittijiet mogħtija minn trade mark. Id-Direttiva tinkludi għadd ta’ raġunijiet għal rifjut jew invalidità tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks (Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva), limitazzjonijiet u eżawriment ta’ drittijiet (Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva) kif ukoll il-possibbiltà ta’ limitazzjoni tad-drittijiet bħala konsegwenza ta’ kunsens taċitu (Artikolu 9 tad-Direttiva) (32). Ma ġiex issuġġerit li tapplika eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi pprovduti fid-Direttiva.

83.      Jekk il-liġijiet nazzjonali jkunu awtorizzati jipprekludu b’mod permanenti lill-proprjetarju ta’ trade mark milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu fir-rigward ta’ wħud mill-prodotti li għalihom tkun irreġistrata t-trade mark għal raġunijiet mhux ipprovduti fid-Direttiva, parti minn dan id-dritt protett tkun qiegħda tiġi mċaħħda, b’mod li jintilef l-iskop tal-armonizzazzjoni ta’ drittijiet taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva u jitwarrbu l-kundizzjonijiet li taħthom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jillimitaw id-drittijiet. Tali konsegwenza ma tistax tiġi aċċettata.

84.      L-Avukat Ġenerali Jacobs wasal għal konklużjoni simili meta kien qiegħed jiddiskuti l-liġijiet nazzjonali li jadottaw protezzjoni addizzjonali għal-liġi tat-trade marks fil-kuntest tat-trade mark Komunitarja: “Kieku kull Stat Membru kien liberu li jdaħħal il-protezzjoni addizzjonali li jagħżel, ikun hemm periklu ferm kbir li l-istruttura sħiħa tat-trade mark Komunitarja tikkrolla, flimkien mal-għan ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva nfisha, li huwa li jiġu evitati ostakoli għall-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-interes tas-suq intern” (33). [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-argument japplika mutatis mutandis għas-sitwazzjoni tal-każ inkwistjoni.

85.      Għalhekkk, id-dritt nazzjonali dwar l-eżerċitar żbaljat jew abbużiv ta’ drittijiet ma jistax jipprekludi b’mod permanenti lill-proprjetarju ta’ trade mark milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu fir-rigward ta’ wħud mill-prodotti li għalihom tkun irreġistrata t-trade mark.

86.      Madankollu, xejn ma jipprekludi lid-dritt nazzjonali milli jipprovdi għal rimedju differenti li jikkonforma mad-dritt tal-UE bħala danni jew saħansitra inġunzjoni, li tipprekludi lill-proprjetarju ta’ trade mark milli jeżerċita d-drittijiet esklużivi. Madankollu, dik l-inġunzjoni tista’ tkun biss temporanja, u tosserva d-drittijiet tas-proprjetarju tat-trade mark. Minħabba l-kumplessità tal-fatti, ir-riskji ta’ litigazzjoni fit-tul u l-prospett ta’ danni, huwa possibbli li l-partijiet jinnegozjaw liċenzja.

2.      Analiżi tat-tieni domanda

87.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li l-qorti tar-rinviju taqsam f’żewġ sottodomandi, iżda li għandhom jitqiesu flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jippermettix lill-qrati nazzjonali jipprekludu b’mod definittiv lill-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata milli jerġa’ jibda l-użu tat-trade mark infisha wara li jkun temm impenn lil terz li ma jużax din it-trade mark għal ċerti prodotti. Din il-projbizzjoni tkun ibbażata fuq il-projbizzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta, abbażi tal-argument li l-proprjetarju jibbenefika b’mod inġust mill-pubbliċità u investimenti li jkunu saru għat-trade mark minn terz u mill-konfużjoni tal-konsumaturi. Sussidjarjament, il-qrati nazzjonali għandhom jadottaw rimedju differenti?

88.      D. Depuydt u Gauquie jipproponu li l-projbizzjoni definittiva tal-użu tat-trade mark mill-proprjetarju hija rimedju xieraq għal kompetizzjoni inġusta. MyP, il-Polonja u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-qrati nazzjonali ser ikollhom jipprovdu għal rimedju differenti.

89.      Għal darba oħra, skont is-sitt premessa tad-Direttiva, l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali għajr il-liġi dwar it-trade marks, bħal-liġi dwar il-kompetizzjoni inġusta u r-responsabbiltà ċivili, b’mod ġenerali ma hijiex eskluża mid-Direttiva. Din il-liġi nazzjonali ma tistax tfixkel l-effettività sħiħa tad-Direttiva jew tiddevja minn armonizzazzjoni sħiħa stabbilita mid-Direttiva.

90.      Id-Direttiva ma tarmonizzax impenji mill-proprjetarju ta’ trade mark li ma jużax it-trade mark. Barra minn hekk, il-liġi dwar it-trade marks ġeneralment ma tipprovdix għal dritt tal-proprjetarju li juża t-trade mark (34). Id-drittijiet tat-trade mark huma primarjament drittijiet negattivi sabiex jiġu esklużi oħrajn.

91.      Madankollu, il-miżura nazzjonali proposta tkun f’kunflitt mad-Direttiva. Il-miżura tkun ibbażata fuq perċezzjoni ta’ benefiċċju inġust lill-proprjetarju li tirriżulta minn investimenti magħmula minn terz fil-pubbliċità għat-trade mark u l-konfużjoni tal-konsumatur, li jista’ jingħad li tirriżulta mill-fatt li issa ħaddieħor jipproduċi l-prodott inkwistjoni. Dawn iż-żewġ konsegwenzi jirriżultaw fil-biċċa l-kbira mit-terminazzjoni tal-kunsens u mill-arranġament mill-ġdid tal-użu tat-trade mark. Madankollu, kif iddiskutejt hawn fuq, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva joħloq sistema li fiha l-proprjetarju jista’ jirrevoka l-kunsens mogħti lil terz li juża t-trade mark u mbagħad jirranġa mill-ġdid dan l-użu.

92.      Għal darba oħra, madankollu, xejn ma jippekludi lil-liġi nazzjonali milli tagħti rimedji oħrajn lil terzi li jikkonformaw mad-dritt tal-UE.

V –    Konklużjoni

93.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi rrinvjati kif ġej:

–        Skont l-Artikolu 5(1) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata ma jistax jagħti l-kunsens għall-użu tat-trade mark tiegħu b’mod irrevokabbli. Wara r-revoka ta’ tali kunsens, id-dritt esklużiv mogħti minn trade mark irreġistrata jista’ jiġi invokat kontra l-parti li tkun użat it-trade mark bil-kunsens tal-proprjetarju, anki jekk il-proprjetarju u din il-parti jkunu kkondivew l-użu tat-trade mark — kull wieħed għal prodotti differenti, li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark — matul perijodu ta’ żmien estiż.

–        Il-liġi nazzjonali dwar l-eżerċitar żbaljat jew abbużiv ta’ drittijiet ma tistax tipprekludi b’mod permanenti lill-proprjetarju ta’ trade mark milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu fir-rigward ta’ wħud mill-prodotti li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trade mark. Minkejja dan, id-Direttiva 89̸104 ma tipprekludix lil-liġi nazzjonali milli tipprovdi għal rimedju differenti.

–        L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ma jippermettix lill-qrati nazzjonali jipprekludu definittivament lill-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata milli jerġa’ jibda juża t-trade mark wara li jkun temm impenn lil terz li ma jużax din it-trade mark għal ċerti prodotti permezz tal-liġi dwar il-kompetizzjoni inġusta fuq il-bażi tal-benefiċċji li jikseb il-proprjetarju mill-investimenti ta’ terz fil-pubbliċità tat-trade mark kif ukoll mill-konfużjoni tal-konsumaturi. Minkejja dan, id-Direttiva 89̸104 ma tipprekludix lil-liġi nazzjonali milli tipprovdi għal rimedju differenti.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2–      L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 1, p. 92), kif emendata.


3–      ĠU 2008, L 299, p. 25.


4–      Il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif emendat.


5 – D. Depuydt u Gauquie jargumentaw li s-sinjal “N” kien diġà ntuża minn P. Baquet u parti min-negozju li huma akkwistaw.


6 – Il-Kummissjoni tirrimarka wkoll li f’ebda punt ma ġie konkluż ftehim ta’ liċenzjar bejn iż-żewġ partijiet.


7 – Kawża tat-2 ta’ Diċembru 1964, Dingemans (26/64, Ġabra p. 1259).


8 – Kawża tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, Ġabra 1891, punt 26).


9 – Kawżi tad-29 ta’ Novembru 1978, Redmond (83/78, Ġabra 2347, punt 25), u tat-30 ta’ Novembru 1995, Esso Española (C-134/94, Ġabra I-4223, punt 9).


10–      Kawża tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia (126/80, Ġabra p. 1563, punt 6).


11 – Ara l-kawża tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C-62/00, Ġabra I-6325, punt 23).


12 – Fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet, ara r-raba’ premessa tad-Direttiva u t-tielet sentenza tal-Artikolu 16.1 tal-Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (“Ftehim TRIPS”).


13–      Kawża tal-25 ta’ Jannar 2007, Dyson (C-321/03, Ġabra I-687, punt 24).


14 – Sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C-104/01, Ġabra I-3793, punt 22), u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dyson (iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 sa 26).


15 – Sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82, Ġabra p. 107, punt 11), u tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43), u tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C-482/09, Ġabra p.I‑8701, punt 29).


16 – Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied (C‑355/96, Ġabra p. I‑4799, punt 25); tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (C‑414/99 sa C‑416/99, Ġabra p. I‑8691, punt 39); tat-23 ta’ April 2009, Copad (C‑59/08, Ġabra p. I‑3421, punt 40); tat-3 ta’ Ġunju 2010, Coty Prestige Lancaster Group (C‑127/09, Ġabra p. I‑4965, punt 27), u tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).


17 – Rigward drittijiet mogħtija ara l-Artikolu 9(1), rigward eżawriment ara l-Artikolu 13(1), rigward użu ara l-Artikolu 15(2), rigward revoka ara l-Artikolu 51(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009 L 78, p. 1).


18 – L-Artikolu 16.1 tal-Ftehim TRIPS dwar id-drittijiet mogħtija minn trade marks juża t-terminu f’kuntest simili għall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva.


19–      Ara t-Trademark Act tal1946 (Lanham Act), § 32, kif emendat, 15 U.S.C. § 114 dwar rimedji, ksur u awturi ta’ ksur innoċenti minn pubblikaturi.


20 – Kif emendat bl-Artikolu 65(2), Anness XVII tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, ĠU 1994 L 1, p. 3.


21 – Sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).


22Ibid., punti 45 u 47, sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Copad (iċċitata iktar ’il fuq, punt 42), u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et (C-324/08, Ġabra p. I‑10019, punt 22).


23 – Skont il-Qorti tal-Ġustizzja l-kunsens għandu jkun relatat ma’ kull oġġett individwali mqiegħed fuq is-suq: sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1999, Sebago u Maison Dubois (C-173/98, Ġabra I-4103, punt 19), u tat-3 ta’ Ġunju 2010, Coty Prestige Lancaster Group (iċċitata iktar ’il fuq punt 31).


24 – Id-dispożizzjoni korrispondenti tar-regolament dwar it-trade mark Komunitarja ġiet diskussa fil-Kawża C-416/04 Sunrider vs UASI [2006] Ġabra I-4237.


25 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44).


26 – Pożizzjoni identika fir-rigward ta’ liċenzji għal trade marks Komunitarji tittieħed minn Schennen, D. f’Eisenführ, G. u Schennen, D. (ed.), Gemeinschaftsmarkenverordnung, Carl Heymanns Verlag, it-tieni ed. 2007, Art. 22, paragrafu 18.


27 – Sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club (C‑206/01, Ġabra p. I‑10273, punt 51); tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C‑487/07, Ġabra p. I‑5185, punt 58); tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, Ġabra p. I‑2417, punt 76); tal-25 ta’ Marzu 2010, BergSpechte (C‑278/08, Ġabra p. I‑2517, punti 29 sa 37), tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, Ġabra p. I‑8625, punt 37), u Budějovický Budvar (iċċitata iktar ’il fuq, punt 71). Din il-ġurisprudenza tmur lura għas-sentenza tat-23 ta’ Frar 1999, BMW (C-63/97, Ġabra p. I-905, punt 38).


28 – Sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2003, LTJ Diffusion (C‑291/00, Ġabra p. I‑2799, punti 41 sa 43), u tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (iċċitata iktar ’il fuq, punti 69 u 70).


29 – Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 sa 84).


30Ibid., punt 71.


31 – Dan huwa saħansitra iktar minnu, peress li d-dritt tal-UE jikkundanna l-abbuż ta’ drittijiet: sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Kefalas et (C‑367/96, Ġabra p. I‑2843, punt 20), u tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, Ġabra p. I‑1609, punti 68 u 69).


32 – Depuydt u Gauquie donnhom jargumentaw li l-ħdax-il premessa tippermetti prinċipju wiesa’ ta’ aċċettazzjoni taċita lil hinn mil-limiti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dan jikkostitwixxi ksur tal-kundizzjonijiet ta’, pereżempju, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva.


33–      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Davidoff (sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).


34 – Madankollu, id-Direttiva timponi rekwiżit ta’ użu fl-Artikolu 10(1). Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 20 tal-Ftehim TRIPS ma jippermettix it-tfixkil inġustifikabbli tal-użu ta’ trade mark permezz ta’ rekwiżiti speċjali.