Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ġunju 2018 – ITSA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-396/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: International Tax Stamp Association Ltd (ITSA) (Sunbury-on-Thames, ir-Renju Unit) (rappreżentant: F. Scanvic, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/573 tal-15 ta’ Diċembru 2017 dwar l-elementi ewlenin tal-kuntratti tal-ħżin tad-dejta li għandhom jiġu konklużi bħala parti minn sistema ta' traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/574 tal-15 ta’ Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għat-twaqqif u għat-tħaddim ta’ sistema ta' traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/576 tal-15 ta' Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-prodotti tat-tabakk.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tal-WHO tal-Protokoll tal-WHO biex Jelimina l-Kummerċ Illeċitu fi Prodotti tat-Tabakk, adottat f’Seoul fit-12 ta’ Novembru 2012, li jipprojbixxi operazzjonijiet tat-tikkettar tat-tabakk milli jiġu fdati lill-industrija tat-tabakk. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm dak il-protokoll għadu ma daħalx fis-seħħ, ġie konkluż u ffirmat mill-Unjoni Ewropea, li jipprojbixxiha milli tagħmel atti li jkunu kuntrarji għaliha.

Barra minn hekk, hija tqajjem il-punt, li d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1), li abbażi tagħha r-regolament ikkontestat f'dan il-każ ġie adottat, jista’ u għandu jiġi interpretat bħala li huwa f’konformità mal-protokoll imsemmi hawn fuq, minkejja l-fatt li dan ma jipprojbixxix espressament li l-operazzjonijiet inkwistjoni jiġu fdati lill-industrija tat-tabakk.

Fl-aħħarnett, jekk wieħed jassumi li din l-interpretazzjoni mhix possibbli, tkun id-direttiva nnifisha li tkun kuntrarja għall-Protokoll u, konsegwentement, għat-Trattati Ewropej.

____________