Language of document : ECLI:EU:C:2016:500

Kawża C‑464/15

Admiral Casinos & Entertainment AG

vs

Balmatic Handelsgesellschaft mbH et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Wiener Neustadt)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Article 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, l-operazzjoni ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat (kleines Glücksspiel) fin-nuqqas ta’ permess maħruġ mill-awtorità kompetenti – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità – Evalwazzjoni tal-proporzjonalità abbażi kemm tal-għan tal-leġiżlazzjoni fil-mument tal-adozzjoni tagħha kif ukoll tal-effetti tagħha waqt l-implementazzjoni tagħha – Effetti kkonstatati empirikament b’ċertezza”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Domanda magħmula fuq tilwima li qamet fi Stat Membru wieħed biss – Inklużjoni fid-dawl tal-applikabbiltà eventwali tad-dritt tal-Unjoni għall-imsemmija tilwima minħabba projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni imposta mid-dritt nazzjonali

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, il-provvista ta’ logħob tal-ażżard mingħajr liċenzja maħruġa mill-awtorità kompetenti – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità – Evalwazzjoni tal-proporzjonalità abbażi kemm tal-għan tal-leġiżlazzjoni fil-mument tal-adozzjoni tagħha kif ukoll tal-effetti tagħha waqt l-implementazzjoni tagħha

(Artikolu 56 TFUE)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 22-23)

2.        L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, matul l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, il-qorti ma għandhiex tibbaża ruħha biss fuq l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni, kif jidher fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll fuq l-effetti tal-imsemmija leġiżlazzjoni, evalwati sussegwentement għall-adozzjoni tagħha.

Fil-fatt, mis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li din il-leġiżlazzjoni ma tindirizzax verament it-tħassib li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ logħob jew li tiġġieled il-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob b’mod koerenti u sistematiku. Madankollu, l-użu stess tat-termini “b’mod koerenti u sistematiku” ifisser li l-leġiżlazzjoni kkonċernata, għandha tindirizza t-tħassib li jitnaqqsu l-opportunitajiet tal-logħob jew li tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob mhux biss fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll sussegwentement għaliha. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-analiżi tal-proporzjonalità, hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq il-verifiki li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-evoluzjoni tal-politika kummerċjali tal-operaturi awtorizzati u fuq l-istat, fid-data ta’ meta seħħew il-fatti, tal-attivitajiet kriminali u frawdolenti marbuta mal-logħob. Minn dan isegwi li għandu jiġi kkunsidrat li, matul l-istħarriġ tal-proporzjonalità, l-approċċ segwit mill-qorti tar-rinviju ma għandux ikun statiku, iżda dinamiku, fis-sens li għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

(ara l-punti 33-37 u d-dispożittiv)