Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Lulju 2013 – Orange Business Belgium vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-349/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Orange Business Belgium SA (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: B. Schutyser, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tad-DG DIGIT tal-Kummissjoni Ewropea, li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fid-19 ta’ April 2013, li tiċħad l-offerta tar-rikorrent u li tattribwixxi l-kuntratt lil offerent ieħor;

fil-każ li, fil-mument li tinqata’ s-sentenza, il-Kummissjoni tkun diġà ffirmat il-kuntratt dwar is-Servizzi Telematiċi Trans-Ewropej bejn l-Amministrazzjonijiet – ġenerazzjoni ġdida (“TESTA-ng”), tiddikjara li dan il-kuntratt huwa null u bla effett; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċedura, inklużi l-onorarji tal-avukat sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv isostni li l-konvenuta la osservat l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti u lanqas l-Artikolu 89(1) u l-Artikolu 100(1) tar-Regolament Finanzjarju 1605/2002 1 (Artikoli 102(1) u 113(1) tar-Regolament Finanzjarju Nru 966/2012), b’mod partikolari l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, għaliex (a) ċerti regoli ta’ evalwazzjoni, li ġew ikkomunikati, ma ġewx applikati, (b) ċerti regoli ta’ evalwazzjoni, li ġew ikkomunikati, kienu inkorretti u regoli oħra ta’ evalwazzjoni li ma kinux ġew ikkomunikati, ġew applikati minflokhom u (ċ) il-metodu ta’ evalwazzjoni teknika ma ġiex ikkomunikat qabel is-sottomissjoni tal-offerti.

It-tieni motiv isostni li l-konveunta kisret il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, stabbiliti fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 (Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju Nru 966/2012), fatt li jinvalida d-deċiżjoni kkontestata, peress li kklassifikat l-offerta ta’ offerenti ieħor bħala regolari minkejja l-preżenza ta’ elementi mhux konformi fundamentali, bi ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-speċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

____________

1 Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145)