Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo nº 5 de Barcelona (Spanja) fis-6 ta’ Frar 2023 – Sagrario et vs Subdelegación del Gobierno en Barcelona

(Kawża C-63/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 5 de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sagrario, Joaquín, Prudencio

Konvenut: Subdelegación del Gobierno en Barcelona

Domandi preliminari

L-aħħar parti tal-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva [tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja 1 ], meta dawn isemmu “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, għandhom awtomatikament jinkludu ċ-ċirkustanzi kollha li fihom huwa kkonċernat minuri u/jew dawk li huma simili għal dawk imsemmija fl-istess Artikolu 15?

Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu li jiggarantixxi li l-membri tal-familja riunifikati ma jibqgħux f’sitwazzjoni ta’ irregolarità amministrattiva, meta jokkorru dawn iċ-ċirkustanzi partikolarment diffiċli, hija konformi mal-aħħar parti tal-Artikolu 15(3) u mal-Artikolu 17 tad-Direttiva?

L-aħħar parti tal-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dan id-dritt għal permess awtonomu huwa akkwistat meta l-familja riunifikata tibqa’ mingħajr permess ta’ residenza għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħha?

Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix, qabel ma jiġi rrifjutat it-tiġdid tal-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja riunifikati, l-evalwazzjoni neċessarja u obbligatorja taċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva, hija konformi mal-Artikoli 15(3) u 17 tad-Direttiva?

Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix li, qabel ir-rifjut ta’ permess ta’ residenza jew tat-tiġdid tiegħu bħala benefiċjarju tar-riunifikazzjoni tal-familja, ikun hemm proċedura speċifika ta’ smigħ tal-minuri, meta l-isponsor ikun ġie rrifjutat il-permess ta’ residenza jew it-tiġdid tiegħu, hija konformi mal-Artikoli 15(3) u 17 tad-Direttiva kif ukoll mal-Artikoli 6(1), u 8(1) u (2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Artikoli 47, 24, 7 u 33(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix li, qabel ir-rifjut ta’ permess ta’ residenza jew tat-tiġdid tiegħu bħala konjuġi riunifikat, meta l-isponsor ikun ġie rrifjutat il-permess ta’ residenza jew it-tiġdid tiegħu, ikun hemm proċedura li fil-kuntest tagħha l-persuna kkonċernata tkun tista’ tinvoka ċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva, sabiex titlob li tingħatalha l-possibbiltà li tkompli r-residenza tagħha mingħajr interruzzjoni fil-konfront tas-sitwazzjoni ta’ residenza preċedenti tagħha, hija konformi mal-Artikoli 15(3) u 17 tad-Direttiva kif ukoll mal-Artikoli 6(1) u 8(1) u (2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Artikoli 47, 24, 7 u 33(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.