Language of document : ECLI:EU:T:2006:109

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

6 ta' April 2006 (*)

“Għajnuna mill-Istat − Linji gwida għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ l-impriżi f’diffikultà – Neċessità ta’ għajnuna”

Fil-kawża T-17/03

Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke GmbH, stabbilita f’Gotha (il-Ġermanja), irrappreżentata minn  M. Matzat, avocat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. V. Kreuschitz u V. Di Bucci, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/194/KE tat-30 ta’ Ottubru 2002, li tirrigwarda l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke GmbH (ĠU 2003, L 77, p. 41),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Legal, President,  P. Lindh, P. Mengozzi, I. Wiszniewska-Białecka u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       L-Artikolu 87 KE jgħid li:

“1.      Bla ħsara ta' kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

[…]

3.      It-tipi ta’ għajnuna li ġejja tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni:

[…]

ċ)       għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni;

[…]”

2       L-Artikolu 88 KE jgħid li:

“[…]

2.      Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.

[…]”

3       Il-punt 2.4 tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ l-impriżi f’diffikultà, fil-verżjoni applikabbli tagħhom għall-fatti kkonċernati [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1994, C 368, p. 12) (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), jgħid li:

“L-Artikolu [87] (2) u (3) tat-Trattat jipprevedu l-possibbiltà ta’ deroga għall-għajnuna li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [87](1).

[…]

Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ekonomiċi, bla ħsara għall-iskambji li jmorru kontra l-interess Komunitarju, meta l-kundizzjonijiet iddefiniti fil-punt 3 jiġu sodisfatti, u hija għalhekk tawtorizza din l-għajnuna skond dawn il-kundizzjonijiet […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Il-punt 3.2.2 tal-linji gwida jgħid li:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali dwar l-oqsma eliġibbli u l-impriżi żgħar u medji, imfakkra iżjed ’il quddiem, jeħtieġ, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tapprova għajnuna, li l-pjan ta’ ristrutturar tissodisfa kull kundizzjoni ġenerali li jmiss:

[…]

Ċ. Għajnuna proporzjonali għall-ispejjeż u l-vantaġġi tar-ristrutturar

L-ammont u l-intensità ta’ l-għajnuna mogħtija jridu jiġu limitati għall-minimu neċessarju sabiex ikun jista' jsir ir-ristrutturar u jridu jirrelataw mal-vantaġġi akkwiżiti mil-lat Komunitarju. Għal dawn ir-raġunijiet, il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna għandhom normalment jikkontribbwixxu b’mod importanti għall-pjan ta’ ristrutturar permezz tar-riżorsi tagħhom jew permezz ta’ finanzjament estern mogħti skond il-kundizzjonijiet tas-suq. Biex jiġu limitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, għandu jiġi evitat li l-għajnuna ma tingħatax taħt forma li twassal l-impriża biex teħles minn likwidità eċċessiva li hija tista' tuża għal attività aggressiva li tista' tipprovoka distorsjoni fis-suq u li ma tkunx marbuta mal-proċess ta’ ristrutturar. L-għajnuna m’għandhiex isservi sabiex jiġu ffinanzjati investimenti ġodda li mhumiex neċessarji għar-ristrutturar. L-għajnuna li hija intiża għar-ristrutturar finanzjarju m’għandhiex tnaqqas b’mod eċċessiv l-ispejjeż finanzjarji ta’ l-impriża.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5       Fl-1994, Gothaer Fahrzeugwerke GmbH (iktar ’il quddiem “GFW”), li kienet impriża ta’ l-Istat, ġiet ċeduta, flimkien ma’ tmien kumpanniji oħra tal-Ġermanja tal-Lvant, lill-grupp immexxi minn Lintra Beteilignungholding GmbH bil-ħsieb li tiġi pprivatizzata. Billi l-privatizzazzjoni ma rnexxietx, fl-1996, il-Bundesanstalt für vereinigungsbedingteSonderaufgaben, organu ta’ l-Istat, reġa ħa l-kontroll ta’ GFW bil-għan li jippreparaha għall-bejgħ tagħha.

6       Wara li kkonstata li bejgħ ta’ GFW ma kienx possibbli, dan l-organu ddeċieda li jissepara ruħhu mill-assi ta’ l-imsemmija kumpannija. Din l-operazzjoni seħħet wara proċedura li l-istadji tagħhom huma deskritti fil-punti 7 sa 9 iktar ’il quddiem.

7       B’kuntratt tat-3 ta’ Settembru 1997, GFW akkwistat l-ishma kollha tal-kumpannija Widahvogel Vermögensverwaltung (iktar ’il quddiem “Widahvogel”), ta’ liema d-direttur kien is-Sur Josef Koch, għall-prezz ta’ 54 000 Marki Ġermaniżi (DEM).

8       B’kuntratt ta’ l-10 ta’ Settembru 1997, l-assi u d-diriġenza fil-qasam tal-“kostruzzjoni ta’ vetturi awtomobilistiċi” tal-GFW għaddew lil Widahvogel. B’kuntratt ieħor fl-istess jum, l-ishma kollha ta’ GFW ġew ċeduti lil Weißstorch GmbH (30 % ta’ l-ishma), li wara saret Josef Koch GmbH, u lil Schmitz-AnhängerEinkaufs-und Beteilingungs Gesellschaft GmbH & Co. KG (70 % ta’ l-ishma), miżmuma minn Schmitz Cargobull AG. L-investituri ħallsu 1 DEM għall-assi. Barra minn hekk, is-Sur Koch ġie nnominat bħala direttur uniku ta’ Widahvogel, li l-isem tal-kumpannija tagħha sar Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke GmbH (iktar ’il quddiem “Schmitz-Gota” jew ir-“rikorrenti”).

9       Fid-9 ta’ Ottubru 1997, ir-rikorrenti akkwistat il-kapital kollu ta’ waħda mill-manifatturi ta’ l-ekwipaġġament tagħha, Trailer System Engineering (iktar ’il quddiem “TSE”), kumpannija maħluqa u mmexxija mis-Sur Koch, l-azzjonista maġġoritarju tagħha, għall-ammont ta’ madwar 3 700 000 DEM.

10     B’ittra tat-18 ta’ Mejju 1998, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat il-Kummissjoni dwar miżuri ta’ għajnuna intiżi għar-ristrutturar ta’ Schmitz-Gotha, li ġew fis-seħħ sa mix-xahar ta’ Jannar 1997 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Mejju 1998”).

11     B’ittri tat-12 ta’ Ġunju 1998, tal-21 ta’ Diċembru 1999 u tas-17 ta’ Mejju 2000, il-Kummissjoni talbet informazzjoni ulterjuri mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Dawn ta’ l-aħħar wieġbu permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Ottubru 1998, tal-21 ta’ Lulju 1999, tas-27 ta’ April 2000, ta’ l-1 ta’ Diċembru 2000 u tat-8 ta’ Jannar 2001.

12     B’ittra tat-23 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ĠU C 211, p. 15). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri li ttieħdu favur Schmitz-Gotha bħala għajnuna ġdida, mogħtija mingħajr notifika preċedenti, skond il-linji gwida.

13     F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qajmet, b’mod partikolari, xi dubji dwar in-natura proporzjonata ta’ l-għajnuna kkonċernata fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fil-punt 3.2.2, Ċ, tal-linji gwida. Abbażi ta’ l-informazzjoni li għandha, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li ma kinitx f’pożizzjoni li tara l-bżonn tax-xiri mill-ġdid ta’ TSE sabiex tiġi rristrutturata Schmitz-Gotha. B’hekk, il-Kummissjoni ordnat lill-awtoritajiet Ġermaniżi jikkomunikawlha l-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ Schmitz-Gotha f’TSE u, b’mod partikolari, dwar il-bżonn ta’ din l-operazzjoni fir-rigward tar-ristrutturar ta’ l-impriża. Ma’ dan, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tittrażmetti l-ittra tagħha tat-23 ta’ Mejju 2001 lill-benefiċjarja ta’ l-għajnuna u ppreċiżat li hija kienet ser tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi ta’ l-informazzjoni li kien ser ikollha.

14     Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bl-ittri ta’ l-10 ta’ Awwissu u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2001. Madankollu, l-ebda parti interessata ma indirizzat l-osservazzjonijet tagħha lill-Kummissjoni.

15     B’ittra ta’ l-4 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni talbet mill-ġdid lill-awtoritajiet Ġermaniżi juru l-bżonn tax-xiri mill-ġdid ta’ TSE għar-ristrutturar ta’ Schmitz-Gotha.

16     Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bl-ittri tas-16 ta’ Mejju, tat-28 ta’ Mejju u tat-3 ta’ Lulju 2002.

17     Meta nbdew il-proċedimenti, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/194/KE tat-30 ta’ Ottubru 2002, li tirrigwarda l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke GmbH (ĠU 2003, L 77, p. 41; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Hija fakkret li, skond il-punt 3.2.2, Ċ, tal-linji gwida, il-kriterju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-għajnuna tiġi limitata għal minimu strettament neċessarju biex isir ir-ristrutturar, sabiex jitnaqqsu l-effetti tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li l-għajnuna m’għandhiex isservi għall-benefiċjarju biex jiffinanzja investiment ġodda li mhumiex neċessarji għar-ristrutturar. F’dan il-każ, skond il-Kummissjoni, ix-xiri mill-ġdid ta’ TSE, li ġiet iffinanzjata bl-għajnuna, kellha tiġi kkwalifikata bħala investiment ġdid, li l-bżonn tiegħu għall-finijiet ta’ ristrutturar ma ġiex ippruvat mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Fuq dan il-fatt, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna ma kinitx tissodisfa l-kriterji tal-linji gwida u kienet konsegwentement inkompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, skond id-deċiżjoni kkontestata, fuq il-prezz ta’ xiri ta’ TSE, kien biss ammont ta’ 2 200 000 DEM li ma ġiex limitat għall-minimu strettament neċessarju biex isir ir-ristrutturar ta’ Schmitz-Gotha, safejn il-flus, li kien jammonta għal 1 500 000 DEM, kien jaqa' taħt kundizzjonijiet li fil-mument ta’ l-akkwist tat-TSE ma setgħux iseħħu b’ċertezza. B’hekk, skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq komuni safejn kienet tilħaq iż-2 200 000 DEM (1 120 000 EUR). Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet obbligata li tirkupra dan l-ammont minn Schmitz-Gotha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18     B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

19     Abbażi ta’ rapport mill-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

20     L-argumenti tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti ta’ Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2006.

21     Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet il-kunsiderazzjoni, fir-rapport tas-seduta, tal-fatt li n-natura kunfidenzjali ta’ l-isem tal-kumpannija ta’ TSE, li kienet ġiet miżmuma fid-deċiżjoni kkontestata u fir-rapport tas-seduta, setgħet tiġi mneħħija għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

22     Ir-rikorrenti titlob bir-rispett lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–       prinċipalment, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       sussidjarjament, li tannulla d-deċiżjoni peress li hija għandha fil-pussess tagħha ammont ta’ għajnuna li jrid jintradd lura li huwa għoli wisq;

–       tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

23     Il-Kummissjoni titlob bir-rispett lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

24     Ir-rikorrenti ssemmi tliet motivi sabiex issostni r-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ kunsiderazzjoni fuq il-bżonn ta’ l-għajnuna, li qed tintalab lura, skond il-punt 3.2.2, Ċ, tal-linji gwida. It-tieni motiv huwa bbażat fuq abbuż ta’ poter fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Bħala tielet motiv, invokat sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li kien hemm żball mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tintradd lura.

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq kunsiderazzjoni żbaljata fir-rigward tal-bżonn ta’ l-għajnuna

 L-argumenti tal-partijiet

25     Ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-għajnuna kkontestata hija inkompatibbli mas-suq komuni safejn tilħaq l-ammont li ġie użat għax-xiri ta’ TSE (2 200 000 DEM), minħabba li mhijiex konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-linji gwida.

26     L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li l-parteċipazzjoni tagħha f’TSE kienet tikkostitwixxi parti essenzjali u integranti tal-proġett ta’ ristrutturar, u li l-Kummissjoni kienet ġiet informata.

27     F’dan ir-rigward, hija tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-proġett ta’ ristrutturar kien jipprevedi li Schmitz-Goha kienet terġa' ssir vijabbli permezz ta’ erba’ eżerċizzji mingħajr ma kellha tiġi akkwistata TSE, fejn dan ix-xiri mill-ġdid kien, l-iżjed, utili għar-ristrutturar billi kien jikkontribwixxi sabiex il-proċess jitnaqqas b’sena. Hija fil-fatt tafferma li l-proposta ta’ impriża tat-2 ta’ Settembru 1997 u l-annessi tagħha, bħall-“Pjan ta’ żvilupp – Telf u qligħ”,il-pjan ta’ tmexxija finanzjarja, il-pjan ta’ żvilupp tal-proprjetà immobbli ta’ Schmitz-Gotha, li hija kienet ippreżentat lill-awtoritajiet Ġermaniżi, joħolqu l-previżjonijiet kollha li jikkonċernaw ir-ristrutturar ta’ Schmitz-Gotha fuq l-għaqda ta’ din ta’ l-aħħar ma’ TSE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tippreċiża li l-“Pjan ta’ żvilupp – Telf u qligħ”, iċċitat iktar ’il fuq, huwa indirizzat lill-Kummissjoni fl-anness ta’ l-ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Mejju 1998. Hija rrimarkat ukoll li l-investituri kienu lesti li jagħmlu r-ristrutturar ta’ Schmitz-Gotha biss fil-kuntest tal-kundizzjonijiet previsti mill-proposta ta’ impriża, li kienu jinkludu wkoll ix-xiri mill-ġdid ta’ TSE.

28     Ir-rikorrenti żiedet li teżisti kontraddizzjoni fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-għarfien li hija kellha dwar l-identità ta’ l-investituri. Hija tosserva li, fil-kitbiet tagħha, il-Kummissjoni tiċħad li kienet taf il-fatt li s-Sur Koch kien wieħed mis-soċji ta’ TSE, meta’ informazzjoni ddettaljata li tikkonċerna din il-persuna ġiet trażmessa lilha qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għall-ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Mejju 1998 kif ukoll għall-ittri indirizzati lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Mejju u fit-3 ta’ Lulju 2002. Barra minn hekk, hija tfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess tafferma li s-Sur Koch kien soċju ta’ TSE.

29     It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qieset b'mod żbaljat, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipazzjoni f’TSE ma kinitx neċessarja biex isir ir-ristrutturar. Ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni ħadet żball manifest ta' evalwazzjoni peress li l-fatti essenzjali, li dwarhom il-Kummissjoni kellha għarfien, ma ttieħdux in kunsiderazzjoni meta ġie evalwat in-natura proporzjonata ta’ l-għajnuna.

30     Ir-rikorrenti ssostni li, biex ir-ristrutturar jiġi ggarantit li jirnexxi, Schmitz-Gotha għandha tiżviluppa hi stess il-prodotti tagħha, sabiex issir indipendenti mid-diriġenza interna tal-grupp u kompetittiva fuq is-suq. Issa, il-parteċipazzjoni f’TSE kienet tippermetti li jiġi integrat direttament fi Schmitz-Gotha dak l-għarfien neċessarju sabiex tkun tista' tiżviluppa l-prodotti tagħha, peress li s-soċji ta’ TSE huma inkarigati, minn naħa, mit-tmexxija u, min-naħa l-oħra, mis-servizz responsabbli tal-kostruzzjoni u ta’ l-iżvilupp fi Schmitz-Gotha. Konsegwentement, ir-rikorrenti tikkontesta l-ħsieb tal-Kummissjoni li jgħid li l-uniku għan ta’ l-akkwist ta’ TSE kien it-tnaqqis ta’ l-ispiża ta’ produzzjoni ta’ Schmitz-Gotha.

31     Ir-rikorrenti żżid li kien biss ix-xiri mill-ġdid ta’ TSE li seta' jiggarantixxi l-integrazzjoni ta’ l-għarfien neċessarju għar-ristrutturar. Biex issostni l-allegazzjoni tagħha, hija tirreferi għall-ispejjeż eċċessivi dwar proposta ta’ TSE bbażata fuq l-operazzjonijiet ta’ żvilupp ta’ l-għarfien minn persuni esterni.

32     Billi rriferiet għall-informazzjoni magħquda ma’ l-anness tar-rikors li tesponi l-evoluzzjoni tal-fatturat ta’ Schmitz-Gotha li jirriżulta mill-bejgħ ta’ terzi impriżi (dokument intitolat “L-iżvilupp tal-fatturat ta’ Schmitz-Gotha”), f’forma ta’ elenku, ir-rikorrenti tafferma li ż-żieda sinjifikanti tal-fatturat tagħha turi l-influwenza ta’ l-integrazzjoni diretta ta’ servizz ta’ żvilupp awtonomu, li ġiet fis-seħħ permezz tax-xiri mill-ġdid ta’ TSE, fuq is-suċċess tar-ristrutturar.

33     Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tikkunsidra l-karattru neċessarju tal-parteċipazzjoni tagħha f’TSE għall-finijiet ta’ ristrutturar, abbażi ta’ l-informazzjoni li hija kellha, u li konsegwentement tikkonkludi li dan huwa konformi mal-kriterju ta’ l-għajnuna marbuta ma’ l-“istrett minimu neċessarju” skond il-punt 3.2.2, Ċ, tal-linji gwida. B’mod partikolari, dan jirriżulta b’mod ċar mill-ittra ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-3 ta’ Lulju 2002, li tgħid li l-parti dwar il-provvisti fl-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ Schmitz-Gotha naqqset u kienet biss il-parteċipazzjoni tagħha f’TSE li kienet tippermetti lil Schmitz-Gotha li tirrimedja għan-nuqqas ta’ għarfien tagħha.

34     Il-Kummissjoni l-ewwel nett tfakkar li hija għandha marġini ta’ kunsiderazzjoni wiesgħa fl-eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, fir-rigward ta’ l-Artikolu 87(3), KE. Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti f’dan il-każ ma jurux l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ kunsiderazzjoni u żżid li r-rikorrenti qed tipprova tissostitwixxi l-kunsiderazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni.

35     It-tieni nett, il-Kummissjoni tippreċiża li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p.1), hija għandha s-setgħa li ttemm il-proċedimenti u li tieħu deċiżjoni abbażi ta’ l-elementi li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha, meta Stat Membru, minkejja l-inġunzjoni indirizzata lilu, ma jagħtix l-informazzjoni mitluba.

36     F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti tibbaża l-allegat bżonn li tixtri lura TSE, dejjem jekk wieħed iqis is-suċċess tar-ristrutturar ta’ Schmitz-Gotha, essenzjalment fuq informazzjoni li dwarha ma kellhiex għarfien meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u li b’konsegwenza ta’ dan ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

37     Hija tippreċiża li, minkejja l-inġunzjoni indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tagħti informazzjoni dwar l-identità tal-proprjetarji ta’ TSE u dwar il-bżonn ta’ l-investiment ikkonċernat, li tinstab fid-deċiżjoni li jinfetħu l-proċedimenti formali ta’ eżami, u minkejja l-ittra indirizzata lill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-4 ta’ Marzu 2002, il-kuntratti li jirrigwardaw ix-xiri ta’ TSE, annessi mar-rikors, ma ġewx ikkomunikati lilha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa wkoll il-każ tal-proposta ta’ impriża, tal-proposta ta’ żvilupp ta’ l-għarfien tar-rikorrenti stabbilita minn TSE, iż-żewġ annessi għar-rikors, kif ukoll l-osservazzjonijiet iddettaljati dwar dan is-suġġett li jinstabu fir-rikors stess. barra minn hekk, hija ssostni li qatt ma sostniet li ma kinitx taf lis-soċju s-Sur Koch. Madankollu, hija tosserva li, fl-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi waqt il-proċedura amministrattiva, is-Sur Koch kien diġà ssemma b’mod indirett bħala soċju ta’ TSE. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li hija qatt ma ġiet informata dwar l-identità tas-soċji l-oħra ta’ TSE.

38     Il-Kummissjoni tqis li abbażi ta’ l-informazzjoni f’idejha meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, hija kienet sempliċement f’pożizzjoni li tikkunsidra l-bżonn tax-xiri mill-ġdid ta’ TSE, iżda li n-neċessità ta’ l-investiment iffinanzjat mill-għajnuna kkontestata ma ġietx ippruvata. Skond hi, l-informazzjoni li tikkonċerna x-xiri mill-ġdid ta’ TSE, li tinstab fl-ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Meju 1998, kif ukoll fl-ittri ta’ l-10 ta’ Ottubru 2001, tas-16 ta’ Mejju, tat-28 ta’ Mejju u tat-3 ta’ Lulju 2002, annessi mas-sottomissjonijiet tad-difiża, ma jippermettux li jiġi konkluż li l-investiment ikkonċernat jikkostitwixxi parti neċessarja tar-ristrutturar, fis-sens tal-linji gwida. 

39     Il-Kummissjoni ssib ukoll li l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha torbot essenzjalment ix-xiri mill-ġdid ta’ TSE fuq l-ekonomija li tinħoloq mit-tneħħija ta’ fornitur intermedjarju u tal-marġini ta’ benefiċċju korrispondenti, meta, fir-rikors tagħha, dan l-aspett sar relattiv. Għal dak li jirriżulta minn din l-informazzjoni li x-xiri ta’ TSE ppermettiet ukoll li jinxtara l-għarfien tekniku intiż sabiex tiżviluppa tipi ġodda ta’ prodotti, il-Kummissjoni tirrimarka li din l-affermazzjoni ma ġiet la motivata u l-anqas magħmula b’mod espliċitu. Hija tallega li huwa biss fir-rikors li Schmitz-Gotha esponiet u mmotivat fil-fond, il-bżonn li tinxtara mill-ġdid TSE bil-ħsieb li takkwista l-għarfien neċessarju għar-ristrutturar tagħha. Hija tindika li, waqt id-dewmien kollu tal-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma ppreċiżawx, madankollu, il-bżonn ta’ l-imsemmija operazzjoni sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturar.

40     It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li l-għanijiet ta’ dan l-investiment, jiġifieri t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-akkwist ta’ l-għarfien neċessarju sabiex jiġu żviluppati prodotti ġodda, jistgħu jseħħu indipendentement mix-xiri ta’ TSE, billi d-direttur ta’ Schmitz-Gotha kien ukoll id-direttur u l-azzjonist maġġoritarju ta’ TSE u li, konsegwentement, seta’ jdaħħal kooperazzjoni partikolari bejn iż-żewġ impriżi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Osservazzjonijiet preliminari

41     Bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(3), KE, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, liema eżerċizzju timplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ ordni ekonomika u soċjali li għandhom jiġu mistħarrġa f’kuntest Komunitarju. Il-kontroll ġurisdizzjonali applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni jillimita ruħu għall-verifika tar-rispett tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni kif ukoll għall-kontroll tal-korettezza materjali tal-fatti miżmuma u tan-nuqqas ta’ żball tad-dritt, ta’ żball manifest fil-kunsiderazzjoni tal-fatti jew ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42     Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tista' timponi pjanijiet għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ evalwazzjoni tagħha permezz ta’ atti, bħal m’huma l-linji gwida kkonċernati, sakemm dawn ikollhom kriterji indikattivi dwar il-pjan li jrid jiġi segwit minn din l-istituzzjoni u sakemm dawn ma jwarrbux in-normi tat-Trattat (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 79). Miżuri tali jikkorrispondu għar-rieda tal-Kummissjoni li tippubblika l-kriterji li jindikaw il-pjan li għandha l-intenzjoni li ssegwi, fejn b’hekk hija tinħeles mid-deċiżjonijiet individwali tagħha fil-qasam ikkonċernat (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2001, Agrana Zucker und Stärke vs Il-Kummissjoni, T-187/99, Ġabra p. II-1587, punt 56).  

43     Sabiex tkun tista' tiġi ddikjarata kumpatibbli mas-suq komuni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ), KE, proposta ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ impriża f’diffikultà għandha tintrabat ma’ pjan ta’ ristrutturar intiż biex inaqqas jew jagħti direzzjoni ġdida lill-attivitajiet (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 67, u tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni C-17/99, Ġabra p. I-2481, punt 45).

44     Il-punt 3.2.2 tal-linji gwida, li jippreċiża dan il-bżonn, jindika b’mod partikolari li l-pjan ta’ ristrutturar għandu jirrispetta tliet kundizzjonijiet materjali. Huwa imperattiv, l-ewwel nett, li jippermetti li l-impriża benefiċjarja terġa' ssir vijabbli f’terminu raġonevoli abbażi ta’ ipoteżi realistiċi (punt 3.2.2, A), it-tieni nett, li jipprevjeni d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li sseħħ (punt 3.2.2, B) u, it-tielet nett, li jkun proporzjonali ma’ l-ispejjeż u mal-vantaġġi tar-ristrutturar (punt 3.2.2, Ċ).

45     Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, huwa biżżejjed li waħda minn dawn tkun difettuża biex proposta ta’ għajnuna għar-ristrutturar tiġi ddikjarata inkompatibbli mill-Kummissjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta' Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-171/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 128; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50).

46     F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi tal-linji gwida u, b’mod iżjed partikolari, tal-punt 3.2.2, Ċ, tagħhom.

47     Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li l-għajnuna kkonċernata għandha tkun strettament neċessarja sabiex terġa' tiġi stabbilita l-vijabbiltà tal-benefiċjarju, jiġifieri li din għandha mhux biss taqbel mal-pjan intiż għar-ristrutturar ta’ l-impriża kkonċernata, iżda wkoll li tkun proporzjonali ma’ dan il-pjan, jiġifieri li kull ammont li ma jikkonċernax biss ir-ritorn għall-vijabbiltà tal-benefiċjarju ma jistax, fil-prinċipju, jkun eliġibbli bis-saħħa tal-linji gwida.

48     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li huwa dmir l-Istat Membru kkonċernat, sabiex jinħeles mill-obbligu tiegħu lejn il-Kummissjoni, li jrid jagħti l-elementi kollha b’mod li jippermetti lil din l-istituzzjoni biex tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga li trid tibbenefika minnha jintlaqgħu (ara s-sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49     Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-deċiżjoni kkontestata, sakemm, skond ir-rikorrenti, din tkun marbuta ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, għandha tiġi eżaminata.

–       Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni allegat mir-rikorrenti

50     Fil-punti 62 sa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi li ġej:

“(62)[...] Wieħed mill-investituri [fi Schmitz-Gotha], is-Sur Koch, kien ukoll fundatur u soċju mexxej ta’ TSE, kif ukoll il-futur mexxej taż-żewġ kumpanniji. Il-Kummissjoni tfakkar li, minkejja l-inġunzjoni li tiġi pprovduta informazzjoni, il-Ġermanja ma kkomunikatx il-kuntratt ta’ ċessjoni u lanqas l-informazzjoni bil-miktub iżjed preċiżament fuq il-kompożizzjoni preċedenti tal-kapital ta’ TSE. Għalhekk, meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi l-oħra u l-informazzjoni kkomunikata verbalment, il-Kummissjoni ma tistax teskludi li, qabel ix-xiri mill-ġdid, parti sostanzjali mill-kapital ta’ TSE ġiet direttament jew indirettament miżmuma mis-Sur Koch jew il-familja tiegħu. Il-Ġermanja ddikjarat li Schmitz-Gotha ma kienet la f’pożizzjoni li tipproduċi l-biċċiet li hija tixtri mingħand TSE, u lanqas li kienet f’sitwazzjoni li ttejjeb sensibbilment il-kundizzjonijet ta’ bejgħ, u li l-pjan prinċipali tax-xiri mill-ġdid kien għalhekk jikkonsisti milli jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ produzzjoni. Il-Kummissjoni ma tistax teskludi li, bix-xiri mill-ġdid ta’ TSE, somma sostanzjali li kellha tingħata sabiex jiġi ffinanzjat ir-ristrutturar, ġiet fil-fatt imħallsa lil wieħed mill-investituri ġodda. F’kull każ, ix-xiri mill-ġdid ta’ TSE ma kienx neċessarju sabiex jiġi żgurat ko-operazzjoni tajba ma’ TSE. Billi s-Sur Koch kien il-fundatur u soċju mexxej ta’ TSE, u wara sar mexxej ta’ Schmitz-Gotha, jidher ftit probabbli li ma setax ikun hemm kundizzjonijiet aħjar ma’ TSE, apparti x-xiri. Barra minn hekk, impriża kompetittiva trid fi prinċipju tkun kapaċi li tiffinanzja l-provvisti tagħha skond il-prezz tas-suq, mingħajr ma tbati l-ebda diffikultà finanzjarja.

(63) L-informazzjoni kkomunikata mill-Ġermanja turi li x-xiri mill-ġdid ta’ TSE kien investiment utili għall-impriża peress li kien jippermetti tnaqqis sostanzjali fl-ispejjeż li kienu kkontribwew li jnaqqsu b’sena t-tul tar-ristrutturar. Iżda dan ma jfissirx li l-investiment kien ta’ bilfors neċessarju sabiex iseħħ ir-ristrutturar. Prinċipalment, jekk impriża tirċievi għajnuna biex tiffinanzja r-ristrutturar tagħha, l-investimenti li jżidu l-effiċjenza tagħha mhumiex kollha ammissibbli, peress li jnaqqsu fl-istess ħin ta’ kuljum il-kapaċità tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna milli jiffinanzja r-ristrutturar mir-riżorsi tiegħu stess. Huwa minħabba li jekk is-suċċess tar-ristrutturar hija kollha kemm hi kompromessa jew imtawwla mingħajr bżonn minħabba n-nuqqas ta’ investiment li din ta’ l-aħħar tista' tiġi kkunsidrata bħala neċessarja għar-ristrutturar, peress li l-pjan ta’ għajnuna huwa limitat sabiex tiġi stabbilita l-vijabbiltà ta’ l-impriża fi żmien raġonevoli. Kull investiment li jmur lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex terġa' tiġi stabbilita l-vijabbiltà fi żmien raġonevoli jagħmel użu ta’ bilfors minn mezzi finanzjarji li jkollhom impatt fuq l-ispejjeż ta’ ristrutturar li huma effettivament neċessarji u li għaldaqstant inaqqsu bl-istess ċifra l-ammont ta’ għajnuna li hija neċessarja għar-ristrutturar. Isegwi li l-investimenti li mhumiex neċessarji għar-ristrutturar jagħtu intensità ta’ għajnuna li taqbeż il-minimu strettament neċessarju, għalhekk il-kriterju tal-proporzjonalità, biex iseħħ ir-ristrutturar.

(64) It-tnaqqis fl-ispejjeż ta’ kunsinna mhuwiex biżżejjed biex waħdu jiġġustifika n-neċessità li TSE terġa' tinxtara għar-ristrutturar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li l-Ġermanja qatt ma rrimarkat li, mingħajr dan ix-xiri mill-ġdid, is-suċċess tar-ristrutturar kien kompromess jew imtawwal mingħajr bżonn.Issa, anki mingħajr ma jitqies ix-xiri mill-ġdid ta’ TSE, il-pjan tal-bidu kien jipprevedi riżultat ta’ ħidma pożittiva wara erba’ eżerċizzji. Skond l-iżjed informazzjoni reċenti, dan id-dewmien għandu jitnaqqas b’sena permezz tax-xiri mill-ġdid. Madankollu, dewmien ta’ erba’ snin sabiex tintlaħaq il-profitabbiltà ma tiġix iġġudikata mhux raġonevoli għar-ristrutturar. Bil-kontra, il-pjan inizzjali kien diġà jipprevedi ritorn relattivament mgħaġġel għall-vijabbiltà. Kellu jiġi kkonstatat jekk, anki mingħajr ix-xiri mill-ġdid ta’ TSE, ir-ristrutturazzjoni setgħet isseħħ sew fi żmien raġonevoli u li dan ix-xiri ma kienx għaldaqstant neċessarju biex jirnexxi r-ristrutturar. Konsegwentement, il-Kummissjoni ssib li x-xiri mill-ġdid ta’ TSE ma kienx indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan, iżda li l-fondi mogħtija lilha kellhom jikkontribwixxu sabiex jiġi ffinanzjat ir-ristrutturar, sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ l-għajnuna neċessarja għaliha.”

51     Biex issostni l-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega, l-ewwel nett, li sostanzjalment, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq premessa fattwali żbaljata, li tgħid li x-xiri mill-ġdid ta’ TSE kienet sempliċement tnaqqas b’sena t-tul tar-ristrutturar. In sostenn tat-teżi tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-proposta ta’ impriża u l-annessi tagħha, b’mod partikolari l-“Pjan ta’ żvilupp – Telf u qligħ”, il-pjan ta’ tmexxija finanzjarja u l-pjan ta’ żvilupp tal-proprjetà immobbli ta’ Schmitz-Gotha, li hija kienet ippreżentat lill-awtoritajiet Ġermaniżi u li jinstabu fl-anness tar-rikors. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssemmi l-karattru kontradittorju ta’ l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-informazzjoni li hija kellha fuq l-identità ta’ l-azzjonijisti ta’ TSE. Biex issostni l-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għall-ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Mejju 1998, kif ukoll għall-ittri indirizzati lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Mejju u fit-3 ta’ Lulju 2002, annessi mal-kitbiet tal-partijiet.

52     Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

53     L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat jekk, meta ġiet biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellhiex proposta ta’ impriża li r-rikorrenti tgħid li kellha, ħlief għall-“Pjan ta’ żvilupp –Telf u qligħ” li kienet diġà ġiet annessa ma’ l-ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Mejju 1998.

54     Issa, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata fir-rigward ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li huma fis-seħħ fid-data li fiha l-att ġie adottat u li l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni m’għandhomx jiġu eżaminati ħlief għal dawk l-elementi li hija kellha meta stħarrġithom (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. I-2263, punt 16; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 81; tas-6 ta’ Ottubru 1999, Salomon vs Il-Kummissjoni, T-123/97, Ġabra p. II-2925, punt 48, u ta’ l-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T-126/99, Ġabra p. II-2427, punt 33). Għaldaqstant, ir-rikorrenti, sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tagħmel użu min elementi li tagħhom il-Kummissjoni ma kellhiex għarfien waqt il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31). Dan huwa wkoll rilevanti meta, bħal f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tkunx ħadet sehem fil-proċedura amministrattiva, filwaqt li hija kienet identifikata b’isimha waqt din il-proċedura bħala li kienet il-benefiċjarja ta’ l-għajnuna kkonċernata u li l-Kummissjoni kienet stiednet lill-awtoritajiet Ġermaniżi u l-eventwali partijiet interessati sabiex jirrelataw il-provi dwar in-neċessità li l-impriża TSE terġa' tinxtara (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle vs Il-Kummissjoni, T-111/01 u T-133/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 67 sa 70). Fil-fatt, ġaladarba l-Kummissjoni tkun qiegħdet lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jippreżentaw utilment l-osservazzjonijiet tagħhom, ma tistax tiġi akkużata li ma kkunsidratx l-eventwali elementi ta’ fatt li setgħu ġew ippreżentati lilha waqt il-proċedura amministrattiva, filwaqt li għal dawk li ma ġewx ippreżentati, il-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li teżamina ex ufficio billi tikkalkula liema huma l-elementi li kellhom jiġu sottomessi lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, Ġabra p. II-127, punti 48 u 49). Għaldaqstant, ma tistax tagħmel użu mill-proposta ta’ impriża magħquda ma’ l-anness tar-rikors sabiex issostni l-ilment tagħha.

55     B’din il-preċiżjoni magħmula, għandu issa jiġi rrilevat li, jekk TSE kienet imsemmija f’żewġ partijiet ta’ l-ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Mejju 1998, dawn ir-riferenzi kienu kjarament sekondarji għal dawk relatati ma’ l-operazzjoni ta’ ristrutturar tar-rikorrenti u ma jindikawx li x-xiri mill-ġdid ta’ TSE kien se jkun iffinanzjat mill-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati. Ġie wkoll indikat li s-Sur Koch kien id-direttur ta’ TSE, li tagħha kien ukoll il-fundatur. Barra minn hekk, dan id-dokument, taħt is-sezzjoni dwar il-produzzjoni ta’ Schmitz-Gotha, kien jgħid li “[m]a’ dan, il-produzzjoni ta’ vetturi tiġi organizzata b’mod partikolarment razzjonali permezz ta' l-akkwist tal-fornitur TSE u għas-separazzjoni tal-moduli ta’ kostruzzjoni [tal-vetturi] u ta’ preassemblaġġ” u li “[i]s-soċji ta’ l-impriża l-ġdida jdaħħ[lu] għarfien fil-qasam tal-produzzjoni u ta’ reengineering”. Mistoqsija speċifikament dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tispjega r-raġuni li għaliha, minkejja l-argument tagħha bbażat fuq in-neċessità tax-xiri ta’ TSE għar-ristrutturar ta’ Schmitz-Gotha, dawn iż-żewġ riferenzi biss jinstabu fl-ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Mejju 1998. Barra minn hekk, jirriżulta mit-termini ta’ l-imsemmija ittra, li reġgħu ġew ikkunsidrati mid-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri, li r-ristrutturar ta’ Schmitz-Gotha, li bdiet fl-1997, kellha tiġi milħuqa waqt is-sena 2000. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, bħal ma qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li din l-indikazzjoni kienet tidher kollha kemm hi indipendenti mix-xiri mill-ġdid ta’ TSE minn Schmitz-Gotha.

56     Fuq l-ilment tar-rikorrenti dwar il-pożizzjoni allegatament kuntraddittorja tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-għarfien tagħha ta’ l-identità tas-Sur Koch, jista' jiġi kkonstatat li, anki kif indikat fil-punt 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet taf il-konnessjonijiet personali li kienu jorbtu lis-Sur Koch ma’ TSE. Huwa ċertament veru li fil-kitbiet tagħha, il-Kummissjoni ċċarat il-grad ta’ l-għarfien tagħha ta’ dawn il-konnessjonijiet. Madankollu, f’kull każ, dawn ir-rimarki, magħmula waqt is-seduta, ma jeffettwawx il-kontenut u l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. Il-kritika tar-rikorrenti, f’dan il-każ huma għaldaqstant mingħajr effett.

57     It-tieni nett, billi bbażat ruħha fuq numru ta’ dokumenti annessi mar-rikors, jiġifieri ż-żewġ kuntratti tad-9 ta’ Ottubru 1997, il-proposta ta’ impriża, l-ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Mejju 1998, id-dokument intitolat “Żvilupp tal-fatturat ta’ Schmitz-Gotha”, il-proposta ta’ TSE fuq l-iżvilupp ta’ l-għarfien minn self esterni, kif ukoll l-ittri annessi mas-sottomissjonijiet tad-difiża u indirizzati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Awwissu 2001, fis-16 ta’ Mejju, it-28 ta’ Mejju u t-3 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrenti ssostni, sostanzjalment, li x-xiri mill-ġdid ta’ TSE, iffinanzjata mill-għajnuna kkontestata, hija konformi mal-kriterju ta’ l-“istrett minimu neċessarju”, peress li l-integrazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar fi Schmitz-Gotha kien indispensabbli sabiex tkun tista' tiżviluppa l-prodotti tagħha u ssir, b’konsegwenza ta’ dan, indipendenti u kompetittiva fuq is-suq. Ir-rikorrenti tistenna li l-Kummissjoni tissodisfa ruħha, fl-evalwazzjoni tagħha, billi tikkunsidra biss dak li seħħ fir-rigward ta’ tnaqqis mill-ispejjeż permezz tax-xiri mill-ġdid ta’ TSE minn Schmitz Gotha, mingħajr ma tqis l-integrazzjoni ta’ l-għarfien, li, skond ir-rikorrenti, tista' biss isseħħ permezz ta’ dan ix-xiri mill-ġdid.

58     Dan l-argument m’għandux lok li jintlaqa'.

59     L-ewwel nett, meta’ wieħed iqis dak li ġie konkluż fil-punt 54 hawn fuq fir-rigward tal-proposta ta’ impriża, liema proposta, peress li ġiet ippreżentata għall-ewwel darba waqt is-seduta, ma tistax tiġi kkunsidrata mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, iż-żewġ kuntratti tad-9 ta’ Ottubru 1997 u l-proposta ta’ TSE fuq l-iżvilupp ta’ l-għarfien minn istituzzjonijiet ta’ self esterni m’għandhomx jitqiesu, peress li huwa fatt li dawn l-affarijiet ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

60     Isegwi li l-allegazzjoni bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, esposta fil-punti 62 sa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, trid tiġi eżaminata billi jittieħdu biss in kunsiderazzjoni d-dokumenti li jinsabu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri l-ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Mejju 1998 (inklużi l-“Pjan ta’ żvilupp – Telf u qligħ” ta’ Schmitz-Gotha li ġie anness), id-dokument intitolat “Żvilupp tal-fatturat ta’ Schmitz-Gotha”, kif ukoll l-ittri indirizzati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Awwissu 2001 kif ukoll tas-16 ta’ Mejju, tat-28 ta’ Mejju u tat-3 ta’ Lulju 2002.

61     B’hekk, minħabba dawn id-dokumenti, għandu jiġi mfakkar li, fl-ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Mejju 1998, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja osservat, minn naħa, li l-produzzjoni ta’ vetturi minn Schmitz-Gotha kienet organizzata b’mod partikolarment razzjonali permezz tax-xiri tal-fornitur TSE u għas-separazzjoni tal-mudelli ta’ kostruzzjoni ta’ vetturi u tal-preassemblaġġ u, min-naħa l-oħra, li s-soċji ta’ l-impriża l-ġdida jġibu magħhom għarfien fil-qasam ta’ produzzjoni u ta’ “reengineering”.

62     Fl-ittra tagħhom ta’ l-10 ta’ Awwissu 2001, l-awtoritajiet Ġermaniżi esponew żewġ konsegwenzi tax-xiri mill-ġdid ta’ TSE. L-ewwel nett, huma semmew li x-xiri mill-ġdid kien jippermetti “t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż ta’ produzzjoni permezz tat-tneħħija ta’ fornitur intermedjarju u tal-marġini ta’ benefiċċju korrispondenti”. It-tieni nett, huma jaffermaw li dan ix-xiri mill-ġdid kien iwassal għall-“akkwiżizzjoni ta’ għarfien tekniku [...] li jippermetti li din tiġi rrelatata mal-produzzjoni kkonċernata u mal-kapaċitajiet ta’ żvilupp tekniku, sabiex iżżid il-kompetittività”.

63     Barra minn hekk, fl-ittra tagħhom tas-16 ta’ Mejju 2002, fir-rigward ta’ l-interess tax-xiri mill-ġdid ta’ TSE, l-awtoritajiet Ġermaniżi jippreċiżaw li “għal Schmitz-Gotha, ix-xiri ta’ TSE għandha [...] l-ewwel nett interess kunsiderevoli fir-rigward tal-pjan ta’ spejjeż”. Fejn jidħol l-għarfien, ukoll, huma jaffermaw mill-ġdid li: “Schmitz-Gotha ma kellha l-ebda mod ieħor sabiex takkwista t-teknoloġija ta’ TSE għall-produzzjoni tal-biċċiet. L-ispiża ta’ żvilupp intern tal-biċċiet u tal-produzzjoni tagħhom għal dak li tipproduċi l-impriża nnifisha hija għolja wisq fi flus u fi żmien sabiex tippreserva l-vijabbiltà ta’ Schmitz-Gotha, wisq iżjed meta din ta’ l-aħħar ma kellha kważi l-ebda għarfien fis-suġġett”.

64     Fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Mejju 2002, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet ukoll li n-natura neċessarja tax-xiri mill-ġdid ta’ TSE kien jibbaża, minn naħa, fuq il-bżonn li jinġiebu l-biċċiet ta’ vetturi awtomobilistiċi ta’ livell għoli ta’ teknoloġija u ta’ kwalità li “Schmitz-Gotha ma setgħetx [...] tixtri fi kwantità suffiċjenti biex tgawdi mill-kundizzjonijiet ta’ prezz indispensabbli għal tnaqqis fl-ispejjeż li jippermet[tulha] politika ta’ prezz iżjed kompetittiva”, u, min-naħa l-oħra, fuq iċ-ċirkustanza li Schmitz-Gotha “ma kellha l-ebda mezz ieħor li takkwista t-teknoloġija ta’ TSE għall-produzzjoni tal-biċċiet”.

65     Fl-ittra tat-3 ta’ Lulju 2002, imsejħa għal darb’oħra fis-seduta mir-rikorrenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat l-indikazzjonijiet kollha esposti hawn fuq. Hija ppreċiżat ukoll li, permezz tal-parteċipazzjoni f’TSE, il-parti tal-provvisti fl-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ Schmitz-Gotha naqqset, li x-xiri mill-ġdid kien jirrappreżenta potenzjal ta’ ekonomija, fil-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-2002, ta’ ftit inqas minn 5 000 000 DEM u lill-vijabbiltà ta’ Schmitz-Gotha ressqet għal sena qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ristrutturar li ġie kkalkulat. L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonkludew, b’mod partikolari, li x-xiri ta’ TSE kien indispensabbli sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ provvista tar-rikorrenti, li l-parteċipazzjoni biss f’TSE kienet ippermettiet lil Schmitz-Gotha biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ għarfien u li Schmitz-Gotha ma kinitx f’pożizzjoni li tinnegozja tnaqqis tad-daqs ta’ dawk mogħtija lil impriżi oħra.

66     Id-dokument intitolat “L-iżvilupp tal-fatturat ta’ Schmitz-Gotha”, flimkien ma’ l-anness tar-rikors, jesponi, taħt forma ta’ elenku, il-fatturat ta’ Schmitz-Gotha li wasal mill-bejgħ lil terzi impriżi bejn l-1997 u l-2000.

67     Jirriżulta mill-ittri ċċitati iktar ’il fuq li l-awtoritajiet Ġermaniżi, minn naħa, insistew essenzjalment fuq l-ekonomija ta’ l-ispejjeż ta’ produzzjoni li għal Schmitz-Gotha, wasslet għax-xiri ta’ TSE, billi tneħħa l-intermedjarju ta’ fornitur, u, min-naħa l-oħra, affermaw li din l-operazzjoni wasslet l-għarfien neċessarju għar-rikorrenti sabiex tiżviluppa l-prodotti tagħha.

68     Issa, permezz ta’ l-ewwel spjegazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssib, ukoll kif il-Kummissjoni ġustament tindika, li t-tali ekonomiji fl-ispejjeż ma jurux li r-ristrutturar ta’ Schmitz-Gotha ma kinitx tirnexxi fiż-żmien inizjalment previst, fin-nuqqas tax-xiri ta’ TSE, jiġifieri, b’mod definittiv, permez ta’ investimenti inqas għoljin minn riżorsi ta’ l-Istat. B’mod partikolari, iċ-ċirkustanza msemmija fl-ittra tat-3 ta’ Lulju 2002, iċċitata iktar ’il fuq, li minnha tagħmel użu r-rikorrenti, li tgħid li Schmitz-Gotha setgħet toħloq it-tali ekonomiji bejn l-1998 u l-2002, jiġifieri wara l-għoti ta’ l-għajnuna kkontestata, ma tikkostitwixxix il-prova li x-xiri mill-ġdid ta’ TSE mir-rikorrenti kienet strettament neċessarja għar-ristrutturar ta’ Schmitz-Gotha u, barra minn hekk, li din l-operazzjoni setgħet tiġi ffinanzjata b’għajnuna mill-Istat.

69     Fir-rigward ta’ l-integrazzjoni ta’ l-għarfien ta’ TSE fl-attivitajiet tar-rikorrenti, jirriżulta mill-ittri ċċitati iktar ’il fuq li l-awtoritajiet Ġermaniżi ħadu l-ħsieb li jaffermaw li n-natura neċessarja tax-xiri mill-ġdid ta’ TSE, mingħajr madankollu jispjegaw għaliex l-irkupru ta’ TSE kien strettament bżonnjuż sabiex jintlaħaq it-tali riżultat, skond il-punt 3.2.2, Ċ, tal-linji gwida. Fil-fatt, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma spjegawx għaliex l-iżjed mezz ekonomiku fil-qasam ta’ l-użu tal-fondi pubbliċi għax-xiri ta’ l-għarfien neċessarju għall-iżvilupp tal-biċċiet ta’ vetturi awtomobilistiċi ta’ Schmitz-Gotha kien jikkonsisti li jiġi ffinanzjat ix-xiri ta’ TSE kollu.

70     Huwa ċertament veru, kif tissuġġerixxi wkoll ir-rikorrenti, li, fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tanalizza fil-qosor l-argument ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi li jgħid li x-xiri ta’ TSE kien neċessarju biex jippermetti lil Schmitz-Gotha tikseb l-għarfien fuq l-iżvilupp tal-biċċiet ta’ vetturi awtomobilistiċi.

71     Madankollu, barra li din il-kwistjoni ma tirriżultax mill-analiżi ta’ allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni iżda minn nuqqas ta’ motivazzjoni eventwali, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, sostanzjalment, li, f’kull każ, ix-xiri mill-ġdid ta’ TSE ma kienx neċessarju biex tiġi żgurata kooperazzjoni tajba ma din l-impriża safejn, b’mod partikolari, is-Sur Koch, bħala direttur komuni ta’ Schmitz-Gotha u ta’ TSE u azzjonist maġġoritarju ta’ din ta’ l-aħħar, seta' normalment jakkwista kundizzjonijiet ta’ xiri aħjar minn TSE.

72     Barra minn hekk, mhijiex milqugħa l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li kienet fl-impossibbiltà li takkwista l-għarfien neċessarju taħt forma ta’ għoti ta’ servizzi esterni, minħabba l-ispejjeż eċċessivi li servizzi ta’ dan it-tip iwasslu u li wieħed jista' jsib fil-proposta ta’ TSE, tas-17 ta’ Awwissu 1997, ibbażata fuq l-iżvilupp ta’ l-għarfien minn nies esterni, li jinsabu fl-anness tar-rikors.

73     Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-kontroll tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti li tinstab f’dan l-anness ma tistax tiġi kkunsidrata mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punt 59 hawn fuq). Barra minn hekk, anki li kieku kellu jitqies li dan id-dokument seta’ jittieħed in kunsiderazzjoni, mhuwiex madankollu, minnufih, biżżejjed biex jintwera li x-xiri ta’ TSE kollu kemm hu kien strettament neċessarju sabiex tippermetti lir-rikorrenti li tikseb l-għarfien neċessarju għar-ristrutturar, skond il-punt 3.2.2, Ċ, tal-linji gwida.

74     Fl-aħħar, fir-rigward tad-dokument intitolat “L-iżvilupp tal-fatturat ta’ Schmitz-Gotha”, ukoll anness mar-rikors, jekk dan id-dokument jindika, b’ċertezza, li dan il-fatturat żdied b’mod kunsiderevoli waqt il-perijodu 1997/2000, dan ma jistabbilixxix għaldaqstant, minnufih, la rabta bejn dan it-tkabbir u l-akkwist ta’ TSE u l-anqas a fortiori l-bżonn tax-xiri mill-ġdid ta’ TSE għar-ristrutturar tar-rikorrenti, skond il-punt 3.2.2, Ċ, tal-linji gwida. Isegwi li, anki li kieku wieħed kellu jonqos milli janalizza speċifikament dan id-dokument fid-deċiżjoni kkontestata, il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex ivvizzjata bi żball manifest.

75     Barra minn dak li qalet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssib li, fid-dokumenti kollha ċċitati iktar ’il fuq li kienu disponibbli meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Ġermaniżi fl-ebda mument ma spjegaw b’mod preċiż it-tip ta’ għarfien li minnha setgħet tibbenefika Schmitz-Gotha permezz tax-xiri ta’ TSE.

76     Isegwi li, mill-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma wasltix biex turi li din id-deċiżjoni kienet effettwata minn żball manifest ta’ kunsiderazzjoni, peress li qieset li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma pprovawx il-bżonn tax-xiri mill-ġdid ta’ TSE għar-ristrutturar ta’ Schmirz-Gotha, skond il-punt 3.2.2, Ċ, tal-linji gwida.

77     L-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter

 L-argumenti tal-partijiet

78     Ir-rikorrenti ssostni sostanzjalment li d-deċiżjoni kkontestata tixhed abbuż ta’ poter safejn, meta ġiet deċiża s-sentenza, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet suġġettivi.

79     Iżjed preċiżament, hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bil-għan li twaqqaf l-allegat arrikkiment tas-Sur Koch, li seta' aġixxa għall-profitt tiegħu nnifsu, billi għamel użu minn fondi pubbliċi biex jixtri impriża li kienet tiegħu diġà. Hija ssostni li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma qisitx il-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt li jirrigwardaw il-bżonn li TSE tinxtara lura għas-suċċess tar-ristrutturar ta’ Schmitz-Gotha. 

80     Il-Kummissjoni terġa' tgħid li dan il-motiv ma jistax jiġi sostanzjat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

81     Skond il-ġurisprudenza, deċiżjoni ma tiġix effettwata minn abbuż ta’ poter ħlief jekk din tidher, abbażi ta’ indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u li jaqblu, li ttieħdet taħt l-għan ewlieni, jew ftit jew wisq determinanti, li tikseb finalitajiet lil hinn minn dawk li ġew eċċepiti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 1990, Pitrone vs Il-Kummissjoni, T-46/98, Ġabra p. II-577, punt 71, u tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-92/00 u T-103/00, Ġabra p. II-1385, punt 84).

82     Issa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sabiex issostni l-argument tagħha, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda indikazzjoni oġġettiva li tippermetti li jiġi konkluż li l-veru għan segwit mill-Kummissjoni, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, kien dak li twaqqaf l-allegat arrikkiment tad-direttur ta’ Schmitz-Gotha.

83     Fil-punt 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret il-partikolarità ta’ l-operazzjoni kkonċernata, billi sabet sostanzjalment li s-Sur Koch, li kien azzjonist tar-rikorrenti u l-uniku direttur tagħha, biegħilha impriża li kien imexxi u li kienet tiegħu diġà u li kien ressaq l-ispiża fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja permezz ta’ l-intervent ta’ l-għajnuna kkontestata.

84     Madankollu, anki kif ġie espost hawn fuq fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni ta’ l-ewwel argument imressaq mir-rikorrenti, jirriżulta b’mod ċar fil-punti 63 u 64 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq elementi oġġettivi biex tikkonstata li l-kundizzjonijiet previsti mill-punt 3.2.2, Ċ, tal-linji gwida ma ġewx sodisfatti f’dan il-każ.

85     Għaldaqstant, it-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, imressaq sussidjarjament, ibbażat fuq żball tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-ammont ta’ għajnuna li jrid jiġi rrestitwit

 L-argumenti tal-partijiet

86     Skond ir-rikorrenti, anki li kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkunsidra x-xiri mill-ġdid ta’ TSE bħala inkompatibbli mas-suq komuni, huwa biss ammont ta’ 1 500 000 DEM li jista' jiġi rkuprat. Ir-rikorrenti ssostni li parti mill-prezz tax-xiri, madwar 700 000 DEM, ma tiksirx ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, minħabba n-nuqqas tar-riskju ta’ telf. Jirriżulta, b’mod partikolari skond hi, mill-assi preżenti fil-kontabbiltà ta’ Schmitz-Gotha, bħall-kapital, il-benefiċċji disponibbli u l-eċċess annwali akkumulat li hija għandha u li tista' toħroġ immedjatament.

87     Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-pretensjonijiet tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

88     Kif ġie wkoll indikat preċedentement, il-kunsiderazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna kkontestata tibbaża ruħha fuq il-bżonn eventwali tagħha li tirristruttura l-impriża kkonċernata. Kontra dak li ssostni r-rikorrenti, ir-riskju li jolqot l-investiment kkonċernat jikkostitwixxi element li jinsab barra minn din il-kwistjoni. Iċ-ċirkustanza li l-għajnuna kkontestata setgħet tiffinanzja investiment li ma rriżultax li kien riskjuż m’huwiex għalhekk rilevanti f’dan il-każ.

89     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skond il-punt 3.2.2, Ċ, tal-linji gwida, “[b]iex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi evitat li l-għajnuna ma tingħatax taħt forma li twassal l-impriża teħles minn likwidità eċċessiva li hija tista' tuża għal attività aggressiva li tista' tipprovoka distorsjoni fis-suq u li ma tkunx marbuta mal-proċess ta’ ristrutturar”. Issa, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ikkonċernat, kull irkupru parzjali ta’ l-għajnuna li hija inkompatibbli kien ifisser probabbiltà li Schmitz-Gotha kienet teħles mil-likwidità eċċessiva tagħha fis-sens tal-punt 3.2.2 tal-linji gwida. Għandha għalhekk raġun il-Kummissjoni li teżiġi, fil-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata, l-irkupru ta’ l-ammont ta’ 2 200 000 DEM.

90     Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

91     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandu jbati l-ispejjeż.

Legal

Lindh

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

 

      Vadapalas

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-6 ta' April 2006.

E. Coulon

 

       H. Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.